Language of document : ECLI:EU:T:2012:112

Kawża T-221/10

Iberdrola, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ din l-iskema mingħajr ma hija milquta mill-obbligu ta’ rkupru — Impriża li ma okkupatx pożizzjoni ta’ negozjatur matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Distinzjoni bejn interess individwali u interess ġuridiku

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikors għal annullament kontra deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iddikjarat bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali — Possibbiltà li jiġi propost lill-qorti nazzjonali li tipproċedi b’rinviju għal deċiżjoni preliminari

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att regolatorju li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali u ssemmi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni — Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

1.      Bħala prinċipju, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis‑settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Madankollu, peress li l-impriża rikorrenti ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, din l-impriża hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

Impriża tista’, ċertament tkun ukoll individwalment ikkonċernata minħabba l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-inkompattibbiltà meta hija tokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li poġġietha f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. Madankollu, jekk hija sempliċement tippreżenta osservazzjonijiet, bħall-partijiet interessati oħra u tipparteċipa, bħal terzi interessati oħrajn, f’laqgħa, tali ċirkustanzi ma humiex tali li juru li kienet tokkupa pożizzjoni ta’ negozjar li tippermettilha li jiġi rrikonoxxut li għandha interess individwali.

(ara l-punti 25, 26, 34, 35)

2.      Għalkemm l-interess ġuridiku jista’ jiġi stabbilit permezz, b’mod partikolari, tal-azzjonijiet mibdija quddiem il-qorti nazzjonali wara l-preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, l-interess individwali ta’ persuna fiżika jew ġuridika huwa evalwat fil-jum tal-preżentata tar-rikors u jiddependi biss fuq id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, persuna kkonċernata individwalment minn deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni tibqa’ tali anki jekk sussegwentement jirriżulta li l-irkupru mhux ser jintalab lilha.

(ara l-punt 40)

3.      L-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li minnhom jagħmlu parti d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Meta l-Qorti Ġenerali tiddikjara bħala inammissibbli rikors għal annullament ta’ impriża kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni iżda ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna, xejn ma jipprekludi din l-impriża milli tissuġġerixxi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-kawżi eventwali quddiem qorti nazzjonali, sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, biex tiġi mminata l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn hija tikkonstata l-inkompatibbilta tal-iskema kkontestata. F’tali sitwazzjoni, l-impriża ma hija bl-ebda mod miċħuda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 43)

4.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali u li ssemmi l-eżistenza ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jimplementawha, li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti nazzjonali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 45-47)