Language of document : ECLI:EU:C:2024:446

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C432/23

F,

Ordre des Avocats du Barreau de Luxembourg

vs

Administration des contributions directes

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu))

“Rinviju għal domanda preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Direttiva 2011/16/UE – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali – Artikolu 5 – Artikolu 6 – Artikolu 18 – Talba għal informazzjoni mill-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor – Ordni għall-għoti ta’ informazzjoni maħruġa mill-awtorità fiskali rikjesta – Għoti ta’ dokumenti minn avukat – Sigriet professjonali ta’ avukat – Proporzjonalità tal-għoti ta’ dokumenti relatati mas-servizzi pprovduti fil-qasam ta’ pariri dwar id-dritt tal-kumpanniji”






I.      Introduzzjoni

1.        L-iżgurar tal-infurzar tat-taxxa regolari u legali f’dinja gglobalizzata jeħtieġ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali. Huwa għalhekk li, permezz tad-Direttiva 2011/16/UE (2), il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa bażi legali għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-direttiva tipprevedi l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni.

2.        Madankollu, tali skambju ta’ informazzjoni u l-miżuri investigattivi relatati jwasslu wkoll għal interferenzi fid-drittijiet fundamentali tal-kontribwenti kkonċernati li huma meħtieġa jikkommunikaw informazzjoni. Huwa għalhekk li, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tindirizza b’mod iktar frekwenti l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16 (3).

3.        Il-kwistjoni li tqum issa f’talba għal deċiżjoni preliminari Lussemburgiża hija dik dwar jekk, u f’liema kundizzjonijiet l-awtorità fiskali tista’ tirrikorri għal avukat fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat l-importanza tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u klijent fil-kuntest tal-obbligu ta’ rapportar (4) għall-arranġamenti fiskali transkonfinali (5).

4.        F’din il-kawża, hija possibbli li titkompla l-konkretizzazzjoni tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati (iktar ’il quddiem is-“sigriet professjonali tal-avukati”). B’mod partikolari, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-pariri legali jew ir-rappreżentanza fil-qasam fiskali jistgħux, b’mod ġenerali, jiġu esklużi mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati fid-dritt tal-Unjoni, kif jipprevedi d-dritt Lussemburgiż.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba huwa rregolat mit-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/16. L-Artikolu 1(1) jistipula li:

“(1)      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta’ informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.”

6.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b’riżultat ta’ indaġnijiet amministrattivi.”

7.        Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/16 jinkludi regoli dwar investigazzjonijiet eventwali fl-Istat mitlub:

“1.      L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta’ kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.      It-talba msemmija fl-Artikolu 5 jista’ jkun fiha talba motivata għal indaġni amministrattiva speċifika. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-opinjoni li ma tkun meħtieġa l-ebda indaġni amministrattiva, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

3.      Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta’ awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.”

8.        L-Artikoli 16 et seq. tad-Direttiva 2011/16 jipprovdu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kooperazzjoni amministrattiva. L-Artikolu 17(1) u (4) tad-Direttiva 2011/16 jipprovdi:

“1.      Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha.

[…]

4.      L-għoti ta’ informazzjoni jista’ jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.”

9.        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/16 jipprovdi:

“(1)      Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista’ ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m’għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f’tali informazzjoni.

(2)      Fl-ebda każ m’għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta’ Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta’ aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta’ persuna.”

B.      Iddritt Lussemburgiż

10.      L-Artikolu 177 tal-Loi générale des impôts du 22 mai 1931 (il-Liġi Ġenerali dwar it-Taxxi tat‑22 ta’ Mejju 1931; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Fiskali Lussemburgiż”) jipprovdi essenzjalment:

“(1)      L-informazzjoni tista’ tiġi rrifjutata wkoll minn:

1.      id-difiża u l-avukati, sa fejn huma jkunu eżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kawżi kriminali;

2.      it-tobba fir-rigward ta’ informazzjoni fdata lilhom fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom,

3.      l-avukati fir-rigward ta’ informazzjoni fdata lilhom fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom;

4.      l-assistenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 3 fir-rigward tal-fatti li kienu jafu bihom fil-kapaċità tagħhom.

(2)      Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-persuni msemmija fit-tielet u fir-raba’ punt, sa fejn dawn huma fatti li huma saru jafu bihom fil-kuntest ta’ pariri legali jew ta’ rappreżentazzjonijiet fil-qasam fiskali, ħlief fil-każ ta’ mistoqsijiet li tweġiba affermattiva jew negattiva tagħhom tesponi lill-mandanti tagħhom għal riskju ta’ prosekuzzjoni.”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

11.      Fit‑28 ta’ Ġunju 2022, id-Directeur de l’administration des contributions directes (id-Direttur tal-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti, il-Lussemburgu) adotta deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ordni”) indirizzata lis-Société en commandite simple F (is-soċjetà in akkomandita sempliċi F, iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), li kien ifformulat, essenzjalment, kif ġej:

“[…] l-awtorità kompetenti tal-awtorità fiskali Spanjola ressqet talba għal informazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 […]

Il-persuna ġuridika li għaliha tirrelata t-talba hija l-kumpannija Spanjola K […]

Għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2019 nitolbuk tissottometti l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin sa mhux iktar tard mit‑3 ta’ Awwissu 2022:

— Jekk jogħġbok ipprovdilna, għall-perijodu kkonċernat, id-dokumenti kollha disponibbli (ittra ta’ ordni, kuntratti mal-klijent, rapporti, memoranda, komunikazzjonijiet, fatturi, eċċ.) dwar is-servizzi pprovduti mill-[kumpannija F tiegħek] lill-kumpannija Spanjola [K] fil-kuntest:

1.      tal-akkwist ta’ 80 % tal-ishma f’[N] mill-grupp ta’ investiment [O] fl‑2015 (in-Nru tal-fattura […]);

2.      l-akkwist ta’ impriża Spanjola oħra mill-grupp fl‑2018 (in-Nru tal-fattura […]);

— Ipprovdi deskrizzjoni ddettaljata tal-iżvolġiment tat-tranżazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, mill-ordni tas-servizzi tal-kumpannija [F] sal-għeluq tagħhom, kif ukoll spjegazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn it-tranżazzjonijiet, lista tal-interlokuturi tagħhom (bejjiegħa, xerrejja u terzi) u l-fatturi; […]”

12.      Permezz ta’ posta elettronika tat‑8 ta’ Lulju 2022, ir-rikorrenti informat lill-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti li hija kienet qiegħda taġixxi bħala avukat li jagħti pariri legali lill-grupp li minnu tifforma parti l-kumpannija K. Għaldaqstant, huwa legalment impossibbli għaliha li tiżvela informazzjoni li tikkonċerna l-klijent tagħha, peress li din hija koperta mis-sigriet professjonali tagħha.

13.      Permezz ta’ ittra rreġistrata tat‑8 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrenti tenniet il-pożizzjoni tagħha billi ppreċiżat li, fil-każ ikkonċernat mid-deċiżjoni, il-mandat tagħha ma kienx ta’ natura fiskali, iżda kien jikkonċerna esklużivament id-dritt tal-kumpanniji.

14.      Permezz ta’ ittra rreġistrata tad‑19 ta’ Awwissu 2022, id-Direttur tal-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Diretti informa lir-rikorrenti li din it-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti. Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2022, hija imponiet fuq ir-rikorrenti multa għan-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni ta’ ordni.

15.      Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali permezz ta’ rikors għal intervent quddiem l-Ordre des Avocats du Barreau de Luxembourg (il-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu). Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Frar 2023, it-Tribunal administratif (it-Tribunal Amministrattiv, il-Lussemburgu) ċaħad ir-rikors u l-intervent.

16.      Permezz ta’ atti ppreżentati fl‑10 u fit‑13 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrenti u l-Kamra tal-Avukati appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu).

IV.    Talba għal deċiżjoni preliminari

17.      Il-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva), li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)      Parir legali li jingħata minn avukat fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji – f’dan il-każ bil-għan li titwaqqaf struttura korporattiva ta’ investiment – jaqa’ fl-ambitu tal-protezzjoni msaħħa tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom mogħtija mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li jintalab jipprovdi informazzjoni, li tingħata b’risposta għal talba ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba abbażi tad-[Direttiva 2011/16], u li tordna lill-avukat jipprovdi lil dak l-Istat Membru ieħor, b’mod ġenerali, id-dokumenti kollha disponibbli relatati mar-relazzjoni tiegħu mal-klijent tiegħu, deskrizzjoni ddettaljata tat-tranżazzjonijiet li jkun ta l-parir legali tiegħu dwarhom, spjegazzjoni tal-involviment tiegħu f’dawn il-proċessi u l-identità tal-interlokuturi tiegħu, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, id-Direttiva 2011/16 hija konformi mal-Artikoli 7 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn, lil hinn mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 17 tagħha, ma fiha ebda dispożizzjoni li formalment tippermetti l-indħil fil-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom fil-kuntest tas-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba u li tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, is-sistema li tistabbilixxi d-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati (jew ta’ ditta legali) bħala terzi li għandhom informazzjoni fil-pussess tagħhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba li tistabbilixxi d-Direttiva 2011/16, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet speċifiċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tas-sigriet professjonali tagħhom, tista’ tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ kull Stat Membru li jirregolaw id-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati, bħala terzi, f’investigazzjoni fiskali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt fiskali intern, skont ir-rinviju li jseħħ taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva?

5)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, sabiex tkun konformi mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dispożizzjoni legali nazzjonali li tistabbilixxi s-sistema ta’ dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati bħala terzi li għandhom informazzjoni fil-pussess tagħhom, bħal dik li tapplika f’dan il-każ, għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċjali li:

– jiżguraw l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu; u

– jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-obbligu ta’ kollaborazzjoni tal-avukati jkun limitat għal dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2011/16?

6)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, il-kundizzjonijiet speċifiċi, li jfittxu li jiżguraw li l-kollaborazzjoni tal-avukati f’investigazzjoni fiskali tkun limitata għal dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2011/16, għandhom jinkludu l-obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jintalab jipprovdi informazzjoni li:

– twettaq verifika msaħħa dwar jekk l-Istat Membru li jitlob l-informazzjoni jkunx effettivament eżawrixxa minn qabel is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li huwa seta’ juża sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jissogra li jqiegħed dawn l-għanijiet fil-perikolu li ma jintlaħqux, skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16; u/jew

– tkun ikkuntattjat, minn qabel, iżda għal xejn, lil dawk li jista’ jkollhom informazzjoni fil-pussess tagħhom sabiex, fejn ma jibqax iktar xi jsir, tkun tista’ tikkuntattja avukat fil-kapaċità tiegħu ta’ xi ħadd li jista’ jkollu informazzjoni fil-pussess tiegħu; u/jew

– twieżen, f’kull każ individwali, bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, b’mod li deċiżjoni li tordna li tiġi pprovduta informazzjoni tista’ validament tingħata fil-konfront ta’ avukat biss jekk jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet addizzjonali, bħar-rekwiżit li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-verifika li tkun għadha għaddejja fl-Istat li jitlob l-informazzjoni jew ikun hemm imnejn li jsiru ta’ ċertu sinjifikat jew inkella li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt kriminali?

18.      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti, il-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V.      Analiżi ġuridika

19.      Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari sa fejn id-domandi magħmula ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss id-dritt Lussemburgiż. Raġunament bħal dan ma jwassalx biex jikkonvinċini. Id-domandi magħmula mill-qorti Lussemburgiża jirrigwardaw espressament l-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari (6).

A.      Fuq lewwel żewġ domandi preliminari

20.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk deċiżjoni ta’ ordni meħuda fir-rigward ta’ avukat, bħala detentur ta’ informazzjoni, fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, tippreġudikax id-dritt għall-osservanza tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) jew jekk ċerti oqsma, bħall-pariri dwar id-dritt tal-kumpanniji, huma esklużi minnhom.

1.      Fuq ilportata talprotezzjoni tassigriet professjonali talavukati

21.      L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tinterpreta l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandha, għalhekk, tapplika wkoll l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) bħala standard ta’ protezzjoni minima (7).

22.      L-Artikolu 8(1) tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jagħtu protezzjoni partikolari lis-sigriet professjonali tal-avukati. Dan huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-fatt li, f’soċjetà demokratika, l-avukati jingħataw missjoni fundamentali, jiġifieri d-difiża tal-partijiet fil-kawża (8). Minn dan isegwi, minn naħa, li l-individwu għandu jkun jista’ jindirizza ruħu bil-libertà kollha lil avukat sabiex jikseb mingħand dan tal-aħħar parir legali indipendenti.

23.      Min-naħa l-oħra, l-avukat għandu jkun leali fil-konfront tal-klijent tiegħu (9). Li tkun teżisti kunfidenzjalità fil-komunikazzjoni mal-klijent huwa parti essenzjali mill-attività professjonali ta’ avukat. Il-klijent jista’ raġonevolment jistenna li din il-komunikazzjoni tibqa’ privata u kunfidenzjali (10). Jekk il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni ma tkunx żgurata, ma tista’ tinħoloq l-ebda fiduċja (11). Huwa għalhekk, li s-sigriet professjonali ma huwiex biss dritt fundamentali, iżda wkoll obbligu fundamentali tal-avukati (12).

24.      Fl-aħħar nett, l-avukati ma humiex biss rappreżentanti ta’ interessi tal-klijent tagħhom, iżda wkoll korpi indipendenti tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja (13). Għalhekk, is-sigriet professjonali tal-avukati jipproteġi, mhux biss l-interessi individwali tal-avukati u tal-klijenti tagħhom, iżda wkoll l-interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt. Fil-fatt, il-protezzjoni partikolari tas-sigriet professjonali tal-avukati tirriżulta wkoll mill-prinċipju tal-Istat tad-dritt li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 2 TUE.

25.      Minn dan isegwi, li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati hija kompletament iggarantita mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (14). L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipproteġi s-sigriet professjonali tal-avukati fil-kuntest ta’ kull parir legali, kemm fir-rigward tal-kontenut kif ukoll tal-eżistenza ta’ dawn il-pariri legali (15).

26.      Dan jeskludi distinzjoni bejn l-oqsma differenti tal-liġi, kif għamel hawnhekk il-Lussemburgu, fid-determinazzjoni tal-qasam tal-protezzjoni, b’tali mod li l-parir legali huwa protett ukoll fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji u tal-liġi fiskali. B’mod konkret, parir legali sabiex tiġi stabbilita struttura ta’ investiment li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, huwa għalhekk inkluż ukoll fil-qasam tal-protezzjoni.

27.      Fl-aħħar nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali japplika wkoll. F’dan il-każ, ir-rikorrenti u l-persuni taxxabbli huma kumpanniji. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-persuni ġuridiċi jistgħu jinvokaw il-protezzjoni mogħtija mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biss sa fejn l-isem tal-persuna ġuridika jidentifika persuna fiżika waħda jew iktar” (16), din id-distinzjoni tikkonċerna biss l-ipproċessar ta’ data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (17).

28.      Min-naħa l-oħra, il-persuni ġuridiċi jistgħu wkoll jinvokaw id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (18). L-istess għandu japplika, iktar u iktar, għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet u, b’mod iktar partikolari, għas-sigriet professjonali tal-avukati iggarantit ukoll mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, dak li għandu jkun determinanti huwa jekk dritt fundamentali huwiex, min-natura tiegħu stess, applikabbli wkoll għall-kumpanniji. Dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati. Fil-fatt, hija r-relazzjoni partikolari ta’ fiduċja bejn l-avukat u l-klijent tiegħu li hija protetta. Din teżisti wkoll bejn l-avukati fi ħdan kumpannija u l-klijenti jew il-korpi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-forma legali li fiha jaġixxi l-avukat jew il-klijent tiegħu ma hijiex rilevanti.

29.      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija li l-pariri legali mogħti minn kumpannija ta’ avukati fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, f’dan il-każ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ struttura ta’ investiment li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji, jaqgħu taħt il-kamp ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.      Fuq ilksur talArtikolu 7 talKarta tadDrittijiet Fundamentali middeċiżjoni ta’ ordni

30.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk deċiżjoni ta’ ordni lil avukat, bħala detentur ta’ informazzjoni, sabiex jipproduċi ċerti dokumenti, tikkostitwixxix indħil fis-sigriet professjonali tal-avukati protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

31.      F’dan il-każ, l-awtorità fiskali Lussemburgiża teżiġi mir-rikorrenti “d-dokumenti kollha disponibbli” relatati mas-servizzi li hija pprovdiet lill-klijent tagħha (il-kumpannija K) fil-kuntest tal-akkwist ta’ żewġ impriżi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandha, b’mod partikolari, l-għan li tipprovdi “deskrizzjoni dettaljata tal-iżvolġiment” tal-imsemmija tranżazzjonijiet, inklużi l-persuni involuti.

32.      Għaldaqstant, jekk ir-rikorrenti ssegwi d-deċiżjoni ta’ ordni, l-awtorità fiskali Lussemburgiża neċessarjament issir taf, fil-parti l-kbira, bil-kontenut tal-pariri legali bejn ir-rikorrenti u l-kumpannija K. Minn dan isegwi, li d-deċiżjoni ta’ ordni tippreġudika d-dritt għall-osservanza tal-kunfidenzjalità fil-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

33.      Barra minn hekk, iseħħ intervent ieħor jekk l-awtorità fiskali Lussemburgiża sussegwentement tiskambja l-informazzjoni miksuba permezz tad-deċiżjoni ta’ ordni mal-awtorità fiskali Spanjola. Fil-fatt, dan jippermetti wkoll lill-awtorità fiskali Spanjola li tkun taf l-eżistenza u l-kontenut tal-pariri legali.

34.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari hija li deċiżjoni ta’ ordni tal-awtorità fiskali fir-rigward ta’ kumpannija ta’ avukati, fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba li permezz tagħha din l-awtorità teżiġi d-dokumenti kollha relatati mal-pariri legali ta’ klijent u mal-parteċipazzjoni fihom, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-osservanza tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

35.      Fil-fatt, sabiex tingħata risposta utli, għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika wkoll, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-impożizzjoni tal-multa għan-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni ta’ ordni, jekk l-indħil tal-awtorità fiskali Lussemburgiża huwiex iġġustifikat. Dan jippresupponi, b’mod partikolari, deċiżjoni ta’ ordni legali (19). Il-Kummissjoni ġustament esprimiet id-dubji tagħha f’dan ir-rigward. Fil-fatt, peress li d-deċiżjoni ta’ ordni eżiġiet “id-dokumenti kollha disponibbli”, pereżempju, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ma tidhirx ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni (20).

B.      Fuq ittielet u rraba’ domanda preliminari

36.      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom ukoll jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, min għandu d-dritt u l-obbligu li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet materjali u formali li fihom l-indħil fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jista’ legalment iseħħ fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istat Membru, f’dan il-każ, il-Lussemburgu. Għalhekk, din hija r-responsabbiltà tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati.

37.      Il-kwistjoni tqum għaliex, fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2011/16, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu li jipprevedi li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni tista’ tiġi rrifjutata meta din twassal għall-iżvelar ta’ sigriet professjonali. Il-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubji dwar jekk din id-dispożizzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kieku dan ma kienx il-każ, id-Direttiva 2011/16 tista’ tkun invalida f’dan ir-rigward.

38.      Madankollu, dan jippreżumi li d-Direttiva 2011/16 stess tinterferixxi mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kull direttiva għad trid tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali. Bħala prinċipju, huwa biss dan id-dritt nazzjonali ta’ traspożizzjoni li jipproduċi effett dirett fir-rigward tal-persuni kkonċernati. Konsegwentement, l-indħil fid-drittijiet fundamentali huwa prinċipalment imputabbli lill-Istat Membru, jiġifieri, f’dan il-każ, fil-Lussemburgu.

39.      Madankollu, meta direttiva ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha lill-Istat Membru, l-indħil ma huwiex imputabbli lilu, iżda lil-leġiżlatur tal-Unjoni. Id-dritt tal-Unjoni jkun, għalhekk, diġà kuntrarju għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Bħala eżempju, jista’ jsir riferiment għall-obbligu ta’ rapportar għall-arranġamenti fiskali transkonfinali, invokat minn diversi partijiet ikkonċernati, li l-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa permezz tal-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16. Ċertament, din id-dispożizzjoni teħtieġ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali sabiex tipproduċi effett dirett fir-rigward tal-intermedjarji kkonċernati. Issa, sa fejn l-Istati Membri ma jżommu ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni f’dan ir-rigward, l-intervent tad-drittijiet fundamentali jirriżulta b’mod definittiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Minn dan isegwi, li dan huwa obbligat jipproteġi s-sigriet professjonali tal-avukati. Peress li dan ma kienx suffiċjentement il-każ tal-avukati intermedjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala invalida t-tieni sentenza tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 (21).

40.      F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, dawn huma miżuri ta’ investigazzjoni meħuda fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5, mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2011/16 jirriżulta li l-awtorità rikjesta Lussemburgiża tista’ tkun obbligata twettaq investigazzjonijiet amministrattivi. Issa, il-miżuri investigattivi konkreti huma rregolati mid-dritt proċedurali nazzjonali (Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/16). Bl-istess mod, l-awtorità fiskali Lussemburgiża adottat id-deċiżjoni ta’ ordni lir-rikorrenti abbażi tad-dritt proċedurali Lussemburgiż.

41.      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi, f’dan il-każ, miżuri investigattivi nazzjonali u, għaldaqstant, indħil fid-drittijiet fundamentali. Issa, il-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-veru sens tal-kelma jitwettaq biss mid-dritt Lussemburgiż, adottat fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/16, u mid-deċiżjoni ta’ ordni tat‑28 ta’ Ġunju 2022 abbażi tagħha. Huwa għalhekk, li l-Lussemburgu, li jimplimenta d-dritt tal-Unjoni waqt it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16 u, għalhekk, huwa marbut bid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (22) skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiżgura l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

42.      L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2011/16 iħalli lill-Istat Membru mitlub il-libertà neċessarja għal dan l-għan. B’mod partikolari, l-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali ma għandhiex tiġi kkomunikata. Barra minn hekk, id-Direttiva, bħala Stat Membru mitlub, ma timponix fuq il-Lussemburgu l-obbligu li jwettaq riċerki li huma inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2011/16). Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma hemmx dubji dwar il-validità tad-Direttiva 2011/16.

43.      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Lussemburgu u Spanja, ir-rabta tad-Direttiva mad-dritt proċedurali nazzjonali ma hijiex fiha nnifisha mingħajr problemi. L-obbligu ta’ rapportar għall-arranġamenti fiskali transkonfinali jista’ min-naħa tiegħu jservi bħala eżempju (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 39 iktar ’il fuq). Ċertament, bħall-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2011/16, l-Artikolu 8ab(5) tagħha jagħti wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeżentaw lill-intermedjarji mill-obbligu ta’ rapportar meta, fin-nuqqas ta’ dan, id-dritt nazzjonali jikser obbligu legali ta’ kunfidenzjalità. Issa, b’dan il-mod, il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati titlef is-sustanza tagħha jekk il-liġijiet nazzjonali ma jipprevedux tali obbligu ta’ kunfidenzjalità.

44.      Dan jidher ukoll f’din il-kawża: peress li, skont l-Artikolu 177(2) tal-Kodiċi Fiskali Lussemburgiż, id-dritt għal silenzju għall-avukati fil-qasam fiskali ma huwiex applikabbli, il-Lussemburgu ma jistax jeżenta lill-avukati mill-obbligu ta’ rapportar tagħhom skont l-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16. Il-kwistjoni dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tidher għalhekk dubjuża.

45.      Ir-risposta għat-tielet domanda hija, għalhekk, li d-Direttiva 2011/16 hija kompatibbli mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, anki jekk ma tinvolvi ebda dispożizzjoni, lil hinn mill-Artikolu 17(4), li tawtorizza espressament indħil fil-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba u li tiddetermina hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat.

46.      Ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari hija li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru tista’ u għandha tirregola l-kundizzjonijiet, il-portata u l-limiti tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati fil-pussess ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba skont id-Direttiva 2011/16.

C.      Fuq ilħames u ssitt domanda preliminari

47.      Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda preliminari tagħha, li għandhom ukoll jiġu risposti flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment u b’mod pjuttost astratt, dwar ir-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola d-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati bħala detenturi ta’ informazzjoni sabiex din tkun kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

48.      Din id-domanda għandha bħala sfond il-fatt li d-dritt tas-silenzju tal-avukati, previst fl-Artikolu 177(2) tal-Kodiċi Fiskali Lussemburgiż, ma japplikax għall-fatti li huma kienu jafu bihom fil-kuntest ta’ pariri legali jew ta’ rappreżentanza fil-qasam fiskali. Id-deroga tapplika biss fil-każ ta’ kwistjonijiet li fihom il-klijenti tal-avukati jkunu esposti għal riskju ta’ proċeduri kriminali, kemm jekk fl-affermattiv u kemm jekk fin-negattiv.

49.      Kif diġà esponejt, kull obbligu għal avukat li jipprovdi informazzjoni dwar relazzjoni ta’ mandat iwassal għal indħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-kwistjoni deċiżiva hija għalhekk jekk, u f’liema kundizzjonijiet, tali preġudizzju jista’ jiġi ġġustifikat. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għandhom jiġu osservati (23).

1.      Fuq ilkontenut essenzjali tassigriet professjonali talavukati

50.      L-Artikolu 177(2) tal-Kodiċi Fiskali Lussemburgiż jeskludi, b’mod ġenerali, id-dritt tas-silenzju bħala prinċipju fil-każ ta’ parir legali jew ta’ rappreżentanza fil-qasam fiskali. B’dan il-mod, il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati ggarantita wkoll fil-kuntest ta’ parir fiskali hija nieqsa mill-kontenut tagħha.

51.      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni Lussemburgiża tipproteġi d-dritt tas-silenzju ta’ avukat fl-oqsma l-oħra kollha tad-dritt. Barra minn hekk, fid-dritt fiskali jeżisti wkoll dritt tas-silenzju, tal-inqas għall-mistoqsijiet li tweġiba affermattiva jew negattiva tagħhom tesponi lill-klijent għar-riskju ta’ proċeduri kriminali. F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, is-sigriet professjonali tal-avukati jibbenefika, tal-inqas, minn ċerta protezzjoni.

52.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru li d-determinazzjoni astratta ta’ kontenut intanġibbli toħloq, fi kwalunkwe każ, diffikultajiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ta’ libertà bħall-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (24). Il-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali hija, għalhekk, iktar importanti.

2.      Fuq ilproporzjonalità

53.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni għandha tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. L-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba għandu għan bħal dan. Fil-fatt, skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2011/16, sottostanti, din hija intiża sabiex tistabbilixxi korrettament it-taxxa dovuta u tiġġieled kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali. Dawn huma għanijiet leġittimi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (25).

a)      Fuq innatura neċessarja talmiżura

54.      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba, l-Istati Membri għandhom jillimitaw għal dak li huwa strettament neċessarju l-indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba (26). B’mod partikolari, l-għanijiet tal-istabbiliment korrett tat-taxxa dovuta u tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali ma għandhomx ikunu jistgħu jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li jippreġudikaw inqas is-sigriet professjonali tal-avukati.

55.      Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li l-miżuri investigattivi fl-Istat rikjest (f’dan il-każ, il-Lussemburgu) għadhom, bħala prinċipju, sekondarji meta mqabbla ma’ dawk meħuda fl-Istat rikjedenti (f’dan il-każ, Spanja). Fil-fatt, kull skambju transkonfinali ta’ informazzjoni jwassal għal indħil supplimentari fid-drittijiet fundamentali tal-kontribwenti kkonċernati li huma meħtieġa jikkomunikaw informazzjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/16 jipprevedi li l-awtorità rikjedenti għandha tkun eżawriet is-sorsi abitwali kollha ta’ informazzjoni li hija tista’ tuża sabiex tikseb l-informazzjoni mitluba fiċ-ċirkustanzi (27). Jekk dan ma huwiex il-każ, id-deċiżjoni ta’ ordni adottata mill-awtorità fiskali Lussemburgiża fit‑28 ta’ Ġunju 2022 ma hijiex neċessarja.

56.      Minn dan isegwi li l-awtorità fiskali Lussemburgiża, bħala awtorità rikjesta, għandha tiżgura ruħha li l-awtorità Spanjola rikjedenti ma eżawrietx il-mezzi investigattivi tagħha stess. Għalkemm l-awtorità rikjesta ma tistax tivverifika regolarment dan, hija għandha tal-inqas tiġi kkonfermata mill-awtorità rikjedenti, qabel ma tirrikorri għal avukat, li l-miżuri investigattivi kollha fl-Istat rikjedenti jkunu ġew eżawriti.

57.      Barra minn hekk, in-neċessità fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tippreżupponi li lanqas ma jeżisti, fl-Istat rikjest, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Lussemburgu, mezz daqstant xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li huwa inqas restrittiv għall-persuna kkonċernata, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-rikorrenti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan fuq bażi ta’ każ b’każ.

b)      Fuq innatura xierqa talmiżura

58.      Fl-aħħar nett, l-eżami tan-natura xierqa tal-liġi jeżiġi li l-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali tiġi ddeterminata u jiġi vverifikat li l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mill-indħil ikun relatat mal-gravità tal-indħil (28). F’dan ir-rigward, l-Istat Membru mitlub, f’dan il-każ il-Lussemburgu, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari li għandu l-avukat bħala korp indipendenti tal-ġustizzja fi Stat tad-dritt (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 22 et seq.). Il-fatt li s-sigriet professjonali tal-avukati jipproteġi mhux biss l-interessi individwali, f’dan il-każ ir-rikorrenti kif ukoll il-persuni taxxabbli, iżda wkoll l-interessi tal-pubbliku, huwa rifless favur is-sigriet professjonali tal-avukati waqt l-ibbilanċjar neċessarju tal-interessi.

59.      Minn dan isegwi, li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-awtorità fiskali Lussemburgiża, bħala awtorità rikjesta, tista’ titlob lir-rikorrenti, bħala kumpannija ta’ avukati, informazzjoni dwar il-mandati. Anki jekk il-miżuri investigattivi l-oħra kollha huma eżawriti, l-użu tar-rikorrenti bħala detentur ta’ informazzjoni ma huwiex awtomatikament awtorizzat. Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tas-sigriet professjonali tal-avukati, ma jistax ikun hemm determinazzjoni tal-fatti għal kull prezz.

60.      Madankollu, mhux l-informazzjoni kollha magħrufa minn avukat bħala persuna hija suġġetta għall-protezzjoni partikolari tas-sigriet professjonali tal-avukati. Għall-kuntrarju, hija biss l-informazzjoni marbuta ma’ attività legali f’mandat partikolari li hija protetta. Madankollu, l-avukati jistgħu jwettqu wkoll attività ekonomika, pereżempju, permezz ta’ pariri korporattivi. F’dan ir-rigward, l-avukat ma jaġixxix bħala uffiċjal tal-ġustizzja indipendenti (29). Għaldaqstant, l-informazzjoni miksuba f’dan il-kuntest lanqas ma teħtieġ l-istess protezzjoni bħall-informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ parir legali.

61.      Barra minn hekk, dawn il-prinċipji japplikaw mhux biss għall-avukati, iżda wkoll għall-pariri fiskali u għall-kategoriji professjonali l-oħra, sa fejn dawn huma, skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi, assimilati mal-avukati bħala korpi indipendenti tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u, għaldaqstant, awtorizzati jagħtu pariri legali u jirrappreżentaw klijenti fil-qorti (30).

62.      Fl-aħħar nett, l-awtorità fiskali Lussemburgiża, bħala awtorità rikjesta, għandha wkoll tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjonijiet individwali tagħha, il-gravità tal-indħil. Meta, bħal f’dan il-każ, “id-dokumenti kollha disponibbli” huma meħtieġa, huwa dubjuż kemm id-deċiżjoni ta’ ordni fir-rigward tal-avukat għadha proporzjonata mal-għan imfittex.

63.      Bħala konklużjoni, id-dritt nazzjonali għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-portata u l-limiti tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati bħala detenturi ta’ informazzjoni. F’dan ir-rigward, id-dritt nazzjonali għandu, b’mod partikolari, jippermetti lill-awtorità rikjesta tibbilanċja, każ b’każ, l-interess ġenerali fil-likwidazzjoni regolari tat-taxxa dovuta u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa, minn naħa, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati.

64.      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-pariri legali u r-rappreżentanza minn avukat fil-qasam fiskali, bl-eċċezzjoni tad-dritt kriminali fiskali, ma jaqgħux, b’mod ġenerali, taħt il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati u, għalhekk, lanqas ma jippermettu bbilanċjar każ b’każ, tmur kontra l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

VI.    Konklużjoni

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour administrative (il-Qorti Amministrattiva, il-Lussemburgu) kif ġej:

1)      Il-pariri legali mogħtija minn kumpannija ta’ avukati taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ struttura ta’ investiment li taqa’ taħt id-dritt tal-kumpanniji.

2)      Deċiżjoni ta’ ordni tal-awtorità fiskali kompetenti meħuda kontra kumpannija ta’ avukati, fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba, li permezz tagħha din l-awtorità teżiġi, essenzjalment, id-dokumenti kollha relatati ma’ ċerti tranżazzjonijiet u mal-parteċipazzjoni fihom, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għall-osservanza tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3)      Id-Direttiva 2011/16/UE hija kompatibbli mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minkejja li ma tinkludi ebda dispożizzjoni, lil hinn mill-Artikolu 17(4), li tippermetti l-interferenza mal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba u li tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat. Fil-fatt, l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2011/16 jagħti lill-Istati Membri l-libertà neċessarja sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4)      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru tista’ u għandha tirregola l-kundizzjonijiet, il-portata u l-limiti tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-avukati fil-pussess ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba skont id-Direttiva 2011/16. F’dan ir-rigward, id-dritt nazzjonali għandu, b’mod partikolari, jippermetti lill-awtorità kompetenti li tibbilanċja, każ b’każ, l-għanijiet ta’ interess ġenerali, minn naħa, u l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati, min-naħa l-oħra. Sa fejn id-dritt Lussemburgiż ma jippermettix tali bbilanċjar fil-qasam fiskali, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58).


3      Sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli) (C‑437/19, EU:C:2021:953); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795); kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373).


4      Introdotta bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal‑25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23).


5      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, (C‑694/20, EU:C:2022:963).


6      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 46).


7      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 26).


8      Ara, s-sentenza tal-Qorti EDB tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Michaud vs Franza (CE:ECHR:2012:1206JUD001232311, punti 118 u 119) u, sussegwentement, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 28).


9      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 28).


10      Ara, s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑9 ta’ April 2019, Altay vs It‑Turkija (Nru 2) (CE:ECHR:2019:0409JUD001123609, punt 49), u, sussegwentement, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 27).


11      Ara ċ-CCBE-Berufsregeln für Rechtsanwälte der EU (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Avukati Ewropej taċ-CCBE), punt 2.3.1, disponibbli fuq Regoli professjonali_Mejju 2006_090615.pdf (brak.de).


12      Ara ċ-CCBE-Berufsregeln für Rechtsanwälte der EU (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Avukati Ewropej taċ-CCBE), punt 2.3.1, disponibbli fuq Regoli professjonali_Mejju 2006_090615.pdf (brak.de).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO (C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 65); tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42); kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑155/79, EU:C:1982:157, punt 24); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:229, punt 48).


14      Fil-kuntest tad-difiża quddiem qorti, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi din il-protezzjoni, ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punti 60 et seq.), u tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punti 31 et seq.).


15      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 27).


16      Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker u Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2016:662, punt 53).


17      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 79 et seq.).


18      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 48).


19      Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli) (C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 89), kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 56).


20      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ tali deċiżjoni ta’ ordni: fuq ir-rilevanza prevedibbli tal-informazzjoni mitluba ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli) (C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 41); kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 41); fuq ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli) (C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 93).


21      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 66).


22      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 46).


23      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu eżaminati b’mod kumulattiv u indipendenti minn xulxin, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker u Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50); fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontenut essenzjali tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 94); u tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 39).


24      Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti, pereżempju, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ġudizzjarji; ara, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2023, DIGI Communications (C‑329/21, EU:C:2023:303, punt 47), u tal‑20 ta’ April 2023, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51).


25      Fuq il-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); fir-rigward tal-istabbiliment korrett tal-VAT, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑533/03, EU:C:2006:64, punt 52).


26      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 42).


27      Din id-dispożizzjoni tipproteġi wkoll lill-awtorità rikjesta minn użu eċċessiv ta’ talbiet.


28      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara wkoll, fir-rigward tal-avukati ta’ kumpanniji, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 44), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:229, punti 52 et seq.).


30      Bl-istess mod, kif diġà muri fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Belgian Association of Tax Lawyers et (C‑623/22, EU:C:2024:189, punt 219).