Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-25 ta’ Mejju 2021 – K., parti oħra: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-325/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: K.

Parti oħra: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li terminu ta’ trasferiment li qed jiddekorri kif previst fl-Artikolu 29(1) u (2) jerġa’ jibda jiddekorri fil-mument li fih, wara li jkun ostakola t-trasferiment minn Stat Membru billi ħarab, il-barrani jressaq fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, Stat Membru terz) applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, lil applikant għal protezzjoni internazzjonali milli jinvoka b’suċċess il-fatt li dan it-trasferiment ma jistax iseħħ għaliex it-terminu għal trasferiment miftiehem preċedentment bejn żewġ Stati Membri (f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Awstrija) skada, bil-konsegwenza li t-terminu li fih ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jagħmel it-trasferiment skada?

____________

1 ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.