Language of document : ECLI:EU:T:2019:855

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva Ewropea CANNABIS STORE AMSTERDAM – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark li tmur kontra l-ordni pubbliku – Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001”

Fil-Kawża T‑683/18,

Santa Conte, stabbilita f’Napoli (l-Italja), irrappreżentata minn C. Demichelis, E. Ortaglio u G. Iorio Fiorelli, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-31 ta’ Awwissu 2018 (Każ R 2181/2017-2) dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv CANNABIS STORE AMSTERDAM bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2019,

wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti, Santa Conte, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 30, 32 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 30: “Prodotti tal-forn, ħlewwiet, ċikkulata u desserts; imluħ, spezji, aromi u kondimenti; ġelati, kremi ffriżati, yogurt iffriżati u sorbetti; ikel tal-għaġina milħin”;

–        klassi 32: “Xorb mingħajr alkoħol; birra u prodotti ta’ birrerija; preparazzjonijiet biex isiru xarbiet”;

–        klassi 43: “Servizzi ta’ provvista ta’ ikel u xorb”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2017, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 207/2009 (li saru l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001).

5        Fid-9 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 68 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Wara li spjega, b’risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-Bordijiet tal-Appell kellhom il-possibbiltà li jqajmu raġuni assoluta għal rifjut mhux imqajma fid-deċiżjoni tal-eżaminatur, bla ħsara għall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Bord tal-Appell, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ċaħad ir-rikors abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, billi qies li s-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark kien imur kontra l-ordni pubbliku.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO jbati l-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċedura amministrattiva.

8        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

9        Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001

10      Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta, konformement mad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li l-EUIPO huwa fl-obbligu li jqajjem ex officio l-fatti rilevanti għall-proċedura, fosthom l-evalwazzjoni tat-tifsira tas-sinjal li għalih tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark u l-komprensjoni tiegħu mill-pubbliku rilevanti. Issa, dan l-obbligu, li huwa l-espressjoni tad-dmir ta’ diliġenza li jirriżulta mid-dispożizzjoni inkwistjoni, ma ġiex osservat mill-Bord tal-Appell.

11      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

12      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001, wara l-eżami fil-mertu tar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ waħda mill-istanzi msemmija fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament 2017/1001, il-Bord tal-Appell “jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dik l-istanza sabiex titkompla l-proċedura”. Konformement mal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, matul il-proċedimenti, l-EUIPO għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

13      Kif ġustament tindika r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta, l-ewwel nett, li s-sinjifikat tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-komprensjoni tiegħu mill-pubbliku tal-Unjoni Ewropea jagħmlu neċessarjament parti mill-fatti li għandhom jiġu rrilevati ex officio mill-EUIPO (sentenza tal-25 ta’ Settembru 2018, Medisana vs EUIPO (happy life), T‑457/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:599, punt 11) u, it-tieni nett, li l-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 huwa espressjoni tad-dmir ta’ diliġenza, li jipprevedi li l-istituzzjoni kompetenti hija marbuta li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, SilverTours vs EUIPO (billiger-mietwagen.de), T‑866/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:32, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sa fejn, it-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatti magħrufa mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li rikorrent għandu dritt jippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali dokumenti sabiex isostni jew jikkontesta quddiem din tal-aħħar l-eżattezza ta’ fatt magħruf (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Gigabyte Technology vs UASI – Haskins (Gigabyte), T‑451/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:13, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li l-fatti magħrufa jikkonsistu f’fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi ġeneralment aċċessibbli (ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2015, Boehringer Ingelheim International vs UASI – Lehning entreprise (ANGIPAX), T‑368/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:81, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

15      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, u b’mod partikolari dik li tinsab fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, hija vvizzjata bi żball sa fejn hija qieset li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien jagħmel riferiment għas-“simbolu tal-werqa tal-marijuana” u li l-imsemmi simbolu jagħmel riferiment għall-prodott psikotropiku. Issa, huwa magħruf li l-marijuana ma hijiex pjanta, iżda sustanza psikoattiva miksuba mhux mill-weraq tal-kannabis, iżda mill-inflorazzjonijiet imnixxfa tal-fjuri femminili tal-kannabis. Barra minn hekk, l-ingredjent attiv tetraidrokannabinol (iktar ’il quddiem it-“THC”) huwa biss wieħed minn xi 113 kannabinojdi preżenti fl-inflorazzjonijiet tal-fjuri femminili tal-pjanta Cannabis sativa. Għaldaqstant, l-EUIPO ma tax importanza lill-fatt li l-effetti psikotropiċi dderivati tat-THC kienu marbuta biss mal-kwantità f’perċentwali ta’ dan l-ingredjent attiv fil-fjuri tal-Cannabis sativa u mhux mal-kontenut tal-weraq ta’ din il-pjanta, irrappreżentati fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Għalhekk dawn huma fatti magħrufa li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni, u b’hekk kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001.

16      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi, fil-punti 28 u 29, l-espressjoni “werqa tal-marijuana”. Din l-espressjoni hija impreċiża, kif jammetti l-EUIPO fir-risposta tiegħu, sa fejn il-marijuana ma hijiex, stricto sensu, speċi veġetali u, konsegwentement, ma tistax ikollha weraq, iżda fir-realtà tiddefinixxi sustanza psikotropika estratta mill-infjorazzjonijiet imnixxfa tal-pjanti femminili tal-kannabis.

17      Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara fl-intier tagħha. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, fil-punt 27 ta’ din tal-aħħar, il-Bord tal-Appell irrileva li s-sinjal inkwistjoni kien fih “ir-rappreżentazzjoni ta’ għaxar werqiet tal-kannabis” u li “l-forma partikolari ta’ din il-werqa [kienet] ta’ spiss tintuża bħala simbolu medjatiku tal-marijuana, mifhuma bħala sustanza psikoattiva, li wieħed jikseb permezz ta’ infjorazzjonijiet imnixxfin tal-pjanti femminili tal-kannabis”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tpoġġix fid-dubju bħala tali l-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, li tgħid li l-“forma partikolari ta[l-]werqa [tal-kannabis] hija spiss użata bħala simbolu medjatiku tal-marijuana”. Konsegwentement, fid-dawl tal-ispjegazzjoni ddettaljata u rigoruża pprovduta fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ineżattezza identifikata mir-rikorrenti ma timplikax nuqqas ta’ osservanza, mill-Bord tal-Appell, tal-obbligu tiegħu li jwettaq eżami ex officio tal-fatti u, b’mod partikolari, tat-tifsira tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod li l-imsemmija ineżattezza ma tistax taffettwa l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

18      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatt magħruf ieħor, jiġifieri li huwa l-livell tat-THC li jiddetermina n-natura psikotropika jew le tal-prodotti li fihom il-kannabis u li l-marijuana tiġi estratta mill-fjuri tal-kannabis u mhux mill-weraq, il-Bord tal-Appell ivvizzja b’parzjalità r-raġunament tiegħu.

19      Madankollu, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt, għaliex il-Bord tal-Appell espona sew, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien biss minn ċertu livell tat-THC, jiġifieri 0.2 %, li l-kannabis issir sustanza illegali f’diversi pajjiżi tal-Unjoni u, fil-punt 23 ta’ din id-deċiżjoni, li l-imsemmija sustanza kienet toriġina minn fjuri femminili tal-kannabis. Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell b’mod ċar iddissoċja l-kannabis li għandha effetti psikotropiċi minn dik li ma għandhiex, skont il-livell tat-THC. Konsegwentement, jekk hemm fatt magħruf, il-Bord tal-Appell identifikah espressament.

20      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tistax tiġi kklassifikata bħala imparzjali billi uża biss il-komprensjoni tiegħu tal-element verbali “Cannabis” u billi assoċjaha, minn naħa, ma’ perċezzjoni żbaljata tar-rappreżentazzjoni tal-weraq irriprodotti fis-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala l-weraq ta’ pjanta li ma teżistix, jiġifieri l-marijuana, u, min-naħa l-oħra, mal-indikazzjoni ġeografika “Amsterdam”.

21      Għandu jiġi indikat f’dan ir-rigward, hekk kif jenfasizza ġustament l-EUIPO fir-risposta tiegħu, li l-kriterju determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kuntrarjetà ta’ sinjal mal-ordni pubbliku huwa l-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku rilevanti tat-trade mark, li tista’ tkun ibbażata fuq definizzjonijiet impreċiżi minn perspettiva xjentifika jew teknika, li jimplika li hija l-perċezzjoni konkreta u attwali tas-sinjal li tiswa, indipendentement minn kemm l-informazzjoni li jkollu l-konsumatur tkun eżawrjenti. B’hekk, anki jekk dan ma jikkorrispondix, jew jikkorrispondi biss parzjalment, għall-verità xjentifika, il-fatt li r-rappreżentazzjoni tal-werqa tal-kannabis tiġi assoċjata, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, mas-sustanza psikotropika jikkorrispondi sewwa ma’ dak li għandu jfittex il-Bord tal-Appell f’ipoteżi simili, jiġifieri l-perċezzjoni tal-imsemmi pubbliku. Issa, dan huwa preċiżament dak li għamel il-Bord tal-Appell, hekk kif fakkar l-EUIPO kemm fir-risposta kif ukoll fis-seduta, filwaqt li enfasizza li l-“forma partikolari tal-werqa tal-kannabis [kienet] ta’ spiss tintuża bħala simbolu medjatiku tal-marijuana”. Evidentement, dan huwa l-każ mhux ta’ fatt xjentifiku, iżda tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li fi ħdanu l-imsemmija werqa saret “simbolu medjatiku” tal-marijuana. Din l-analiżi, konsegwentement, ma hija bl-ebda mod parzjali.

22      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega nuqqas ieħor ta’ imparzjalità u ta’ reqqa li qiegħed jivvizzja l-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-kliem “Cannabis”, “qanneb” kif ukoll il-kelma Ingliża “hemp” jindikaw mingħajr distinzjoni l-pjanta tal-qanneb. Barra minn hekk, kliem Ingliżi oħra, bħal “store” u “amsterdam”, huma preżenti fl-element verbali tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, u dan jirrifletti bżonn ta’ kontinwità loġika u idjomatika u x-xewqa li tingħata l-portata l-iktar internazzjonali possibbli għas-sinjal inkwistjoni, peress li l-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali tal-kummerċ dinji. B’hekk, il-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni li hija ‘l bogħod milli tkun imparzjali meta rrileva li r-rikorrenti setgħet tuża kliem differenti minn dak ta’ “Cannabis”, jiġifieri l-kelma Taljana “canapa” (qanneb) jew il-kelma Ingliża “hemp”, sabiex jiġu indikati l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

23      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li adotta raġunament ivvizzjat b’parzjalità. F’dan ir-rigward, il-kritika tagħha dwar it-tieni sentenza tal-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata hija ddestinata li ma tirnexxix. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Bord tal-Appell ssuġġerixxa li r-rikorrenti “setgħet” tikkompleta s-sinjal inkwistjoni b’elementi verbali iktar adatti sabiex tenfasizza l-karatteristiċi ta’ ikel u ta’ xarbiet mingħajr it-THC, pereżempju l-kelma “canapa” jew “hemp”, u li hija setgħet tħalli barra r-riferiment għal Amsterdam jew is-simbolu medjatiku tal-marijuana. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kliem “Cannabis”, “qanneb” u “hemp” humiex sinonimi, kif tidher li qiegħda ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dan is-suġġeriment magħmul mill-Bord tal-Appell, huwa biss obiter dictum u għalhekk ma jistax jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2018, Recordati Orphan Drugs vs EUIPO – Laboratorios Normon (NORMOSANG), T‑103/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:126, punt 78). Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma kellu ebda obbligu li jindika lir-rikorrenti alternattivi li setgħu eventwalment ixejnu l-oġġezzjonijiet magħmula kontra s-sinjal inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-obiter ma juri ebda parzjalità jew ebda nuqqas ta’ attenzjoni min-naħa tal-Bord tal-Appell, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti.

24      Fil-ħames u fl-aħħar lok, skont ir-rikorrenti, l-għażla tal-kelma “amsterdam” tirreferi sempliċement għall-oriġini tal-kannabis li hija tuża kif ukoll għall-istil u għall-atmosfera ta’ din il-belt Olandiża, li minnha hija tindika li tispira ruħha biex tipprovdi s-servizzi tagħha ta’ ristorazzjoni u, b’mod partikolari, għall-ippjanar tal-punti ta’ bejgħ tagħha. Id-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-konsumaturi jiġu mġiegħla mis-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li jassoċjaw il-prodotti u s-servizzi li hija tikkummerċjalizza, perfettament leċiti, mas-sustanzi mibjugħa fil-“coffee shops” ta’ Amsterdam turi evalwazzjoni parzjali u ineżatta tat-tifsira tal-imsemmi sinjal, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru kbir u dejjem jikber ta’ impriżi li jipproduċu ikel u xarbiet abbażi tal-kannabis u ta’ ħwienet li jikkummerċjalizzawhom.

25      Madankollu, huwa żbaljat li r-rikorrenti tipperċepixxi nuqqas ta’ imparzjalità jew ta’ attenzjoni fl-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-kelma “amsterdam” tinftiehem mill-pubbliku rilevanti li tagħmel riferiment għall-belt tal-Pajjiżi l-Baxxi li jittollera l-użu ta’ drogi u li hija magħrufa għall-“coffee shops” (punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell eżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti. Fir-rigward tal-fatt li l-kelma “amsterdam” tista’ wkoll tiġi assoċjata ma’ tifsiriet oħra, bħal dawk imressqa mir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jitfakkar, minn naħa, li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-belt ta’ Amsterdam hija magħrufa għall-“coffee shops” awtorizzati li jbigħu marijuana u “space cakes” u, min-naħa l-oħra, li, skont il-ġurisprudenza, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata jekk, għall-inqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, tikkaratterizza l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut (ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Alpine Welten Die Bergführer vs EUIPO (ALPINEWELTEN Die Bergführer), T‑428/17, EU:T:2018:240, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma kisirx id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 71(1) u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001 meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hemm lok li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001

27      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, ħaġa li madankollu hija kkwalifikat waqt is-seduta (ara l-punt 41 iktar ’il quddiem), kif ukoll fl-identifikazzjoni tal-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni mill-imsemmi pubbliku, u li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001.

28      L-EUIPO jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

29      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità għandha tiġi rrifjutata. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-paragrafu 1 huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu f’parti biss tal-Unjoni Ewropea. Tali parti tista’ tkun ikkostitwita, jekk ikun il-każ, minn Stat Membru wieħed (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Couture Tech vs OHMI (Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika), T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-interess ġenerali li fuqu hija bbażata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001 huwa li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jippreġudikaw l-ordni pubbliku jew il-moralità waqt l-użu tagħhom fit-territorju tal-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 29, u tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia Franchises vs EUIPO – Italja (La Mafia SE SIENTA A LA MESA), T-1/17, EU:T:2018:146, punt 25).

31      L-eżami tan-natura kuntrarja ta’ sinjal għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jsir b’riferiment għall-perċezzjoni ta’ dan is-sinjal, meta jintuża bħala trade mark, mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Unjoni jew f’parti minnha (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 50, u tad-9 ta’ Marzu 2012, Cortés del Valle López vs UASI (¡President Que buenu ye! HIJOPUTA), T‑417/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:120, punt 12).

32      L-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001 ma hijiex ibbażata fuq il-perċezzjoni tal-parti tal-pubbliku rilevanti li ma tixxokkja ruħha b’xejn, lanqas fuq il-perċezzjoni tal-parti tal-pubbliku li tista’ tiġi offiża faċilment, iżda għandha titwettaq abbażi ta’ kriterji ta’ persuna raġonevoli li jkollha livelli medji ta’ sensibbiltà u ta’ tolleranza (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2012, ¡Que buenu ye! HIJOPUTA, T‑417/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:120, punt 21; tal-14 ta’ Novembru 2013, Efag Trade Mark Company vs UASI (FICKEN LIQUORS), T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 21, u tal-11 ta’ Ottubru 2017, Osho Lotus Commune vs EUIPO – Osho International Foundation (OSHO), T‑670/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:716, punt 103).

33      Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti ma jistax jiġi llimitat, għall-finijiet tal-eżami tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, għall-pubbliku li għalih jiġu indirizzati direttament il-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sinjali msemmija minn din ir-raġuni għal rifjut jixxokkjaw mhux biss il-pubbliku li lilu jiġu indirizzati s-servizzi indikati mis-sinjal, iżda wkoll persuni oħra li, mingħajr ma jkunu kkonċernati mill-imsemmija prodotti u servizzi, ser ikollhom jaffaċċjaw dan is-sinjal inċidentalment fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, FICKEN LIQUORS, T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 22, u tal-11 ta’ Ottubru 2017, OSHO, T‑670/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:716, punt 104).

34      Għandu jitfakkar ukoll li s-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari għal raġunijiet lingwistiċi, storiċi, soċjali jew kulturali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia SE SIENTA A LA MESA, T‑1/17, EU:T:2018:146, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi applikata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri individwali li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dawn l-Istati (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 34, u tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia SE SIENTA A LA MESA, T‑1/17, EU:T:2018:146, punt 29).

36      F’dan il-każ, is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, irriprodott fil-punt 2 iktar ’il fuq, jinkludi element verbali, kompost mill-kliem “Cannabis”, “store” u “amsterdam”, u element figurattiv, jiġifieri tliet fillieri ta’ weraq ħodor, li jikkorrispondu mar-rappreżentazzjoni komuni tal-werqa tal-kannabis, fuq sfond iswed b’żewġ borduri ħodor fluworexxenti, fl-għoli u fil-qiegħ tad-disinn. It-tliet kelmiet imsemmija iktar ’il fuq jidhru ukoll mid-dimensjoni figurattiva tas-sinjal inkwistjoni peress li fihom jidhru f’ittri kapitali, u l-kelma “Cannabis” hija rrappreżentata b’karattri ta’ kulur abjad, ħafna ikbar miż-żewġ kelmiet l-oħra, billi jissovrapponuhom fiċ-ċentru tas-sinjal. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element verbali “Cannabis” kien dominanti, kemm mill-ispazju li kien jokkupa kif ukoll permezz tal-pożizzjoni ċentrali tiegħu fi ħdan is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark. Barra minn hekk, dan ma huwiex ikkontestat.

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti kif ukoll tal-perċezzjoni tas-sinjal inkwistjoni minn dan tal-aħħar

38      Ir-rikorrenti tallega li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn espressjoni Ingliża li ser tiġi pperċepita fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u mill-pubbliku rilevanti li jaf u jifhem il-lingwa Ingliża bħala li tagħmel riferiment għal denominazzjoni li tfisser “ħanut tal-kannabis (li huwa) ta’ Amsterdam”. Issa, il-kelma “Cannabis” ma tirreferi għal ebda prodott narkotiku illegali, iżda tindika biss il-qanneb fil-lingwaġġ kurrenti, kemm bl-Ingliż u kif ukoll bit-Taljan. Il-Bord tal-Appell naqas ukoll milli jagħti l-importanza xierqa liż-żewġ kelmiet Ingliżi l-oħra “amsterdam” u “store”.

39      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq il-kriterji ta’ persuna raġonevoli li għandha sensittività u tolleranza normali, normalment informata u raġonevolment attenta u avżata. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark mill-imsemmi pubbliku hija żbaljata u ma tirriflettix l-evoluzzjoni tal-kunċett kulturali u soċjali, fl-Unjoni, tal-kannabis u tal-użu tiegħu għal finijiet industrijali u legali, dak li huwa kkonfermat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.  Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma analizzax is-sinjal inkwistjoni fil-kuntest tal-użu normali tiegħu, jiġifieri dak tal-bejgħ jew tal-użu legali, fil-ħwienet tar-rikorrenti, ta’ ikel jew ta’ xarbiet abbażi tal-qanneb.

40      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżball allegatament imwettaq mill-Bord tal-Appell fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u, konsegwentement, tal-evalwazzjoni żbaljata tiegħu ta’ dik li hija l-perċezzjoni mill-imsemmi pubbliku tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell, filwaqt li qabel mal-analiżi tal-eżaminatur li s-sinjal inkwistjoni kien jinkludi kliem Ingliżi, ta importanza partikolari lill-preżenza dominanti tal-kelma “Cannabis”, li tirriżulta mill-Latin, użata ħafna u mifhuma f’diversi lingwi tal-Unjoni barra l-Ingliż, pereżempju d-Daniż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, il-Franċiż, it-Taljan, l-Ungeriż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen u l-Isvediż, b’tali mod li dan il-fatt, imsaħħaħ mill-preżenza ta’ weraq ta’ kannabis stilizzati li jikkomponu l-imsemmi sinjal, kien jippermetti li jiġi konkluż li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mhux biss mill-konsumaturi Anglofoni, iżda mill-konsumaturi kollha tal-Unjoni f’pożizzjoni li jifhmu t-tifsira tal-kelma “Cannabis” assoċjata ma’ dan l-element figurattiv.

41      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti fittxitx li tiddefinixxi l-pubbliku rilevanti bħala esklużivament il-pubbliku Anglofonu, din tal-aħħar, waqt is-seduta, irrispondiet fin-negattiv u ammettiet li l-imsemmi pubbliku kellu jinftiehem b’mod iktar wiesa’. B’hekk hija indikat li, fil-fehma tagħha, il-pubbliku ta’ riferiment kellu jinftiehem bħala dak tal-Unjoni kollha li għandu konoxxenza tajba tal-Ingliż. F’dan ir-rigward, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, peress li dan is-sinjal jinkludi mill-inqas żewġ kelmiet li jistgħu jinftiehmu sew lil hinn mill-pubbliku Anglofonu, jiġifieri, kif irrileva l-Bord tal-Appell, il-kelma ta’ oriġini Latina “Cannabis”, iżda wkoll il-kelma “amsterdam”, li tindika belt tal-Pajjiżi l-Baxxi internazzjonalment magħrufa, u li l-element figurattiv preżenti fl-imsemmi sinjal jista’, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell, jiġi rrikonoxxut bħala r-rappreżentazzjoni medjatika tal-marijuana.

42      Huwa għalhekk fid-dawl mhux biss tal-pubbliku Anglofonu, iżda b’mod iktar wiesa’ tal-pubbliku tal-Unjoni li għandha tiġi mistħarrġa l-legalità tal-eżami tal-kuntrarjetà tas-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-ordni pubbliku mwettaq mill-Bord tal-Appell, filwaqt li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm iċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri individwali li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dawn l-Istati.

43      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni wkoll li tkopri l-kompożizzjoni tal-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan tal-aħħar. Meta saritilha mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, hija ppreċiżat li l-pubbliku rilevanti kien fil-parti l-kbira pubbliku żagħżugħ, li għandu bejn 20 u 30 sena, li kien ċertament informat bit-tagħrif kollu disponibbli dwar il-kannabis. Hija qieset li ma kienx hemm lok li ssir distinzjoni, fi ħdan l-imsemmi pubbliku, bejn il-pubbliku li jinsab fit-territorju ta’ Stati Membri li għandu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi s-sustanza psikotropika li tirriżulta mill-kannabis, u dak li jinsab fit-territorju ta’ Stati Membri li għandu approċċ inqas strett.

44      F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-prodotti u s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark huma intiżi għall-konsumaturi, b’mod li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit mill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni. Issa, huwa ċar li dan ma għandux neċessarjament konoxxenzi xjentifiċi jew tekniċi preċiżi li jikkonċernaw id-drogi b’mod ġenerali, u dak li jirriżulta mill-kannabis b’mod partikolari, anki jekk din is-sitwazzjoni tista’ tvarja skont l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikun jinsab l-imsemmi pubbliku u, b’mod partikolari, mid-diskussjonijiet li eventwalment ikunu wasslu għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew ta’ regolamentazzjoni li tawtorizza jew tittollera l-użu terapewtiku jew rikreattiv ta’ prodotti li jkollhom livell tat-THC suffiċjenti sabiex jipproduċu effetti psikotropiċi.

45      Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti, fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, tkopri prodotti u servizzi ta’ konsum kurrenti, intiżi għall-pubbliku inġenerali mingħajr distinzjoni abbażi tal-età, ma hemm ebda raġuni valida sabiex, bħalma indikat ir-rikorrenti matul is-seduta, jiġi limitat il-pubbliku rilevanti għall-pubbliku żagħżugħ, li jkollu bejn 20 u 30 sena. Bl-istess mod, għandu jingħad ukoll li, kif enfasizza ġustament l-EUIPO, fil-kuntest partikolari tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, il-pubbliku rilevanti ma huwiex biss il-pubbliku li lejh jiġu direttament indirizzati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda wkoll dak kompost minn persuni oħra li, mingħajr ma jkunu kkonċernati mill-imsemmija prodotti u servizzi, jinsabu fil-preżenza ta’ dan is-sinjal b’mod inċidentali fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), li jwassal sabiex tiġi skartata, għal din ir-raġuni wkoll, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fformulata matul is-seduta li l-imsemmi pubbliku huwa prinċipalment pubbliku żagħżugħ, kompost minn persuni ta’ età ta’ 20 sa 30 sena.

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix preċiżazzjonijiet espliċiti f’dan ir-rigward, jirriżulta xorta waħda li l-Bord tal-Appell ma kkontestax id-definizzjoni tal-eżaminatur li tipprovdi li, fir-rigward ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, bħal dawk imsemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, dawn kienu intiżi prinċipalment għall-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata), li jikkorrispondi, essenzjalment u mutatis mutandis, għal pubbliku kompost minn persuni raġonevoli li jkollhom limiti medji ta’ sensittività u ta’ tolleranza, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq. Fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu, li l-Bord tal-Appell għamel tiegħu, jidher għalhekk mingħajr żball.

47      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni l-evoluzjoni tal-kunċett kulturali u soċjali, fl-Unjoni, tal-kannabis u tal-użu tiegħu għal finijiet legali, b’tali mod li huwa ma evalwax korrettament il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (punt 40 tar-rikors). Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, żewġ regolamenti fil-qasam agrikolu relatati mal-kultivazzjoni tal-qanneb, jiġifieri r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1155, tal-15 ta’ Frar 2017, li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fejn jidħlu l-miżuri tal-kontroll relatati mal-kultivazzjoni tal-qanneb, ċerti dispożizzjonijiet dwar il-pagament ekoloġiku, il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ fil-kontroll ta’ persuna ġuridika, il-kalkolu tal-ammont għal kull unità fil-qafas tal-appoġġ akkoppjat volontarju, il-frazzjonijiet ta’ intitolamenti għal pagament u ċerti rekwiżiti ta’ notifika relatati mal-Iskema ta’ Pagament Uniku Skont l-Erja u mal-Appoġġ Akkoppjat Volontarju, u li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU 2017, L 167, p. 1), u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).

48      Fuq dan is-suġġett, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, hemm diversi riflessjonijiet fil-preżent kemm fuq l-użu ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kannabis li l-livell tagħhom tat-THC ma jagħmilhomx drogi narkotiċi, kif ukoll l-użu tagħhom, meta dawn ikunu drogi narkotiċi, għal finijiet terapewtiċi jew anki rikreattivi. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri diġà evolviet jew qiegħda fil-proċess li tevolvi.

49      Xorta jibqa’ l-fatt, kif irrileva b’mod pertinenti l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (bħala eżempji mhux eżawrjenti: il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit)”, il-prodotti li jirriżultaw mill-kannabis li għandhom livell tat-THC ogħla minn 0.2 % jitqiesu li huma drogi illegali.

50      Id-dritt tal-Unjoni, min-naħa tiegħu, ma jirregolax l-użu tal-prodotti li jirriżultaw mill-kannabis meta dawn jikkostitwixxu drogi narkotiċi. Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkompleta l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tad-droga fuq is-saħħa, inkluż bl-informazzjoni u l-prevenzjoni. Fir-rigward tar-Regolament Nru 1307/2013, dan jipprovdi, fl-Artikolu 32(6) tiegħu, li s-superfiċji użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu ettari eliġibbli biss jekk il-varjetajiet ikkultivati jkollhom livell tat-THC li ma jaqbiżx 0.2 %. Permezz tar-Regolament Delegat 2017/1155, il-Kummissjoni adottat il-leġiżlazzjoni li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Minn dan isegwi li, fil-preżent, ma tirriżulta ebda tendenza unanima aċċettata fl-Unjoni, lanqas waħda predominanti, fir-rigward tal-legalità tal-użu jew tal-konsum ta’ prodotti li jirriżultaw mill-kannabis li għandhom livell tat-THC ogħla minn 0.2 %.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, għandu, f’dan il-każ, jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-iżviluppi deskritti fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, kemm fuq livell leġiżlattiv kif ukoll fuq livell soċjali, filwaqt li enfasizza l-possibbiltajiet irrikonoxxuti ta’ użu legali tal-kannabis, suġġetti madankollu għal kundizzjonijiet partikolarment stretti, u billi fakkar il-qafas regolatorju tal-Unjoni li jirregola l-materja (is-sitt u l-għaxar inċiż tal-punt 11, u l-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell, ukoll ġustament, ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri tikklassifika bħala illegali l-konsum tal-kannabis, peress li l-prodotti li kienu derivati minnhom kienu jinkludu t-THC fi kwantità ogħla minn 0.2 %. Fil-fatt, is-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati ta’ moralità ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, storiċi, soċjali jew kulturali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia SE SIENTA A LA MESA, T‑1/17, EU:T:2018:146, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk konformement mal-ġurisprudenza li l-Bord tal-Appell invoka l-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri, peress li, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, dawn l-elementi ttieħdu inkunsiderazzjoni mhux minħabba l-valur normattiv tagħhom, iżda bħala indikazzjonijiet fattwali li jippermettu li tiġi evalwata l-perċezzjoni, mill-pubbliku rilevanti li jinsab fl-Istati Membri kkonċernati, tas-sinjal inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 37).

53      Fil-ħames u fl-aħħar lok, u kif isostni l-EUIPO, il-kwistjoni tal-livell reali tat-THC tal-prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti hija nieqsa minn rilevanza, peress li l-evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell kien obbligat juża f’dan il-qasam kellha tkun indipendenti mill-aġir tar-rikorrenti u bbażata biss fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, EU:T:2003:107, punt 76, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Sportwetten vs UASI – Intertops Sportwetten (INTERTOPS), T‑140/02, EU:T:2005:312, punt 28).

54      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxix is-sinjal inkwistjoni bħala li jagħmel riferiment għall-użu legali tal-qanneb, kif issostni r-rikorrenti, jew, għall-kuntrarju, bħala li jevoka l-kannabis bħala narkotiċi illegali, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, hija s-suġġett tat-tieni parti tat-tieni motiv u ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jippermettu li jiġi stabbilit li l-Bord tal-Appell ma wettaqx l-iżbalji li bihom qiegħed jiġi akkużat mir-rikorrenti.

56      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku

57      L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jirreferi għal ebda prodott narkotiku illegali. Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed bħala bażi għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmi sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, is-sempliċi riferiment jew l-indikazzjoni diretta ta’ prodott illegali ma humiex biżżejjed sabiex applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tiġi ddikjarata li tmur kontra l-ordni pubbliku, peress li jkun hemm bżonn, barra minn hekk, li s-sinjal inkwistjoni jwassal għal inċitazzjoni, banalizzazzjoni jew l-approvazzjoni tal-użu jew tal-konsum tal-prodott narkotiku illegali. Issa, f’dan il-każ, is-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma jinkludi ebda isem u ma għandu ebda tifsira li, fil-kuntest tal-użu normali tiegħu għall-prodotti u s-servizzi koperti minn din l-applikazzjoni, twassal sabiex tinċita, tibbanalizza jew twassal għall-approvazzjoni tal-użu ta’ prodott narkotiku illegali.

58      It-tieni nett, in-natura infondata tar-raġuni assoluta ta’ rifjut li ta l-Bord tal-Appell kontra r-rikorrenti tirriżulta wkoll b’mod ċar mill-modi ta’ konsum, minn naħa, mill-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u, min-naħa l-oħra, mill-prodotti narkotiċi bħalma huma l-marijuana, li, normalment, jitpejpu. Ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2009 fil-Każ 2665 C dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark verbali tas-sinjal COCAINE għal prodotti inklużi fil-klassijiet 3, 25 u 32, u b’mod partikolari għall-birer, fejn ġie rrilevat b’mod partikolari li l-mod ta’ konsum tal-prodotti inkwistjoni kien rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001 u li s-sempliċi effett ta’ disturb jew l-immaġini negattiva li jistgħu jinsiltu mill-perċezzjoni ta’ trade mark ma kinux rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kuntrarjetà tagħha għall-ordni pubbliku.

59      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

60      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell ikkonkludiex ġustament li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien ser jiġi pperċepit kollu kemm hu mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal prodott narkotiku illegali.

61      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell fakkar, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Torresan vs UASI – Klosterbrauerei Weissenohe (CANNABIS), T‑234/06, EU:T:2009:448, punt 19), il-kelma “Cannabis” kellha tliet tifsiriet possibbli. Fl-ewwel lok, il-kelma “Cannabis” tirreferi għall-pjanta ta’ tessuti li l-organizzazzjoni komuni tas-suq tagħha hija rregolata fil-kuntest tal-Unjoni u li l-produzzjoni tagħhom hija suġġetta għal leġiżlazzjoni stretta ħafna fir-rigward tal-livell tat-THC, li ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ 0.2 %. It-tieni nett, il-kelma “Cannabis” tirreferi għal sustanza narkotika pprojbita f’numru kunsiderevoli ta’ Stati Membri. Fit-tielet lok, hija l-isem ta’ sustanza li l-użu terapewtiku possibbli tagħha fil-mument qiegħed jiġi diskuss.

62      Minn dan il-Bord tal-Appell silet il-konsegwenza, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li, konformement mal-fehma tar-rikorrenti, din il-kelma ma kellhiex tinftiehem awtomatikament bħala li tirreferi għad-droga narkotika, sakemm ma jkunx hemm “indizji oħra” f’dan is-sens. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell inkluda perfettament il-fatt li s-sustanza illegali kienet tikkorrispondi biss għal waħda mid-definizzjonijiet tal-kelma “Cannabis” u r-rikorrenti ma tistax ġustament issostni li huwa ma rrikonoxxiex, f’dan ir-rigward, l-eżistenza tal-“fatt magħruf” li t-THC, jiġifieri s-sustanza psikoattiva, kien biss wieħed mill-kannabinojdi preżenti fil-kannabis u l-fatt li din is-sustanza kienet issir illegali biss lil hinn minn ċertu livell.

63      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat, sabiex tingħata risposta għall-ewwel argument tar-rikorrenti, jekk, meta wieħed iqis li kienu jeżistu “indizji oħra” li juru li l-pubbliku rilevanti jassoċja s-sinjal li għalih saret applikazzjoni mad-droga narkotika illegali, ħaġa li hija kkontestata mir-rikorrenti, jiġifieri l-kliem “amsterdam” u “store” kif ukoll ir-rappreżentazzjoni stilizzata ta’ weraq tal-kannabis, il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ evalwazzjoni.

64      Il-Bord tal-Appell qies, ġustament, li kien meħtieġ b’mod partikolari li tiġi ddefinita dik li hija l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-elementi kollha li jikkomponu s-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark (punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies li l-għaqda tal-preżenza, fis-sinjal inkwistjoni, tar-rappreżentazzjoni stilizzata tal-werqa tal-kannabis, simbolu medjatiku tal-marijuana, u tal-kelma “amsterdam”, li tagħmel riferiment għall-fatt li l-belt ta’ Amsterdam tinkludi numru ta’ punti ta’ bejgħ tad-droga narkotika li tirriżulta mill-kannabis, minħabba n-natura ttollerata, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar fil-Pajjiżi l-Baxxi, kienet tirrendi probabbli ħafna l-fatt li l-konsumatur jinterpreta, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-kelma “Cannabis” bħala li tagħmel riferiment għas-sustanza narkotika, illegali f’“diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea” (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

65      Hemm lok li din l-interpretazzjoni tiġi kkorroborata, iktar u iktar fid-dawl tal-indikazzjoni fis-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-kelma “store”, li tfisser normalment “post tal-bejgħ” jew “ħanut”, b’mod li l-imsemmi sinjal, li l-element dominanti tiegħu huwa l-kelma “Cannabis” (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), ser jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti Anglofonu bħala li jfisser “ħanut tal-kannabis f’Amsterdam” u mill-pubbliku rilevanti mhux Anglofonu bħala “kannabis f’Amsterdam”, li, fiż-żewġ każijiet, imsaħħaħ mill-immaġni tal-weraq tal-kannabis, simbolu tal-marijuana, jikkostitwixxi allużjoni ċara u inekwivoka għall-prodott narkotiku li jiġi kkummerċjalizzat hemmhekk. L-imsemmi pubbliku jista’ għalhekk jistenna li l-prodotti u s-servizzi kkummerċjalizzati mir-rikorrenti jikkorrispondu għal dawk li jipproponi ħanut bħal dan.

66      L-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, ibbażati fuq il-fatt li l-kelma “amsterdam” tindika l-oriġini tal-kannabis li hija tuża fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti tagħha u l-istil ta’ ħajja u l-atmosfera li tikkaratterizza l-belt ta’ Amsterdam, ma jistgħux jinvalidaw din l-analiżi. Fil-fatt, din ma hijiex l-ewwel perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti meta jiltaqa’ mal-kliem “amsterdam” u “Cannabis” assoċjati mas-simbolu medjatiku tal-marijuana, peress li l-Pajjiżi l-Baxxi, u din il-belt b’mod partikolari, huma magħrufa li adottaw leġiżlazzjoni li tittollera, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu ta’ din id-droga narkotika.

67      Lanqas ma jistgħu jkunu konvinċenti l-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-disinn stilizzat li jirrappreżenta l-werqa tal-kannabis jintuża wkoll mis-setturi industrijali kollha, b’mod partikolari s-settur tat-tessuti u dak farmaċewtiku, li jużaw il-kannabis. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma bbażax il-konklużjoni tiegħu fuq il-perċezzjoni, mill-pubbliku rilevanti, tad-disinn stilizzat li jirrappreżenta l-werqa tal-kannabis, meħud b’mod iżolat, iżda fuq il-kombinazzjoni tad-diversi elementi li jikkomponu s-sinjal inkwistjoni, li jwassal tabilħaqq għall-konklużjoni, imfakkra mill-Bord tal-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalih ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni, anki jekk involontarjament, fuq il-kunċett ta’ kannabis bħala prodott narkotiku.

68      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li l-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-istabbilimenti ta’ Amsterdam tat-tip “coffee shop” (punt 31 tar-rikors) u li l-modi ta’ konsum tal-prodotti li hija tikkummerċjalizza huma differenti minn dawk tad-drogi narkotiċi, li normalment jitpejpu (punt 53 tar-rikors), għandu jitfakkar mill-ġdid li minn qari tad-diversi punti tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li dawn jirreferu għall-kwalitajiet intrinsiċi tas-sinjal li huma s-suġġett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, u mhux għal ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-persuna li tkun qiegħda tapplika għat-trade mark (sentenzi tad-9 ta’ April 2003, NU-TRIDE, T-224/01, EU:T:2003:107, punt 76; tas-13 ta’ Settembru 2005, INTERTOPS, T‑140/02, EU:T:2005:312, punt 28, u tal-15 ta’ Marzu 2018, La Mafia SE SIENTA A LA MESA, T-1/17, EU:T:2018:146, punt 40). Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li l-kannabis, bħala narkotiku, jista’ wkoll jiġi integrat, permezz ta’ xorb jew ta’ prodotti tal-ikel, pereżempju fil-kejkijiet, li jikkorrispondu għal xi wħud mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark.

69      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien korrett meta qies li s-sinjal inkwistjoni ser jiġi pperċepit kollu kemm hu mill-pubbliku rilevanti bħala li jagħmel riferiment għal sustanza narkotika pprojbita f’numru kbir ta’ Stati Membri.

70      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-sinjal li għalih qiegħda ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwiex kuntrarju għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, peress li ġie ppreċiżat li l-Bord tal-Appell adotta din ir-raġuni assoluta għal rifjut.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2017/1001 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “ordni pubbliku”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, deskritt fil-punt 50 iktar ’il fuq, kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, li jgħid li l-paragrafu 1 tal-istess artikolu huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni, għandu jiġi konkluż li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix livell uniformi ta’ valuri u jirrikonoxxi li r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u minn żmien għall-ieħor, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu, essenzjalment, liberi li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dawn ir-rekwiżiti skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom. B’hekk, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku, għalkemm ma jistgħux ikopru l-interessi ekonomiċi, u lanqas is-sempliċi prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali li kull ksur tal-liġi jikkostitwixxi, jista’ jinkludi l-protezzjoni ta’ diversi interessi li l-Istat Membru kkonċernat jikkunsidra fundamentali skont is-sistema ta’ valuri tiegħu stess (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda K. u H. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2017:973, punti 60 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001, l-Avukat Ġenerali Bobek, fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Constantin Film Produktion vs EUIPO (C‑240/18 P, EU:C:2019:553), wera li l-ordni pubbliku kien jesprimi viżjoni leġiżlattiva ta’ valuri u għanijiet, iddefiniti mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati u li kellhom jitkomplew illum u għada, jiġifieri viżjoni prospettiva. Minn dan kien jirriżulta, ikompli hu, li l-ordni pubbliku kien espressjoni tal-intenzjonijiet tar-regolatur pubbliku fil-qasam tal-istandards li kellhom jiġu osservati fis-soċjetà.

73      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti għandha raġun li ssostni, essenzjalment, li kull ħaġa kontra l-liġi ma hijiex neċessarjament ekwivalenti għal ħaġa kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, huwa meħtieġ ukoll li din il-kuntrarjetà taffettwa interess li jitqies li huwa fundamentali mill-Istat Membru jew mill-Istati Membri kkonċernati skont is-sistemi ta’ valuri tagħhom.

74      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-Istati Membri fejn il-konsum u l-użu tas-sustanza narkotika li jirriżultaw mill-kannabis jibqgħu pprojbiti, il-ġlieda kontra l-propagazzjoni tagħha għandha sensittività partikolari, li tirrifletti għan ta’ saħħa pubblika intiża li jiġu miġġielda l-effetti ta’ ħsara ta’ tali sustanza. Din il-projbizzjoni għalhekk għandha l-għan li tipproteġi interess li dawn l-Istati Membri jqisu li huwa fundamentali skont is-sistemi ta’ valuri tagħhom stess, b’tali mod li s-sistema applikabbli għall-konsum u għall-użu tal-imsemmija sustanza taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament.

75      Barra minn hekk, l-importanza li għandha l-protezzjoni ta’ dan l-interess fundamentali hija iktar enfasizzata mill-Artikolu 83 TFUE, li jipprovdi li t-traffikar illegali ta’ drogi jikkostitwixxi wieħed mill-oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi li għandhom dimensjoni transkonfinali, li fihom l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa previst, kif ukoll mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 168(1) TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkompleta l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tad-droga fuq is-saħħa, inkluż bl-informazzjoni u bil-prevenzjoni.

76      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, meta eżamina l-kuntrarjetà tas-sinjal inkwistjoni għall-ordni pubbliku meta mqabbel mal-konsumaturi kollha fl-Unjoni f’pożizzjoni li jifhmu s-sinjifikat tiegħu, u peress li l-perċezzjoni ta’ dawn tal-aħħar taqa’ neċessarjament fil-kuntest imsemmi fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq, li s-sinjal inkwistjoni, li jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni li l-ikel u x-xorb imsemmi mir-rikorrenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, kif ukoll is-servizzi relatati, ikun fihom sustanzi narkotiċi illegali f’diversi Stati Membri, kien imur kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

77      Ir-rikorrenti ma tistax tinvalida din il-konklużjoni billi ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina jekk, barra minn hekk, is-sinjal inkwistjoni kienx jinċita, jibbanalizza, jew iwassal għall-approvazzjoni tal-użu ta’ prodott narkotiku illegali. Tabilħaqq, il-fatt li dan is-sinjal jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni li l-ikel u x-xarbiet imsemmija mir-rikorrenti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark, kif ukoll is-servizzi relatati, ikun fihom sustanzi narkotiċi illegali f’diversi Stati Membri huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jmur kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, fid-dawl tal-interess fundamentali enfasizzat fil-punti 74 u 75 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, peress li waħda mill-funzjonijiet ta’ trade mark tikkonsisti f’li tiġi identifikata l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz sabiex tippermetti lill-konsumatur, meta jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tindika, li jagħmel, waqt akkwist ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din tkun negattiva (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, EU:T:2003:54, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-imsemmi sinjal, sa fejn jiġi pperċepit bil-mod deskritt iktar ’il fuq, jinċita, impliċitament, iżda neċessarjament, ix-xiri ta’ tali prodotti u servizzi jew, tal-inqas, jibbanalizza l-konsum tagħhom.

78      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvalida din il-konklużjoni billi tinvoka argument tal-eżistenza ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li jinkludu kliem bħal “Cannabis” jew “kokaina”.

79      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-20 ta’ Marzu 2009 dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark verbali tas-sinjal COCAINE (ara l-punt 58 iktar ’il fuq) u, matul is-seduta, hija rreferiet ukoll għall-applikazzjoni tagħha għal trade mark CANNABIS STORE Amsterdam ORIGINAL Amsterdam, li fir-rigward tagħha l-eżaminatur reċentement irtira l-oġġezzjonijiet tiegħu. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-riferimenti magħmula għad-deċiżjonijiet adottati fl-ewwel istanza mill-EUIPO ma jistgħu jorbtu la lill-Bordijiet tal-Appell tiegħu u lanqas, a fortiori, lill-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Brunner vs EUIPO - CBM (H HOLY HAFERL HAFERL SHOE COUTURE), T-367/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:28, punt 103). B’mod partikolari, ikun kontra l-missjoni ta’ stħarriġ tal-Bord tal-Appell, kif iddefinit fil-premessa 30 u fl-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, li l-kompetenza tiegħu titnaqqas bl-osservanza ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn korpi tal-ewwel istanza tal-EUIPO (ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Battelle Memorial Institute vs EUIPO (HEATCOAT), T‑469/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:302, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-imsemmija deċiżjonijiet b’mod utli.

80      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 7(1)(f) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001. Għalhekk, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud u konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Santa conte hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tomljenović

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.