Rikors ippreżentat fi 1 ta’ Frar 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-60/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels, V. Uher, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
tikkonstata li, billi żammet dispożizzjonijiet li bihom:
billi irrifjutat il-pagamenti ta’ kull sena ta’ manteniment jew somom ta’ kapital minflok tali pagamenti ta’ kull sena u pagamenti komplementari ta’ kull sena tad-dħul taxxabbli lil detenturi ta’ obbligazzjonijiet li ma humiex residenti fil-Belġju u li jirċievu inqas minn 75 % tad-dħul professjonali tagħhom hemmhekk li ma jistgħux jibbenefikaw mill-istess tnaqqis fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom minħabba l-ammont baxx tad-dħul taxxabbli tagħhom f’dak l-Istat,
ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq motiv wieħed li jallega li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tiddiswadi lill-persuna taxxabbli mhux residenti milli jeżerċitaw il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattati u b’mod iktar partikolari l-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 28 tal-Ftehim ŻEE.
Fil-fatt, persuna taxxabbli mhux residenti li ma jġibx mill-Belġju mill-inqas 75 tad-dħul professjonali taxxabbli tiegħu u li ma jistax effettivament jibbenefika mit-tnaqqis tal-manteniment fl-Istat ta’ residenza tiegħu minħabba nuqqas ta’ dħul taxxabbli suffiċjenti f’dak l-Istat huwa mċaħħad mil-leġiżlazzjoni Belġjana mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe tnaqqis minn dawn il-pagamenti ta’ kull sena. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża C-39/10, Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Estonja li, f’każ bħal dan, huwa l-Istat tal-impjieg li għandu jieħu kont tas-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna taxxabbli mhux residenti.
____________