Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2013 – ZZ et vs BEI

(Kawża F-45/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

L-annullament tad-deċiżjonijiet inklużi fir-rendikonti tas-salarju li tiġi applikata d-deċiżjoni ġenerali tal-Bank Ewropew tal-Investiment li tistabbilixxi progressjoni ta’ salarju limitata għal 2.3 % fir-rigward tal-persunal kollu u d-deċiżjoni li tistabbilixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 % sa 3 % tas-salarju u t-talba sussegwenti li l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni flimkien mal-ħlas ta’ danni.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjonijiet li tiġi applikata, fir-rigward tar-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012 li tistabbilixxi progressjoni ta’ salarju limitata għal 2.3 % u d-deċiżjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013 li tistabbilixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 % sa 3 % tas-salarju, skont ir-rikorrenti, deċiżjonijiet inklużi fir-rendikonti ta’ salarju ta’ April 2013, kif ukoll l-annullament, bl-istess mod, tad-deċiżjonijiet kollha inklużi fir-rendikonti ta’ salarju sussegwenti u, sa fejn huwa neċessarju, l-annullament tan-nota ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fil-5 ta’ Frar 2013;

jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet, iċċitati iktar ’il fuq, tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tal-Kumitat Maniġerjali tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskeda ta’ mertu “4-3-2-1-0” u tal-iskeda “żgħira” “5-4-3-1-0” jew, sussidjarjament, għar-rikorrenti li ngħataw marka A, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskeda ta’ mertu 3-2-1-0-0 u, għar-rikorrenti li jaqgħu taħt l-iskeda “żgħira”, meta mqabbla mal-iskeda żgħira “4-3-2-0-0”; bl-interessi moratorji li għandhom jiżdiedu ma’ din id-differenza fir-remunerazzjoni b’effett mit-12 ta’ April 2013 u, sussegwentement, fit-12 ta’ kull xahar, sal-ħlas kollu, b’rata ta’ interessi li tkun ir-rata ta’ interessi tal-BĊE, miżjuda bi 3 punti;

jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta’ danni għad-dannu mġarrab minħabba t-telf tal-kapaċita ta’ akkwist, liema dannu għandu jiġi evalwat ex aequo et bono, u provviżorjament, għal 1.5 % tar-remunerazzjoni fix-xahar ta’ kull rikorrent;

jikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.