Language of document : ECLI:EU:C:2015:853

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

tat-23 ta’ Diċembru 2015 (1)

Kawża C‑547/14

Philip Morris Brands SARL et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), ir-Renju Unit]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet –Direttiva 2014/40/UE — Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati — L-għażla tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Libertà ta’ espressjoni — Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE — Delega ta’ setgħat leġiżlattivi u ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea”





Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kawża prinċipali u l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

III – L-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

A –   Fuq il-limitazzjoni tad-domandi dwar il-validità għal artikoli individwali tad-Direttiva

B –   Fuq iċ-ċirkustanzi li fihom sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1.     Fuq il-mument li fih tressqet it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2.     Fuq l-assenza eventwali ta’ dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju nnifisha dwar il-validità tad-Direttiva

3.     Fuq ċerti difetti oħra tat-talba għal deċiżjoni preliminari

a)     Fuq id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali

b)     Fuq ir-rilevanza ta’ ċerti domandi preliminari

i)     Fuq il-parti (a), il-parti (b) u l-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda

ii)   Fuq il-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda u r-raba’ sas-sitt domandi

iii) Fuq is-seba’ domanda

C –   Konklużjoni intermedja

IV – Evalwazzjoni tal-mertu tad-domandi preliminari

A –   L-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għad-Direttiva

1.     Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti [parti (c), punt (ii) tal-ewwel domanda]

a)     Fuq l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri

i)     Fuq l-eliminazzjoni ta’ ostakoli eżistenti għall-kummerċ

ii)   Fuq ir-riskju ta’ żvilupp differenti fil-futur tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali

b)     Fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern

c)     Konklużjoni intermedjarja

2.     L-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk [parti (c), punt (i) tal-ewwel domanda]

3.     Il-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk [partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda]

a)     Id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu iktar rekwiżiti fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-pakketti tat-tabakk [parti (a) tal-ewwel domanda]

b)     Id-dritt tal-Istati Membri li jipprojbixxu ċerti kategoriji ta’ prodotti [parti (b) tal-ewwel domanda]

c)     Konklużjoni intermedja

4.     Ir-regoli dwar il-bejgħ mill-bogħod [parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda]

5.     Awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ standards maqbula fuq il-livell internazzjonali [parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda]

B –   Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.     Indħil fil-libertà ta’ intrapriża

a)     Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti [parti (a) tat-tielet domanda]

i)     L-adegwatezza tal-projbizzjoni

ii)   In-neċessità tal-projbizzjoni

–       Fuq in-neċessità ta’ projbizzjoni ġenerali tat-togħmiet karatterizzanti kollha

–       Fuq il-miżuri allegatament inqas restrittivi

iii) Proporzjonalità fis-sens strett

b)     Ir-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk [parti (b) u (c) tat-tielet domanda]

i)     Fuq il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti [parti (b) tat-tielet domanda]

ii)   Fuq id-daqs tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati [parti (c) tat-tielet domanda]

–       Fuq l-adegwatezza ta’ twissijiet għall-protezzjoni tas-saħħa fuq superfiċi kbira

–       Fuq in-neċessità ta’ twissijiet fuq superfiċi kbira

–       Fuq il-proporzjonalità fis-sens strett u fuq l-allegazzjoni ta’ arbitrarjetà

iii) Konklużjoni intermedja

2.     Indħil fil-libertà ta’ espressjoni (it-tieni domanda)

a)     Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [parti (a) tat-tieni domanda]

b)     Fuq il-validità tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [il-parti (b) tat-tieni domanda]

C –   Id-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u ta’ implementazzjoni

1.     Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 290 TFUE dwar is-setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati (ir-raba’ domanda)

2.     L-allegata delega ta’ setgħat lil korpi internazzjonali li jinsabu barra mill-Unjoni (il-ħames domanda)

3.     Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 291 TFUE dwar setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni (is-sitt domanda)

4.     Konklużjoni intermedja

D –   Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

1.     Il-kompatibbiltà tal-kontenut tad-Direttiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

2.     Motivazzjoni suffiċjenti tad-Direttiva fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

3.     Konklużjoni intermedja

V –   Konklużjoni

Introduzzjoni

1.        Permezz tad-Direttiva 2014/40/UE (2), f’April tal-2014, wara negozjati diffiċli u proċedura leġiżlattiva estremament diffikultuża, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta leġiżlazzjoni rriveduta dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati fis-suq intern Ewropew.

2.        Bħall-predeċessuri tagħha (3), din id-direttiva hija wkoll is-suġġett ta’ kawżi intensi. Il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa għandha quddiemha tliet proċeduri paralleli dwarha, fosthom din preżenti, imressqa minn qorti Brittanika fuq talba tal-grupp Philip Morris International (PMI) u tal-grupp British American Tobacco (BAT). Din l-aħħar kawża tinkludi l-kontestazzjonijiet l-iktar estensivi tal-legalità ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern u tikkontesta, b’mod indiskriminat, għadd partikolarment kbir mid-dispożizzjonijiet tagħha.

3.        Madankollu, f’dan ir-rigward, l-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE (l-ex Artikolu 95 KE jew l-Artikolu 100a tat-Trattat KEE) bħala bażi legali, għalkemm tkompli tkun kontroversjali f’ċerti dettalji, ma għadx għandha rwol ċentrali bħal fis-snin preċedenti. Għall-kuntrarju, issa punti ta’ dritt oħra jinsabu fiċ-ċentru tal-interess, b’mod partikolari dawk b’rabta mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huma wkoll inkwistjoni l-possibbiltajiet tad-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

4.        Wara dawn il-kwistjonijiet legali, li jinvolvu interessi ekonomiċi sinjifikattivi u li, barra minn hekk, jaffettwaw il-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini tal-Unjoni kuljum, finalment hemm moħbija kwistjoni fundamentali ħafna: liema marġni ta’ diskrezzjoni għad fadallu l-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jiżgura li prodotti jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni kollha taħt kundizzjonijiet uniformi, mingħajr ma jiġi injorat b’dan il-mod l-għan fundamentali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, li huwa stabbilit b’mod prominenti fid-dritt primarju [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea]?

5.        Minbarra dan il-każ, bħalissa huma pendenti wkoll żewġ proċeduri dwar il-legalità tad-Direttiva 2014/40, u kull waħda minnhom tindirizza aspetti speċifiċi ħafna tad-dispożizzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Waħda minn dawn il-proċeduri (4) tikkonċerna d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar is-sigaretti elettroniċi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva; din toriġina minn talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-istess qorti (iżda mhux mill-istess imħallef), li qed tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja anki f’dan il-każ. L-oħra (5) hija dwar rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja, li permezz tiegħu din tikkontesta b’mod speċifiku l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol imposta mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Illum ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dawk iż-żewġ kawżi.

I –    Il-kawża prinċipali u l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

6.        PMI u BAT joperaw fil-qasam tal-manifattura u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk. Il-kumpanniji Philip Morris Brands SARL u Philip Morris Limited, minn naħa, kif ukoll British American Tobacco UK Limited, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikorsi kontra s-Secretary of State for Health (6) quddiem il-High Court of Justice (England and Wales) – Queen’s Bench Division (Administrative Court) –, il-qorti tar-rinviju, bl-għan li jipprevjenu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/40 fir-Renju Unit. Dawn iż-żewġ rikorsi ġew magħquda mill-qorti tar-rinviju.

7.        Min-naħa tar-rikorrenti, fil-kawża prinċipali ġew ammessi impriżi oħra bħala intervenjenti: Imperial Tobacco Limited, JT International SA u Gallaher Limited (7), Tann UK Limited u Tannpapier GmbH (8), Deutsche Benkert GmbH & Co. KG u Benkert UK Limited (9), V. Mane Fils (10), kif ukoll Joh. Wilh. Von Eicken GmbH (11). Xi wħud minn dawn l-impriżi jimmanifatturaw prodotti tat-tabakk huma stess, filwaqt li oħrajn joperaw bħala fornituri lill-industrija tat-tabakk, pereżempju għal karti ta’ tgeżwir tal-filtri tas-sigaretti jew aromi.

8.        Fil-kawża prinċipali, is-Secretary of State huwa tal-fehma li d-Direttiva hija valida, iżda fl-istess waqt iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura leġiżlattiva huma fl-aħjar pożizzjoni li jiddefendu d-Direttiva, u li fi kwalunkwe każ il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-validità tagħha. Fil-fehma tiegħu, b’hekk il-każ preżenti jikkwalifika għal proċedura għal deċiżjoni preliminari.

9.        F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ma titlob l-ebda difiża fil-mertu u l-ebda produzzjoni ta’ provi mingħand is-Secretary of State; iżda li tagħmel immedjatament domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Direttiva. Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2014, li waslet fl-1 ta’ Diċembru 2014, hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE:

Bażi legali

1)      Id-Direttiva hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata? B’mod partikolari:

a)      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva:

i)      jekk jiġi interpretat b’mod korrett, sa liema punt jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar stretti fil-qasam tal-‘istandardizzazzjoni’ tal-ippakkjar ta’ prodotti tat-tabakk; u

ii)      fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 24(2) huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jipprovdix bażi legali adegwata?

b)      L-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu kategorija ta’ tabakk jew prodotti relatati f’ċirkustanzi speċifiċi, huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata?

c)      Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma vvizzjati b’illegalità għar-raġuni li l-Artikolu 114 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata:

i)      id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva dwar l-ippakkjar u l-ittikkettjar;

ii)      l-Artikolu 7 tad-Direttiva, sa fejn jipprojbixxi s-sigaretti tal-mentol u l-prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti;

iii)      l-Artikolu 18 tad-Direttiva li jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk; u

iv)      l-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva li jiddelegaw setgħat lill-Kummissjoni fil-qasam ta’ livelli ta’ emissjonijiet

Proporzjonalità u drittijiet fundamentali

2)      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 13 tad-Direttiva:

a)      jekk jiġi interpretat b’mod eżatt, dan jipprojbixxi dikjarazzjonijiet veri u mhux qarrieqa dwar prodotti tat-tabakk fuq l-ippakkjar tagħhom; u,

b)      jekk iva, huwa vvizzjat b’illegalità għar-raġuni li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

3)      Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma, kompletament jew parzjalment, ivvizzjati b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità:

a)      l-Artikoli 7(1) u 7(7), sa fejn jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk bil-mentol bħala togħma karatterizzanti u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom;

b)      l-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u 14, sa fejn jimponu rekwiżiti varji fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar; u,

c)      l-Artikolu 10(1)(a) u (c), sa fejn jimponi twissijiet tas-saħħa li jkopru 65 % tas-superfiċi esterna ta’ quddiem u ta’ wara tal-ippakkjar individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern?

Delega/Implementazzjoni

4)      Xi waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-Artikolu 290 TFUE:

a)      l-Artikoli 3(2) u 3(4) dwar livelli massimi ta’ emissjoni;

b)      l-Artikolu 4(5) dwar il-metodi ta’ kejl tal-emissjonijiet;

c)      l-Artikoli 7(5), 7(11) u 7(12) dwar ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti;

d)      l-Artikoli 9(5), 10(1)(f), 10(3), 11(6), 12(3) u 20(12) dwar twissijiet tas-saħħa;

e)      l-Artikolu 20(11) dwar il-projbizzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u/jew il-kontenituri ta’ rikarika; u/jew

f)      l-Artikolu 15(12) dwar kuntratti għall-ħażna ta’ data?

5)      L-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva huma vvizzjati b’illegalità għar-raġuni li jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali u/jew jiddelegaw illegalment setgħat lill-korpi esterni li ma humiex suġġetti għall-garanziji proċedurali tal-Unjoni Ewropea?

6)      Xi waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva hija, kompletament jew parzjalment, ivvizzjata b’illegalità għar-raġuni li tikser l-Artikolu 291 TFUE:

a)      l-Artikolu 6(1) dwar l-obbligi ta’ rappurtar;

b)      l-Artikoli 7(2) sa (4) u 7(10) dwar l-atti ta’ implementazzjoni fil-qasam tal-projbizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk f’ċerti ċirkustanzi; u/jew,

c)      l-Artikolu 9(6) u 10(4) dwar it-twissijiet tas-saħħa?

Sussidjarjetà

7)      Id-Direttiva u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8(3), 9(3), 10(1)(g), 13 u 14 huma vvizzjati b’illegalità minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà?”

10.      Apparti milli jifformula dawn id-domandi preliminari, id-digriet tar-rinviju huwa limitat sabiex jiġbor fil-qosor il-punti legali mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti tagħhom kontra d-Direttiva. Peress li l-qorti tar-rinviju tqis li dawn l-ilmenti huma “raġonevoli”, hija tqis li deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja hija “neċessarja u xierqa”.

11.      Fil-parti bil-miktub tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, minbarra r-rikorrenti tal-kawża prinċipali u l-intervenjenti tagħhom, ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Irlanda, ta’ Franza, tal-Polonja, tal-Portugall u tan-Norveġja kif ukoll mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea (12). L-istess partijiet ġew irrappreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2015, u f’din is-seduta pparteċipaw ukoll l-Italja u l-Ungerija.

II – L-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

12.      Qabel ma nittratta l-lista estensiva ta’ domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kontenut tagħhom, hemm lok għal diskussjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Minn naħa tqum kwistjoni dwar jekk il-validità ta’ dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva tistax tiġi kkontestata b’mod iżolat. Min-naħa l-oħra għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti humiex kompatibbli mal-ispirtu u l-funzjonament tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.

A –    Fuq il-limitazzjoni tad-domandi dwar il-validità għal artikoli individwali tad-Direttiva

13.      Fil-biċċa l-kbira, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Direttiva 2014/40 fl-intier tagħha, iżda biss dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet individwali ta’ din id-direttiva.

14.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li tagħhom ikun intalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att (l-hekk imsejjaħ rekwiżit ta’ separabbiltà) (13). Ma jkunx hemm tali separabbiltà meta l-annullament parzjali tal-att ikkontestat ikollu bħala effett it-tibdil tal-essenza tiegħu (14). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi awtomatikament applikata għall-eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni permezz ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (15).

15.      Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva jinkludu għadd kbir ta’ rekwiżiti differenti li jirregolaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiet sottomessa l-ebda indikazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu interrelatati daqshekk mill-qrib li għandhom japplikaw u jaqgħu flimkien. Anki li kieku fil-proċedura preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddikjara bħala invalidi xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li ġew ikkontestati, dan ma jċaħħadx id-dispożizzjonijiet l-oħra inklużi fid-Direttiva mir-raġuni tagħhom, u l-portata tagħhom ma tinbidilx. Dan japplika b’mod partikolari, iżda mhux biss, għad-dispożizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni.

16.      Konsegwentement, għandu jiġi preżunt li d-dispożizzjonijiet kollha inkwistjoni tad-Direttiva huma parti separabbli mid-Direttiva 2014/40 u li l-eventwali dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħhom ma taffettwax l-essenza ta’ din id-direttiva.

B –    Fuq iċ-ċirkustanzi li fihom sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Minkejja dan, jeħtieġ li jiġi diskuss iktar fid-dettall jekk iċ-ċirkustanzi li fihom sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti humiex tali li jaffettwaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Fuq il-mument li fih tressqet it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      L-ewwel nett huwa irrilevanti l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet f’mument meta l-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kien għadu ma skadiex u ma kien għad daħal fis-seħħ l-ebda att nazzjonali għat-traspożizzjoni tagħha (16). Dan għaliex il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li huwa espress fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jeżiġi b’mod partikolari li l-individwi jkunu jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni rilevanti li jikkonċernawhom, mingħajr ma jkunu mġiegħla li jiksru d-dritt preċedentement (17). Fid-dawl ta’ dan, il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) waqt il-fażi tat-traspożizzjoni ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea fid-dritt nazzjonali, li teżisti u li diġà ntużat diversi drabi fid-dritt tar-Renju Unit, flimkien ma’ kwalunkwe rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju għandha tintlaqa’.

19.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Parlament, l-Kunsill, il-Kummissjoni u Franza, fil-każ preżenti ma tistax tiġi preżunta kawża purament fittizja (18). Filwaqt li huwa minnu li fil-kawża prinċipali s’issa kważi ma hemm l-ebda argument ta’ difiża ssostanzjat mill-konvenut, is-Secretary of State, madankollu hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-kawża prinċipali jeħtieġ li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (19); din tista’ ssir anki qabel proċedura kontradittorja bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (20).

20.      Speċifikament f’sitwazzjoni bħal dik preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, barra minn hekk, li nuqqas ta’ qbil — u b’hekk kawża ġenwina — bejn il-partijiet, dejjem għandu jiġi preżunt ladarba l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu wrew l-intenzjoni tagħhom li jittrasponu d-direttiva kkontestata (21). Tali intenzjoni fil-każ preżenti tista’ tiġi konkluża diġà mill-fatt li s-Secretary of State fil-kawża prinċipali ddikjara espressament li jqis id-Direttiva fit-totalità tagħha bħala valida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari bl-ebda mod ma huma bbażati fuq kawża manifestament fittizja.

2.      Fuq l-assenza eventwali ta’ dubji min-naħa tal-qorti tar-rinviju nnifisha dwar il-validità tad-Direttiva

21.      Min-naħa l-oħra, huwa ferm iktar importanti li l-oġġezzjoni magħmula mill-Parlament, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u minn Franza, li l-qorti tar-rinviju ma esprimiet l-ebda dubju tagħha stess dwar il-validità tad-Direttiva, iżda fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biss l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-intervenjenti tagħhom.

22.      Fil-fatt, id-digriet tar-rinviju essenzjalment sempliċement jiġbor fil-qosor l-argumenti legali kontra d-Direttiva magħmula fil-kawża prinċipali, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi informatha bihom.

23.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qorti nazzjonali ma għandhiex sempliċement tgħaddi l-ilmenti ta’ individwu lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu adottati minnha (22). Dan għaliex skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 276 TFUE ma tikkostitwixxix rimedju għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, iżda pjuttost proċedura ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja (23).

24.      Konsegwentement, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi hija nnifisha jekk domanda magħmula lilha dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni hijiex neċessarja sabiex tagħti sentenza fil-kawża prinċipali (24). Eventwali kontestazzjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni magħmula quddiem il-qorti nazzjonali ma hijiex biżżejjed, minnha nnifisha, sabiex tiġġustifika r-rinviju ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (25). Bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — u b’hekk ukoll tad-Direttiva 2014/40 (26).

25.      L-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika wkoll li l-qorti nazzjonali, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandha tesponi r-raġunijiet għaliex tqis li tali rinviju huwa neċessarju (27) [ara wkoll l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja].

26.      Meqjus fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, id-digriet tar-rinviju li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ xejn ma huwa eżemplari. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ssottomettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kunsiderazzjonijiet fit-tul għalfejn approvat lil ċerti impriżi fil-kawża prinċipali bħala intervenjenti u lil oħrajn le. Iżda b’kuntrast ma’ dan, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija estremament skarsa fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi preliminari għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti nazzjonali.

27.      Iżda l-qorti nazzjonali xorta waħda indikat li hija tqis l-ilmenti mressqa fil-kawża prinċipali bħala “raġonevoli” u għalhekk tqis li deċiżjoni preliminari hija “neċessarja u xierqa”.

28.      Dawn id-dikjarazzjonijiet tassew jirrappreżentaw l-iktar limitu baxx ta’ dak li l-qorti nazzjonali għandha tikkomunika sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà fi proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Flimkien mal-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-intervenjenti tagħhom riprodotti fid-digriet tar-rinviju, madankollu dawn, apparti minn xi eċċezzjonijiet li għad iridu jiġu diskussi (28), jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għal dawk intitolati li jipparteċipaw fil-proċedura skont l-Artikolu 23 tal-Istatut, sabiex jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet legali mqajma f’dan il-każ

29.      Fid-dawl tal-importanza li tingħata lill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (29), ma għandhomx jiġu stabbiliti rekwiżiti stretti żżejjed fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi mistħarrġa l-validità tal-atti tal-Unjoni. Dan japplika iktar u iktar f’każijiet bħal dak preżenti, li fihom il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, meta l-impriżi kkonċernati ma jkunux intitolati jippreżentaw rikors dirett, tirrappreżenta l-unika possibbiltà sabiex jiksbu stħarriġ ġudizzjarju fil-livell tal-Unjoni u sabiex jippreżentaw l-argumenti tagħhom lill-qorti tal-Unjoni (30).

30.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja n-nuqqas li bih huwa vvizzjat d-digriet tar-rinviju f’dan il-punt, ma għandhiex titqies li hija inammissibbli fl-intier tagħha.

3.      Fuq ċerti difetti oħra tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31.      Finalment, diversi partijiet fil-proċedura jressqu lmenti ddettaljati oħrajn, li permezz tagħhom jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kompletament jew parzjalment. Dawn l-ilmenti essenzjalment jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kwistjonijiet tematiċi: minn naħa hemm nuqqas ta’ deskrizzjoni suffiċjentement ċara tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, huma jargumentaw li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

a)      Fuq id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali

32.      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-minimu ta’ tagħrif dwar il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali li għandu jkun inkluż f’talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li fil-każ preżenti d-digriet tar-rinviju, b’mod differenti mill-Kawża C‑477/14, jinkludi biss sunt qasir ħafna tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-intervenjenti tagħhom. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tirreferi b’mod prattikament kontinwu għad-dikjarazzjonijiet ta’ persuni li ssemmew mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew mill-intervenjenti tagħhom bħala xhieda jew esperti, mingħajr ma tikkomunika l-kontenut tagħhom jew mingħajr ma tagħti mill-inqas sommarju tagħhom. Minbarra dan, dawn id-dikjarazzjonijiet — anki jekk jingħad li l-kontenut tagħhom huwa magħruf — ma jistgħux jiġu preżunti bħala korretti awtomatikament, peress li għadha ma saret l-ebda proċedura kontradittorja quddiem il-qorti nazzjonali, kif enfasizzaw diversi partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

33.      Kif jinnotaw ġustament il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Franza, tali approċċ segwit mill-qorti nazzjonali jirrendi iktar diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll għat-terzi li huma intitolati jintervjenu fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 23 tal-Istatut, li jesprimu kunsiderazzjonijiet rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari.

34.      Minkejja dawn in-nuqqasijiet fil-preżentazzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari, jidhirli li t-talba għal deċiżjoni preliminari madankollu tista’ tinftiehem suffiċjentement fir-rigward tas-suġġett u l-għan tagħha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet li huma intitolati jintervjenu fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari jkunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni raġonevoli. Wara riflessjoni bir-reqqa, b’hekk jien ma nqisx li huwa xieraq li talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba l-imsemmija nuqqasijiet fil-preżentazzjoni, li huma pjuttost serji.

b)      Fuq ir-rilevanza ta’ ċerti domandi preliminari

35.      Imbagħad, għal dak li jikkonċerna r-rilevanza ta’ ċerti domandi preliminari sabiex tingħata deċiżjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni joġġezzjonaw għal żewġ gruppi ta’ domandi, jiġifieri, minn naħa, il-parti (a), il-parti (b) u l-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda, u, min-naħa l-oħra, il-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda u r-raba’ sas-sitt domanda. Anki minħabba l-assenza ta’ rilevanza għad-deċiżjoni, il-Parlament u l-Kummissjoni jiddubitaw ukoll dwar l-ammissibbiltà tas-seba’ domanda, sa fejn din tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra minbarra l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

36.      Il-punt tal-bidu tal-kunsiderazzjonijiet tagħha għandu jkun li, fir-rigward ta’ domandi preliminari li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, tapplika preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l‑Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (31).

i)      Fuq il-parti (a), il-parti (b) u l-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda

37.      Il-partijiet (a), (b) u (c), punt (iii) tal-ewwel domanda jirreferu għall-marġni ta’ diskrezzjoni li d-Direttiva, fl-Artikoli 18 u 24(2) u (3) tħalli lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri nazzjonali iktar restrittivi minn dawk previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

38.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva, il-partijiet fil-proċeduri skambjaw l-ideat tagħhom b’mod intensiv quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk skont din id-dispożizzjoni l-Istati Membri humiex permessi jippreskrivu ppakkjar newtrali fid-dritt nazzjonali tagħhom għall-prodotti tat-tabakk (l-hekk imsejjaħ “plain packaging”). Minkejja dan, l-adozzjoni ta’ tali regoli dwar l-ippakkjar għall-prodotti tat-tabakk attwalment ma hijiex is-suġġett tal-kawża prinċipali; għall-inqas il-qorti tar-rinviju ma ssottomettiet l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward fl-ebda punt tad-digriet tar-rinviju tagħha.

39.      Anki fuq il-kwistjoni indirizzata fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva ta’ projbizzjonijiet nazzjonali għal ċertu tabakk jew prodotti relatati, ma sarux sottomissjonijiet, la mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-ebda parti fil-proċedura, dwar jekk ir-Renju Unit huwiex beħsiebu jagħmel użu minn din ir-regola speċjali, u b’liema mod.

40.      L-istess japplika għall-Artikolu 18 tad-Direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jiddikjaraw projbizzjoni tal-bejgħ transkonfinali mill-bogħod. Hawnhekk ukoll ma huwiex ċar jekk ir-Renju Unit attwalment huwiex qed jippjana li jirrikorri għal din id-dispożizzjoni.

41.      Għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri bl-ebda mod ma huma obbligati, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jinkorporaw kwalunkwe dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom, jew li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet konkreti hija mistennija bi kważi ċertezza skont l-informazzjoni disponibbli fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

42.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien tal-fehma li wieħed imur lil hinn mill-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali stabbilit permezz tal-Artikolu 267 TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-partijiet (a) u (b) kif ukoll għall-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda. Huwa evidenti li t-talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward ma hijiex rilevanti, b’tali mod li l‑Qorti tal-Ġustizzja taffaċċja riskju li sempliċement tagħti opinjoni għal domanda ipotetika (32).

43.      Il-qrati nazzjonali għandhom tabilħaqq jibqgħu liberi li jerġgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żmien dovut dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 18 kif ukoll tal-Artikolu 24(2) u (3) tad-Direttiva, ladarba jkollhom jindirizzaw dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ kawża konkreta.

ii)    Fuq il-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda u r-raba’ sas-sitt domandi

44.      Il-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda u r-raba’ sas-sitt domanda kollha kemm huma jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jipprevedu diversi setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 3(2) u (4), l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) sa (5) u (10) sa (12), l-Artikolu 9(5) u (6), l-Artikolu 10(1)(f), (3) u (4), l-Artikolu 11(6), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 15(12) kif ukoll l-Artikolu 20(11) u (12) tad-Direttiva.

45.      Dawn id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva huma indirizzati esklużivament għall-Kummissjoni. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma timponi fuq l-Istati Membri obbligu fir-rigward tat-tfassil tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom.

46.      Iżda peress li l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali tirreferi biss għall-intenzjoni u għall-obbligu tar-Renju Unit li jimplementa d-Direttiva, ċerti kwistjonijiet legali b’rabta mas-setgħat tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija hawn fuq bl-ebda mod ma huma relatati mar-realtà u s-suġġett tal-kawża prinċipali. B’hekk dawn huma manifestament nieqsa minn rilevanza għad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali.

47.      Min-naħa l-oħra, ladarba l-Kummissjoni tkun għamlet użu mis-setgħat imsemmija hawn fuq permezz tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni, il-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom ir-rimedji previsti fis-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tat-Trattati.

iii) Fuq is-seba’ domanda

48.      Bis-seba’ domanda, jitressqu lmenti dwar l-invalidità tad-Direttiva meħuda fl-intier tagħha kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet individwali tagħha — jiġifieri l‑Artikolu 7, l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 9(3), 10(1)(g), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 — fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

49.      Iżda kif ġie rrilevat ġustament mill-Parlament u mill-Kummissjoni, huwa biss fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol stabbilita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva li d-digriet tar-rinviju fih xi kunsiderazzjonijiet superfiċjali ħafna fuq ir-raġunijiet għalfejn il-kompatibbiltà tad-Direttiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà qed tiġi kkontestata. Min-naħa l-oħra, id-digriet tar-rinviju lanqas biss ma jipprova jikkjarifika għalfejn barra minn hekk id-Direttiva fl-intier tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha msemmija espressament fis-seba’ domanda għandhom iqajmu problemi fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

50.      Dan l-approċċ jikkontradixxi b’mod enfatiku l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 49(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistabbilixxu li l-qorti tar-rinviju għandha tesponi r-raġunijiet li wassluha biex ikollha dubji dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni. Ma huwiex aċċettabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet awtorizzati biex jintervjenu fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 23 tal-Istatut ikunu mġiegħla jwettqu spekulazzjoni għalfejn ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-validità.

51.      Għal din ir-raġuni, u sabiex jiġi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tesprimix ruħha b’opinjoni dwar kwistjoni purament ipotetika, is-seba’ domanda għandha titqies li hija ammissibbli biss sa fejn hija tirreferi għall-Artikolu 7 tad-Direttiva. Għall-bqija, is-seba’ domanda għandha titqies li hija inammissibbli.

C –    Konklużjoni intermedja

52.      Kollox ma’ kollox, għaldaqstant il-parti (a), il-parti (b) u l-parti (c), punti (iii) u (iv) tal-ewwel domanda u r-raba’ sas-sitt domandi għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli. Is-seba’ domanda hija inammissibbli sa fejn tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra għajr l-Artikolu 7 tad-Direttiva. Għall-bqija, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

III – Evalwazzjoni tal-mertu tad-domandi preliminari

53.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, abbażi tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-intervenjenti tagħhom, tattakka b’mod ġenerali d-Direttiva 2014/40, u b’hekk id-dispożizzjonijiet essenzjali kollha ta’ din il-miżura tad-dritt tal-Unjoni qed jiġu eżaminati mill-aspetti l-iktar differenti. Minbarra l-adegwatezza tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għal dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva, fuq kollox huma kkonċernati kwistjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, iżda wkoll is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni u ta’ atti ddelegati. Sa fejn huma kkonċernati domandi li jien inqis bħala kompletament jew parzjalment inammissibbli (ara l-kunsiderazzjonijiet li għadhom kemm ġew ippreżentati) (33), sussegwentement jien ser nagħti opinjoni dwar il-kwistjonijiet legali mqajma biss sussidjarjament.

A –    L-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għad-Direttiva

54.      Permezz tal-ewwel domanda, il-fatt li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali għad-Direttiva 2014/40 jitqiegħed f’dubju minn perspettivi differenti. Jien ser neżamina s-suġġetti individwali mqajma mill-qorti tar-rinviju f’ordni kemxejn differenti minn tagħha.

55.      Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li att ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE għandu, minn naħa jinkludi miżuri dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollu bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (34). Barra minn hekk, tali miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern skont l-Artikolu 114 TFUE għandhom effettivament ikollhom bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern (35).

56.      Jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jibbaża fuq din id-dispożizzjoni, anki jekk il-protezzjoni tas-saħħa pubblika tkun fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru (36).

57.      Konsegwentement, f’dan il-każ, l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għad-Direttiva 2014/40 ma jistax jiġi kkontestat biss minħabba li din id-direttiva, minbarra t-titjib tal-funzjonament tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati għandha bħala għan ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Pjuttost, dan l-għan jikkorrispondi eżattament għall-mandat taħt id-dritt primarju mogħti lil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżulta espressament mill-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.      Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti [parti (c), punt (ii) tal-ewwel domanda]

58.      Fil-parti (c), punt (ii) tal-ewwel domanda jsir riferiment għall-projbizzjoni fl-Unjoni kollha tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti stabbilita fl-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva. Il-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol speċifikament, li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi fatt kontenzjuż għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u xi wħud mill-intervenjenti tagħhom. Huma jallegaw li tali projbizzjoni ma kellhiex tkun tista’ tiġi imposta mil-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

59.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet fil-qosor ħafna fid-digriet tar-rinviju u tal-argumenti pjuttost superfiċjali tal-impriżi li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari dwar dan is-suġġett, jien ser nikkummenta wkoll relattivament fil-qosor dwar dan is-suġġett f’dan l-istadju, u ser nirreferi wkoll għall-kunsiderazzjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑358/14 (37), fejn din l-istess kwistjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni kunsiderevolment iktar iddettaljata.

60.      Essenzjalment, l-ilmenti kontra l-Artikolu 7 tad-Direttiva huma li l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol la hija xierqa sabiex telimina differenzi bejn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima a), u permezz tagħha lanqas ma jistgħu jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima b iktar ’il quddiem).

a)      Fuq l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri

61.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jagħmel użu mill-Artikolu 114 TFUE, b’mod partikolari fil-każ ta’ diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta dawn ikunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (38) jew li joħolqu distorsjonijiet kunsiderevoli tal-kompetizzjoni (39).

62.      Għadd ta’ impriżi li pparteċipaw fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari kif ukoll il-Polonja jsostnu li fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva ma kienet teżisti l-ebda diverġenza bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar is-sigaretti tal-mentol.

63.      Dan l-argument ma huwiex rilevanti. Dan għaliex huwa manifestament ibbażat fuq il-preżunzjoni żbaljata li l-leġiżlatur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 114 TFUE, seta’ jadotta dispożizzjonijiet dwar l-użu tal-mentol bħala togħma karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk biss kieku kienu jeżistu differenzi bejn ir-regoli tal-Istati Membri, speċifikament fir-rigward ta’ sigaretti tal-mentol.

64.      Tali “approċċ frammentat”, li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull segment tas-suq li huwa rregolat permezz ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, u possibbilment ukoll komponenti individwali tal-prodotti, għandu jiġi miċħud. Għall-kuntrarju, huwa rilevanti jekk id-Direttiva fl-intier tagħha tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE.

65.      Barra minn hekk, is-sigaretti tal-mentol ma jokkupaw l-ebda status speċjali (40), li jiddistingwixxihom minn sigaretti oħrajn b’togħmiet karatterizzanti u li jirrikjedi deroga mill-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni kollha imposta fid-Direttiva għal dan il-grupp ta’ prodotti ta’ tabakk (41).

66.      Għalhekk, l-użu tal-Artikolu 114 TFUE jiddependi biss minn jekk fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva, fir-rigward tal-użu ta’ togħmiet karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk, irrispettivament minn jekk dawn kinux mentol jew togħmiet oħrajn, kellhomx jitneħħew differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, li setgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ fis-suq intern Ewropew.

i)      Fuq l-eliminazzjoni ta’ ostakoli eżistenti għall-kummerċ

67.      Kif urew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u xi wħud mill-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, f’dak iż-żmien, għadd ta’ Stati Membri kienu diġà rregolamentaw l-użu ta’ togħmiet karatterizzanti, iżda oħrajn kienu għadhom le. Fejn kienu jeżistu dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn kienu differenti ħafna minn xulxin fir-rigward tal-kontenut u ma kinux neċessarjament jikkonċernaw l-istess aromi (42). Minħabba din it-taħlita ta’ regoli nazzjonali, setgħu jirriżultaw ostakoli sinjifikattivi għall-kummerċ fis-suq intern għall-prodotti tat-tabakk, li huwa kkaratterizzat minn kummerċ transkonfinali estensiv (43).

68.      Anki jekk ma kien jeżisti l-ebda ostakolu kunsiderevoli għall-kummerċ speċifikament fir-rigward tas-sigaretti tal-mentol, dan ma kienx jippreġudika l-użu tal-Artikolu 114 TFUE. Dan peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE ma tirrikjedix li f’kull dispożizzjoni ddettaljata ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern adottata fuq din il-bażi legali għandha tkun inkluża r-risposta għal diverġenzi konkreti bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali. Għall-kuntrarju, il-fattur importanti huwa t-teħid inkunsiderazzjoni tal-korp ta’ dispożizzjonijiet (44).

69.      Barra minn hekk, fil-każ preżenti l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-projbizzjoni ta’ sigaretti b’togħmiet karatterizzanti kienet tipprovdi kontribut kunsiderevolment iktar baxx għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, jekk il-konsumaturi attwali jew potenzjali ta’ prodotti tat-tabakk aromatizzati, xorta waħda kienu jibqgħu disponibbli s-sigaretti tal-mentol bħala għażla alternattiva fis-suq intern (45).

70.      Minbarra dan, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva, f’tal-inqas żewġ Stati Membri — il-Belġju u l-Ġermanja — saħansitra diġà kien hemm projbizzjoni ta’ kapsuli partikolari tal-mentol fis-sigaretti, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, dan it-tip speċifiku ta’ sigaretti tal-mentol ma setax jitqiegħed fis-suq hemmhekk (46). B’kuntrast ma’ dan, sa fejn huwa evidenti, f’dak il-mument ma kinux jeżistu projbizzjonijiet komparabbli fi Stati Membri oħrajn. L-ilment ta’ diversi impriżi u tal-Polonja, li kien hemm assenza ta’ diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali, speċjalment fir-rigward tas-sigaretti tal-mentol, għalhekk, mhux biss ma huwiex xieraq b’mod ġenerali fid-dawl tal-funzjonament ta’ Artikolu 114 TFUE, iżda huwa wkoll fattwalment infondat f’dan il-każ speċifiku.

ii)    Fuq ir-riskju ta’ żvilupp differenti fil-futur tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali

71.      Barra minn hekk, diversi impriżi fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll il-Polonja jiċħdu li fil-futur ser iqumu ostakoli għall-kummerċ fis-suq intern Ewropew minħabba projbizzjonijiet nazzjonali tas-sigaretti tal-mentol.

72.      Sussegwentement ser nindirizza din il-kwistjoni biss sussidjarjament. Dan għaliex mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi xorta waħda jirriżulta li fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva diġà kien hemm ostakoli għall-kummerċ kunsiderevoli fid-dawl tad-diverġenzi eżistenti f’dak il-mument bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membru dwar prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti. Dan huwa prattikament biżżejjed biex tingħata risposta għad-domanda dwar il-ħolqien ta’ ostakoli futuri għall-kummerċ.

73.      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali sabiex jipprevjeni l-iżvilupp ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-liġijiet nazzjonali, sakemm ikun hemm probabbiltà li jirriżultaw dawn l-ostakoli u l-miżura inkwistjoni jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (47).

74.      Dan huwa preċiżament il-każ inkwistjoni, b’mod partikolari jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riflessjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala kuntest internazzjonali.

75.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u xi wħud mill-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari esponew b’mod konvinċenti li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntalbu skont il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (48) sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu l-użu ta’ ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk li jistgħu jtejbu t-togħma tagħhom — fosthom l-użu tal-mentol. Filwaqt li wieħed għandu jammetti li dan ma jirriżultax mill-verżjoni tat-test tal-Konvenzjoni Qafas innifsu, madankollu dan jirriżulta mil-linji gwida għall‑implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tiegħu, li ġew adottati xi snin ilu mill-Konferenza tal-Partijiet (49).

76.      Anki jekk dawn il-linji gwida fihom infushom ma humiex legalment vinkolanti, xorta waħda għandhom natura globali ta’ rakkomandazzjoni għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO mill-partijiet tagħha (50). Konsegwentement, dawn iservu wkoll bħala gwida għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li pparteċipaw fil-konklużjoni ta’ din il-Konvenzjoni Qafas.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jassumi li, fuq livell nazzjonali, ser jiġu adottati minnufih regoli dwar l-użu tal-mentol u togħmiet karatterizzanti oħrajn fil-prodotti tat-tabakk, sakemm ma tiġix adottata regola uniformi fil-livell tal-Unjoni.

78.      Il-fatt enfasizzat minn uħud mill-partijiet, li fil-verità, f’dan ir-rigward, għal perijodu twil ta’ żmien bilkemm ġew adottati regoli nazzjonali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun sempliċement dovut għaċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni (51) bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien tal-pubblikazzjoni tal-linji gwida tad-WHO, diġà kienet bdiet bil-preparamenti u nediet internament il-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni tad-direttiva kkontestata (52).

79.      Minbarra dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment jassumi li regoli nazzjonali eventwali għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO ser ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor u għaldaqstant jispiċċaw iwasslu għall-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ fis-suq intern, sakemm ma tkunx adottata miżura ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Dan minħabba li dawn il-linji gwida ma jistipulawx miżuri konkreti għall-partijiet tal-Konvenzjoni, iżda jagħtuhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna; u b’mod partikolari dawn iħallulhom l-għażla bejn projbizzjonijiet u sempliċi restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ ingredjenti għat-togħma fi prodotti tat-tabakk, u jinkludu biss eżempji għal tali ingredjenti.

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dubji espressi minn għadd ta’ impriżi kkonċernati kif ukoll mill-Polonja dwar l-eżistenza ta’ differenzi attwali jew futuri bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri huma kollha infondati.

b)      Fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern

81.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u xi wħud mill-intervenjenti tagħhom jikkontestaw il-fatt li l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol tista’ tikkontribwixxi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern.

82.      Mingħajr dubju, il-projbizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti ma hijiex xierqa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern għal dawn il-prodotti. Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-Artikolu 114 TFUE jagħti s-setgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprojbixxi prodott speċifiku fis-suq intern Ewropew kollu, sakemm dan jikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet kummerċjali għal grupp ta’ prodotti oħra (53).

83.      Bl-eżempju tal-prodotti tat-tabakk inkwistjoni hawnhekk, dan jista’ jiġi spjegat kif ġej: il-projbizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti forom ta’ preżentazzjoni tat-tabakk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet kummerċjali uniformi għall-prodotti tat-tabakk kollha fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Għaldaqstant, il-projbizzjoni fl-Unjoni kollha ta’ prodotti tat-tabakk li huma mħalltin ma’ togħma karatterizzanti hija, b’ċertu mod, il-prezz li għandu jitħallas għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ prodotti tat-tabakk “normali”, li huma konformi mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva, fis-suq intern Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (54). Fi kliem ieħor, huwa minnu li minn issa ’l quddiem il-prodotti tat-tabakk, bħala prinċipju, jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni Ewropea, iżda dan jista’ jsir biss sakemm ma jkunux jinkludu togħmiet karatterizzanti.

84.      Diversi impriżi li ħadu sehem fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari joġġezzjonaw li l-kuntrabandu ser jiffjorixxi u li s-suq illegali tas-sigaretti tal‑mentol ser jikber. Iżda din hija sempliċi allegazzjoni li, barra minn hekk, ma saritx b’mod issostanzjat biżżejjed.

85.      Minbarra dan, huwa irrilevanti jekk il-kuntrabandu u l-kummerċ fis-suq illegali jistgħux ikunu impediti effettivament bil-miżuri previsti fid-Direttiva (55). Għall-kuntrarju, huwa rilevanti l-fatt li jsir iktar diffiċli għall-konsumaturi li jkomplu jiksbu provvista ta’ sigaretti tal-mentol u ta’ sigaretti aromatizzati oħrajn wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ tabakk b’togħmiet karatterizzanti. Dan il-fatt, minnu nnifsu, diġà jiġġustifika l-preżunzjoni li tali projbizzjoni ma hijiex ser tonqos milli tikkontribwixxi għall-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Il-fatt li, possibbilment, f’każijiet individwali jkun hemm evitar ta’ projbizzjonijiet, bħala prinċipju, ma huwiex argument kontra n-natura tagħha li jilħqu l-għan imfittex.

c)      Konklużjoni intermedjarja

86.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox jista’ jingħad li l-Artikolu 114 TFUE ntuża b’mod korrett bħala bażi legali għall-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti u, b’mod partikolari, tas-sigaretti tal-mentol.

2.      L-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk [parti (c), punt (i) tal-ewwel domanda]

87.      Il-parti (c), punt (i) tal-ewwel domanda tirrigwarda l-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju qed titlob informazzjoni dwar jekk l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxix bażi legali xierqa għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ta’ “ittikkettar u ippakkjar” inklużi f’din il-parti tad-Direttiva (jiġifieri fl-Artikoli 8 sa 16). Dan qed jiġi miċħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn xi wħud mill-intervenjenti tagħhom. Huma jiċħdu li f’dan il-qasam jeżistu ostakoli kunsiderevoli għall-kummerċ, u jenfasizzaw li eventwali differenzi eżistenti fl-ippakkjar u fil-preżentazzjoni tal-prodotti tat-tabakk bejn is-swieq nazzjonali huma primarjament dovuti għall-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-manifattur kif ukoll għall-preferenzi differenti tal-konsumaturi fl-Istati Membri individwali.

88.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li bosta aspetti tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar tat-tabakk kienu diġà rregolati permezz tad-dritt tal-Unjoni fid-Direttiva 2001/37/KE (56), li kienet tippreċedi d-Direttiva 2014/40 inkwistjoni.

89.      La diġà kienet teżisti miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern dwar suġġett partikolari, li f’dak iż-żmien kienet ibbażata legalment fuq l-Artikolu 114 TFUE, allura l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu essenzjalment għandu jitħalla jerġa’ jagħmel użu mill-istess bażi legali, sabiex ir-regola adottata f’dak iż-żmien tiġi rriveduta fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni politika ġdida filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għarfien xjentifiku l-iktar reċenti u tiġi adattata għal sitwazzjoni ġdida (57).

90.      F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, minn naħa, jissostitwixxi regoli preċedenti b’oħrajn kompletament ġodda li, fil-fehma tiegħu, iqis li huma iktar adattati sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq intern, skont evalwazzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi. Iżda, minn naħa l-oħra, huwa jista’, bħalma għamel f’dan il-każ, essenzjalment iżomm ir-regoli preċedenti u sempliċement jibni fuqhom sabiex, b’konformità mal-kompitu stabbilit fl-Artikolu 114(3) TFUE, dawn jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, li jmur lil hinn minn dak li seta’ jintlaħaq skont ir-regoli preċedenti (58). F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu adottati wkoll dispożizzjonijiet ġodda, li permezz tagħhom tiżdied l-effettività tar-regoli preċedenti u sabiex isir iktar diffiċli li dawn jiġu evitati (59).

91.      Saħansitra f’dan il-kuntest ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali applikabbli għad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jinsabu fil-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva, għall-iżvilupp ulterjuri tar-regola tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tat-tabakk.

92.      Barra minn hekk, fil-każ preżenti jirriżulta li taħt ir-regoli preċedenti bl-ebda mod ma ġew eliminati l-ostakoli kollha għall-kummerċ għall-prodotti tat-tabakk fis-suq intern Ewropew (60). Kif jenfasizzaw ġustament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll l-Irlanda u Franza, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40, kienu għadhom jeżistu diverġenzi sostanzjali bejn ir-regoli tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk (61).

93.      Għalhekk, f’ċerti Stati Membri ġew preskritti twissijiet tas-saħħa kkombinati (li jikkonsistu f’test u ritratt), u f’oħrajn, għall-kuntrarju, b’konformità mar-rekwiżiti minimi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/37, twissijiet bil-miktub biss. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti previsti fid-dritt nazzjonali kienu differenti minn xulxin fir-rigward tad-daqs tal-pakketti tas-sigaretti, il-kontenut minimu tagħhom kif ukoll it-testi ta’ reklamar u l-informazzjoni dwar in-natura tal-prodott permessi fuq dawn il-pakketti.

94.      Il-fatt li d-dispożizzjonijiet previsti fid-dritt tal-Istati Membri dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ huwa ovvju u jinsab rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita (62). Konsegwentement, minn din il-perspettiva, fil-każ preżenti kien jeżisti wkoll lok għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern abbażi tal-Artikolu 114 TFUE bl-iskop li jiġu eliminati tali ostakoli eżistenti għall-kummerċ.

95.      Ma jistax jiġi oġġezzjonat kontra dan li xi wħud mill-impriżi li pparteċipaw fil-proċedura ma jħossux li d-diverġenzi eżistenti bejn ir-regoli nazzjonali dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tat-tabakk huma ostakoli għall-kummerċ, peress li fi kwalunkwe każ, skont id-dikjarazzjoni tagħhom stess, huma kienu jiddisinjaw il-pakketti tal-prodotti tagħhom b’mod differenti skont kull Stat Membru u x-xejriet tal-konsumaturi.

96.      Huwa minnu li l-fehma suġġettiva tal-impriżi kkonċernati tista’ tinfluwenza xi ftit l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ostakoli għall-kummerċ, iżda din ma tistax tkun determinanti, speċjalment meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm is-suspett li xi impriżi qed iċekknu l-importanza tal-eżistenza ta’ ostakoli għall-kummerċ, sabiex jevitaw regola uniformi fl-Unjoni kollha b’rekwiżiti iktar stretti dwar il-protezzjoni tas-saħħa (63).

97.      Għall-kuntrarju, evalwazzjoni oġġettiva għandha dejjem issir. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni minn naħa seta’ jieħu inkunsiderazzjoni li l-manifattura tal-prodotti tat-tabakk għas-suq intern qed tkun ikkonċentrata iktar u iktar f’inqas impjanti tal-produzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li naturalment iwassal għal kummerċ transkonfinali estensiv u għal bżonn ikbar ta’ regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni (64). Min-naħa l-oħra, il-kuntest internazzjonali, speċjalment ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO, kien jagħmilha probabbli li l-Istati Membri individwali jadottaw regoli ġodda, li x’aktarx ikunu diverġenti fil-qasam tal-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, fil-każ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx ħa azzjoni (65).

98.      Barra minn hekk, ma jistax jiġi miċħud li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva jistgħu jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ, billi jingħad li fil-futur ser ikun għad hemm karatteristiċi nazzjonali fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, mil-lingwa tat-twissijiet sa kwalunkwe bolla fiskali. Dan għaliex l-Artikolu 114 TFUE ma jaħdimx skont il-prinċipju ta’ “kollox jew xejn”. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 114 TFUE jippermetti wkoll armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, li wkoll tista’ twassal għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ, speċjalment meta twassal għall-iffrankar tal-ispejjeż għall-impriżi kkonċernati. Il-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk seta’ jassumi dan raġonevolment fid-dawl tal-istandardizzazzjoni tad-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tal-prodotti kif ukoll it-tip ta’ twissijiet li għandhom jiġu ppreżentati fuqhom u l-informazzjoni permessa dwar in-natura tal-prodott.

99.      Fir-rigward taż-żieda fil-kuntrabandu u t-tkabbir tas-suq illegali mbassra minn xi partijiet fil-proċedura, jien inqis li dan l-argument ma tantx huwa konvinċenti f’dan il-kuntest, bl-istess mod bħal dak preċedenti fir-rigward tal-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti (66).

100. Finalment, sa fejn xi wħud mill-impriżi parteċipanti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari jilmentaw li l-istandardizzazzjoni tal-pakketti tal-prodotti ser twassal għal telf tad-diversità tal-prodotti u tal-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni bejn il-manifatturi tat-tabakk, fir-realtà dan ma huwiex ilment ta’ nuqqas ta’ kompetenza, iżda lment ta’ nuqqas ta’ proporzjonalità, li jien ser nirribatti iktar ’il quddiem fir-risposta għat-tielet domanda (67).

101. Kollox ma’ kollox, b’hekk l-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali għad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil‑Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva għandhom jiġu miċħuda, bl-istess mod kif diġà għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-regoli preċedenti (68).

3.      Il-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk [partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda]

102. Il-partijiet (a) u (b) tal-ewwel domanda jitolbu li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 24 tad-Direttiva dwar il-“moviment liberu” tal-prodotti tat-tabakk. Abbażi tal-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ta’ xi wħud mill-intervenjenti tagħhom, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 114 TFUE jirrappreżentax bażi legali xierqa għal din id-dispożizzjoni tad-Direttiva, b’mod partikolari għall-paragrafi 2 u 3 tagħha.

103. Ngħid mal-ewwel li fl-evalwazzjoni ta’ din id-domanda eventwali kummenti tas-servizzi legali ta’ diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għalihom jirreferu xi wħud mill-impriżi li pparteċipaw fil-proċedura, ma jistgħux ikunu rilevanti. Dawn huma prodotti fi proċedimenti purament interni, li mhux neċessarjament jirriflettu l-opinjoni tal-istituzzjoni inkwistjoni u, bħala tali, lanqas ma jistgħu jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa fin-natura tal-kwistjoni li l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni jħejju l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom internament u jiddiskutu wkoll b’mod kontradittorju f’dan ir-rigward. Minn dan il-fatt biss ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tal-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva.

104. L-Artikolu 24 tad-Direttiva huwa strutturat kif ġej: Fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, huwa stabbilit il-prinċipju tal-moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk u prodotti relatati li jikkonformaw mad-Direttiva; l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jillimitaw it-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aspetti rregolati mill-imsemmija direttiva. Iżda dan japplika biss “soġġett għall-paragrafi 2 u 3”. L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu iktar rekwiżiti, jiġifieri li jmorru lil hinn mir-regoli tad-Direttiva, b’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti tat-tabakk. Skont l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu wkoll ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew prodotti relatati, suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk għal finijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa.

a)      Id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu iktar rekwiżiti fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-pakketti tat-tabakk [parti (a) tal-ewwel domanda]

105. L-ewwel nett, il-parti (a) tal-ewwel domanda tqajjem dubji dwar il-bażi legali għall-Artikolu 24(2) tad-Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, id-Direttiva “ma għandhiex tolqot id-dritt ta’ Stat Membru li jżomm jew jintroduċi aktar rekwiżiti, applikabbli għall-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tiegħu, f’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk, fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, filwaqt li jitqies il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li nkiseb permezz ta’ din id-Direttiva. […]”

106. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti tagħhom huma tal-fehma li din id-dispożizzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, minħabba li din ma twassalx għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ iżda, għall-kuntrarju, twassal għall-ħolqien tagħhom. Biex jimmotivaw l-evalwazzjoni tagħhom, l-impriżi parteċipanti essenzjalment isostnu li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jimminaw iċ-ċirkulazzjoni libera tal-prodotti tat-tabakk, billi jintroduċu dispożizzjonijiet dwar l-ippakkjar li huma iktar stretti minn dawk previsti fuq il-livell tal-Unjoni.

107. B’dan il-mod, l-impriżi parteċipanti, bl-istess mod bħar-Renju Unit, l-Irlanda u n-Norveġja, jieħdu bħala bażi interpretazzjoni partikolarment estensiva tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva. Huma jassumu li permezz ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu rekwiżiti iktar stretti dwar l-ippakkjar tat-tabakk fl-aspetti kollha, jiġifieri irrispettivament minn jekk l-aspett partikolari tal-ippakkjar ikunx suġġett ta’ armonizzazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni jew le.

108. Fir-realtà, jekk jiġi interpretat b’mod daqstant estensiv, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva jista’ jkun f’kunflitt mal-għan tal-Artikolu 114 TFUE, li huwa bbażat fuq it-titjib tal-funzjonament tas-suq intern. Dan għaliex f’każ ta’ interpretazzjoni bħal din, id-Direttiva tkun tassew tarmonizza r-rekwiżiti dwar l-ippakkjar tat-tabakk, iżda minkejja dan tagħti d-dritt lill-Istati Membri li jerġgħu jidderogaw minn din l-armonizzazzjoni, u dan mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet u l-proċeduri previsti attwalment għal dan l-għan skont l-Artikolu 114(4) sa (10) TFUE. B’hekk, kif BAT indika b’mod rilevanti, l-armonizzazzjoni miksuba minn naħa terġa’ tiġi eliminata immedjatament min-naħa l-oħra.

109. Minkejja dan, ikun prematur li, mingħajr kunsiderazzjonijiet iktar bir-reqqa dwar din il-kwistjoni, jiġi konkluż mal-ewwel li l-Artikolu 24 tad-Direttiva huwa inkompatibbli mal-Artikolu 114 TFUE, u b’hekk ma setax jiġi adottat fuq din il-bażi legali. Fil-fatt, l-interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva, li ttieħdet bħala bażi mill-impriżi parteċipanti, ir-Renju Unit, l-Irlanda u n-Norveġja ma hijiex l-unika waħda li hija konċepibbli. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni, meta tippermetti iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tinftiehem b’tali mod li tkun kompatibbli mad-dritt primarju u b’mod li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha (69).

110. Interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva b’konformità mad-dritt primarju, li tiżgura b’mod partikolari l-kompatibbiltà tiegħu mal-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE, jidher li hija assolutament possibbli. B’mod partikolari, huwa possibbli — konformement mal-fehma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll ta’ Franza u tal-Portugall — li tiġi adottata interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva u li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’tali mod li l-Istati Membri jitħallew jadottaw “iktar regoli” biss sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu ma jkunx wettaq armonizzazzjoni.

111. Tali interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 24(2) hija wkoll l-iktar waħda adattata għall-għan u l-istruttura tad-Direttiva 2014/40. Dan għaliex b’differenza għal dak li jidhru li qed ifissru r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u xi wħud mill-intervenjenti tagħhom, din id-direttiva ma għandhiex l-effett ta’ armonizzazzjoni sħiħa, iżda twettaq biss armonizzazzjoni parzjali, jew — kif jaqra l-Artikolu 1(b) tagħha — din twettaq approssimazzjoni tal-“liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward [...] ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk”. Il-premessa 53 tad-Direttiva wkoll turi dan, billi tenfasizza li dan l-att leġiżlattiv jikseb “[gradi] differenti ta’ armonizzazzjoni”, u li dan “fir-rigward tal-preżentazzjoni u l-ippakkjar, [...] [j]ipprevedi [biss] l-ewwel sett ta’ regoli komuni bażiċi”.

112. Huwa minnu li d-Direttiva tinkludi kapitolu sħiħ b’dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, li jvarjaw mill-forma u l-kontenut minimu tal-pakketti sar-rekwiżit (ikkombinat) ta’ twissijiet tas-saħħa u għall-projbizzjoni ta’ ċerti dikjarazzjonijiet qarrieqa fuq il-pakketti tal-prodotti. Għall-kuntrarju tal-fehma ta’ bosta impriżi li pparteċipaw fil-proċedura, minkejja dan, għad hemm lok għal regoli nazzjonali addizzjonali fil-qasam tal-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk f’diversi aspetti. Mhux l-inqas, l-Artikolu 28(2)(a) jindika li ċerti wċuħ tal-pakketti ma humiex irregolati minn din id-direttiva u l-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fuq il-livell nazzjonali.

113. Għaldaqstant, l-Istati Membri jibqgħu liberi, b’mod partikolari, li jistabbilixxu r-rekwiżiti tagħhom stess dwar il-kuluri ta’ dawk il-partijiet kollha tal-pakketti li ma humiex riżervati għat-twissijiet, u fil-fatt sal-istandardizzazzjoni tal-ippakkjar (70). Dan minħabba li l-kuluri f’din id-direttiva huma rregolati (indirettament), l-iktar l-iktar sa fejn l-Artikolu 13 tagħha jipprojbixxi preżentazzjoni pożittiva qarrieqa jew falza tat-tabakk.

114. F’dan il-kuntest, ma tantx hija konvinċenti l-oġġezzjoni ta’ xi wħud mill-impriżi parteċipanti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li dispożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, bħal ma huwa l-Artikolu 24 tad-Direttiva, ma tista’ tippermetti lill-Istati Membri jadottaw l-ebda dispożizzjoni nazzjonali iktar stretta dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, minħabba li s-suġġett imsemmi “jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva” fl-intier tiegħu. Din l-oġġezzjoni, li probabbilment ġejja mill-biża’ ta’ xi wħud mill-impriżi kkonċernati li għandhom mnejn jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-introduzzjoni ta’ pakketti newtrali (“plain packaging”), tinjora l-fatt li bosta aspetti tal-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk għad għandhom iridu jiġu rregolati mid-dritt tal-Unjoni, fosthom fir-rigward tal-kuluri.

115. Jekk jiġi segwit l-argument tal-impriżi parteċipanti, l-armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri mfittxija mid-Direttiva 2014/40 tiġi interpretata mill-ġdid bħala armonizzazzjoni sħiħa. Dan imur kontra l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 114 TFUE fl-għażla tat-teknika ta’ armonizzazzjoni l-iktar xierqa (71). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jagħmel użu mill-Artikolu 114 TFUE, ma għandux jiddeċiedi bejn l-armonizzazzjoni sħiħa u n-nuqqas ta’ din l-armonizzazzjoni fis-sens ta’ “kollox jew xejn”, iżda għall-kuntrarju jista’, bħal f’dan il-każ, jagħżel li titwettaq armonizzazzjoni parzjali. 

116. Minbarra dan, ma jirriżulta xejn differenti mis-sentenzi invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (72). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel sentenza tagħha dwar ir-reklamar tat-tabakk qieset li direttiva bbażata fuq il-kompetenzi fis-suq intern, inter alia fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE) kienet illegali minħabba li ma kien fiha ebda dispożizzjoni dwar il-moviment liberu ta’ prodotti konformi mad-direttiva. Iżda jekk is-silta tas-sentenza msemmija tinqara fil-kuntest tagħha, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’dan, bl-ebda mod ma riedet tagħlaq il-bibien għall-adozzjoni ta’ direttivi dwar l-armonizzazzjoni parzjali ta’ ċerti oqsma. Għall-kuntrarju, hija kienet irrikonoxxiet espressament li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern jistgħu jinkludu klawżoli li jħallu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw miżuri iktar stretti għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interess ġenerali (73).

117. Huwa biss fil-każ li l-leġiżlatur tal-Unjoni assolutament ma jkollux l-għan tal-moviment liberu tal-prodotti koperti minn direttiva u li huma konformi magħha, li ma jitħalliex jirrikorri għall-Artikolu 114 TFUE (74). Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jippermetti lill-Istati Membri jopponu, għal motivi relatati mal-aspetti li din tarmonizza, l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tat-tabakk li huma konformi mad-Direttiva (75).

118. Iżda dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Dan għaliex, minn naħa, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva jirrikonoxxi espressament il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-prodotti tat-tabakk li huma konformi ma’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva, interpretat fid-dawl tal-premessa 53, jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu “aktar rekwiżiti, [...] f’rabta mal-istandardizzazzjoni tal-pakketti ta’ prodotti tat-tabakk” biss sakemm ma jkun hemm l-ebda armonizzazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni.

119. Ċertament, armonizzazzjoni parzjali bħal din twassal sabiex prodotti, anki meta l-ittikkettjar u l-ippakkjar tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva fl-aspetti kollha, ma jkunux jistgħu jiġu esportati minn Stat Membru għal ieħor awtomatikament. Dan minħabba li kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali rigward l-aspetti mhux armonizzati tal-ippakkjar tal-prodotti. Minkejja dan, bla dubju ta’ xejn, din l-armonizzazzjoni parzjali ġġib magħha wkoll vantaġġi għall-funzjonament tas-suq intern, peress li hija xorta waħda telimina xi ostakoli għall-kummerċ, għalkemm mhux kollha. F’dan il-każ, dan ifisser, pereżempju, li l-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk jistgħu jagħmlu użu minn pakketti ta’ sigaretti fis-suq intern kollu, li jikkorrispondu għal disinn bażiku uniformi, u dan id-disinn għandu jiġi adattat għall-partikolaritajiet tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi biss fejn għandhom x’jaqsmu ċerti dettalji (pereżempju, fir-rigward tal-kulur), iżda mhux fir-rigward tal-aspetti kollha.

120. Tabilħaqq li d-dispożizzjonijiet imsemmija stabbiliti fl-Artikolu 24(1) u (2) tad-Direttiva, flimkien mal-ispjegazzjonijiet rilevanti għalihom fil-premessa 53 tad-Direttiva prinċipalment iservu bħala kjarifika. Huma jispjegaw il-funzjonament tal-armonizzazzjoni parzjali fil-mira tad-Direttiva. Iżda, kif turi b’mod ċar mhux l-inqas it-tilwima qalila bejn il-partijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-istandardizzazzjoni tal-pakketti, tali kjarifika tista’ tkun tassew utli.

b)      Id-dritt tal-Istati Membri li jipprojbixxu ċerti kategoriji ta’ prodotti [parti (b) tal-ewwel domanda]

121. Barra minn hekk, il-parti (b) tal-ewwel domanda titlob li jiġi eżaminat l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, “Stat Membru jista’ wkoll jipprojbixxi ċerti kategoriji ta’ prodotti tat-tabakk jew relatati miegħu, abbażi tas-sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru u dment li d-dispożizzjonijiet huma ġustifikati mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksub b’din id-Direttiva”.

122. Skont kif tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(3) essenzjalment qed tiġi kkontestata bl-istess argumenti li diġà tressqu fir-rigward tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva. B’hekk qed jerġa’ jitressaq l-ilment li d-dispożizzjoni kkontestata tad-Direttiva ma twassalx għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ, iżda għall-ħolqien tagħhom.

123. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dan l-ilment ma jistax jiġi invalidat b’riferiment għan-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni dwar is-saħħa pubblika [Artikolu 168(5) TFUE] u għar-responsabbiltà li għad fadlilhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-politika tas-saħħa tagħhom [Artikolu 168(7) TFUE]. Dan għaliex id-Direttiva 2014/40 ma hijiex miżura tal-politika tas-saħħa, iżda miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, li l-Unjoni għandha kompetenza għaliha skont l-Artikolu TFUE (76). Inkella, anki l-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti, li hija suġġetta għal dibattitu qalil f’dan il-każ, ma kinitx tkun tista’ tiġi inkluża fid-Direttiva (77).

124. Kif indikajt diġà iktar ’il fuq (78), barra minn dan, l-Artikolu 114 TFUE bħala prinċipju ma jistax iservi bħala bażi legali għal dispożizzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri jkunu permessi jidderogaw unilateralment mill-effett ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe miżura mmotivata mill-politika tas-saħħa, li tista’ tittieħed minn Stati Membri individwali “sabiex jittieħed kont ta’ żviluppi futuri possibbli tas-suq”, skont il-premessa 54 tad-Direttiva. Fil-fatt, għal każijiet bħal dawn, l-Artikolu 114(8) TFUE, li bħala dispożizzjoni tad-dritt primarju jipprevali fuq id-Direttiva, ma jipprevedix espressament azzjoni fuq livell nazzjonali, iżda azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni: jekk tqum “problema speċifika dwar is-saħħa pubblika” f’qasam diġà armonizzat taħt id-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni “li għandha immedjatament teżamina jekk tipproponix miżuri xierqa lill-Kunsill”. Att leġiżlattiv sekondarju ma jistax jidderoga minn din ir-regola. L-iktar l-iktar, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati f’direttiva li jieħdu miżuri provviżorji għall-protezzjoni tas-saħħa [Artikolu 114(10) TFUE].

125. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura, ma jistax jiġi interpretat b’mod daqstant wiesa’ li jkollu l-effett ta’ liċenzja għall-Istati Membri sabiex jipprojbixxu b’mod permanenti għal raġunijiet ta’ politika tas-saħħa, it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti koperti mid-Direttiva u b’hekk itemmu unilateralment l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti. L-argument tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li Stati Membri individwali jistgħu pereżempju jipprojbixxu għalkollox it-tqegħid fis-suq tas-sigaretti abbażi tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat. Huwa biss fir-rigward ta’ prodotti li ma humiex suġġetti għal armonizzazzjoni fid-Direttiva 2014/40 li jibqgħu possibbli tali projbizzjonijiet nazzjonali unilaterali (79).

126. Iżda dan kollu ma jfissirx li l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva huwa illegali u b’hekk għandu jiġi annullat. Bl-istess mod bħall-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva, il-validità tal-Artikolu 24(3) tagħha tista’ tiġi affermata wkoll sa fejn din il-klawżola tiġi interpretata b’mod restrittiv fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tagħha — u b’hekk b’konformità mal-Artikolu 114 TFUE (80).

127. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, il-projbizzjonijiet nazzjonali unilaterali tal-prodotti li huma koperti minnha huma permessi biss sa fejn l-għan tal-politika tas-saħħa mfittex fuq il-livell tal-Istat Membru ma huwiex issodisfatt b’mod suffiċjenti bil-miżura ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva tindika dan, u skontha kwalunkwe projbizzjoni ta’ prodotti mill-Istati Membri trid tkun “ġustifikat[a] mill-bżonn li tiġi protetta s-saħħa pubblika b’kont meħud tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem miksub b’din id-Direttiva”.

128. It-tieni nett, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva tippermetti biss dawk il-projbizzjonijiet tal-prodotti mmotivati mill-politika tas-saħħa fuq il-livell nazzjonali li huma ġġustifikati “abbażi tas-sitwazzjoni speċifika f’dak l-Istat Membru”. Huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà [Artikolu 5(1) u 3 TUE], li s-soluzzjoni ta’ tali problemi titħalla primarjament f’idejn l-Istati Membri (81). Jekk jirriżultaw problemi transkonfinali f’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fis-sentenzi l-oħra tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva ħa prekawzjonijiet, u fuq l-eżempju tal-Artikolu 114(5) u (6) TFUE ppreveda proċedura ta’ approvazzjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni.

129. Suġġett għal dan, l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva jista’ jitqies li huwa miżura koperta mill-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE.

130. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li teżisti inkoerenza bejn l-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, minn naħa, u l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol fl-Artikolu 7 tad-Direttiva fuq in-naħa l-oħra (82). Essenzjalment huma jilmentaw li projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti, kif prevista mill-Artikolu 7 tad-Direttiva, ma hijiex meħtieġa, meta l-Istati Membri xorta jingħataw il-possibbiltà li jipprojbixxu ċerti kategoriji ta’ tabakk unilateralment. Barra minn hekk, ma huwiex konsistenti li l-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tiġi ġġustifikata mill-prevenzjoni ta’ diverġenzi futuri fir-regoli nazzjonali, iżda li fl-istess ħin jiġu promossi tali diverġenzi ulterjuri fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva.

131. Dan l-argument lanqas ma huwa konvinċenti. Dan peress li, kif diġà ntqal (83), l-Artikolu 7 tad-Direttiva jindirizza problema transkonfinali, li tikkonċerna s-suq intern Ewropew kollu kemm hu, filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva, anki skont il-kliem tiegħu, huwa limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ Stati Membri individwali. U min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkun liberu li jiddeċiedi favur armonizzazzjoni gradwali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni wiesgħa tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 114 TFUE (84), biex b’hekk ċerti problemi tas-suq intern jiġu indirizzati permezz ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, filwaqt li oħrajn — għalissa — le. Għaldaqstant ma għandux jitqies li huwa inkoerenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprojbixxi l-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti għas-suq intern Ewropew kollu, filwaqt li għalissa jħalli l-projbizzjoni ta’ prodotti oħra li huma ta’ tħassib mill-perspettiva tas-saħħa f’idejn l-Istati Membri individwali.

c)      Konklużjoni intermedja

132. Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, abbażi tal-argumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Artikolu 24(2) jew (3) tad-Direttiva ġie bbażat b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 114 TFUE.

4.      Ir-regoli dwar il-bejgħ mill-bogħod [parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda]

133. Permezz tal-parti (c), punt (iii) tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tqis l-Artikolu 18 tad-Direttiva, preċiżament il-paragrafu 1 tiegħu, li jħalli lill-Istati Membri liberi li jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi, u barra minn hekk jitlobhom jikkooperaw sabiex jiġi evitat tali bejgħ.

134. Din id-domanda toriġina minn ilment ta’ BAT fil-kawża prinċipali, li skontu din id-dispożizzjoni ma tiffaċilitax il-kummerċ transkonfinali, iżda tagħmlu iktar diffikultuż, u b’hekk tmur kontra l-għanijiet tal-Artikolu 114 TFUE. Barra minn hekk, l-impriża tallega li l-possibbiltà tal-għażla li tħalliet f’idejn l-Istati Membri ser twassal għal diverġenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, BAT tikkontesta l-fatt li l-Artikolu 18 tad-Direttiva jista’ jkollu l-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali tiegħu.

135. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-Istati Membri s’issa — jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/40 — kienu wkoll liberi li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tal-prodotti tat-tabakk fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jinvokaw il-limiti għall-moviment liberu tal-merkanzija previsti fit-Trattati (85). B’hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva ma huwa xejn iktar ħlief klawżola dikjaratorja, li tafferma l-istatus quo.

136. Iżda barra minn hekk, l-Artikolu 18(1), skont il-preambolu tad-Direttiva (86), jieħu wkoll inkunsiderazzjoni li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk faċli li jiġu evitati permezz tal-bejgħ mill-bogħod u li, min-naħa l-oħra, iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu aċċess iktar faċilment għall-prodotti tat-tabakk permezz ta’ dan il-kanal ta’ bejgħ. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tal-konsum tat-tabakk jistgħu jiġu kompromessi b’dan il-mod.

137. Il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li f’att tad-dritt tal-Unjoni adottat abbażi tal-Artikolu 114 TFUE jistgħu jiġu inklużi wkoll dispożizzjonijiet li skonthom l-evitar ta’ ċerti regoli tkun tista’ jew għandha tiġi prekluża permezz ta’ projbizzjonijiet (87). L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva jsegwi proprju dan l-għan.

138. Projbizzjoni tal-bejgħ transkonfinali mill-bogħod, li imponew ċerti Stati Membri jew possibbilment għad iridu jimponu abbażi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva, f’ċertu sens hija l-prezz li għandu jitħallas għaċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk fis-suq intern Ewropew, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva u li jinbiegħu b’konformità mal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa ta’ din id-direttiva.

139. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva seta’ jiġi adottat bl-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali (88).

5.      Awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ standards maqbula fuq il-livell internazzjonali [parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda]

140. Il-parti (c), punt (iv) tal-ewwel domanda tirreferi għall-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, li fihom il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati sabiex tinkorpora fid-dritt tal-Unjoni ċerti standards maqbula internazzjonalment fir-rigward ta’ livelli massimi tal-emissjonijiet, emissjonijiet u metodi ta’ kejl. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi lment magħmul minn JTF, li skontu b’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva jiġu ddelegati setgħat leġiżlattivi de facto lid-WHO jew lill-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO, li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 114 TFUE.

141. Il-kritika dwar dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva ssegwi direzzjoni doppja, jekk tiġi analizzata iktar mill-qrib. Minn naħa, qed tiġi ddenunzjata delega allegata ta’ setgħat leġiżlattivi lil istituzzjonijiet jew korpi internazzjonali lil hinn mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, qed jitqajjem dubju dwar jekk il-funzjonament tas-suq intern jistax tassew jittejjeb b’kull adattament eventwali tad-dritt tal-Unjoni għall-istandards internazzjonali.

142. Jien ser niċħad l-ewwel kritika iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-ħames domanda (89). Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni kritika, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li l-Artikolu 114 TFUE, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jservi bħala bażi legali sabiex miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern diġà eżistenti jiġu adattati għal żviluppi ġodda (90). B’dan huwa mifhum li tali adattament jista’ jsir ukoll abbażi ta’ obbligi tad-dritt internazzjonali jew rakkomandazzjonijiet ta’ korpi internazzjonali [ara wkoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) TUE].

143. Dan huwa eżattament il-każ hawnhekk: l-Artikolu 3 tad-Direttiva diġà jinkludi regoli dwar livelli massimi tal-emissjonijiet jew dwar emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk, u l-Artikolu 4 tad-Direttiva diġà jipprevedi regoli dwar proċeduri tal-kejl. F’kull każ, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadatta jew tissupplimenta dawn ir-regoli fid-dawl ta’ żviluppi ġodda fuq il-livell internazzjonali. B’dan il-mod ikun żgurat li standards ġodda maqbula internazzjonalment jiġu applikati b’mod uniformi u simultanju fis-suq intern Ewropew kollu, ħaġa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

144. Konsegwentement, l-ilment li l-Artikolu 114 TFUE ma jistax iservi bħala bażi legali għall-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva huwa infondat.

B –    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

145. It-tieni u t-tielet domanda jikkonċernaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, minn naħa, abbażi ta’ lment imqajjem minn BAT, hija indirizzata l-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti [parti (a) tat-tielet domanda], u min-naħa l-oħra, fuq ilmenti mqajma minn diversi impriżi kkonċernati, huma meqjusa diversi rekwiżiti stabbiliti bid-Direttiva fil-qasam tal-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk [it-tieni domanda kif ukoll il-partijiet (b) u (c) tat-tielet domanda].

146. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (91). B’dan il-mod, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva; barra minn hekk, il-piżijiet imposti ma jridux ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (92).

147. Fl-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tkun limitata skont ċertu numru ta’ elementi, ġaladarba jinsab inkwistjoni ndħil fi drittijiet fundamentali. Dawn l-elementi jinkludu, fost l-oħrajn, il-qasam ikkonċernat, l-essenza tad-dritt fundamentali inkwistjoni, in-natura u l-gravità tal-indħil kif ukoll l-għan tiegħu (93).

1.      Indħil fil-libertà ta’ intrapriża

148. Il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imqajma fit-tieni u t-tielet domanda jikkonċernaw id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Dan id-dritt fundamentali, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun suġġett għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (94), filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jibbenefika minn diskrezzjoni wiesgħa, meta jkun ikkonċernat qasam li jimplika għażliet ta’ natura kemm politika, kif ukoll ekonomika jew soċjali, u li fih ikollhom jitwettqu evalwazzjonijiet kumplessi (95).

149. Il-fatt li waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40 il-leġiżlatur tal-Unjoni kien proprju kkonfrontat b’tali kwistjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika, soċjali u politika huwa inkontestabbli, u barra minn hekk ma jitpoġġiex f’dubju serju mill-ebda parti fil-proċedura. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-Direttiva, mhux l-inqas fid-dawl tal-miżuri li bihom jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa previst fis-suq intern Ewropew [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. Dan japplika wkoll minħabba li l-previżjonijiet dwar il-funzjonament futur tas-suq naturalment jistgħu, mill-iktar, jiġu eżaminati fir-rigward tal-plawżibbiltà tagħhom.

150. Din is-setgħa diskrezzjonali tfisser li ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jiġi preżunt biss jekk l-att tal-Unjoni kkonċernat ikun manifestament sproporzjonat, jiġifieri meta evidentement ma jkunx adattat sabiex jilħaq l-għanijiet leġittimi mfittxija, imur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet jew iwassal għal żvantaġġi li huma manifestament sproporzjonati b’rabta ma’ dawn l-għanijiet (96). Għall-kuntrarju, ma huwiex rilevanti jekk il-miżura adottata fl-att legali hijiex l-unika waħda konċepibbli jew anki biss l-iktar waħda xierqa.

151. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jsir stħarriġ ġudizzjarju tal-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti kif ukoll xi wħud mir-rekwiżiti indirizzati mill-qorti tar-rinviju b’rabta mal-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk.

a)      Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti [parti (a) tat-tielet domanda]

152. Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzani, li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija fir-rigward tal-proporzjonalità tagħha fil-parti (a) tat-tielet domanda, tirriżulta mill-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva.

153. Din il-projbizzjoni għandha tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew. Dan għaliex it-togħmiet kkaratterizzati kollha, — irrispettivament minn jekk huwiex ikkonċernat il-mentol jew togħmiet oħrajn — jistgħu jwasslu sabiex itaffu jew jgħattu t-togħma tad-duħħan tat-tabakk li, normalment hija pjuttost qawwija, u saħansitra irritanti. Fil-fehma tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’dan il-mod jinħoloq ir-riskju serju li s-sigaretti aromatizzati jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk fejn għandhom x’jaqsmu l-persuni li ma jpejpux (97) kif ukoll joħolqu diffikultajiet addizzjonali għal persuni li jpejpu b’mod abitwali — jew għall-inqas għal uħud fosthom — biex jegħlbu l-effett ta’ dipendenza min-nikotina (98).

154. F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol, li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni mill-20 ta’ Mejju 2020 hija ta’ rilevanza prattika partikolari (99). Dwar din il-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol biss, id-digriet tar-rinviju kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati jinkludu kunsiderazzjonijiet issostanzjati mill-perspettiva tal-proporzjonalità. Konsegwentement, iktar ’il quddiem, waqt li niddiskuti l-kwistjonijiet legali mqajma ser nikkonċentra fuq il-proporzjonalità tal-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol.

i)      L-adegwatezza tal-projbizzjoni

155. L-adegwatezza tal-projbizzjoni sabiex tinkiseb iż-żieda fil-protezzjoni tas-saħħa mfittxija mid-Direttiva qed tiġi kkontestata f’dan il-każ. Hija kkonċernata d-domanda kontroversjali, dwar x’effett ser ikollha projbizzjoni tas-sigaretti tal‑mentol fuq ix-xejriet ta’ konsum ta’ persuni li diġà jpejpu u dawk li potenzjalment ser ipejpu. Il-partijiet kollha jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq studji xjentifiċi u kull waħda takkuża lill-kontroparti li l-argumenti tagħha ma humiex fondati suffiċjentement mil-lat xjentifiku.

156. Sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-Direttiva 2014/40 u, b’mod partikolari tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, madankollu, ma huwiex rilevanti jekk il-kunsiderazzjonijiet dwar is-saħħa espressi mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tas-sigaretti tal-mentol — li fil-fehma tiegħi jidhru plawżibbli ħafna — jistgħux jiġu pprovati b’biżżejjed preċiżjoni skont l-għarfien xjentifiku attwali

157. Dan għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu josserva l-prinċipju ta’ prekawzjoni meta adotta d-Direttiva (100). Preċiżament meta ma jkunx possibbli, minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, li l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat tiġi ddeterminata b’ċertezza, iżda tibqa’ l-probabbiltà ta’ dannu reali għas-saħħa pubblika fil-każ li r-riskju jseħħ, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, bil-kundizzjoni li dawn ikunu nondiskriminatorji u oġġettivi (101).

158. Anki l-appell magħmul fil-kuntest tad-WHO sabiex madwar id-dinja jiġi ristrett jew ipprojbit l-użu ta’ ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk li jistgħu jtejbu t-togħma tagħhom, fosthom ukoll l-użu tal-mentol (102), ma huwa xejn iktar għajr espressjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

159. F’dan il-kuntest, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni kien tassew raġonevoli u possibbilment ukoll meħtieġ li, b’mod ġenerali, jiġu stabbiliti regoli restrittivi għall-użu ta’ togħmiet karatterizzanti fi prodotti tat-tabakk, speċjalment peress li skont ir-regoli tad-dritt primarju kellu jiġi mfittex livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

160. Projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti — inkluż tal-mentol — fi prodotti tat-tabakk fl-ebda każ ma tista’ titqies li hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi, u b’hekk tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew. Dan japplika iktar u iktar meta minbarra l-prinċipju ta’ prekawzjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li jibbenefika minnu l-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li bihom jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa mitlub fis-suq intern.

ii)    In-neċessità tal-projbizzjoni

161. Barra minn hekk, xi wħud mill-impriżi kkonċernati fil-proċedura u l-Polonja jikkontestaw li projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ sigaretti tal-mentol hija meħtieġa sabiex jintlaħaq il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew imfittex mid-Direttiva.

162. L-argumenti ppreżentati f’dan ir-rigward jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kwistjonijiet tematiċi: minn naħa, hija kkonċernata l-kwistjoni dwar jekk kinitx meħtieġa projbizzjoni ġenerali tat-togħmiet karatterizzanti kollha bl-inklużjoni tal-mentol u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux disponibbli miżuri inqas restrittivi u inqas radikali minn projbizzjoni.

–       Fuq in-neċessità ta’ projbizzjoni ġenerali tat-togħmiet karatterizzanti kollha

163. Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kwistjonijiet tematiċi, iktar ’il fuq — b’rabta mal-Artikolu 114 TFUE — jiena diġà spjegajt li l-argumenti ta’ xi wħud mill-impriżi involuti fil-proċedura rigward l-allegat status speċjali tas-sigaretti tal-mentol fis-segment tas-suq tas-sigaretti aromatizzati, ftit huma konvinċenti (103).

164. B’differenza minn dak li tgħid BAT, barra minn hekk in-neċessità ta’ projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti għall-ilħuq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern lanqas ma tista’ tiġi kkontestata permezz tal-indikazzjoni xotta li l-perikoli għas-saħħa relatati mat-tipjip huma magħrufa minn kulħadd, anki u speċjalment miż-żgħażagħ.

165. Dan għaliex is-sempliċi fatt li ħafna persuni kkonċernati jafu dwar ċerti perikoli, bl-ebda mod ma jfisser li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jeliminaw is-salvagwardji eżistenti jew li ma għandhomx jipprevedu salvagwardji ġodda. Pereżempju, ħadd ma tiġih l-idea li jneħħi l-obbligu tal-elmu impost fuq dawk li jirkbu l-mutur jew l-obbligu taċ-ċintorin tas-sikurezza impost fuq il-passiġġieri ta’ vetturi bil-mutur, sempliċement minħabba li l-maġġoranza l-kbira tal-utenti tat-toroq huma familjari biżżejjed mal-perikoli tat-traffiku fit-toroq u jġibu ruħhom b’mod prudenti minn jeddhom.

166. Permezz tal-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti kollha, id-Direttiva, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 u mill-preambolu tagħha (104), qiegħda ssegwi dak li ġie preskritt fil-kuntest tad-WHO. Kif jenfasizzaw ġustament BAT, Mane u l-Polonja, għalkemm dawn tassew jistgħu ma jkunux ta’ natura legalment vinkolanti, iżda mingħajr dubju ta’ xejn għandhom natura ta’ rakkomandazzjoni, anki u b’mod speċjali b’rabta mar-regolamentazzjoni tal-mentol (105). Huwa evidenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern skont l-Artikolu 114 TFUE, seta’ jieħu miżuri li fil-fatt ma humiex imposti speċifikament fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-Unjoni, iżda li huma rrakkomandati.

167. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jinkorporax il-mentol fil-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti, id-Direttiva, kif diġà ntqal (106), kienet tkun tista’ tipprovdi kontribut sostanzjalment iktar baxx għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Dan minħabba li għall-konsumaturi attwali jew potenzjali ta’ prodotti tat-tabakk aromatizzati, xorta waħda kienu jibqgħu disponibbli s-sigaretti tal-mentol fis-suq intern bħala għażla alternattiva, li jista’ jiffaċilita l-bidu tal-konsum tat-tabakk għall-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ u fl-istess waqt joħloq diffikultà addizzjonali għall-persuni li jpejpu b’mod abitwali biex jaqtgħu d-dipendenza tagħhom fuq in-nikotina (107).

168. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea, possibbilment, kienet tkun esposta għal riskju ta’ tilwima fil-kuntest tad-WTO, li kieku ma pprojbixxietx is-sigaretti tal-mentol bl-istess mod bħal sigaretti aromatizzati oħrajn. Bl-istess mod, il-korp ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO, f’rapport maħruġ fl-2012, qies li huwa ksur tar-regoli tad-WTO li l-Istati Uniti tal-Amerika pprojbixxew il-bejgħ ta’ sigaretti bit-togħma tal-imsiemer tal-qronfol, filwaqt li min-naħa l-oħra, is-sigaretti tal-mentol setgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati hemmhekk (108). Bil-kontra tal-fehma ta’ BAT, bl-ebda mod ma jidher li huwa eskluż, iżda saħansitra jidher realistiku ħafna, li dan ir-rapport tad-WHO jkun traspost għall-kwistjoni ta’ interess hawnhekk, speċjalment billi fir-rapport hija preżunta espliċitament in-natura komparabbli bejn is-sigaretti bl-aroma tal-imsiemer tal-qronfol u dawk bl-aroma tal-mentol (l-hekk imsejħa “prodotti simili” fis-sens tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ).

169. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-neċessità ta’ projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti kollha, bl-inklużjoni tal-mentol, ma tistax tiġi ddubitata serjament (109). Fi kwalunkwe każ, tali projbizzjoni ġenerali ma tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew.

170. Il-fatt li ċerti prodotti tat-tabakk, b’mod partikolari s-sigarri, għalissa huma eżentati mill-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti skont l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva lanqas ma jbiddel din il-konklużjoni. Dan għaliex is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 114 TFUE (110) bl-ebda mod ma teskludi armonizzazzjoni gradwali tal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fl-istat attwali, il-Parlament u l-Kunsill setgħu jassumu li l-perikoli għas-saħħa assoċjati mat-togħmiet karatterizzanti jirriżultaw b’mod speċjali f’sigaretti u tabakk tal-brim, u dan minħabba n-natura partikolarment attraenti ta’ dawn il-prodotti tat-tabakk għaż-żgħażagħ (111).

–       Fuq il-miżuri allegatament inqas restrittivi

171. Uħud mill-partijiet fil-proċedura, b’mod partikolari Von Eicken u l-Polonja, jargumentaw dwar miżuri allegatament inqas restrittivi, li fil-fehma tagħhom kellhom jittieħdu mil-leġiżlatur tal-Unjoni minflok projbizzjoni tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti: l-introduzzjoni ta’ limiti tal-età għall-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk aromatizzati, kampanji edukattivi mmirati, kif ukoll l-istabbiliment ta’ lista ta’ togħmiet permessi jew ipprojbiti fuq il-livell tal-Unjoni (tip ta’ “lista pożittiva” jew “lista negattiva”).

172. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li kwalunkwe miżura inqas restrittiva fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità għall-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss, meta hija tkun ugwalment adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-att tal-Unjoni inkwistjoni (112).

173. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-limiti tal-età msemmija. Kif urew b’mod konvinċenti b’mod partikolari l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u diversi Stati Membri intervenjenti, il-limiti tal-età fil-kummerċ faċli li jiġu evitati, u huwa estremament diffiċli li tiġi kkontrollata l-osservanza tagħhom (113).

174. Kampanji edukattivi potenzjali dwar in-natura perikoluża tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma daqstant xierqa daqs projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti kollha. Dawn il-kampanji edukattivi, kif il-Kummissjoni tirrimarka b’mod tassew korrett, xorta ma jkunux adegwati sabiex fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 114 TFUE, jiġu eliminati ostakoli eżistenti għall-kummerċ minħabba regoli nazzjonali diverġenti dwar l-użu ta’ togħmiet karatterizzanti, jew sabiex jipprevjenu li dawn l-ostakoli jqumu.

175. L-adozzjoni ta’ lista’ pożittiva jew lista’ negattiva ta’ sustanzi b’rabta mat-togħmiet li ġiet issuġġerita wkoll minn Von Eicken bħala alternattiva għall-Artikolu 7 tad-Direttiva kien ikollha l-iżvantaġġ kruċjali li tali regola tkun ineffiċjenti u faċli li tiġi evitata u, barra minn hekk, fid-dawl tal-iżvilupp mgħaġġel ta’ dan is-settur, il-lista kien ikollha bżonn tiġi aġġornata kontinwament. Barra minn hekk, tali approċċ ikun jirrestrinġi l-ambitu ta’ azzjoni li għad fadlilhom l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta mat-tariffi, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità [Artikolu 5(4) TUE].

iii) Proporzjonalità fis-sens strett

176. Finalment, uħud mill-partijiet fil-proċedura jikkritikaw il-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol mill-perspettiva tal-proporzjonalità fis-sens strett tal-kelma. Huma jilmentaw dwar diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li ser ikunu kkawżati minħabba din il-projbizzjoni, speċjalment għall-fornituri tal-industrija tat-tabakk u għall-manifatturi ta’ prodotti speċjalizzati, iżda wkoll għal xi kultivaturi attivi fil-produzzjoni tat-tabakk.

177. L-ewwel nett, f’dan il-kuntest, il-kritika ta’ Benkert, li l-Kummissjoni ma kkonsultatx biżżejjed lil ċerti impriżi li joperaw fis-swieq upstream qabel ma fasslet il-proposta tagħha għal direttiva, għandha tiġi miċħuda (114). Dan għaliex, minn naħa, l-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, anki jekk tista’ ssostni lil-leġiżlatur tal-Unjoni (115), ma hijiex legalment vinkolanti fir-rigward tiegħu (116). B’hekk, kwalunkwe żball fil-proċedura ta’ konsultazzjoni li fuqha hija bbażata din l-analiżi tal-impatt, mhux neċessarjament iwassal għall-illegalità tad-Direttiva. U min-naħa l-oħra Benkert irrikonoxxiet speċifikament li l-impriża effettivament esponiet il-pożizzjoni tagħha tajjeb ħafna. Il-fatt li l-opinjoni ta’ Benkert ma kellhiex l-impatt mixtieq mil-lat oġġettiv ma jistax jitqies bis-serjetà li huwa indikazzjoni ta’ nuqqas li jivvizzja t-tħejjija tal-proċedura leġiżlattiva.

178. Fir-rigward tal-kontenut, barra minn hekk huwa minnu li l-għajbien tas-sigaretti tal-mentol mis-suq bħala konsegwenza tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk b’togħmiet karatterizzanti taħt id-dritt tal-Unjoni, temporanjament tista’ jkollha impatti negattivi fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ ċerti bdiewa attivi fil-kultivazzjoni tat-tabakk kif ukoll għal ċerti impriżi attivi fil-qasam tal-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk, u dan jista’ saħansitra jwassal għat-telf ta’ xi impjiegi.

179. Madankollu, għandu jitqies li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem tingħata ħafna iktar importanza fis-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni minn tali interessi ta’ natura essenzjalment ekonomika (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali], b’tali mod li l-protezzjoni tas-saħħa tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk dawk ikunu kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (117).

180. Il-fatt li ċerti impriżi, u tassew industriji sħaħ f’ċerti Stati Membri possibbilment ser jintlaqtu iktar bis-saħħa minn impriżi oħra jew mill-ekonomija fi Stati Membri oħra, xorta waħda ma jagħmilx il-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti fid-Direttiva sproporzjonata. Fid-dawl tad-differenzi fl-istrutturi ekonomiċi tal-Istati Membri, bilkemm huwa immaġinabbli każ li fih att leġiżlattiv tal-Unjoni jkollu eżattament l-istess effett fuq l-impriżi kollha u fuq l-Istati Membri kollha (118). Kif jenfasizzaw ġustament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fis-suq intern Ewropew, fil-biċċa l-kbira, titlef is-sens tagħha li kieku tkun titqies biss f’dawk il-każijiet li fihom xorta waħda diġà jeżistu ċirkustanzi fil-biċċa l-kbira simili fl-Istati Membri kollha.

181. Minbarra dan, id-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali eventwali li kapaċi ġġib magħha l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol, ser jonqsu permezz tal-perijodu ta’ tranżizzjoni ġeneruż sal-20 ta’ Mejju 2020, jiġifieri perijodu ta’ erba’ snin wara t‑terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Għal dak li jikkonċerna speċifikament il-bdiewa affettwati, dawn, fejn applikabbli, jistgħu jirċievu sostenn għad-dħul fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni.

182. Għal dak li jirrigwarda ż-żieda tal-kuntrabandu u t-tkabbir tas-suq illegali tas-sigaretti tal-mentol imbassra minn xi partijiet fil-proċedura, jien inqis li dan l-argument huwa daqstant mhux konvinċenti f’dan il-kuntest daqs b’rabta mal-Artikolu 114 TFUE (119).

183. Kollox ma’ kollox, għaldaqstant, kien tassew ġustifikat min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni — u fi kwalunkwe każ mhux manifestament sproporzjonat — li meta adotta d-Direttiva ta prijorità lil-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa mfittex qabel il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kif sottomessi f’din il-proċedura mill-partijiet involuti.

184. Konsegwentement, il-preżunzjoni li l-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità hija infondata.

b)      Ir-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk [parti (b) u (c) tat-tielet domanda]

185. Il-partijiet (b) u (c) tat-tielet domanda jirrigwardaw diversi rekwiżiti dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tat-tabakk, kif jinsabu fl-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(a), (c) u (g) kif ukoll fl-Artikolu 14 tad-Direttiva. Abbażi ta’ lment imqajjem minn BAT, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proporzjonalità tal-“miżuri għall-istandardizzazzjoni tal-pakketti” li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

i)      Fuq il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti [parti (b) tat-tielet domanda]

186. Minn stampa ġenerali tal-Artikoli 8(3), 9(3), 10(1)(g) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva essenzjalment jirriżulta li l-pakketti tas-sigaretti huma fil-forma ta’ kubu, josservaw dimensjonijiet partikolari, fihom mill-inqas 20 sigarett u għandu jkollhom twissijiet ikkombinati tas-saħħa (li jikkonsistu minn test prestabbilit u ritratt korrispondenti bil-kulur) (120). It-twissijiet imsemmija għandhom, min-naħa tagħhom, josservaw dimensjonijiet partikolari kif ukoll ikunu stampati b’tali mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew, b’mod li ma jkunux jistgħu jitħassru u kompletament viżibbli. Barra minn hekk dawn iridu jibqgħu sħaħ mal-ftuħ tal-pakkett. B’dan il-mod għandu jiġi mmassimizzat l-effett ta’ dawn it-twissijiet (121).

187. Essenzjalment, il-partijiet fil-proċedura ma humiex qed jikkontestaw il-fatt li speċifikazzjonijiet uniformi għall-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva, li jikkonsisti fit-titjib tal-funzjonament tas-suq intern filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (122). F’termini iktar sempliċi, standards uniformi dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar ta’ prodott iżidu l-kapaċità tiegħu li jiċċirkula fis-suq intern, u fl-istess ħin twissijiet viżibbli tajjeb jippromwovu l-protezzjoni tas-saħħa.

188. Minkejja dan, BAT toġġezzjona għall-ispeċifikazzjonijiet tad-Direttiva dwar il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti. L-impriża hija tal-fehma li għall-protezzjoni tas-saħħa kien ikun suffiċjenti li jkun meħtieġ li t-twissijiet neċessarji jkunu kompletament viżibbli u ma jkunux jistgħu jiġu distorti mill-forma tal-pakkett.

189. Mingħajr dubju ta’ xejn, sempliċi rekwiżit ta’ viżibbiltà għat-twissijiet, kif għandha f’moħħha BAT, ikun jirrappreżenta miżura inqas restrittiva mir-rekwiżiti ddettaljati ħafna tad-Direttiva 2014/40 dwar il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti. Madankollu, kif enfasizzaw ġustament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura, tali rekwiżit ġenerali ta’ viżibbiltà jkun komparattivament vag u jkollu wisq tendenza li jwassal għal kunflitti fir-rigward tal-osservanza u l-monitoraġġ tiegħu. B’hekk ikun ħafna inqas effettiv mis-sett ta’ miżuri deċiż attwalment mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li minbarra r-rekwiżit ġenerali ta’ viżibbiltà jinkludi wkoll speċifikazzjonijiet konkreti dwar il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti.

190. Fil-qosor, fuq pakketti ikbar it-twissijiet huma iktar viżibbli milli fuq pakketti iżgħar, u fuq pakketti forma ta’ kubu dawn jistgħu jinqraw aħjar milli fuq pakketti b’forma differenti. Konsegwentement, l-ispeċifikazzjonijiet inklużi fid-Direttiva dwar il-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti jikkontribwixxu b’mod partikolari sabiex tiżdied il-viżibbiltà tat-twissijiet b’rabta mas-saħħa u sabiex tiġi mmassimizzata l-effettività tagħhom.

191. Inżid ngħid li l-istandardizzazzjoni tal-forma u tad-daqs tal-pakketti tas-sigaretti — b’mod kompletament indipendenti mill-viżibbiltà u l-leġġibbiltà tat-twissijiet b’rabta mas-saħħa — tista’ tikkontribwixxi għaż-żieda fil-protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew anki b’modi oħrajn. Inqas ma jkun estravaganti l-pakkett ta’ prodott, il-konsumaturi, speċjalment iż-żgħażagħ, inqas ikollhom it-tentazzjoni li jixtruh. Il-fattur ta’ “coolness” jew “gost” li jista’ jkun assoċjat ma’ pakketti mhux komuni jew li jolqtu l-għajn partikolarment, iżda wkoll il-kurżità li jistgħu jġibu magħhom pakketti ġodda jew mhux tas-soltu (dak li jkun jista’ jaħseb fin-natura attraenti tal-pakketti tas-sigaretti li jinsabu fil-forma ta’ lipstik għal konsumaturi żgħażagħ femminili) imbagħad huwa ta’ inqas importanza f’deċiżjoni dwar il-bejgħ.

192. Is-sitwazzjoni hija simili fil-każ tal-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti. Jekk dan ikun stabbilit għal minimu ta’ 20 sigarett, kif sar fl-Artikolu 14 tad-Direttiva, il-livell ta’ inibizzjoni għax-xiri, fuq kollox għall-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ ikun ogħla milli fil-każ tal-pakketti iżgħar li għadhom disponibbli s’issa f’ħafna postijiet. Pakketti iżgħar pjuttost jistiednu lil dak li jkun jibda jikkonsma t-tabakk, minħabba li, minn naħa, huma irħas u, min-naħa l-oħra, iqarrbu lill-konsumaturi lejn il-prodott iktar gradwalment.

193. Ċertament, l-istandardizzazzjoni tal-forma, id-daqs u l-kontenut minimu tal-pakketti tas-sigaretti fid-Direttiva tinvolvi telf ta’ diversità, ta’ possibbiltajiet għall-kummerċjalizzazzjoni u ta’ potenzjal ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk. Madankollu, l-interess purament ekonomiku ta’ prodott u ta’ trade mark kemm jista’ jkun kompetittivi għandu jiġi wara l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li, kif diġà ntqal, tingħata ħafna iktar importanza fis-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

ii)    Fuq id-daqs tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati [parti (c) tat-tielet domanda]

194. Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva jirriżulta li fuq il-pakketti tas-sigaretti għandu jkun hemm twissijiet tas-saħħa kkombinati, li jikkonsistu minn test speċifiku prestabbilit u ritratt bil-kulur korrispondenti [punt (a)], kif ukoll li f’termini ta’ daqs jirrappreżentaw 65 % tal-parti esterna ta’ quddiem kif ukoll tal-parti esterna ta’ wara ta’ kull pakkett [punt (c)].

195. BAT tqis li l-imsemmi obbligu, li t-twissijiet tas-saħħa kkombinati jkopru 65 % tas-superfiċi, huwa arbitrarju u sproporzjonat (123). B’hekk l-impriża, segwita mill-qorti tar-rinviju, essenzjalment toġġezzjona għad-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva u mhux daqstant il-prinċipju nnifsu tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati sabbilit fl-Artikolu 10(1)(a) tad-Direttiva.

–       Fuq l-adegwatezza ta’ twissijiet għall-protezzjoni tas-saħħa fuq superfiċi kbira

196. L-ewwel nett, BAT, sostnuta minn Von Eicken, tallega li l-valur miżjud ta’ twissijiet ikkombinati fuq superfiċi kbira għal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa għoli mfittex fis-suq intern Ewropew ma ġiex ipprovat xjentifikament.

197. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat diġà qieset l-obbligu tat-twaħħil ta’ twissijiet fuq il-pakketti tas-sigaretti bħala “mezz rikonoxxut li jinkoraġġixxi lill-konsumaturi jnaqqsu l-konsum tagħhom ta’ prodotti tat-tabakk jew li jiggwidahom lejn dawk il-prodotti li huma ta’ inqas ħsara għas-saħħa” (124). Jidher li huwa raġonevoli li din il-ġurisprudenza tiġi applikata għall-każ preżenti u li jiġi preżunt li t-twissijiet iktar ikunu effettivi iktar ma jkunu vpiżibbli u iktar ma jkun kbir l-ispazju riżervat għalihom fuq pakkett tas-sigaretti.

198. Barra minn hekk, huwa stabbilit li meta adotta d-dispożizzjoni kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu fuq “evidenza xjentifika ġdida” kif ukoll fuq “evidenza” sabiex jiġġustifika l-ħtieġa li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar b’mod ġenerali kif ukoll l-obbligu għall-introduzzjoni ta’ “twissijiet tas-saħħa kkombinati ikbar” b’mod partikolari (125). Jista’ jkun li studji oħra, b’mod partikolari dawk invokati minn BAT u Von Eicken, jippermettu konklużjonijiet oħrajn. Dan madankollu ma jfissirx li r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 10(1)(a) u (c) tad-Direttiva ma kinux manifestament xierqa sabiex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għan tad-Direttiva. Dan japplika iktar u iktar jekk dak li jkun iqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-leġiżlatur tal-Unjoni fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa preskritt fis-suq intern (126).

199. Permezz tar-rekwiżit ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq superfiċi kbira, id-Direttiva ssegwi wkoll, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha u mill-preambolu tagħha (127), ir-rakkomandazzjonijiet imfassla fil-kuntest tad-WHO li, min-naħa tagħhom, jirreferu espressament għall-evidenza xjentifika tal-effettività ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati (128).

–       Fuq in-neċessità ta’ twissijiet fuq superfiċi kbira

200. Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, BAT u Von Eicken jenfasizzaw li twissijiet ikkombinati li jkopru 65 % tas-superfiċi ma humiex meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tad-WHO. Iż-żewġ impriżi jqisu li huwa biżżejjed li jinżammu r-regoli applikabbli sal-lum fl-Unjoni Ewropea u li jitwaħħlu twissijiet li jkopru 30 % tas-superfiċi tan-naħa ta’ quddiem tal-pakkett jew 40 % tas-superfiċi tan-naħa ta’ wara tal-pakkett (129).

201. Huwa minnu li la mill-Konvenzjoni Qafas tad-WHO u lanqas mil-Linji gwida assoċjati ma jirriżulta obbligu speċifiku li għandu jiġi previst preċiżament l-użu ta’ 65 % tas-superfiċi għal twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq il-pakketti tas-sigaretti. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 11(1)(iv) tal-Konvenzjoni Qafas jipprevedi biss li t-twissijiet “għandhom” jokkupaw mill-inqas 30 % tal-uċuħ ewlenin ta’ pakkett tas-sigaretti. Fl-istess waqt, madankollu, l-istess dispożizzjoni tiddikjara wkoll li t-twissijiet “għandhom” ikopru 50 % jew iktar tal-uċuħ ewlenin tal-pakketti tas-sigaretti. Konsegwentement, il-porzjon ta’ 65 % tas-superfiċi finalment adottat fid-Direttiva huwa kompletament konformi ma’ dak li huwa meqjus bħala mixtieq fuq il-livell internazzjonali.

202. Barra minn hekk, huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu s-setgħa, fil-kuntest tad-diskrezzjoni wiesgħa tiegħu fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern, mogħtija lilu skont l-Artikolu 114 TFUE, li jipprevedi obbligi iktar estensivi għall-manifatturi u l-importaturi ta’ prodotti tat-tabakk minn dawk preskritti fuq il-livell internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-porzjon tas-superfiċi ta’ 65 % għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati stabbilit fl-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva ma jmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-ilħuq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest internazzjonali.

203. Il-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lil minuri, imsemmija minn BAT u Von Eicken, bħala alternattiva inqas stretta ma hijiex miżura ugwalment xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. Minn naħa, tali regola tkun tikkonċerna biss lill-adolexxenti, filwaqt li t-twissijiet ikkombinati fuq superfiċi kbira fuq il-pakketti tas-sigaretti huma mmirati lejn il-konsumaturi kollha. Min-naħa l-oħra, limitu ta’ età, kif diġà ntqal iktar ’il fuq (130), faċli li jiġi evitat u l-osservanza tiegħu diffiċli li tiġi kkontrollata.

–       Fuq il-proporzjonalità fis-sens strett u fuq l-allegazzjoni ta’ arbitrarjetà

204. Finalment, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ BAT u Von Eicken, li l-porzjon tas-superfiċi preskritt li issa huwa ta’ 65 % għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati jirrestrinġi eċċessivament il-libertà tal-impriżi kkonċernati li jiddisinjaw il-pakkett tal-prodotti tat-tabakk tagħhom u b’hekk il-kompetizzjoni bejn il-prodotti u t-trade marks. Għandu jitqies, kif diġà ntqal, li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija ta’ importanza ħafna ikbar fis-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni mill-interessi essenzjalment ekonomiċi tal-impriżi [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], b’tali mod li l-protezzjoni tas-saħħa tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (131).

205. Peress li għad hemm ukoll disponibbli madwar terz tas-superfiċi ta’ pakkett tas-sigaretti għal informazzjoni speċifika għall-prodott, u peress li l-użu ta’ trade marks bħala tali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk jibqa’ possibbli, la l-libertà ta’ intrapriża u lanqas il-proprjetà intellettwali tal-impriżi kkonċernati ma huma affettwati fl-essenza tagħhom mill-Artikolu 10(1)(c) tad-Direttiva (132).

206. Ċertament, id-diskrezzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’tali kwistjonijiet ma teħlisx lill-Parlament u lill-Kunsill mill-obbligu li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq kriterji oġġettivi (133). Is-sempliċi fatt li l-Parlament u l-Kunsill stabbilixxew porzjon mis-superfiċi numerikament speċifiku — ta’ 65 % f’dan il-każ — għat-twaħħil ta’ twissijiet, madankollu, b’differenza minn dak li tallega BAT, ma huwiex manifestazzjoni ta’ arbitrarjetà. Għall-kuntrarju, huwa fin-natura ta’ kif imorru l-affarijiet u wkoll konformi mar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li jkollu jiġi stipulat proporzjon speċifiku wara li ssir evalwazzjoni tal-interessi kunfliġġenti kollha u tad-drittijiet, kif ukoll filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti.

207. Permezz tal-porzjon mis-superfiċi finalment stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill ta’ 65 %, din l-evalwazzjoni barra minn hekk irriżultat iktar favorevoli għall-impriżi kkonċernati minn dik fil-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni, fejn kien għadu preżunt porzjon ta’ 75 % (134).

208. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma aġixxiex b’mod arbitrarju bit-tnaqqis tal-porzjon tas-superfiċi rriżervat għat-twissijiet, iżda fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu attribwixxa iktar importanza milli għamlet il-Kummissjoni lill-interessi ekonomiċi tal-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk f’relazzjoni mar-rekwiżiti ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, u b’hekk akkomoda lill-impriżi kkonċernati.

209. Kollox ma’ kollox, għaldaqstant la kien arbitrarju u lanqas manifestament sproporzjonat, li waqt l-adozzjoni tad-Direttiva ngħatat prijorità lil-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, u li fuq il-pakketti tas-sigaretti ġie rriżervat spazju ta’ 65 % tas-superfiċi sabiex jitqiegħdu twissijiet tas-saħħa kkombinati.

iii) Konklużjoni intermedja

210. Konsegwentement, meta jitqies kollox, fir-rigward tar-rekwiżiti dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tat-tabakk, kif jirriżultaw mill-Artikolu 8(3), 9(3), 10(1)(a), (c) u (g) kif ukoll mill-Artikolu 14 tad-Direttiva, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2.      Indħil fil-libertà ta’ espressjoni (it-tieni domanda)

211. Il-libertà ta’ espressjoni (l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) hija indirizzata biss f’aspett wieħed ta’ il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri t-tieni domanda, li tirreferi għall-Artikolu 13 tad-Direttiva. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju notevolment ma qajmitx dubji dwar l-obbligu għat-twaħħil ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati fuq superfiċi kbira indirizzat fil-parti (c) tat-tielet domanda fid-dawl tal-libertà ta’ espressjoni. Għal finijiet ta’ kompletezza biss, nindika li l-kunsiderazzjonijiet sussegwenti dwar il-libertà ta’ espressjoni (135) jistgħu jiġu applikati wkoll għal din il-kwistjoni tal-aħħar (136).

212. L-Artikolu 13 tad-Direttiva huwa intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”. F’termini sempliċi, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi reklamar qarrieqi fuq il-pakkett u fuq l-ippakkjar estern tat-tabakk jew li tingħata l-impressjoni li t-tabakk ikkonċernat huwa tajjeb għas-saħħa, ta’ valur ekoloġiku jew mhux ta’ ħsara daqs tabakk ieħor [Artikolu 13(1)]. Barra minn hekk, il-pakketti u l-ippakkjar estern ma jistgħux jagħtu l-impressjoni ta’ vantaġġ ekonomiku [Artikolu 13(2)].

213. Il-kuntest għad-domandi ppreżentati dwar l-Artikolu 13 tad-Direttiva jista’ jkun li xi wħud mill-impriżi fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari PMI, BAT u Von Eicken) għandhom, jew jixtiequ jinkludu, prodotti tat-tabakk ġodda jew prodotti speċjalizzati fil-firxa ta’ prodotti tagħhom, u jixtiequ jinformaw lill-konsumaturi dwar il-kummerċjalizzazzjoni mtejba tagħhom permezz ta’ informazzjoni xierqa fuq il-pakketti tal-prodotti. F’dan ir-rigward, jista’ jkun ikkonċernat, pereżempju, tabakk b’riskju (allegatament) imnaqqas (137), iżda wkoll prodotti minn tabakk ikkultivat b’mod ekoloġiku jew prodotti b’filtri iktar bijodegradabbli.

a)      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [parti (a) tat-tieni domanda]

214. Fil-parti (a) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett titlob informazzjoni dwar jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprojbixxix “dikjarazzjonijiet veri u mhux qarrieqa dwar il-prodotti tat-tabakk fuq il-pakketti tal-prodott”.

215. Biex tingħata risposta għal din id-domanda huwa biżżejjed li jiġu mistħarrġa l-ewwel parti tal-Artikolu 13(1)(a), minn naħa, u l-bqija tal-Artikolu 13(1), min-naħa l-oħra. Peress li l-qorti tar-rinviju ma ppreżentat l-ebda osservazzjoni dwar l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva, ma huwiex neċessarju li nikkummenta dwar din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

216. L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tal-Artikolu 13(1)(a), mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni diġà jirriżulta li hija tipprojbixxi espressament informazzjoni qarrieqa fuq il-pakkett u l-ippakkjar estern, li permezz tiegħu jiġi rreklamat prodott tat-tabakk jew li huwa ta’ motivazzjoni għall-konsum tiegħu. B’hekk dikjarazzjonijiet veri u mhux qarrieqa ma humiex ipprojbiti skont din id-dispożizzjoni.

217. B’kuntrast ma’ dan, il-projbizzjonijiet sussegwenti fit-tieni parti tal-Artikolu 13(1)(a) u (b) sa (e) tad-Direttiva, meta jitqies biss il-kliem tagħhom, ma humiex espressament ristretti għal informazzjoni qarrieqa.

218. Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet, kif jista’ jiġi dedott mill-preambolu tad-Direttiva (138), għandhom ukoll l-għan li jħarsu l-konsumaturi minn informazzjoni qarrieqa. Madankollu, dan il-kunċett ta’ qerq, b’differenza minn dak li jidhru li jemmnu ċerti impriżi fil-proċedura, ma jistax jiġi interpretat b’mod strett. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ qerq, kif użat fid-Direttiva, ma jistax jinftiehem fis-sens li dikjarazzjonijiet veri dwar il-prodotti tat-tabakk fuq il-pakketti tagħhom ser ikunu permessi f’kull każ.

219. Kif jirrimarkaw ġustament l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-proċedura, iżda wkoll l-Irlanda u Franza, il-perikolu ta’ qerq għall-konsumatur jew ta’ inċentiv mhux mixtieq għall-konsumatur jistgħu jirriżultaw fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet veri mill-kuntest globali li fih isiru, jew inkella mill-interazzjoni ta’ diversi indikazzjonijiet li jkunu jinsabu fuq il-pakkett tal-prodott.

220. Anki dikjarazzjoni li meta titqies waħedha tista’ tkun kompletament korretta bħal, pereżempju, ir-riferiment għal tabakk minn kultivazzjoni ekoloġika jew għal filtri iktar bijodegradabbli, tista’ twassal sabiex ċerti konsumaturi jassumu li jaqblilhom jixtru u jikkonsmaw it-tabakk inkwistjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-perikoli għas-saħħa kunsiderevoli relatati mat-tipjip, minkejja t-twissijiet kollha fuq il-pakkett tal-prodott, jistgħu jingħataw importanza sekondarja f’għajnejn dan il-konsumatur jew fi kwalunkwe każ jidhru relattivizzati (139).

221. B’kuntrast ma’ dan, l-għan tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva huwa li jiġi eliminat kull inċentiv għax-xiri ta’ prodotti tat-tabakk, assoċjat mal-karatteristiċi allegatament pożittivi jew mal-immaġni allegatament pożittiva tiegħu, u li b’hekk jingħata kontribut għal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew. B’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 13(1)(b) sa (e) tad-Direttiva għandu jiġi evitat li l-akkwist u l-konsum ta’ prodott tat-tabakk, minħabba ċerta informazzjoni fuq il-pakkett, jiġu rrappreżentati lill-konsumaturi f’dawl pożittiv b’mod li jkun qarrieqi, u b’hekk jinħoloq inċentiv addizzjonali għax-xiri u l-konsum.

222. “Sigarett ekoloġiku” huwa u jibqa’ prodott estremament ta’ ħsara għas-saħħa. Anki fir-rigward ta’ konsumatur informat dwar il-perikoli għas-saħħa tat-tipjip ma għandux jiġi ssuġġerit permezz tal-informazzjoni fuq il-pakkett tal-prodott — anki jekk fis-subkonxju tiegħu biss — li t-tipjip ta’ “sigarett ekoloġiku” huwa rrakkomandat għalih jew li huwa ta’ valur għall-ambjent. L-eventwali kuxjenza ħażina ta’ min ipejjep minħabba l-perikoli għas-saħħa relatati mal-konsum tal-prodotti tat-tabakk ma għandhiex tiġi relattivizzata bil-fatt li jkun qed jagħmel xi ħaġa tajba għalih innifsu jew għall-pjaneta, billi jakkwista “sigarett ekoloġiku” minflok sigaretti tradizzjonali.

223. Kontra din l-interpretazzjoni relattivament stretta tal-Artikolu 13(1)(b) sa (e) tad-Direttiva ma jistax jingħad li fid-dritt tal-Unjoni normalment jipprevali l-prinċipju ta’ gwida ta’ konsumatur raġonevoli u informat. Dan għaliex fejn għandu x’jaqsam prodott li jista’ jikkawża perikoli sostanzjali għas-saħħa, huwa ġġustifikat li l-komunikazzjoni kummerċjali tiġi rregolata b’mod iktar strett milli kieku dan ma kienx il-każ. Dan japplika iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, l-enfasi tar-regola hija fuq il-protezzjoni tal-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ (140).

224. Ċertament, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ma jipprojbixxix kull dikjarazzjoni fattwalment preċiża dwar in-natura ta’ prodott tat-tabakk fuq l-ippakkjar tiegħu. Pereżempju, għandu jitqies li l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva jiġi interpretat b’mod restrittiv, fis-sens li jippermetti li t-togħmiet jissemmew fuq il-pakkett f’forma newtrali u mhux b’lingwaġġ ta’ reklamar, sakemm l-użu ta’ dawn it-togħmiet ikun għadu permess b’mod eċċezzjonali skont l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva. Inkella l-konsumatur kif għandu jagħżel bejn prodotti ta’ tabakk aromatizzat u dawk ta’ tabakk mhux aromatizzat? Għall-kuntrarju, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva jipprojbixxi l-indikazzjonijiet jew id-dikjarazzjonijiet kollha — anki dawk veri — fuq il-pakkett tal-prodott, li meta jitqiesu oġġettivament huma kapaċi jkollhom effett jew diversi mill-effetti deskritti f’dik id-dispożizzjoni.

225. Fil-qosor, il-parti (a) tat-tieni domanda għandha għaldaqstant tingħata r-risposta segwenti:

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprojbixxi wkoll dikjarazzjonijiet veri fuq il-pakketti tal-prodott, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet, meta jitqiesu oġġettivament, kapaċi jkollhom effett jew diversi mill-effetti deskritti f’dik id-dispożizzjoni.

b)      Fuq il-validità tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [il-parti (b) tat-tieni domanda]

226. Fil-parti (b) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 13 tad-Direttiva. Din il-parti tad-domanda qed issir biss għall-każ li l-parti (a) tat-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv. Jekk il-parti (a) tat-tieni domanda tingħata risposta kif issuġġerit minni, ikun meħtieġ li tiġi diskussa l-parti (b) tat-tieni domanda.

227. Abbażi ta’ lmenti korrispondenti mqajma mill-impriżi PMI u BAT fil-proċedura prinċipali, il-qorti tar-rinviju hawnhekk essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(1) jiksirx il-libertà ta’ espressjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

228. Il-libertà ta’ espressjoni hija stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Din tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li wieħed jirċievi jew jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

229. Meta impriża tiġi pprojbita milli tinkludi ċerti indikazzjonijiet fuq il-pakkett tal-prodott tagħha dwar in-natura tiegħu, dan jista’ jitqies li huwa ndħil f’dan id-dritt fundamentali, kif huwa l-każ permezz tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva meta jiġi interpretat kif spjegat hawn fuq. B’hekk minn naħa għall-impriżi jkun iktar diffiċli li fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħhom ixerrdu opinjonijiet u informazzjoni dwar il-prodotti tagħhom; min-naħa l-oħra jkun iktar diffiċli għall-konsumaturi li jinformaw ruħhom b’mod komprensiv dwar dawn il-prodotti.

230. Tali ndħil jista’ jkun iġġustifikat taħt il-prerekwiżiti msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta kif ukoll fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta flimkien mal-Artikolu 10(2) KEDB. L-uniku punt inkwistjoni f’dan il-każ huwa jekk id-Direttiva — li hija att leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea [Artikolu 289(3) TFUE] (141) — tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

231. Ċertament il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jingħata l-istess marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jirrestrinġi l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni fid-dawl tar-rwol fundamentali ta’ dan id-dritt fundamentali f’soċjetà demokratika, bħal pereżempju fil-każ ta’ ndħil fil-libertà ta’ intrapriża (142). Huwa minnu li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), li l-ġurisprudenza tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, essenzjalment tirrikonoxxi wkoll il-kunċett ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam (143). Fid-dawl tal-importanza tal-libertà ta’ espressjoni fl-ekonomija tas-suq, madankollu l-QEDB ilha għal żmien kunsiderevoli teżamina bir-reqqa restrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet kummerċjali tal-impriżi u tibbilanċja l-interessi kunfliġġenti filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali (144). Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ ukoll għandha twettaq l-istħarriġ tal-proporzjonalità min-naħa tagħha.

232. Il-proċedura preżenti ma tat ebda indikazzjoni li skontha r-rekwiżiti inklużi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar l-ittikkettjar tal-pakkett u l-ippakkjar estern tat-tabakk ma humiex xierqa jew meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. B’mod partikolari, it-twissijiet addizzjonali msemmija minn xi wħud mill-impriżi kkonċernati fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari (bħal kjarifiki fis-sens li s-“sigaretti ekoloġiċi” ma humiex ta’ inqas perikolu għas-saħħa minn oħrajn) ma jistgħux jitqiesu li huma miżura xierqa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi b’mod ugwali għal projbizzjoni kompluta tal-informazzjoni koperta mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (145).

233. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali tal-interessi kunfliġġenti ma tappoġġjax l-argument espress minn PMI, BAT u Von Eicken. Dan għaliex minn naħa, id-disseminazzjoni ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni li permezz tagħhom, bħal f’dan il-każ, għandhom jiġu segwiti biss interessi kummerċjali, ġeneralment jistħoqqilha inqas protezzjoni mogħtija mid-drittijiet fundamentali minn espressjonijiet ta’ opinjoni oħrajn fil-qasam ekonomiku jew saħansitra opinjonijiet politiċi. U min-naħa l-oħra, permezz tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jsegwi interess ġenerali — l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern Ewropew — li ġie rrikonoxxut li huwa ta’ importanza partikolarment kbira [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

234. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet kummerċjali imposti fuq il-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk, kif jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni tal-protezzjoni tas-saħħa, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu prodotti li huma kkaratterizzati minn riskji kunsiderevoli għas-saħħa.

235. L-impriżi kkonċernati, fl-interess ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, għandhom jaċċettaw ir-restrizzjoni taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tal-possibbiltajiet tagħhom li jirreklamaw il-prodotti tagħhom b’dikjarazzjonijiet li fihom infushom huma veri u li jikkompetu ma’ impriżi oħrajn b’dawn il-prodotti (146). Meta titqies il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, anki l-konsumaturi jistgħu jiġu mistennija li min-naħa tal-manifattur tat-tabakk jiksbu biss dik l-informazzjoni li ma tqarraqx bihom u li ma titfax dawl pożittiv b’mod qarrieqi fuq l-akkwist ta’ tali prodotti.

236. L-essenza tal-libertà ta’ espressjoni [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] lanqas ma hija affettwata jekk, b’att leġiżlattiv tal-Unjoni tiġi ristretta l-komunikazzjoni kummerċjali ta’ impriżi li tkun diretta biss lejn il-promozzjoni tal-bejgħ.

237. Kollox ma’ kollox, sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk għandha tiddeċiedi fl-istess sens bħalma għamlet diġà fir-rigward tar-regoli preċedenti tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (147) u tikkonstata li ma hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, l-ebda ksur tal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà ta’ informazzjoni.

C –    Id-delega ta’ setgħat leġiżlattivi u ta’ implementazzjoni

238. Bir-raba’ sas-sitt domandi essenzjalment titqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni, f’diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva, ikkonċediex setgħat estensivi lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati u ta’ atti ta’ implementazzjoni. Fid-dawl tal-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi ddeterminata minni (148), sussegwentement ser nillimita ruħi li niddiskuti biss ta’ malajr xi wħud mill-aspetti partikolarment importanti ta’ dan is-suġġett estremament kumpless.

239. Fid-diskussjoni dwar din il-kwistjoni, il-fehma tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, li ġiet invokata in extenso minn diversi partijiet fil-proċedura, ma għandha l-ebda rwol deċiżiv. Jista’ jkun li dan il-kumitat esprima kritika dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li permezz tagħhom finalment il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti ddelegati u atti ta’ implementazzjoni. Madankollu, opinjoni ta’ kumitat hija biss att preparatorju, li ma jirriflettix neċessarjament l-opinjoni tal-Parlament bħala koleġiżlatur u din lanqas ma tista’ tiġi invokata kontriha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

1.      Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 290 TFUE dwar is-setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati (ir-raba’ domanda)

240. Ir-raba’ domanda titlob li jiġu eżaminati diversi setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fid-Direttiva għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati, b’mod partikolari dawk fl-Artikoli 3(2) u (4), 4(5), 7(5), 7(11) u (12), 9(5), 10(1)(f), 10(3), 11(6), 12(3), 15(12) kif ukoll 20(11) u (12) tad-Direttiva. Dawn jikkonċernaw varjetà ta’ suġġetti, b’mod partikolari l-emissjonijiet minn prodotti tat-tabakk u l-kejl tagħhom, l-ingredjenti tal-prodotti tat-tabakk, it-twissijiet tas-saħħa kif ukoll is-sigaretti elettroniċi.

241. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku (atti ddelegati).

242. Tali delega ta’ setgħat leġiżlattivi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE hija marbuta ma’ żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, l-għanijiet, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tad-delega tas-setgħa għandhom jiġu ddefiniti espressament fl-att leġiżlattiv ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-aspetti essenzjali ta’ qasam huma rriżervati għall-att leġiżlattiv bażiku, u b’hekk id-delega tagħhom hija eskluża. Finalment, l-attribuzzjoni ta’ setgħa ddelegata b’hekk hija intiża għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku (149).

243. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li skonthom id-delegi tas-setgħat ikkontestati lill-Kummissjoni, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 290 TFUE, jestendu għal aspetti essenzjali tal-qasam irregolat u l-għan, il-kontenut u l-portata tagħhom ma humiex iddeterminati suffiċjentement.

244. Essenzjalment it-tilwima li fuqha hija bbażata r-raba’ domanda hija dwar jekk is-setgħat attribwiti lill-Kummissjoni jikkonċernawx aspetti essenzjali tal-qasam irregolat fid-Direttiva.

245. Bil-projbizzjoni espressa fl-Artikolu 290 TFUE tad-delega ta’ setgħat fir-rigward ta’ aspetti essenzjali, il-ġurisprudenza stabbilita, li skontha l-adozzjoni tar-regoli essenzjali ta’ qasam li għandu jiġi rregolat hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni, ġiet inkorporata fit-Trattati (150). Tali regoli essenzjali b’hekk għandhom ukoll jiġu inkorporati fl-att leġiżlattiv bażiku stess, u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega ta’ setgħat (151).

246. L-aspetti ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandhom jiġu ddeterminati skont elementi oġġettivi, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-fatturi partikolari tal-qasam ikkonċernat (152).

247. Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem interpretat il-kunċett ta’ regoli essenzjali b’mod strett. B’hekk hija tifhem b’mod partikolari li dan ikopri biss tali dispożizzjonijiet, li permezz tagħhom huma implementati l-linji gwida fundamentali tal-politika tal-Unjoni (153). Dan kien akkumpanjat mill-applikazzjoni ta’ standards ġenerużi fl-istħarriġ tad-delega ta’ setgħat leġiżlattivi lill-Kummissjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, billi segwiet fehim funzjonali, kienet iggwidata b’mod partikolari mir-rekwiżiti tal-prattika (154).

248. Biex tkompli u tirfina din il-ġurisprudenza preċedenti, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli li l-adozzjoni tagħhom tkun teħtieġ li jsiru għażliet politiċi, li jirrikjedu evalwazzjoni tal-interessi diverġenti u b’hekk jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni huma esklużi mid-delega ta’ setgħat (155). Fl-istess ħin, il-kunċett tan-natura essenzjali jingħata forma sostanzjalment iktar ċara, billi dan iqis l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni bħala neċessarju meta permezz tal-għoti ta’ setgħat ta’ awtorità pubblika jkun hemm indħil fid-drittijiet fundamentali tal-individwi ta’ portata kbira (156).

249. Finalment, għalhekk, ir-rekwiżiti dwar id-delega ta’ setgħat, kif riflessi fl-Artikolu 290 TFUE u fil-ġurisprudenza assoċjata, huma espressjoni tas-separazzjoni tal-poteri u tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea.

250. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-każ preżenti ma ġiet ippreżentata l-ebda indikazzjoni konkreta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva ma humiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Anki meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti bil-miktub u orali ppreżentati mill-partijiet fil-proċedura f’dan ir-rigward, jien ma għandi l-ebda dubju dwar il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola huwa stess l-aspetti essenzjali ta’ kull wieħed mill-oqsma msemmija fid-Direttiva u li huwa stess ħa kwalunkwe deċiżjoni li setgħet tkun ta’ sinjifikat politiku jew inkella sensittiva ħafna.

251. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa b’mod ċar ukoll l-għanijiet tas-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa li għandu jiġi mfittex fis-suq intern. Il-fatt li l-emissjonijiet mill-prodotti tat-tabakk għandhom jiġu limitati u għandhom ikomplu jonqsu, li l-kejl tagħhom irid jissodisfa ċerti standards prestabbiliti, li l-ingredjenti tat-tabakk għandhom jiġu rregolati u b’dan il-mod jiġu pprojbiti b’mod partikolari t-togħmiet karatterizzanti; dawn id-deċiżjonijiet fundamentali kollha wkoll ittieħdu mil-leġiżlatur tal-Unjoni stess, l-istess bħall-istabbiliment tar-rekwiżit ta’ twissijiet tas-saħħa fuq il-pakketti tal-prodott, inkluż ir-rekwiżit speċifiku ta’ twissijiet ikkombinati fuq il-pakketti tas-sigaretti.

252. Is-setgħat leġiżlattivi ddelegati, ikkonferiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-Kummissjoni f’dan il-kuntest skont l-Artikolu 290 TFUE, primarjament huma intiżi sabiex ir-regoli applikabbli għat-tabakk u prodotti relatati fis-suq intern f’ċerti oqsma partikolarment tekniċi dejjem jiġu adattati għall-evidenza xjentifika l-iktar reċenti u biex b’hekk jintlaħaq l-għan tad-dritt primarju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (157).

253. Sa fejn il-Kummissjoni b’mod eċċezzjonali tagħmel użu mis-setgħat iddelegati f’oqsma inqas tekniċi tad-Direttiva, xorta waħda dejjem ikunu involuti aspetti tal-att leġiżlattiv bażiku, li ma huma ta’ ebda importanza essenzjali għax-xogħol fl-intier tiegħu. Dan japplika b’mod partikolari, fir-rigward tas-setgħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva, li testendi l-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti diġà eżistenti għal sigaretti u tabakk tal-brim għal kategoriji oħra ta’ prodotti tat-tabakk, pereżempju s-sigarri. Dan għaliex id-deċiżjoni politika fundamentali li t-togħmiet karatterizzanti jiġu pprojbiti sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, speċjalment għaż-żgħażagħ, kienet diġà ttieħdet mil-leġiżlatur tal-Unjoni stess fid-Direttiva (158). Permezz tal-Artikolu 7(12) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ma ngħatatx diskrezzjoni ta’ natura politika, iżda ġiet fdata l-kompitu fil-biċċa l-kbira tekniku li tkompli tiżviluppa b’mod koerenti l-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti filwaqt li tosserva b’mod kostanti ċ-ċirkustanzi tas-suq, kull meta tali togħmiet jistgħu jwasslu għal perikolu għas-saħħa tal-konsumaturi, fuq kollox għaż-żgħażagħ, fi prodotti tat-tabakk oħrajn minbarra s-sigaretti.

254. Is-sempliċi fatt li xi wħud mill-aspetti tekniċi li għandhom jiġu rregolati mill-Kummissjoni fil-prattika jistgħu jkunu ta’ importanza kbira, u saħansitra eżistenzjali, għal xi impriżi kkonċernati (bħall-kwistjoni dwar liema livelli ta’ emissjoni massimi tat-tabakk japplikaw, liema ingredjenti huma permessi u kemm għandhom ikunu preċiżi t-twissijiet fuq il-pakkett tal-prodott), għall-kuntrarju tal-fehma ta’ PMI, BAT u Mane, ma jfissirx li dawn il-kwistjonijiet jirrigwardaw aspetti essenzjali tal-leġiżlazzjoni fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. Dan għaliex, kif diġà ntqal, il-fattur rilevanti ma huwiex il-perċezzjoni suġġettiva tal-persuni kkonċernati, iżda analiżi oġġettiva (159).

255. Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment ta’ JTI, li d-delegi tas-setgħat huma neqsin minn salvagwardji proċedurali fundamentali. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li tingħata ħarsa lejn l-Artikolu 27 tad-Direttiva, li jirregola b’mod iddettaljat il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ kull setgħa ddelegata. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta għal liema minn dawn is-setgħat huwa dejjem irriżervat id-dritt ta’ revoka għall-koleġiżlaturi [Artikolu 27(3) tad-Direttiva flimkien mal-Artikolu 290(2)(a) TFUE] u liema setgħat jistgħu jiġu eżerċitati biss meta la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw f’terminu stabbilit [Artikolu 27(5) tad-Direttiva flimkien mal-Artikolu 290(2)(b) TFUE].

256. B’mod partikolari, id-dritt ta’ revoka tal-koleġiżlaturi skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva u d-dritt tagħhom li joġġezzjonaw skont l-Artikolu 27(5) tad-Direttiva jiżguraw li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jintervjenu jekk fil-fehma tagħhom il-Kummissjoni fil-futur tkun beħsiebha tapplika livelli ta’ emissjoni massimi tant stretti, li dan ikun ugwali jew mill-inqas iqarreb lejn il-“projbizzjoni totali tas-sigaretti” li BAT tinsab imbeżża’ minnha.

257. Finalment, PMI tilmenta wkoll li b’mod partikolari fl-Artikoli 7(5) u 11 tad-Direttiva, sabiex jiġu rregolati l-ingredjenti u fl-Artikolu 10(3)(b) għall-istabbiliment tal-librerija ta’ stampi għat-twissijiet tas-saħħa kkombinati, ma kellhomx jiġu previsti atti ddelegati fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, iżda minflok għandhom jiġu previsti atti ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE. Għal dan l-għan huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni fl-għażla bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ delegi ta’ setgħat lill-Kummissjoni (160). La l-qorti tar-rinviju u lanqas PMI ma ssottomettew b’mod issostanzjat sa liema punt il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-każ preżenti u għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.      L-allegata delega ta’ setgħat lil korpi internazzjonali li jinsabu barra mill-Unjoni (il-ħames domanda)

258. Il-ħames domanda tikkonċerna l-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva, li fihom il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti ddelegati fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, sabiex tinkludi fid-dritt tal-Unjoni ċerti standards maqbula fuq il-livell internazzjonali b’rabta mal-livelli massimi ta’ emissjonijiet, l-emissjonijiet u l-proċeduri tal-kejl. Abbażi ta’ lmenti mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li JTI taqbel magħhom, huwa insinwat li l-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija huwa wisq vag u li permezz tiegħu ġew iddelegati setgħat leġiżlattivi b’mod illegali lil istituzzjonijiet jew korpi internazzjonali barra l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni.

259. L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-ilment tan-nuqqas ta’ preċiżjoni, dan huwa dirett kontra r-riferiment fl-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva għall-“istandards miftiehma” mill-partijiet fil-Konvenzjoni Qafas tad-WHO jew fil-kuntest tad-WHO, u li l-Kummissjoni għandha tinkorpora fid-dritt tal-Unjoni. BAT u JTI huma tal-fehma li ma huwiex ċar jekk b’dan humiex intiżi wkoll linji gwida u possibbilment anki ittri ta’ intenzjoni ta’ xi partijiet jew tad-WHO.

260. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Il-kunċett ta’ “standards miftiehma” ma jistax ifisser ittri ta’ intenzjoni unilaterali, peress li naturalment ma jeżisti ebda ftehim dwarhom. Għall-kuntrarju, ir-riferiment għal “standards miftiehma” jista’ u għandu jinkludi wkoll linji gwida li għandhom rwol importanti b’rabta mal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO. Il-fatt li tali linji gwida ma joħolqu l-ebda effett legali vinkolanti, iżda għandhom biss natura ta’ rakkomandazzjoni (161), bl-ebda mod ma jeskludi li dawn jinkludu “standards miftiehma” mill-partijiet fil-Konvenzjoni skont ir-regoli proċedurali tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO, li anki l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiġu ggwidati minnhom (162).

261. B’mod differenti mill-fehma adottata minn PMI, BAT u JTI, fl-imsemmi riferiment għal “standards miftiehma” fuq il-livell internazzjonali ma ssir l-ebda delega illegali ta’ setgħat lil korpi internazzjonali barra l-Unjoni (163). Dan għaliex l-atti legali għall-implementazzjoni ta’ dawn l-istandards għas-suq intern Ewropew ser ikomplu jiġu adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u — fil-każ tal-Artikolu 3(4) u 4(5) tad-Direttiva — mill-Kummissjoni.

262. Barra minn hekk, l-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva flimkien mal-formulazzjoni kategorika inkluża fihom “[i]l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa” ma jistgħux jinftiehmu b’mod żbaljat fis-sens li din l-istituzzjoni tal-Unjoni jkollha idejha marbuta fir-rigward tal-kontenut u li l-inkorporazzjoni mhux ivverifikata tal-istandards maqbula internazzjonalment fid-dritt tal-Unjoni jkun proċess awtomatizzat. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati b’tali mod li l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt primarju ma tkunx ikkontestata (164). Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tissodisfa b’mod sħiħ il-kompitu mogħti lilha fit-Trattat UE u fit-Trattat FUE, mhux l-inqas fl-Artikolu 290 TFUE, fejn għandu x’jaqsam l-abbozzar tal-kontenut ta’ atti tal-Unjoni kif ukoll, b’mod ġenerali, ir-rwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattati.

263. Konsegwentement, il-formulazzjoni “l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa” għandha titqies li hija mandat mogħti mil-leġiżlatur tal-Unjoni b’konformità mad-dritt primarju, li skontu l-Kummissjoni bħala regola għandha tassew tadotta l-istandards maqbula internazzjonalment. Waqt li tissodisfa dan il-kompitu mogħti lilha, il-Kummissjoni madankollu għandha tiżgura li dawn l-istandards jiġu introdotti fid-dritt tal-Unjoni b’mod li jikkonforma mas-sistema. Dan huwa indikat ukoll mill-kliem tal-Artikoli 3(4) u 4(5) tad-Direttiva, skont liema l-Kummissjoni tingħata l-kompitu li “tadotta” l-istandards miftiehma fuq il-livell internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandha tosserva d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (Artikolu 6 TUE) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-obbligu ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa [Artikoli 9 TFUE, 114(3) TFUE, 168(1) TFUE kif ukoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali].

3.      Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 291 TFUE dwar setgħat għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni (is-sitt domanda)

264. Finalment, permezz tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn il-kritika ta’ xi impriżi kkonċernati fil-proċedura prinċipali b’rabta mal-Artikoli 6(1), 7(2) sa (4), 7(10), 9(6) u 10(4) tad-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta ċerti atti ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni minn naħa huwa akkużat li ma stabbilixxiex b’mod ċar biżżejjed ir-rekwiżiti legali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni, u min-naħa l-oħra li huwa ppreveda tali atti wkoll f’oqsma li fihom implementazzjoni uniformi “la kienet meħtieġa u lanqas iġġustifikata”.

265. L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna n-neċessità ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f’liema oqsma ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, għal finijiet ta’ implementazzjoni uniformi. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa mistħarreġ mill-qrati tal-Unjoni biss fir-rigward ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (165).

266. Fil-każ preżenti la l-qorti tar-rinviju u lanqas l-impriżi kkonċernati fil-proċedura ma ppreżentaw kwalunkwe indikazzjoni oġġettiva għalfejn l-oqsma kkontestati tad-Direttiva ma jeħtieġu l-ebda miżura ta’ implementazzjoni. L-evalwazzjoni purament suġġettiva tagħhom, li l-atti ta’ implementazzjoni “la huma meħtieġa u lanqas iġġustifikati” fi kwalunkwe każ ma hijiex biżżejjed sabiex tinvalida d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva inkwistjoni (166).

267. Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet legali speċifiċi għall-adozzjoni tal-atti ta’ implementazzjoni inkwistjoni, fil-ġurisprudenza diġà huwa ċċarat li l-att leġiżlattiv bażiku adottat mill-Parlament u l-Kunsill bħala koleġiżlaturi — fil-każ preżenti d-Direttiva — għandu jistabbilixxi qafas legali komplet, li jeħtieġ biss li jiġi ppreċiżat sabiex jiġi implementat (167). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija awtorizzata biex fil-kuntest tas-setgħat ta’ implementazzjoni mogħtija lilha, tadotta l-miżuri kollha neċessarji jew utli għall-implementazzjoni ta’ dan l-att leġiżlattiv bażiku, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih (168). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ implementazzjoni tagħha, ma tista’ la temenda u lanqas tikkompleta l-att leġiżlattiv (169).

268. Ma huwiex evidenti sa liema punt id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva jiksru l-prinċipji msemmija. Kemm b’rabta mal-lista ta’ prijorità ta’ addittivi (Artikolu 6 tad-Direttiva) kif ukoll fir-rigward tar-regolazzjoni tal-ingredjenti (Artikolu 7 tad-Direttiva) u b’rabta mat-twissijiet (Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva), il-leġiżlatur tal-Unjoni stess stabbilixxa l-prinċipju ta’ gwida u ħa d-deċiżjonijiet kollha essenzjali jew id-deċiżjonijiet politiċi għal dan l-għan (170). B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess stabbilixxa li t-togħmiet karatterizzanti għandhom jiġu pprojbiti u li twissijiet tas-saħħa (ikkombinati) għandhom jitqiegħdu fuq il-pakkett tal-prodott f’ċertu għamla u daqs. Il-Kummissjoni f’dan il-kuntest titħalla biss, b’konformità mal-Artikolu 291 TFUE, tadotta regoli li jipprovdu kjarifika dwar ċerti dettalji tekniċi tal-implementazzjoni.

4.      Konklużjoni intermedja

269. Kollox ma’ kollox, b’hekk il-punti mqajma fir-raba’ sas-sitt domandi ma jipprovdu ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-Direttiva 2014/40 jew ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tagħha.

D –    Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà

270. Permezz tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju finalment tfittex li tikseb informazzjoni dwar jekk id-Direttiva fl-intier tagħha, u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8(3), 9(3) u 10(1)(g) kif ukoll l-Artikoli 13 u 14 tagħha, humiex invalidi minħabba li jiksru l-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

271. Skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) TFUE, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni [Artikolu 5(3) TUE].

272. Peress li l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza ġenerali li tirregola s-suq intern (171) u peress li s-suq intern jaqa’ fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri [l-Artikolu 4(2)(a) TFUE], il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika għal miżuri ta’ armonizzazzjoni skont l-Artikolu 114 TFUE kif ukoll, konsegwentement, għal din id-direttiva (172).

273. L-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà hija suġġetta għall-istħarriġ ġuridiku tal-qrati tal-Unjoni (173). Dan l-istħarriġ ikopri, b’mod partikolari, żewġ aspetti: minn naħa, il-kompatibbiltà tal-kontenut tal-atti tal-Unjoni mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tagħhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Iż-żewġ aspetti ftit jissemmew fid-domanda tar-rinviju, prinċipalment abbażi tal-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti tagħhom, Benkert u Mane. Konsegwentement, ser nallinja l-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà fil-każ preżenti mal-argumenti li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-seba’ domanda, u għall-bqija ser nirreferi għaż-żewġ konklużjonijiet l-oħra tiegħi ppreżentati llum, li jinkludu ċerti kunsiderazzjonijiet ulterjuri dwar il-kwistjoni ta’ sussidjarjetà kif ukoll dwar ir-rwol tal-qrati tal-Unjoni u dwar il-kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju (174).

1.      Il-kompatibbiltà tal-kontenut tad-Direttiva mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

274. L-ewwel nett, id-digriet tar-rinviju jagħti leħen lil diversi punti ta’ kritika mqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom qed tiġi miċħuda l-kompatibbiltà tad-Direttiva mil-lat tal-kontenut u b’mod partikolari l-“projbizzjoni tal-mentol” li tinsab fl-Artikolu 7 tagħha, mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

275. Għall-implementazzjoni prattika tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà skont l-Artikolu 5(3) TUE, huwa deċiżiv test fuq żewġ livelli:

–        Minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaffermaw li huma ser jaġixxu biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-miżuri previsti ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri (l-aspett negattiv tat-test).

–        Min-naħa l-oħra, azzjoni mill-Unjoni hija permessa biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-miżuri previsti, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni (l-aspett pożittiv tat-test).

B’dawn iż-żewġ aspetti tat-test tas-sussidjarjetà finalment qed tiġi diskussa l-istess kwistjoni minn żewġ perspettivi differenti, jiġifieri jekk għandhiex tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni jew fuq il-livell tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira.

276. La l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, u lanqas ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-intervenjenti insostenn tagħhom ma jittrattaw dawn iż-żewġ komponenti tat-test ta’ sussidjarjetà b’mod sinjifikattiv (175). Barra minn dan: fir-rigward ta’ ħafna punti, ir-rimarki tagħhom huma tant ġenerali li anki meta jinqraw f’dawl favorevoli, dawn huma nieqsa mill-argument issostanzjat meħtieġ għal stħarriġ ġudizzjarju (176). B’hekk sussegwentement ser nindirizza biss it-tliet argumenti invokati prinċipalment, li kollha kemm huma jikkonċernaw il-projbizzjoni tal-użu tal-mentol bħala togħma karatterizzanti fil-prodotti tat-tabakk.

277. L-ewwel argument u l-iktar wieħed importanti huwa fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jevalwa l-kwistjoni ta’ sussidjarjetà speċifikament fir-rigward tal-użu tal-mentol fil-prodotti tat-tabakk.

278. Dan l-argument ma huwiex validu. Il-verifika tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, bħala prinċipju, għandu jitwettaq fir-rigward tad-Direttiva fl-intier tagħha u mhux fir-rigward ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha individwalment (177). F’dan ir-rigward, kif jissuġġerixxi t-test innifsu tal-Artikolu 5(3) TUE, il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva għandhom jiġu evalwati filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija minnhom. Għaldaqstant, fil-każ preżenti, il-kwistjoni ta’ sussidjarjetà ma għandhiex tiġi diskussa biss fir-rigward tas-sigaretti tal-mentol għaliex il-projbizzjoni ta’ din il-varjetà speċifika ta’ sigaretti — kif diġà spjegat fid-dettall iktar ’il fuq (178) — ma tistax titqies li hija miżura awtonoma u separata fir-rigward tal-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk kollha b’togħmiet karatterizzanti.

279. It-tieni argument huwa fis-sens li l-għan tal-politika tas-saħħa allegatament imfittex bil-projbizzjoni tal-mentol kien jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Istati Membri.

280. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti sempliċement minħabba li la d-Direttiva b’mod ġenerali u lanqas il-projbizzjoni kkontestata tas-sigaretti tal-mentol b’mod partikolari ma għandhom għan purament relatat mal-politika tas-saħħa. L-għan huwa pjuttost li jitneħħew l-ostakoli tal-kummerċ għal prodotti tat-tabakk filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

281. Kif diġà semmejt (179), il-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti kollha hija l-prezz li qed jitħallas għaċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk fis-suq intern, filwaqt li fl-istess waqt ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. B’hekk, għall-kuntrarju tal-fehma ta’ Bankert u Mane, iż-żewġ għanijiet huma relatati mill-qrib u interrelatati. Iżda meta direttiva, kif ġara hawnhekk, issegwi żewġ għanijiet fl-istess waqt, li barra minn hekk ikunu interdipendenti, dawn l-għanijiet ma jistgħux jitqiesu b’mod separat fil-kuntest tat-test ta’ sussidjarjetà, iżda għandhom jiġu evalwati flimkien (180).

282. It-tielet argument finalment jgħid li l-kundizzjonijiet tas-suq, speċjalment l-ishma fis-suq, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor fir-rigward tas-sigaretti tal-mentol, u għalhekk ma teżisti l-ebda problema transkonfinali u li huwa kompitu tal-Istati Membri li jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja huma stess.

283. Dan l-argument, bħal dawk preċedenti, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Dan minħabba li s-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet tas-suq ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, ma huwiex adegwat minnu nnifsu sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ problema b’dimensjoni transkonfinali. Għall-kuntrarju, jiddependi jekk fis-settur inkwistjoni huwiex osservat jew mistenni kummerċ transkonfinali sinjifikattiv, u jekk l-ostakoli eżistenti jew li huma mistennija għal dan il-kummerċ jistgħux jiġu solvuti b’mod effettiv mill-Istati Membri waħedhom.

284. Fil-każ preżenti huwa stabbilit li s-suq għal prodotti tat-tabakk huwa kkaratterizzat minn kummerċ transkonfinali estensiv (181), li r-regoli applikabbli fl-Istati Membri dwar l-użu ta’ togħmiet karatterizzanti jvarjaw kunsiderevolment minn xulxin u li huma mistennija diverġenzi addizzjonali (182). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi akkużat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni (183), meta jqis li teżisti problema ta’ dimensjoni transkonfinali li ma tistax tiġi riżolta biss permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri, iżda għall-kuntrarju teħtieġ azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni (184).

285. Fil-qosor, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati mill-qorti tar-rinviju u mill-impriżi kkonċernati fil-proċedura għaldaqstant ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fir-rigward tal-kontenut. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ sussidjarjetà mqajma fir-rigward tad-direttiva inkwistjoni hawnhekk b’mod simili bħalma għamlet diġà b’rabta mat-test predeċessur tagħha (185).

2.      Motivazzjoni suffiċjenti tad-Direttiva fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

286. It-tieni nett, id-digriet tar-rinviju jikkritika l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva ma ħax inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ sussidjarjetà b’mod suffiċjenti, iżda jallega b’lingwaġġ retoriku li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ġie osservat. Finalment, b’din il-kritika huwa insinwat li d-Direttiva hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

287. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tagħmel ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil‑ġustifikazzjoni tal-miżura li tiġi adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (186).

288. Jekk tkun qed tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, mill-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni għandu jkun ċar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jkunx indirizza suffiċjentement il-kwistjonijiet li huma rilevanti fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, u jekk iva, għal liema konklużjonijiet wasal fir-rigward tas-sussidjarjetà.

289. Il-premessa 60 imsemmija hija limitata għad-dikjarazzjoni konċiża li “l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effett tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni”, u minn dan tikkonkludi li “l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE”.

290. Tali formulazzjoni, li, fl-aħħar mill-aħħar, sempliċement tirriproduċi bħala formola standard it-test tad-dispożizzjoni rilevanti mit-Trattat tal-UE, ma hijiex eżempju partikolarment brillanti għat-teknika tant invokata ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, li l-istituzzjonijiet għandhom bħala għan għal xi żmien.

291. Ċertament, is-sempliċi eżistenza ta’ tali formola standard fil-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandhiex twassal għal konklużjonijiet prematuri fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-istess waqt, tali formola tagħti x’tifhem li dan l-att ma huwiex immotivat biżżejjed. Filwaqt li, għall-inqas minnha jista’ jiġi konkluż li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess kien persważ mill-konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ma jistax jiġi identifikat b’mod ċar eżattament liema kunsiderazzjonijiet applika fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sussidjarjetà u lanqas kemm indirizza intensivament din it-tema.

292. Tali formulazzjoni standard kif tinsab inkluża fil-każ preżenti fil-premessa 60 tad-Direttiva, ma tridx twassal neċessarjament għall-annullament tal-att tal-Unjoni kkontestat. Wieħed jista’ jsib punti rilevanti dwar il-kwistjoni tas-sussidjarjetà anki fi premessi oħrajn tal-preambolu, anki jekk hemmhekk ma jsirx riferiment espliċitu għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà (187).

293. Dan huwa l-każ hawnhekk: in-nuqqasijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll il-vantaġġi tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern fil‑livell tal-Unjoni huma esposti b’mod partikolari fil-premessi 4 sa 7, 15, 16 u 36 tad-Direttiva. Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fihom huma primarjament intiżi għall-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali, fl-istess waqt, huma jistgħu jintużaw ukoll fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, parti sinjifikattiva mill-kunsiderazzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jwettaq fil-kuntest tal-Artikolu 114 TFUE u ta’ Artikolu 5(3) TUE, jikkoinċidu ma’ xulxin.

294. Minbarra dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni fi kwalunkwe każ ma hijiex meħtieġa tispeċifika l-punti ta’ liġi jew ta’ fatt kollha rilevanti. Barra minn hekk, l-osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (188). Dan japplika iktar u iktar jekk, bħal ma huwa l-każ hawnhekk, tkun fil-mira l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, li l-motivazzjoni tagħhom għandha tkun ristretta għal deskrizzjoni pjuttost ġenerali tal-aspetti bażiċi tar-regola rispettiva kif ukoll tal-għanijiet segwiti minnha (189).

295. Fil-każ preżenti huwa rilevanti li l-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa seta’ jibbaża ruħu fuq il-motivazzjoni tal-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni (190) kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq rapport komprensiv tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-impatt (191) dwar id-Direttiva li issa qed tiġi kkontestata. Mhux biss fil-partijiet iddedikati speċifikament għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, iżda wkoll f’għadd ta’ partijiet oħrajn ta’ dawn iż-żewġ testi, huma diskussi fid-dettall l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn regoli nazzjonali diversi kif ukoll il-vantaġġi ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

296. Għalhekk, huwa ddokumentat b’mod suffiċjenti li l-istituzzjonijiet leġiżlattivi kellhom materjal komprensiv li fuqu setgħu jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

297. Barra minn hekk, lanqas mill-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità (192) ma jirriżulta li “[l]-elementi dettaljati” li t-Trattat ta’ Lisbona reċentement stabbilixxa bħala prerekwiżit għal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà, għandhom ikunu neċessarjament inklużi fil-preambolu nnifsu tal-att li huwa finalment adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Minħabba l-kumplessità tal-kunsiderazzjonijiet li għandhom isiru għal dan l-iskop, dan ukoll bilkemm ikun prattikabbli u faċilment jista’ jmur lil hinn mill-portata ta’ tali preambolu.

298. Għall-kuntrarju, dak li huwa deċiżiv li “[l]-elementi dettaljati” mitluba fl-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 ikunu disponibbli għall-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni kif ukoll għall-parlamenti nazzjonali matul il-proċedura leġiżlattiva bħala bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet rispettiv tagħhom, kif seħħ b’mod għalkollox mhux ikkontestat fil-każ preżenti. Jekk nagħtu ħarsa iktar mill-qrib, dan jista’ saħansitra jiġi dedott mill-kliem tal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2: din id-dispożizzjoni, fil-fatt, tirreferi biss għal abbozzi ta’ atti leġiżlattivi, madankollu mhux għall-prodotti finali adottati mill-Parlament u mill-Kunsill fil-kuntest tal-attività leġiżlattiva tagħhom.

299. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Direttiva fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa infondat fl-intier tiegħu.

3.      Konklużjoni intermedja

300. Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, la mill-perspettiva sostantiva u lanqas minn dik formali ma jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

301. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata l-parir urġenti sabiex fil-futur joqgħod lura milli jagħmel użu minn formulazzjonijiet standard bħal dik li tinsab fil-premessa 60 tad-Direttiva u, minflok, għandu jsostni l-preambolu tal-att tal-Unjoni kkonċernat b’osservazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà li jkunu sostanzjali biżżejjed u mfassla iktar mill-qrib għall-miżuri rispettivi.

IV – Konklużjoni

302. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Administrative Court):

1)      Il-parti (a), il-parti (b) u l-parti (c), punti (iii) u (iv) tal-ewwel domanda, kif ukoll ir-raba’ sas-sitt domanda huma inammissibbli. Is-seba’ domanda hija inammissibbli sa fejn tirreferi għal dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2014/40 minbarra l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

2)      Għall-bqija tad-domandi preliminari, ir-risposta għandha tkun is-segwenti:

a)      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi wkoll dikjarazzjonijiet veri fuq il-pakketti tal‑prodott, sakemm dawn id-dikjarazzjonijiet, meta jitqiesu b’mod oġġettiv, kapaċi jikkawżaw effett jew diversi effetti deskritti f’din id-dispożizzjoni.

b)      L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2014/40.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/40” jew sempliċement id-“Direttiva”).


3 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800), Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802), Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772) u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑468/14, EU:C:2015:504).


4 – Kawża C‑477/14 (Pillbox 38).


5 – Kawża C‑358/14 (Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill).


6 – Il-Ministru tas-Saħħa tar-Renju Unit.


7 – Iktar ’il quddiem, flimkien “JTI”.


8 – Iktar ’il quddiem, flimkien “Tann”.


9 – Iktar ’il quddiem, flimkien “Benkert”.


10 – Iktar ’il quddiem “Mane”.


11 – Iktar ’il quddiem “Von Eicken”.


12 – F’dan ir-rigward, l-Istati Membri parteċipanti, u xi wħud mill-impriżi parteċipanti llimitaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għal ċerti aspetti parzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja jikkonċernaw biss, bħal fil-kawża pendenti parallela Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14), il-projbizzjoni tas-sigaretti tal-mentol.


13 – Sentenzi Jamet vs Il-Kummissjoni (37/71, EU:C:1972:57, punt 11), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38), Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94).


14 – Sentenzi Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑244/03, EU:C:2005:299, punt 13), Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38), Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 16) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94); ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punti 257 sa 259).


15 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2010:500, punt 112 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69). Ara, barra minn hekk, is-sentenzi Eurotunnel et (C‑408/95, EU:C:1997:532), Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312), Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662), Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100) kif ukoll AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja, kull darba fuq talba għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali, ħadet pożizzjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet individwali ta’ atti tal-Unjoni, mingħajr ma rrimarkat espressament dwar l-imsemmija kwistjoni ta’ ammissibbiltà.


16 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 33) u Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 33 sa 35).


17 – Ara, f’dan is-sens, fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, is-sentenzi Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27) kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 29).


18 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ prinċipju, is-sentenza Foglia vs Novello (104/79, EU:C:1980:73).


19 – Sentenzi Irish Creamery Milk Suppliers Association et (36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 5), AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45 flimkien mal-punt 42) u Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29).


20 – Sentenza Corsica Ferries (C‑18/93, EU:C:1994:195, punt 12) u l-ġurisprudenza ċċitata.


21 – Sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 15); ara, fl-istess sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 36).


22 – Ara, f’dan is-sens, id-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punti 22 u 32); ara wkoll is-sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 30 u 31).


23 – Sentenzi SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 9), Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 90 u 91) u Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28).


24 – Sentenzi SMW Winzersekt (C‑306/93, EU:C:1994:407, punt 15), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 34), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 13 u 14), Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 28) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 16).


25 – Sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 28) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 17).


26 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/09 (EU:C:2011:123, punt 68).


27 – Sentenza IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 31) u d-digriet Adiamix (C‑368/12, EU:C:2013:257, punti 21, 22, 27 u 32).


28 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 35 sa 51 iktar ’il quddiem ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Ara s-sentenzi Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 90 u 91) u Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60).


30 – Fuq l-importanza tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari f’tali każijiet, ara s-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 38 sa 40), Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 92 sa 96), Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 27 sa 29) kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 29 sa 31).


31 – Sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25); ara wkoll is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 34 u 35), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 13 u 14) u Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punti 28 u 29); dwar il-preżunzjoni ta’ rilevanza ara wkoll is-sentenza Beck und Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22).


32 – Is-sitwazzjoni hija differenti fil-Kawża Pillbox 38 (C‑477/14), fejn l-Artikolu 20(6) flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva huma kkontestati minn perspettiva totalment differenti. Hemmhekk huwa argumentat li huwa sproporzjonat li d-Direttiva, u b’hekk il-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, tipprevedi l-istess regola dwar il-bejgħ mill-bogħod għas-sigaretti elettroniċi bħal dik għal tabakk tradizzjonali; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tal-lum f’din il-kawża, punti 134 sa 148.


33 – Punti 35 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill u Il-Parlament (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 100).


35 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 60), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 26).


36 – Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 88), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62), kif ukoll Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 30).


37 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 37 sa 83 u 105 sa 108).


38 – Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 37), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 26).


39 – Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:554, punti 84 u 106), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 32) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 26).


40 – Ara, f’iktar dettall dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 48 sa 57).


41 – Ara, fl-istess sens, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-4 ta’ April 2012 (WT/DS406/AB/R, “United States – Measures affecting the production and sale of clove cigarettes” [Stati Uniti – Miżuri li jaffettwaw il-produzzjoni u l-bejgħ tas-sigaretti tal-imsiemer tal-qronfol], disponibbli fuq is-sit elettroniku tad-WTO www.wto.org), fejn hija preżunta l-komparabbiltà bejn is-sigaretti bl-aroma tal-imsiemer tal-qronfol u dawk bl-aroma tal-mentol (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet fil-punt 298 ta’ dan ir-rapport).


42 – Pereżempju, il-Ġermanja kienet tipprojbixxi l-użu tal-kapsuli aromatizzati kollha fis-sigaretti, il-Belġju, min-naħa l-oħra, kien jipprojbixxi biss l-użu ta’ kapsuli tal-mentol. Franza kienet tipprevedi valuri limitu għall-użu ta’ addittivi li jipprovdu togħma ħelwa jew qarsa. Min-naħa l-oħra, il-Litwanja kienet tipprojbixxi ċerti aromi għalkollox, pereżempju dawk kollha li joħolqu togħma tal-vanilla jew tal-imsiemer tal-qronfol. Wieħed jista’ jsib ħarsa ġenerali dwar dan is-suġġett fl-analiżi tal-impatt ippreżentata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012 (“Impact Assessment”), Dok. SWD (2012) 452 finali, b’mod partikolari fil-Parti 1, p. 34 u l-Parti 4, p. 6.


43 – Premessa 6 tad-Direttiva; ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 39) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 38).


44 – Skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali ma jippreżumix l-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-att adottat fuq bażi legali bħal din. Dak li huwa rilevanti huwa li effettivament, l-għan globali tal-att adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 80).


45 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 16 tad-Direttiva, li minnha jista’ jiġi konkluż li t-tħassib partikolari tal-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonċerna t-togħmiet karatterizzanti li huma kapaċi jinfluwenzaw ix-xejriet ta’ konsum.


46 – Ara, f’dan ir-rigward, il-provi fl-analiżi tal-impatt (“Impact Assessment”), ippreżentata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012, SWD (2012) 452 final, u b’mod partikolari fil-Parti 1, p. 34.


47 – Sentenzi Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 29), Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 38 u 41) u L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68, punt 64).


48 – Approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE, tat-2 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 142M, p. 63).


49 – Ara, f’dan ir-rigward, il-“Linji gwida parzjali għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9 u 10”, konklużi mill-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk fl-okkażjoni tar-raba’ laqgħa tagħha f’Punta del Este (2010), FCTC/COP/4(10), u emendata fl-okkażjoni tal-ħames laqgħa tagħha f’Seoul (2012), FCTC/COP/5(6); iktar ’il quddiem ukoll il-“linji gwida” jew il-“linji gwida tad-WHO”. Il-punt 3.1.2.2 ta’ dawn il-linji gwida, li jagħmel riferiment espliċitu għall-mentol bħala ingredjent biex jagħti t-togħma, jipprevedi: “Parties should regulate, by prohibiting or restricting, ingredients that may be used to increase palatability in tobacco products” [“Il-Partijiet għandhom jirregolaw, billi jipprojbixxu jew jillimitaw, ingredjenti li jistgħu jintużaw biex jagħtu t-togħma fil-prodotti tat-tabakk”].


50 – Ibidem, punt 1.1.


51 – Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, KUMM(2012) 788 final, ġiet ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2012. It-tħejjijiet interni u s-seduti tal-Kummissjoni, għaldaqstant, kienu diġà seħħew qabel.


52 – Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:190, punt 34, l-aħħar sentenza).


53 – Sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punti 34 u 35) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punti 33 u 34). Anki fis-sentenza li ngħatat reċentement, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535) kienet ikkonċernata sitwazzjoni fejn l-Artikolu 95 KE (issa l-Artikolu 114 TFUE) serva bħala bażi legali għall-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq intern Ewropew.


54 – Ara wkoll l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva.


55 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 129). Barra minn hekk, wieħed isib raġunament simili fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:170, punt 123) u Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 107 u 108).


56 – Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 147), ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 5 sa 7 tagħha.


57 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 77 sa 80) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 34).


58 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, b’mod partikolari l-punt 79).


59 – Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 100) u British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 82).


60 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 65 u 66).


61 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 22, 23 u 28 tad-Direttiva. Id-dettalji jinsabu fid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012, b’mod partikolari fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva, COM(2012) 788 finali, p. 6-8, kif ukoll fl-analiżi tal‑impatt (“Impact Assessment”) tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, SWD (2012) 452 final, Parti 1, p. 29 et seq.


62 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64, it-tieni sentenza); ara, barra minn hekk, is-sentenza Rau Lebensmittelwerke (261/81, EU:C:1982:382, punt 15), Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 15) u Schwarz (C‑366/04, EU:C:2005:719, punt 29).


63 – Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi tal-impatt (“Impact Assessment”), tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2012, SWD (2012) 452 finali, Parti 1, p. 33.


64 – Premessa 6 tad-Direttiva; ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 39) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 38).


65 – Ara, fl-istess sens, il-punti 74 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq, kif ukoll, addizzjonalment, il-punt 201 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 84 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 193 kif ukoll il-punti 204 u 205 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’l isfel.


68 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 63 sa 91).


69 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, EU:C:1983:369, punt 15), Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28), Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 39).


70 – Ara mill-ġdid, f’dan ir-rigward, il-premessa 53 tad-Direttiva.


71 – Sentenzi REWE-Zentrale (37/83, EU:C:1984:89, punt 20), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑66/04, EU:C:2005:743, punt 45), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 43) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 35).


72 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 104); ara, barra minn hekk, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 74) u Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 73); b’mod simili wkoll is-sentenzi Gallaher et (C‑11/92, EU:C:1993:262, punt 16) u Philip Morris Belgium et (C‑222/91, EU:C:1993:260, punt 13).


73 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 103 u 104); ara, fl-istess sens, is-sentenza Lapin (C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 32).


74 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punti 104 u 105).


75 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 74).


76 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 88), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 62) kif ukoll Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 30).


77 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 58 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


78 – Ara l-punti 108, 116 u 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


79 – Ara wkoll il-premessa 55 tad-Direttiva.


80 – Ara l-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


81 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 141 sa 171, b’mod partikolari l-punti 152, 153 u 165).


82 – Dan l-ilment tressaq kemm b’rabta mal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva kif ukoll b’rabta mal-Artikolu 7 tagħha. L-argumenti skambjati f’dan ir-rigward ser nindirizzahom flimkien f’din is-sezzjoni.


83 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 58 sa 86 iktar ’il fuq, kif ukoll, b’mod anċillari, il-punti 282 sa 284 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.


84 – Sentenzi REWE-Zentrale (37/83, EU:C:1984:89, punt 20), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑66/04, EU:C:2005:743, punt 45), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 43) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 35).


85 – B’hekk, pereżempju, fi Franza u fil-Litwanja teżisti projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ online tal-prodotti tat-tabakk, filwaqt li xi Stati Membri oħrajn jissuġġettaw il-bejgħ mill-bogħod ta’ dawn il-prodotti għal obbligu ta’ approvazzjoni jew jipprevedu limiti tal-età. Ara, f’dan ir-rigward, il-ħarsa ġenerali fl-analiżi tal-impatt (“Impact Assessment”) ippreżentata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012, SWD (2012) 452 finali, b’mod partikolari l-Parti 4, p. 8 tagħha.


86 – Premessa 33 tad-Direttiva.


87 – Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, Rn. 100) u British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 82).


88 – Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma hijiex suġġett ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.


89 – Ara l-punti 258 sa 263 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.


90 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 77 sa 80) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 34); ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punti 89 u 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


91 – Sentenzi Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15), Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 57), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122), Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 46) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).


92 – Sentenzi Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86); ara, fl-istess sens ukoll, is-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 91).


93 – Sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 47).


94 – Sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).


95 – Sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 42), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52) u Gauweiler et (C‑62/14 P, EU:C:2015:400, punt 67).


96 – Sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 74, 81 u 91); ara, fl-istess sens ukoll, is-sentenzi Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52), S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:430, punt 42) u Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 46).


97 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-premessa 16 tad-Direttiva.


98 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-riferiment għax-xejriet ta’ konsum fil-premessa 16 tad-Direttiva.


99 – L-iskadenza fl-20 ta’ Mejju 2020 tirriżulta mill-Artikolu 7(14) tad-Direttiva, billi l-volum tal-bejgħ ta’ sigaretti tal-mentol fl-Unjoni kollha jaqbeż it-3 %, u dan ma ġie kkontestat mill-ebda parti fil-proċedura.


100 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 68), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni “jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni meta jadotta, fil-kuntest tal-politika tas-suq komuni, miżuri intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem”.


101 – Sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑180/96, EU:C:1998:192, punt 99), Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑192/01, EU:C:2003:492, punti 52 u 53), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93), Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 60 sa 62) u Acino vs Il-Kummissjoni (C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 57).


102 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


103 – Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


104 – Premessa 7 tad-Direttiva.


105 – Ara l-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


106 – Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


107 – Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-mentol, skont studju ċċitat mill-Polonja, allegatament huwa l-inqas kawża msemmija għal xiex il-persuni jibdew ipejpu. Fil-fatt, l-eliminazzjoni anki tal-iċken kawża hija xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fis-suq intern fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk.


108 – Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-4 ta’ April 2012 (WT/DS406/AB/R, “United States – Measures affecting the production and sale of clove cigarettes” [Stati Uniti – Miżuri li jaffettwaw il-produzzjoni u l-bejgħ tas-sigaretti tal-imsiemer tal-qronfol], disponibbli fuq is-sit elettroniku tad-WTO www.wto.org), u b’mod partikolari l-punt 298 tiegħu.


109 – Ara, fl-istess sens, b’rabta mal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, is-sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 47) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 49).


110 – Sentenzi REWE-Zentrale (37/83, EU:C:1984:89, punt 20), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑66/04, EU:C:2005:743, punt 45), Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 43) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 35).


111 – Premessa 19 tad-Direttiva.


112 – Sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 55) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 56).


113 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawżi Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 120 u 121) u Pillbox 38 (C‑477/14, punti 144 u 145).


114 – Kritika simili saret minn Tann b’rabta mal-Artikolu 114 TFUE.


115 – Anki l-Qorti tal-Ġustizzja kultant tieħu nota ta’ tali analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni fl-istħarriġ tal-validità ta’ atti tal-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenza Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 55 u 65).


116 – Sentenza Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 57).


117 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81), b’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi.


118 – Bl-istess mod, pereżempju, ir-rekwiżiti taħt id-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-ħarsien ambjentali fir-rigward tal-karozzi, għandhom impatt iktar qawwi fuq dawk l-Istati Membri fejn l-industrija tal-karozzi għandha rwol importanti. Bl-istess mod, atti tal-Unjoni dwar il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-birra jkollhom impatt iktar qawwi f’dawk l-Istati Membri li jipproduċu ammont sinjifikattiv ta’ din ix-xarba u fejn hemm l-ogħla konsum ta’ din ix-xarba.


119 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 84 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


120 – Ir-rekwiżiti applikabbli għall-pakkett tat-tabakk tal-brim ma humiex qed jiġu kkontestati speċifikament fil-proċedura preżenti. Għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni, b’hekk jien mhux ser nindirizzahom f’iktar dettall. Madankollu, huwa mifhum li l-kunsiderazzjonijiet sussegwenti jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għat-tabakk tal-brim.


121 – Ara wkoll il-premessa 28 tad-Direttiva.


122 – Fuq dan l-għan, ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 lejn l-aħħar, kif ukoll il-premessi 5, 6, 8 u 36 tad-Direttiva.


123 – Għall-kuntrarju, l-obbligu addizzjonali skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva, li fuq il-ġnub ta’ kull pakkett tas-sigaretti fuq naħa għandha tiġi prevista twissija ġenerali u fuq in-naħa l-oħra messaġġi ta’ informazzjoni, li jkopru 50 % tas-superfiċi li fuqha jiġu stampati, ma huwiex inkwistjoni f’din il-proċedura.


124 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 131).


125 – Premessa 25 tad-Direttiva.


126 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 148 sa 151 u 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


127 – Premessa 24 tad-Direttiva.


128 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 12 u 14 tal-Linji gwida għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, adottati mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tielet laqgħa tagħha f’Durban (2008) FCTC/COP/3(10).


129 – Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/37.


130 – Ara l-punt 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


131 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81), b’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi.


132 – Ara, fl-istess sens, dwar ir-regoli preċedenti, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 132).


133 – Sentenzi Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 58) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 53).


134 – Skont l-Artikolu 9(1)(c) tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2012 KUMM(2012) 788 finali.


135 – Ara l-punti 226 sa 237 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’l isfel.


136 – Sa fejn xi wħud mill-impriżi kkonċernati fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari jinvokaw argumenti dwar il-libertà ta’ espressjoni fil-kuntest ta’ domandi oħra, ir-risposta tiegħi għalihom tista’ tiġi dedotta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet sussegwenti (punti 226 sa 237).


137 – F’dan ir-rigward, PMI, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, semmiet prodott ġdid li permezz tiegħu t-tabakk ma jinħaraqx, iżda jissaħħan biss.


138 – It-tieni sentenza tal-premessa 25 u l-premessa 27 tad-Direttiva.


139 – Ara, b’mod simili, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 137 u 138) u Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 51 u 52).


140 – Artikolu 1, in fine, kif ukoll il-premessi 8 u 19 tad-Direttiva.


141 – Ir-rekwiżit ta’ promulgazzjoni huwa ssodisfatt permezz tal-Artikolu 13 tad-Direttiva, dispożizzjoni legali espressa f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 38 et seq), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-konformità ta’ direttiva mad-drittijiet fundamentali u b’dan il-mod ma kkonstatat l-ebda ksur tar-rekwiżit ta’ promulgazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


142 – Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement enfasizzat li dejjem għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt fundamentali inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi fil-każ individwali fis-sentenza Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 47). Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-indħil fil-libertà ta’ intrapriża ara l-punti 148 sa 151 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


143 – QEDB, sentenzi markt intern Verlag u Beermann vs Il-Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:1989:1120JUD001057283, punt 33) u Casado Coca vs Spanja (ECLI:CE:ECHR:1994:0224JUD001545089, punt 50).


144 – QEDB, sentenzi Casado Coca vs Spanja (ECLI:CE:ECHR:1994:0224JUD001545089, punt 51) u Stambuk vs Il-Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2002:1017JUD003792897, punt 39).


145 – Ara wkoll is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 140); ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punt 122).


146 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 52 u 53); fuq ir-restrizzjoni ta’ reklamar oġġettivament preċiż, ara wkoll, QEDB, sentenzi markt intern Verlag u Beermann vs Il-Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:1989:1120JUD001057283, punt 35), Casado Coca vs Spanja (ECLI:CE:ECHR:1994:0224JUD001545089, punt 51) u Stambuk vs Il-Ġermanja (ECLI:CE:ECHR:2002:1017JUD003792897, punt 39).


147 – Sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 133 sa 141).


148 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 44 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


149 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 29); ara, fl-istess sens, mill-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 290 TFUE, is-sentenza Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 90), li skontha l-leġiżlatur Komunitarju, meta jiddelega s-setgħa tiegħu li jirrevedi l-elementi tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, għandu jiggarantixxi li l-limiti ta’ din is-setgħa jiġu stabbiliti b’mod ċar u li l-użu li jsir minn din is-setgħa jkun suġġett għal stħarriġ rigoruż skont kriterji oġġettivi stabbiliti minnu.


150 – Ara s-sentenzi Köster (25/70, EU:C:1970:115, punt 6), Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑240/90, EU:C:1992:408, punt 36), Atlanta vs Il-Komunità Ewropea (C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 76) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 64).


151 – Ara s-sentenzi Romkes (46/86, EU:C:1987:287, punt 16), Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑156/93, EU:C:1995:238, punt 18), Söhl & Söhlke (C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 34) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 64).


152 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 67 u 68).


153 – Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑240/90, EU:C:1992:408, punt 37) u Molkereigenossenschaft Wiedergeltingen (C‑356/97, EU:C:2000:364, punt 21).


154 – Ara, pereżempju, fir-rigward tal-liġi dwar is-suq agrikolu, is-sentenzi Rey Soda (23/75, EU:C:1975:142, punti 10 sa 14), Vreugdenhil (22/88, EU:C:1989:277, punt 16) u Il-Belġju u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑9/95, C‑23/95 u C‑156/95, EU:C:1997:50, punt 36), jew, dwar il-liġi dwar il-kummerċ barrani, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑159/96, EU:C:1998:550, punt 41).


155 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 65 u 76).


156 – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 77).


157 – Ara wkoll il-premessa 51 tad-Direttiva.


158 – Ara wkoll il-premessi 19 u 26 tad-Direttiva.


159 – Ara l-punt 246 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


160 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 28).


161 – Ara l-punti 76 u 166 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


162 – Ara wkoll, f’dan is-sens, l-aħħar sentenza tal-premessa 7 tad-Direttiva, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni stess jenfasizza espressament l-importanza tal-imsemmija linji gwida.


163 – Fuq il-projbizzjoni ta’ tali delega ara s-sentenza ta’ prinċipju Meroni vs Haute autorité (9/56, EU:C:1958:7), addizzjonalment, iktar reċentement, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill u Il-Parlament (C‑270/12, EU:C:2014:18, b’mod partikolari l-punti 42 u 43).


164 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, EU:C:1983:369, punt 15), Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28), Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40) u Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 39).


165 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 40) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 28).


166 – Fuq in-neċessità ta’ analiżi oġġettiva, ara wkoll is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 67).


167 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punti 40 u 48); ara wkoll is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 46).


168 – Sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 43 u 44).


169 – Sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 45).


170 – Fuq dawn il-kriterji, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, b’mod partikolari l-punti 38 u 43) kif ukoll, b’mod supplimentari, is-sentenza Il-Parlament vs il-Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 65).


171 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 83).


172 – Ara wkoll, il-ġurisprudenza eżistenti b’rabta mal-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; ara s-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 179) u Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 75).


173 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑233/94, EU:C:1997:231, punti 23 sa 29), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 177 sa 185), Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 72 sa 79) u L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punti 44 sa 55).


174 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawżi Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 137 sa 188) u Pillbox 38 (C‑477/14, punti 156 sa 180).


175 – Tann hija l-unika li ssemmi li t-test ta’ sussidjarjetà għandu żewġ komponenti, iżda la tindirizza l-ewwel wieħed u lanqas it-tieni wieħed b’mod issostanzjat.


176 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 80).


177 – Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 51).


178 – Ara l-punti 62 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


179 – Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


180 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 46 sa 48).


181 – Premessa 6 tad-Direttiva; ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 39) u Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 38).


182 – Ara l-punti 67 u 68 kif ukoll 74 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


183 – Fuq il-kriterju ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ara, addizzjonalment, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-Kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, punti 146 sa 148).


184 – Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari l-premessa 60 tad-Direttiva.


185 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 181 sa 185).


186 – Sentenzi Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (II) (C‑466/93, EU:C:1995:370, punt 16), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70).


187 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑233/94, EU:C:1997:231, punti 25 sa 29) u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑377/98, EU:C:2001:523, punt 33).


188 – Ara, għal darba oħra, is-sentenzi Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (II) (C‑466/93, EU:C:1995:370, punt 16), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70), kif ukoll is-sentenza L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punti 58, 59 u 61).


189 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547, punti 25 u 26), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59) u Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29).


190 – KUMM(2012) 788 finali, ippreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012.


191 – “Impact Assessment”, ippreżentata mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Diċembru 2012, SWD (2012) 452 finali.


192 – Protokoll Nr. 2 għat-Trattat tal-UE u għat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 2”).