Language of document : ECLI:EU:T:2007:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva PiraÑAM diseño original Juan Bolaños – Trade marks nazzjonali verbali preċedenti PIRANHA – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑443/05,

El Corte Inglés, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Rivas Zurdo, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Juan Bolaños Sabri, residenti f’Torrellano (Spanja), irrappreżentat minn P. López Ronda u G. Marín Raigal, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-21 ta’ Settembru 2005 (kawża R 1191/2004-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn El Corte Inglés, SA u Juan Bolaños Sabri,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Lulju 2006,

wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Novembru 2001, l-intervenjent ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li jinkludi l-elementi verbali, “pirañam diseño original juan bolaños”, riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 16, 21 u 25 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        klassi 16: "Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali, mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanzi li jwaħħlu għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali ta’ l-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (b’eċċezzjoni ta’ l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (bl-eċċezzjoni ta’ apparat); materjal tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet ta’ l-istampar";

–        klassi 21: "Apparat u reċipjenti għall-użu fid-dar jew fil-kċina (minbarra dawk magħmulin minn jew miksijin b’metalli prezzjużi); pettnijiet u sponoż, xkupilji (minbarra pniezel); materjal għal xkupi u xkupilji; materjal tat-tindif; barraxa ta’ l-azzar (steel wool); ħġieġ mhux maħdum jew nofsu maħdum (minbarra dak użat fil-kostruzzjoni); oġġetti tal-ħġieġ, tal-porċellana u fajjenza li mhumiex inklużi fi klassijiet oħra";

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

4        Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 76/2002 fit-23 ta’ Settembru 2002.

5        Fit-28 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli tat-trade marks verbali PIRANHA, jiġifieri:

–        it-trade mark Nru 790520, irreġistrata fit-28 ta’ Frar 1978 għal prodotti inklużi fil-klassi 25: “Ħwejjeġ, inlużi stvali, żraben u papoċċi” ;

–        it-trade mark Nru 2116007, irreġistrata fl-20 ta’ Marzu 1998 għal prodotti inklużi fil-klassi 18: "Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, prodotti oħra ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra; fêr, bagolli, basktijiet ta’ l-ivvjaġġar, umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin minn sarrâġ".

6        L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

7        Ir-raġunijiet invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti enfasizzat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba xebh bejn it-trade marks in kwistjoni u x-xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, kif ukoll ir-reputazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

8        Fl-1 ta’ Lulju 2004, l-UASI indirizza notifika lir-rikorrenti bl-għan li hija tressaq il-provi ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti Nru 790520. Peress li ma rċevithomx fit-terminu stipulat, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ddeċidiet biss fuq il-bażi tal-provi li kienu fil-pussess tagħha.

9        B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2004, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni għal “ħwejjeġ, żraben” u għal “kpiepel” inklużi fil-klassi 25, filwaqt li ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal dawn il-prodotti. Hija kkunsidrat li l-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kienet ġiet mitluba jaqgħu taħt il-klassi 25, u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti Nru 2116007, li jaqgħu taħt il-klassi 18, kienu jippreżentaw ċertu grad ta’ xebh. It-tqabbil tas-sinjali in kwistjoni kien wera ċertu xebh viżiv u kunċettwali manifest, kif ukoll ċerta identiċità fonetika. Għaldaqstant, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

10      Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16 u 21 minħabba nuqqas ta’ prova li turi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fil-15 ta’ Diċembru 2004, l-intervenjent appella quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

12      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2005 (iktar ‘il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI laqa’ l-appell u ċaħad l-oppożizzjoni kollha kemm hi. Huwa kkunsidra li l-prodotti in kwistjoni kellhom natura u għan differenti, li kienu prodotti minn fabbrikanti differenti u kienu mibjugħa permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni distinti. Skond il-Bord ta’ l-Appell, ma kinitx teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni jew ta’ sostituzzjoni bejn dawn il-prodotti u, għaldaqstant, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebhu. Minbarra dan, komplementarjetà estetika bejn il-prodotti in kwisjtoni hija wisq soġġettiva sabiex tiġi kkunsidrata. Peress li l-kundizzjoni ta’ xebh tal-prodotti, neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fuq it-territorju kkonċernat ma kinitx ġiet issodisfata il-Bord ta’ l-Appell iddeċieda li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat il-grad ta’ xebh jew ta’ l-identiċità possibbli bejn is-sinjali in kwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja PiraÑAM diseño original Juan Bolaños għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

14      L-UASI, fl-istadju ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jitlob prinċipalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrinvija l-kawża lill-Bordijiet ta’ l-Appell sabiex dawn jevalwaw l-importanza tar-rabta bejn il-prodotti in kwisjtoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-kawża preżenti;

–        tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess,

jew, sussidjarjament lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

15      Matul is-seduta, l-UASI indika li t-talbiet tiegħu kellhom jiġu interpretati fis-sens li huwa jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

16      Matul is-seduta, l-intervenjent talab sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad l-appell.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet tal-partijiet

 L-argumenti tal-partijiet

17      L-UASI jsostni li t-talba tar-rikorrenti sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordnalu espressament sabiex jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja PiraÑAM diseño original Juan Bolaños hija inammissibbli. Huwa jfakkar li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tindirizza inġunzjonijiet lill-UASI, iżda li dan ta’ l-aħħar għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi.

18      Fir-rigward tat-talbiet tiegħu stess, m’hemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaderixxi ma’ kap tat-talbiet tar-rikorrenti jew inkella milli sempliċement jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li jressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

19      Permezz tat-tieni talba tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI li jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja PiraÑAM diseño original Juan Bolaños għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 25.

20      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ appell imressaq quddiem il-qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, dan ta’ l-aħħar huwa meħtieġ, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tindirizza inġunzjoni lill-UASI, u li huwa dan ta’ l-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-qorti Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tal-5 ta’ April 2006, Madaus vs UASI – Optima Healthcare (ECHINAID), T-202/04, Ġabra p. II-1115, punt 14]. Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI li jiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma inammissibbli.

21      Għal dak li jikkonċerna t-talbiet ta’ l-UASI li permezz tagħhom huwa jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprduenza, m’hemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaderixxi mal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti jew inkella milli sempliċement jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li jressaq l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 36, u tas-16 ta’ Jannar 2007, Calavo Growers vs UASI – Calvo Sanz (Calvo), T-53/05, Ġabra p. II-37, punt 27]. Mill-banda l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell abbażi ta’ punt li ma kienx imqajjem fir-rikors jew jippreżenta raġunijiet li ma kienux ma kinux imqajma fir-rikors [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T-379/03, Ġabra p. II-4633, punt 22].

22      Għaldaqstant, billi l-UASI jillimita ruħu li jirrimetti għall-ġudizzju għaref tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talbiet tiegħu huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

23      In sostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta qies li ma kien jeżisti ebda xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar- reġistrazzjoni, li jaqgħu fil-klassi 25, u l-prodotti koperti mit­-trade mark preċedenti, li jaqgħu fil-klassi 18. Hija tfakkar li l-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi ssir għal għanijiet esklużivament amministrattivi u li dawn huma r-rabtiet sostantivi bejn il-prodotti u mhux l-appartenenza konvenzjonali tagħhom għal waħda jew l-oħra tal-klassijiet li huma deċiżivi matul l-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom. F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell kien uża b’mod awtomatiku kriterji wisq ġenerali u astratti. Il-fatturi ta’ xebh tal-prodotti li jikkonsistu min-natura tagħhom, l-użu tagħhom jew l-użu intenzjonat tagħhom, il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom mhumiex la assoluti u lanqas esklużivi mill-eżistenza ta’ fatturi oħra.

25      Fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, u b’mod partikolari ta’ l-appartenenza tal-prodotti in kwistjoni għas-settur tal-moda, ix-xebh tal-prodotti għandu jiġi evalwat mill-pożizzjoni tal-konsumaturi kkonċernati. Madankollu, dawn jistabbilixxu rabtiet stretti bejn il-prodotti in kwistjoni, minħabba l-funzjonament estetiku komuni tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta’ l-Appell ma evalwax l-importanza tan-neċessitajiet estetiċi fis-soċjetà moderna fil-valur ġust tagħha. Il-perċezzjoni mill-konsumatur tax-xebh bejn il-prodotti in kwistjoni hija, minbarra dan, imsaħħa miċ-ċirkustanza li dawn ta’ spiss jaqsmu l-istess rotot ta’ distribuzzjoni u ta’ bejgħ u huma ta’ spiss iffabrikati mill-istess materjal li jaqa’ fil-klassi 18, il-ġilda.

26      B’konsegwenza, rabtiet suffiċjenti jgħaqqdu l-prodotti in kwistjoni sabiex dawn jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebhu. Ir-rikorrenti tfakkar li l-UASI, fi proċedura ġuridika preċedenti, iddefenda huwa stess l-argument dwar l-eżistenza ta’ komplementarjetà bejn il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra, li jaqgħu fil-klassi 18, minħabba d-dimensjoni estetika komuni tagħhom. Din il-komplementarjetà tinfirex għall-prodotti kollha tal-klassi 18.

27      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali in kwistjoni jixxiebhu wkoll u minn dan tiddeduċi li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 japplika f’dan il-każ.

28      L-UASI jiddistingwi, għall-finijiet ta’ l-analiżi tax-xebh tal-prodotti 25 ma’ dawk tal-klassi 18, żewġ gruppi ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 18.

29      Fir-rigward, minn naħa, tal-prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra, li jaqgħu fil-klassi 18, bħall-aċċessorji personali, l-UASI jikkunsidra li dawn għandhom, lil hinn mill-funzjoni bażika tagħhom, funzjoni dekorattiva, ornamentali u estetika importanti, li għandha rwol deċiżiv matul ix-xiri tagħhom. Minbarra dan, dawn il-prodotti huma ta’ spiss magħmula minn dan l-istess materjal u ddistribwiti fl-istess punti ta’ bejgħ bħall-prodotti tal-klassi 25. Għaldaqstant, il-prodotti in kwistjoni għandhom aktar minn punt komuni u b’hekk jippreżentaw għall-anqas livell baxx ta’ xebh bejniethom. B’hekk il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, billi kkunsidra li d-differenzi bejn dawn il-prodotti kienu tali li huma biss kienu jeskludu kull riskju ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti.

30      Minbarra dan, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tindika jekk eżami astratt ta’ dawn il-prodotti jippermettix li jiġi stabblit li jeżisti, jew jista’ jeżisti, bejn dawn, ċertu xebh li jkun inħoloq permezz ta’ relazzjoni ta’ komplementarjetà, u skond il-każ, li jiġi ppreċiżat li dawn huma l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dak li jikkonċerna l-fatturi l-oħra li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riskju ta’ konfużjoni fit-territorji li għandhom jiġu kkunsidrati.

31      Huwa jikkonferma li huwa sostna, fil-kuntest tal-proċeduri ġuridiċi preċedenti, l-argument ta’ l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ komplementarjetà stretta bejn ċerti prodotti tal-klassi 18, bħal basktijiet, portafolli, portmonijiet u aċċessorji oħra tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, li jinsabu fost il-prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra koperti mit-trade mark preċedenti u l-ħwejjeż, żraben u l-kpiepel, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiċħadx dan l-argument.

32      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-prodotti l-oħra tal-klassi 18 (ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, fêr, bagolli, basktijiet ta’ l-ivvjaġġar, umbrelel, parasoli u bsaten ; frosti u oġġetti magħmulin minn sarrâġ), l-UASI jqis li dawn huma ħafna aktar differenti mill-prodotti tal-klassi 25 u li fir-rigward tagħhom id-dimensjoni estetika mhijiex dominanti.

33      Matul is-seduta, l-intervenjent sostna li l-Bord ta’ l-Appell kien għamel evalwazzjoni ġusta tal-ġurisprudenza meta kkunsidra li l-prodotti in kwistjoni ma kinux jixxiebhu. Fis-sustanza, huwa jikkunsidra li l-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti in kwisjtoni huma ġeneralment differenti. Minbarra dan, il-komplementarjetà estetika hija kriterju wisq vag sabiex tiġi kkunsidrata. Minbarra dan, huwa jikkunsidra li, peress li s-sinjali in kwistjoni ma jippreżentawx livell ta’ xebh minimu, ma tistax, f’kull każ, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija miċħuda “jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti jfissru t-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, meta d-data ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi qabel dik ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

35      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, li hija ddefinita bħala l-possibbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun l-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ [ara, fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1998, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), fejn il-kontenut normativ huwa, fis-sustanza, identiku għal dak ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17, u, fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhuaser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punti 25 u 26].

36      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi li ttieħdu in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenzi Canon, punt 35 iktar ‘il fuq, punt 17, Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 35 iktar ‘il fuq, punt 19, u Fifties, punt 35 iktar ‘il fuq, punt 27).

37      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti, liema fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta’ prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin (sentenza Canon, punt 35 aktar ‘il fuq, punt 23). Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, per eżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T-164/03, Ġabra p. II-1401, punt 53].

38      Skond ir-Regola 2(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), kif emendat, il-klassifika ta’ prodotti u servizzi li tirriżulta mill-Ftehim ta’ Nizza hija stabbilita esklużivament għal għanijiet amministrattivi. Konsegwentement, dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu meqjusa bħala differenti minħabba li jidhru fi klassijiet differenti biss.

39      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata.

40      Għandu jiġi enfasizzat li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti abbażi biss ta’ paragun bejn il-prodotti in kwistjoni. Madankollu xebh, anki jekk ta’ livell baxx, bejn il-prodotti in kwistjoni, kien imponsa fuq il-Bord ta’ l-Appell l-obbligu li jivverifika jekk livell għoli ta’ xebh eventwali bejn is-sinjali kienx ta’ natura li jqajjem, f’moħħ il-konsumatur, probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ l-oriġini tal-prodotti.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tgħid li l-prodotti in kwisjtoni ma jixxibħux hijiex fondata.

42      Fl-ewwel lok, il-prodotti fil-klassi 25 u l-prodotti fil-klassi 18 huma ta’ spiss iffabbrikati mill-istess materja prima, jiġifieri mill-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda. Din iċ-ċirkustanza tista’ tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti. Madankollu, minħabba l-varjetà kbira ta’ prodotti li jistgħu jiġu magħmula mill-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, dan il-fattur mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi stabbilit xebh bejn il-prodotti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 at’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), T-169/03, Ġabra p. II-685, punt 55].

43      Madankollu, fit-tieni lok, jidher li l-kanali ta’ distribuzzjoni ta’ xi uħud mill-prodotti in kwistjoni huma identiċi. Madankollu, għandha ssir distinzjoni skond jekk il-prodotti tal-klassi 25 humiex mqabbla ma’ grupp wieħed jew ieħor ta’ prodotti tal-klassi 18 identifikati mill-UASI.

44      Minn naħa, fir-rigward tat-tieni grupp ta’ prodotti tal-klassi 18 (ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, fêr; bagolli, basktijiet ta’ l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin minn sarrâġ), il-Bord ta’ l-Appell seta’ jikkonstata tajjeb li l-kanali ta’ distribuzzjoni kienu differenti minn dawk użati għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-klassi 25. Il-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti jistgħu jinbiegħu fl-istess stabbilimenti kummerċjali, bħal ma huma l-istabbilimenti kbar tal-bejgħ jew is-supermarkits mhuwiex partikolarment sinjifikattiv, peress li f’dawn il-postijiet tal-bejgħ wieħed jista’ jsib prodotti ta’ natura varja mingħajr ma’ dawn jiġu mogħtija l-istess oriġini mill-konsumaturi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2004, El Corte Inglés vs UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, Ġabra p. II-4297, punt 43].

45      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-ewwel grupp ta’ prodotti tal-klassi 18, jiġifieri l- prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra, bħal, per eżempju, handbag, portmoni jew portafoll, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-prodotti huma ta’ spiss ikkummerċjalizzati mal-prodotti tal-klassi 25, fil-punti ta’ bejgħ li mhumiex biss magħmula minn stabbilimenti li għandhom distribuzzjoni kbira, iżda wkoll fi ħwienet aktar speċjalizzati. Dan huwa fattur li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tax-xebh ta’ dawn il-prodotti.

46      Hemm lok li jiġi mfakkar li barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim′Istanza kkonfermat l-eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti “basktijiet tan-nisa” u “żraben tan-nisa” (sentenza SISSI ROSSI, punt 42 iktar ‘il fuq, punt 68). Din il-konklużjoni għandha tapplika għar-relazzjoni bejn il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u li jaqgħu fil-klassi 25, u l-prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra, li jaqgħu fil-klassi 18, koperti mit-trade mark preċedenti.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li livell baxx ta’ xebh jeżisti bejn il-prodotti tal-klassi 25 u l-ewwel grupp ta’ prodotti tal-klassi 18. Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ma setax jikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti abbażi biss ta’ xebh tal-prodotti in kwistjoni.

48      Fir-rigward ta’ komplementarjetà eventwali tal-ħwejjeġ, taż-żraben u tal-kpiepel, li jaqgħu fil-klassi 25, u tal-“prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra” li jaqgħu fil-klassi 18, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-prodotti komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu ta’ l-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-fabbrikazzjoni ta’ dawn il-prodotti taqa’ fuq l-istess impriża [sentenza SISSI ROSSI, punt 42 iktar ‘il fuq, punt 60].

49      Madankollu, prodotti bħaż-żraben, tal-ħwejjeġ, tal-kpiepel jew handbags jistgħu jissodisfaw, lil hinn mill-funzjoni primarja tagħhom, funzjoni estetika komuni billi jikkontribwixxu, flimkien, għax-xbieha esterna tal-konsumatur ikkonċernat.

50      Għaldaqstant, il-perċezzjoni tar-rabtiet li jgħaqqduhom għandha tiġi evalwata billi jittieħed in kunsiderazzjoni t-tentattiv eventwali ta’ koordinazzjoni fil-preżentazzjoni ta’ din ix-xbieha esterna, li jimplika koordinazzjoni tal-komponenti differenti tagħha fl-istadju tal-ħolqien tagħhom jew meta jiġu miksuba. Din il-koordinazzjoni tista’ teżisti b’mod partikolari bejn il-ħwejjeġ, iż-żraben u l-kpiepel li jaqgħu fil-klassi 25, u l-aċċessorji differenti għal ħwejjeġ li jikkumplementawhom, bħall-handbags fil-klassi 18. Din il-koordinazzjoni eventwali tiddependi mill-konsumatur ikkonċernat, mit-tip ta’ attività li għaliha din ix-xbieha esterna hija maħluqa (b’mod partikolari xogħol, sport jew divertiment) jew mill-istrateġiji ta’ marketing ta’ l-atturi ekonomiċi tas-settur. Minbarra dan, iċ-ċirkustanza li dawn il-prodotti huma ta’ spiss mibjugħa fl-istess punti ta’ bejgħ speċjalizzati hija ta’ natura li tiffaċilita l-perċezzjoni mill-konsumatur ikkonċernat ta’ rabtiet stretti li jeżistu bejniethom kif ukoll li ssaħħaħ l-impressjoni li r-responsabbiltà tal-fabbrikazzjoni tagħhom taqa’ fuq l-istess impriża.

51      Minn dan jirriżulta li ċerti konsumaturi jipperċepixxu l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-ħwejjeġ, iż-żraben u l-kpiepel, li jaqgħu fil-klassi 25, u l-aċċessorji għal ħwejjeġ li jikkorrispondu għal ċerti “prodotti magħmula mill-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra” li jaqgħu fil-klassi 18, u li għalhekk jistgħu jaslu għall-konklużjoni li r-responsabbiltà tal-fabbrikazzjoni tagħhom taqa’ fuq l-istess impriża. Għaldaqstant, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni li jaqgħu fil-klassi 25 jippreżentaw livell ta’ xebh ma’ l-aċċessorji għal ħwejjeġ inklużi fil-“prodotti tal-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda mhux inklużi fi klassijiet oħra”, li jaqgħu fil-klassi 18, li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala baxx.

52      Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell żbalja meta kkunsidra li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma għamel analiżi preliminari tax-xebh eventwali tas-sinjali.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm il-lok li l-uniku motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

55      Peress li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ġiet annullata u l-UASI għandu jiġi kkunsidrat bħala tellief, minkejja t-talbiet tiegħu, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar. Peress li l-intervenjent tilef, hemm lok li jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Id-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-21 ta’ Settembru 2005 (kawża R 1191/2004-1) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn El Corte Inglés, SA.

3)      Juan Bolaños Sabri għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Moavero Milanesi

 

       Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.