Language of document : ECLI:EU:T:2007:255

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2007(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark Komunitarja verbali GRANA BIRAGHI – Protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini ‘Grana Padano’ – Nuqqas ta’ natura ġenerika – Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regolament (KEE) Nru 2081/92”

Fil-kawża T‑291/03,

Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano, stabbilit f’Desenzano del Garda (l-Italja), irrappreżentat minn P. Perani, P. Colombo, u A. Schmitt, avocats,

rikorrent

sostnut minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

intervenjenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Buffolo u O. Montalto, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Biraghi SpA, stabbilita f’Cavallermaggiore (l-Italja), irrappreżentata minn F. Antenucci, F. Giuggia, P. Mayer u J.-L. Schiltz, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-Deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-16 ta’ Ġunju 2003 (Każ R 153/2002‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano u Biraghi SpA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Awwissu 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata mill-intervenjenti u mill-UASI fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fit-23 ta’ Diċembru 2003 u fis-17 ta’ Frar 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrent, ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti dwar it-talba għal intervent tar-Repubblika Taljana tat-18 ta’ Diċembru 2003, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fid-29, fis-16 u fid-29 ta’ Jannar 2004,

wara li rat id-Digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2004 li jippermetti lir-Repubblika Taljana tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrent,

wara li rat in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Taljana u l-osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti fuq din in-nota ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament fis-16 ta’ April u fil-21 ta’ Mejju 2004,

wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2007

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 142 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1993, p. 1), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli f’din il-kawża, jgħid:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffetwa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 […] u b’mod partikolari l-Artikolu 14 ta’ dan l-imsemmi Regolament.”

2        Ir-Regolament Nru 2081/92, ta’ l-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli f’din il-kawża, jiddefinixxi, fl-Artikolu 2 tiegħu, il-kunċett ta’ “denominazzjoni ta’ oriġini” b’dan il-mod:

“2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      ’denominazzjoni ta’ oriġini’ : dan ifisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

–        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż; u

–        li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

[…]

3. Ċerti ismijiet ġeografiċi jew mhux ġeografiċi illi jiddeskrivu prodotti agrikoli jew prodotti ta’ l-ikel li joriġinaw f’reġjun jew post speċifiku, illi jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2(a) għandhom ukoll jitqiesu bħala deskrizzjoni ta’ oriġini.”

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 b’mod partikolari jiddisponi:

“1. Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament,’isem li sar ġeneriku’ ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–        il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità.”

4        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 b’mod partikolari jiddisponi:

“1. L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

a)      kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-registrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

b)      kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma’stil’,’tip’,’metodu’,’kif prodott fi’,’imitazzjoni’, jew [espressjoni] simili;

ċ)      kull indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq ġewwa jew fuq barra tal-pakkett, fir-reklamar jew fid-dokumenti dwar il-prodott in kwistjoni, u l-ippakkjar tal-prodott f’reċipjent, li jistgħu jagħtu impressjoni qarrieqa dwar l-oriġini tiegħu;

d)      kull prattika oħra li tista’ tiżvija lill-pubbliku dwar l-oriġini vera tal-prodott.

Meta isem irreġistrat ikun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies bħala kuntrarju għal (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.

2. B’deroga għall-paragrafu 1(a) u (b), Stati Membri jistgħu jżommu sistemi nazzjonali li jippermettu l-użu ta’ denominazzjonijiet reġistrati taħt l-Artikolu 17 għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni, […]

3. L-ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi.”

5        L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 b’mod partikolari jiddisponi:

“Meta d-deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika jkunu rreġistrati skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ [trade mark] li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni [tat-trade mark] kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).

Trade marks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dikjarati bħala invalidi.”

6        Għall-adozzjoni tal-miżuri previsti mir-Regolament Nru 2081/92, l-Artikolu 15(1) ta’ dan jgħid:

“Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat […]”

7        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 b’mod partikolari jiddisponi:

“1. Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz ta’ l-użu huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament.

2. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma’ l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m’għandux japplika. Madankollu m’għandhomx jiġu miżjuda [rreġistrati] ismijiet ġeneriċi.

[…]”

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96, tat-12 ta’ Ġunju 1996, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1), b’mod partikolari jiddisponi: “[l]-ismijiet imniżżla fl-Anness għandhom ikunu rreġistrati bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) jew denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini (DPO) skond l-Artikolu 17 tar-Regolament […] Nru 2081/92”. L-Anness tar-Regolament Nru 1107/96, fil-punt A (“Prodotti mniżżla fl-Anness II tat-Trattat tal-KE, maħsuba għall-konsum uman”) isemmi, taħt “Ġobnijiet”, “Italja” b’mod partikolari d-denominazzjonijiet “Grana Padano (DPO)” u “Parmigiano Reggiano (DPO)”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Fit-2 ta’ Frar 1998, skond ir-Regolament Nru 40/94, Biraghi SpA ppreżentat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tat-trade mark verbali GRANA BIRAGHI.

10      Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma dawk li jinsabu fil-Klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni li ġejja “ġobon, b’mod partikolari ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra, ġobon irraffinat, ġobon iebes, ġobon b’forom kbar, ġobon f’biċċiet bil-qoxra jew mingħajr, ġobon ippakkjat taħt forom differenti, ġobon maħkuk u ppakjat”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      It-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ġiet irreġistrata fit-2 ta’ Ġunju 1999 u ppubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji tas-26 ta’ Lulju 1999.

12      Fit-22 ta’ Ottubru 1999, il-Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano (iktar’il quddiem il-“Consorzio” jew ir-“rikorrent”), ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja GRANA BIRAGHI quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94. Huwa sostna li r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark kienet kontra l-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Grana Padano” taħt ir-Regolament Nru 2081/92, kif ukoll taħt l-Artikolu 7(1)(g), l-Artikolu 51(1)(a), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 52(1)(a), tar-Regolament Nru 40/94, billi invoka, f’dak li jirrigwarda din l-aħħar dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti nazzjonali u internazzjonali GRANA u GRANA PADANO.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2001, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ta’ l-UASI laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Consorzio abbażi ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92.

14      Fl-24 ta’ Jannar 2002, Biraghi appellat minn din id-deċiżjoni, fejn invokat in-natura ġenerika u deskrittiva tat-terminu “grana”.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2003 (Każ R 153/2002-1, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell laqgħa l-appell ta’ Biraghi billi annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u billi ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja GRANA BIRAGHI. Il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li l-kelma “grana” kienet ġenerika u deskrittiva ta’ kwalità essenzjali tal-prodotti in kwistjoni. B’hekk, abbażi ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92, l-eżistenza tad-DPO “Grana Padano” ma toħloq l-ebda ostakolu għar-reġistrazzjoni tas-sinjal GRANA BIRAGHI bħala trade mark Komunitarja.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Ir-rikorrent, sostnut mir-Repubblika Taljana, jitlob lil-Qorti tal-Prim Istanza tiddikjara nulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja GRANA BIRAGHI.

17      L-UASI u Biraghi jitolbu lill-Qorti tal-Prim Istanza jogħġobha :

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

18      Waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkompleta t-talbiet tiegħu billi talab li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż. F’din l-okkażjoni, l-UASI, min-naħa tiegħu, iddikjara li l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Prim Istanza tippermettilu jaderixxi mat-talbiet tar-rikorrent u ddeċieda li jannulla d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huwa aċċetta li jbati l-ispejjeż tiegħu stess. Il-Qorti tal-Prim Istanza ħadet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fil-proċess tas-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq it-talbiet tar-rikorrent u ta’ l-UASI

19      Preliminarjament, għandu jingħad li, għalkemm it-talbiet tar-rikorrent huma diretti, formalment, għall-annullament tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja GRANA BIRAGHI, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar, hekk kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, li b’dan ir-rikors, ir-rikorrent irid, essenzjalment, jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta qies li l-eżistenza tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Grana Padano” ma kinitx ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija.

20      Fir-rigward tat-talbiet ta’ l-UASI, għandu jingħad li, fir-risposta tiegħu ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Frar 2004, għalkemm talab li r-rikors jiġi miċħud, l-UASI sostna li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx applika korrettement il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura ġenerika ta’ wieħed mit-termini tad-DPO in kwistjoni, u ddikjara li f’dan ir-rigward kien qiegħed jissottometti ruħu għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza.

21      Matul is-seduta, l-UASI ddikjara li, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE) (T‑107/02, Ġabra p. II‑1845), tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg) (T‑379/03, Ġabra p. II‑4633), u tat-12 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI – Marcorossi (MARCOROSSI) (T‑97/05, Ġabra p. II-54), huwa ma kienx marbut jiddefendi b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ikkontestati kollha tal-Bordijiet ta’ l-Appell. B’hekk, huwa kien qed jaderixxi mat-talbiet tar-rikorrent u talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Għandu jingħad li l-UASI jista’, mingħajr ma jibdel it-termini tal-kwistjoni, jitlob li jintlaqgħu t-talbiet ta’ xi waħda mill-partijiet, skond l-għażla tiegħu, u jressaq argumenti in sostenn tal-motivi mressqa minn din il-parti. Għall-kuntrarju, huwa ma jistax jifformula talbiet awtonomi għal annullament jew jippreżenta motivi ta’ annullament li ma jkunux tqajmu mill-partijiet l-oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza ta’ l-4 ta’ Mejju 2005, Reemark vs UASI – Bluenet (Westlife), T‑22/04, Ġabra p. II‑1559, punt 18].

23      F’dan il-każ, l-UASI esprima kjarament ir-rieda tiegħu li jsostni t-talbiet u l-motivi mressqa mir-rikorrent, kemm fir-risposta tiegħu kif ukoll waqt is-seduta. Fir-risposta tiegħu, huwa indika espressament li kien qiegħed biss jitlob b’mod formali li r-rikors jiġi miċħud għaliex huwa kien iqis li r-Regolament Nru 40/94 ma kienx jippermettilu jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet ta’ l-Appell. Peress illi, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt preċedenti, u b’mod konformi mal-ġurisprudenza invokata mill-UASI waqt is-seduta, din l-analiżi ma tikkorrispondix għall-istat tad-dritt, it-talbiet ta’ l-UASI għandhom jerġgħu jiġu fformulati mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li essenzjalment dan talab sabiex jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrent. Wara li saret din il-formulazzjoni mill-ġdid, m’hemmx nuqqas ta’ qbil bejn it-talbiet u l-argumenti ppreżentati kemm fir-risposta kif ukoll waqt is-seduta.

24      Minn dak li ntqal jirriżulta li, f’dan il-każ, hemm lok li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-motivi mqajma fl-appell, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll l-argumenti żviluppati mill-UASI.

 Fuq id-dokumenti mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza

25      L-Annessi 48 [deċiżjoni tal-Giurì di autodisciplina pubblicitaria (Bord ta’ l-awtodixxiplina fir-reklamar) Nru 165/93, tat-22 ta’ Ottubru 1993], 50 (Nota tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-Agrikoltura tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Mejju 1997) u 51 (Nota tal-Ministeru Taljan ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresti Nru 64969 tat-3 ta’ Awwissu 1993) tar-rikors, kif ukoll l-Annessi 1 sa 3 (estratti mill-paġni tas-sit Internet relattivi għal Valle Grana u għall-ġobon castelmagno u tas-sit Internet www.granapadano.com) ta’ l-osservazzjonijiet ta’ l-intervent ta’ Biraghi ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

26      Matul is-seduta, ir-rikorrent iddikjara li kien qiegħed jirrifjuta li l-Annessi 48, 50 u 51, magħquda mar-rikors, jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim Istanza. Min-naħa tiegħu, l-UASI jogħqod għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim Istanza.

27      Mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-fatti li ma jiġux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju ta’ l-appell imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, liema qorti hija fil-fatt inkarigata sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li ssir minnu, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-elementi ta’ fatt li ġew sottomessi lill-imsemmi Bord. Il-Qorti tal-Prim Istanza ma tistax, min-naħa l-oħra, tagħmel stħarriġ bħal dan billi tqis elementi ta’ fatt ġodda prodotti quddiemha ħlief jekk ikun ġie pprovat li l-Bord ta’ l-Appell kellu, ex officio, jieħu dawn il-fatti in kunsiderazzjoni matul il-proċedura amministrattiva qabel ma jadotta kull deċiżjoni f’dan il-każ [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I-9705, punt 54, u tal-Qorti tal-Prim Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 46].

28      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni d-dokumenti msemmija iktar’il fuq, li jagħmlu riferenza għal-ċirkustanzi ta’ fatt mhux magħrufa mill-Bord ta’ l-Appell, sabiex tivverifika l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, id-dokumenti msemmija m’għandhomx jiġu kkunsidrati, u mhuwiex neċessarju li jiġi evalwat il-valur ta’ prova tagħhom.

 Fuq il-mertu

29      In-sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment jinvoka motiv wieħed, li jirrigwarda l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 142 tar-Regolament Nru 40/94 u ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 ikkunsidrati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

30      Primarjament, ir-rikorrent isostni li “grana” mhuwiex terminu ġeneriku, u dan minħabba l-karattru distintiv tiegħu li jirriżulta mir-rikonoxximent tad-DPO “Grana Padano” kemm f’livell nazzjonali, bis-saħħa tal-liġi Nru 125, Tutela delle denominazioni di origine e tipiche dei formaggi (liġi Nru 125 ta’ l-10 ta’ April 1954, dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tipiċi tal-ġobnijiet, GURI Nru 99, tat-30 ta’ April 1954, p. 1294, iktar’il quddiem il-“liġi Nru 125/54”), kif ukoll f’livell Komunitarju, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1107/96. Dan ir-rikonoxximent jimplika li l-produtturi kollha li jixtiequ jużaw id-DPO “Grana Padano” għandhom isegwu regoli speċifiċi, stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan id-DPO u intiżi sabiex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodott mibjugħ lill-pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrent jgħid li Biraghi, li sa l-1997 kienet waħda mill-200 produttur membru tal-Consorzio, m’għadhiex tifforma parti minnu minn dak iż-żmien, b’mod li hija ma tistax tagħmel użu mid-DPO “Grana Padano” u m’għadhiex obbligata tikkonforma ruħha ma’ l-ispeċifikazzjonijiet. Il-limitazzjoni fl-użu tat-terminu “grana” għall-identifikazzjoni tad-DPO “Grana Padano” hija konformi wkoll mad-Decreto del Presidente della Repubblica, Modificazione al disciplinare di produzione del formaggio “Grana Padano” (Digriet tal-President tar-Repubblika, tas-26 ta’ Jannar 1987, li jemenda l-ispeċifikazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ġobon Grana Padano, tas-26 ta’ Jannar 1987) (GURI Nru 137, tal-15 ta’ Ġunju 1987, p. 4), bis-saħħa ta’ liema l-possibbiltà li tintuża l-indikazzjoni “grana trentino” hija mogħtija biss bil-kundizzjoni li l-ispeċifikazzjonijiet għall-produzzjoni tad-DPO “Grana Padano” ikunu rispettati b’mod sħiħ.

31      Ir-rikorrent u r-Repubblika Taljana jenfasizzaw li t-terminu “grana” huwa, originarjament, espressjoni ġeografika, li sservi sabiex tirreferi għal xmara żgħira, li tingħaqad mal-Po, li tinsab f’wied imsejjaħ Valle Grana. Ir-Repubblika Taljana tirrileva li l-protezzjoni tat-terminu “grana”, sabiex jidentifika ġobon li jibbenifika minn DPO, issib il-bażi ġuridika tagħha fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92.

32      Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-protezzjoni tad-denominazzjoni “grana”, anki mingħajr l-aġġettiv “padano”, kienet diġà ġiet irrikonoxxuta qabel ir-Regolament Nru 1107/96. F’dan ir-rigward, huwa jgħid li l-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Regolamentazzjoni fuq id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tat-22 ta’ Novembru 1995 jgħidu li “l-Istati Membri [kienu] indikaw li l-Artikolu 13 [tar-Regolament Nru 2081/92] [kellu] japplika għad-denominazzjonijiet segwenti: […], grana, padano, parmigiano, reggiano”.

33      Ir-rikorrent ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet kontra l-argument tan-natura ġenerika ta’ sempliċi partijiet ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini komplessi, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2002, Bigi (C‑66/00, Ġabra p. I‑5917), liema sentenza eskludiet in-natura ġenerika tad-denominazzjoni “parmesan”, kif xtaq il-Consorzio del Formaggio Parmigiano Reggiano.

34      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li bil-ħolqien fl-Italja tas-sistema tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, it-tip “grana” li kien jeżisti fil-bidu ġie maqsum f’żewġ tipi, il-Grana Padano u l-Parmigiano Reggiano, li t-tnejn li huma jibbenifikaw minn DPO. L-ewwel tip huwa mmanifatturat fit-territorji li jinsabu fit-tramuntana tax-xmara Po, filwaqt li t-tieni tip huwa mmanifatturat fit-territorji li jinsabu fin-nofsinhar ta’ din ix-xmara.

35      Ir-rikorrent u r-Repubblika Taljana jaffermaw li rikonoxximent espliċitu tan-natura ġenerika tat-terminu “grana” u użu ġġeneralizzat mingħajr distinzjoni ta’ dan l-istess terminu, jmorru kontra l-għan tar-Regolament Nru 2081/92, b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu li jipprojbixxi kull użu ta’ denominazzjonijiet, ta’ trade marks, ta’ ismijiet jew ta’ indikazzjonijiet kapaċi li jkunu ta’ ħsara għar-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet imfittxija mir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u mill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt l-imsemmi Regolament.

36      Ir-rikorrent jafferma li l-Artikolu 10 tal-liġi Nru 125/54 jipprojbixxi anki kriminalment “kull użu ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini jew tipiċi magħrufa permezz ta’ alterazzjoni jew ta’ modifika parzjali, permezz taż-żieda, anki b’mod indirett, ta’ termini ta’ rettifika, bħal ‘tip’, ‘metodu’ ‘togħma’ jew simili”.

37      Ir-rikorrent isemmi wkoll il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali u diversi noti ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, stabbiliti bejn l-1997 u l-2000 mill-Ministeru Taljan ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresti, u nnotifikati lil produtturi Taljani li kienu jimmarkaw il-prodotti tagħhom bid-denominazzjoni “grana” b’mod illegali. Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed in diskussjoni mis-sentenza tal-Corte di cassazione (Qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) Nru 2562, tat-28 ta’ Novembru 1989, skond liema l-użu tad-denominazzjoni “grana” ma kinitx suġġetta għal restrizzjonijiet partikolari, peress li din is-sentenza ngħatat qabel ma ġew stabbiliti d-denominazzjonijiet ta’ oriġini mir-Regolament Nru 2081/92.

38      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana taderixxi, essenzjalment, ma’ l-argumenti tar-rikorrent u żżid li t-terminu “grana” jista’ jiġi kkunsidrat bħala forma mqassra li l-konsumaturi kollha jużaw sabiex jirreferu għall-ġobon Grana Padano. Barra minn hekk, din tgħid li l-Gvern Taljan, fl-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Grana Padano” skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, ma kienx għamel riferiment fl-aħħar tal-paġna li biha eskluda l-protezzjoni ta’ kull wieħed mit-termini li kienu jifformaw parti minn din id-denominazzjoni. B’hekk, din tqis li għandu jiġi deċiż li anki t-terminu “grana” waħdu huwa protett u rriżervat għad-DPO.

39      L-UASI jgħid li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk isem ikunx sar ġeneriku, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni diversi fatturi, u b’mod partikolari għandu jsir studju tas-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru minn fejn joriġina l-isem u fl-Istati Membri l-oħra. Huwa wkoll neċessarju li jsir studju ta’ l-aġir u ta’ l-opinjoni tal-pubbliku rilevanti. F’dan ir-rigward, l-UASI jfakkar, min-naħa waħda, li l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ huwa wieħed mill-istrumenti l-iktar użati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li skond l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell kompetenti seta’ jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.

40      L-UASI jgħid li ma jidhirx li l-Bord ta’ l-Appell ikkonsulta ma’ l-awtoritajiet Taljani jew Komunitarji kompetenti, u lanqas li wettaq xi eżami ddettaljat tas-suq Taljan kif ukoll tas-swieq ta’ l-Istati Membri l-oħra. Il-Bord ta’ l-Appell iktar ibbaża ruħu fuq l-eżami tad-dizzjunarji Taljani ta’ użu komuni u fuq ir-riċerki magħmula fuq l-Internet.

41      Barra minn hekk, l-UASI jenfasizza li l-Bord ta’ l-Appell stess, meta ċċita l-Enciclopedia Zanichelli, id-Dizionario della lingua italiana Le Monnier u l-Vocabolario della lingua italiana Zingarelli, irrileva li, għall-konsumatur Taljan, it-terminu “grana” mhux biss jirreferi għal “ġobon parzjalment xaħmi iebes, imsajjar”, iżda għal ġobon li għandu l-karatteristika li huwa “oriġinarju taż-żoni tipiċi ta’ l-Emilia u tal-Lombardija”. Il-fatt li d-dizzjunarji li saret riferenza għalihom isemmu reġjun determinat minnhu nnifshu huwa biżżejjed sabiex jeskludi n-natura ġenerika tat-terminu “grana”.

42      B’hekk, il-fatt li xi wħud minn dawn id-dizzjunarji kif ukoll xi riċetti ta’ l-ikel isemmu b’mod alternattiv it-termini “grana” jew “Grana Padano” iktar jidher li jsaħħaħ l-opinjoni li tgħid li t-terminu “grana” huwa sinonimu ta’ “Grana Padano” għall-konsumatur Taljan.

43      L-UASI jirrimarka li skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92, ladarba tiġi rreġistrata, DPO ma tistax issir ġenerika. B’hekk, sakemm il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, Komunitarji jew nazzjonali, ma ddeċidewx li DPO kienet saret ġenerika, l-organi ta’ l-UASI għandhom jikkunsidraw ir-reġistrazzjoni ta’ din id-DPO bħala valida u li tistħoqq protezzjoni.

44      Biraghi tgħid li t-terminu “grana” għandu natura ġenerika u li jirreferi għal tip ta’ ġobon li jimmatura bil-mod, huwa parzjalment xaħmi, bl-għaġna msajra, iebes u mrammel. Litteralment, dan it-terminu jagħmel riferenza għall-istruttura mrammla ta’ l-għaġna tal-ġobon, li l-isem tiegħu huwa derivanti proprju minn din il-karatteristika, u ma jirreferix fih innifsu għal żona ġeografika jew għal żona ta’ provenjenza preċiża. F’dan ir-rigward, Biraghi tallega li llum, fil-Valle Grana, jiġi mmanifatturat biss il-ġobon castelmagno, li jibbenifika minn DPO.

45      Barra minn hekk, Biraghi tosserva li s-sentenza Bigi, iċċitata iktar’il fuq, invokata mir-rikorrent, tirrigwarda denominazzjoni komplessa ffurmata minn żewġ termini li kull wieħed minnhom jagħmel riferenza għal postijiet ta’ produzzjoni: “parmigiano” għall-ġobon immanifatturat fiż-żona fil-limiti tal-belt ta’ Parma, “reggiano” għal dak immanifatturat fil-belt ta’ Reggio Emilia.

46      Biraghi tgħid ukoll li l-ġobon bl-għaġna mrammla kien jismu “grana” ħafna qabel il-ħolqien ta’ l-ewwel fabbriki tal-ġobon f’nofs is-seklu dsatax, kif wara kollox spjega r-rikorrent stess f’waħda mill-pubblikazzjonijiet tiegħu, li fiha huwa jirrikonoxxi li l-ġobon grana kien immanifatturat għall-ewwel darba madwar is-sena 1135 u li ismu li kien diġà jintuża fis-sena 1750, kien ġie ispirat mid-dehra mrammla ta’ l-għaġna tiegħu.

47      Biraghi tikkontesta li bil-ħolqien fl-Italja tas-sistema tad-DPO, il-ġobon grana jinqasam biss f’żewġ speċji ta’ l-istess tip, jiġifieri l-Grana Padano u l-Parmigiano Reggiano, li t-tnejn li huma jgawdu minn DPO. Hija żżid li “grana” ma jirreferixix għal tielet speċi ta’ ġobon differenti minn dawn id-DPO. Kuntrarjament, it-terminu “grana” jagħmel riferenza għall-istess tip ta’ ġobon bil-għaġna iebsa u mrammla li fih jinsabu, fl-istess ħin, kemm il-grana Biraghi u ż-żewġ DPO msemmija iktar’il-fuq. B’hekk, il-fatt li regoli speċifiċi kienu ġew stabbiliti għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-Grana Padano u tal-Parmigiano Reggiano ma jfissirx li l-ġobon grana m’għadux jeżisti.

48      Mil-lat leġiżlattiv, Biraghi tgħid li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/536/KE, tad-29 ta’ Lulju 1996, li tistabbilixxi l-lista ta’ prodotti bbażati fuq il-ħalib li għalihom l-Istati Membri huma awtorizzati biex jagħtu derogi individwali jew ġenerali skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/46/KEE u t-tip ta’ derogi li japplikaw għall-manifattura ta’ dawk il-prodotti (ĠU L 230, p. 12) b’mod partikolari ssemmi d-“Dansk Grana” u r-“Romonte – Typ Grana”.

49      Biraghi ssostni li l-eżistenza tal-ġobon grana bħala tip hija kkonfermata minn diversi xogħlijiet u dizzjunarji, mid-deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Grana Piemontese u Grana Reale deċiżi mill-Ufficio Italiano Brevetti e Marchi (Uffiċċju Taljan tal-privattivi u tat-trade marks), miċ-ċirkulari Nru 1 ta’ l-4 ta’ Jannar 1999, ta’ l-assoċjazzjoni professjonali Assolatte, li fl-Anness tagħha tistabbilixxi tliet kategoriji ta’ grana, jiġifieri l-Grana Padano, il-Parmigiano Reggiano u l-“grana l-oħrajn”, kif ukoll mill-fatt li din l-aħħar kategorija hija użata wkoll mill-Istituto Nazionale di Statistica (Awtorità Nazzjonali ta’ l-Istatistika, ISTAT) għall-istħarriġ tagħha.

50      Biraghi ssostni, kuntrarjament għal dak li jgħidu r-rikorrent u r-Repubblika Taljana, li d-denominazzjoni rreġistrata bħala DPO, skond l-Artikoli 9 u 10 tal-liġi Nru 125/54 u ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92, hija biss id-denominazzjoni kumplessa “Grana Padano” u mhux it-terminu “grana” wkoll. Fil-fatt, skond Biraghi, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2081/92, it-terminu “grana”, peress li għandu natura ġenerika, ma setax jiġi rreġistrat waħdu bħala DPO.

51      F’dan ir-rigward, Biraghi tindika li l-kwistjoni dwar l-użu tat-terminu “grana” mingħajr l-aġġettiv “padano” diġà ġiet evalwata fl-Italja mill-Corte di Cassazione fis-sentenza tagħha Nru 2562, tat-28 ta’ Novembru 1989, li fiha ddeċidiet li, “filwaqt li l-ġobon Grana Padano jibbenifika mir-rikonoxximent ta’ oriġini u, konsegwentement, mill-protezzjoni kriminali kontra l-użu abbużiv tad-denominazzjoni, il-ġobon sempliċement imsejjaħ’grana’ mhuwiex, fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, rikonoxxut bħala ġobon tipiku, anki jekk l-użu ta’ din id-denominazzjoni […] mhuwiex suġġett għal restrizzjonijiet partikolari u ma jikkostitwixxix ksur tal-liġi [Nru 125/54]”. Biraghi tgħid ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 1998, Chiciak u Fol (C‑129/97 u C‑130/97, Ġabra p. I‑3315), dwar id-DPO “époisses de Bourgogne”, ippreċiżat li “fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ oriġini’komposta’ [irreġistrata skond il-proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92], il-fatt li għal [din id-denominazzjoni] ma jeżistux indikazzjonijiet taħt forma ta’ riferenzi fl-aħħar tal-paġna ta’ l-Anness tar-Regolament [Nru 1107/96] li jistabbilixxu li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mhijiex mitluba għal waħda mill-partijiet ta’ din id-denominazzjoni ma jimplikax neċessarjament li kull waħda minn dawn il-partijiet hija protetta”. Il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeneriċi wkoll ġiet eskluża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ta’ l-10 ta’ Novembru 1992, Exportur (C‑3/91, Ġabra p. I‑5529), u tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre et (C‑321/94 sa C‑324/94, Ġabra p. I‑2343).

52      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, Biraghi tqis li l-użu tat-terminu ġeneriku “grana” ma jikkostitwixxix ksur la ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92, u lanqas tal-liġi nazzjonali dwar id-denominazzjonijiet ta’ oriġini. Fil-fatt, il-liġi Nru 125/54 tipprojbixxi l-użi kollha ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini permezz ta’ alterazzjoni jew ta’ modifikazzjoni b’termini bħal “tip”, “użu”, “togħma”, iżda mhux is-sempliċi użu ta’ terminu ġeneriku bħal “grana”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

53      L-Artikolu 142 tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi li l-imsemmi Regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2081/92, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu.

54      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 jgħid li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2). It-trade marks irreġistrati li jiksru din id-dispożizzjoni għandhom jiġu annullati.

55      Minn dan jirriżulta li l-UASI huwa marbut li japplika r-Regolament Nru 40/94 b’mod li ma jaffettwax il-protezzjoni mogħtija lid-DPO mir-Regolament Nru 2081/92.

56      Konsegwentement, l-UASI għandu jiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark li tkun tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 u, jekk it-trade mark tkun diġà ġiet irreġistrata, għandu jiddikjara l-invalidità tagħha.

57      Barra minn hekk, min-naħa, skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2081/92, id-denominazzjonijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-Regolament Nru 1107/96 ma fih l-ebda indikazzjoni taħt forma ta’ riferiment fl-aħħar tal-paġna li tgħid li r-reġistrazzjoni tat-terminu “grana” mhijiex mitluba, mhux neċessarjament jimplika li kull parti tad-denominazzjoni “Grana Padano” hija protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar’il fuq, punt 39).

58      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jgħid li “[m]eta isem irreġistrat ikun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies bħala kuntrarju għal (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu”. Isegwi li meta d-DPO tkun komposta minn diversi elementi, li minnhom waħda tkun tikkostitwixxi l-indikazzjoni ġenerika ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel, l-użu ta’ dan l-isem ġeneriku fi trade mark irreġistrata għandu jiġi kkunsidrat bħala konformi ma’ l-Artikolu 13(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 2081/92, u t-talba għal annullament ibbażata fuq id-DPO għandha tiġi miċħuda.

59      F’dan ir-rigward, mis-sentenza Chiciak u Fol, iċċitata iktar’il fuq (punt 38), jirriżulta li fis-sistema ta’ reġistrazzjoni Komunitarja stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, il-kwistjonijiet relattivi għall-protezzjoni li għandha tingħata lill-komponenti differenti ta’ denominazzjoni, u b’mod partikolari dik jekk hijiex denominazzjoni ġenerika jew komponent protett kontra l-prattiċi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament imsemmi, huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni magħmula abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-kuntest fattwali in kwistjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jingħad, b’mod preliminari, li l-Bord ta’ l-Appell kien kompetenti sabiex jagħmel din it-tip ta’ analiżi u, eventwalment, jirrifjuta l-protezzjoni tal-parti ġenerika ta’ DPO. Fil-fatt, peress li l-kwistjoni ma tikkonċernax id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ DPO fiha nnifisha, il-fatt li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jeskludi l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeneriċi li jinsabu f’DPO, jawtorizza lill-Bord ta’ l-Appell sabiex jivverifika jekk it-terminu in kwistjoni jikkostitwixxix effettivament id-denominazzjoni ġenerika ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel.

61      Tali analiżi tippresupponi l-verifika ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, li teħtieġ, b’mod wiesa’, għarfien iddettaljat kemm ta’ l-elementi partikolari għall-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et, C‑269/99, Ġabra p. I‑9517, punt 53), kif ukoll tas-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1999, Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, C‑289/96, C‑293/96 u C‑299/96, Ġabra p. I‑1541, punt 96).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta’ l-Appell kien marbut li jagħmel analiżi ddettaljata tal-fatturi kollha li jistgħu jiddeterminaw in-natura ġenerika msemmija.

63      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92, wara li jistabbilixxi li d-denominazzjonijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu rreġistrati, jgħid li sabiex jiġi ddeterminat jekk isem ikunx sar ġeneriku, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha, b’mod partikolari s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru minn fejn joriġina l-isem u fiż-żoni fejn jiġi kkunsmat, is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra, u l-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji rilevanti.

64      L-istess kriterji għandhom jiġu applikati għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92. Fil-fatt, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni li jagħti t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ l-istess Regolament tal-kunċett ta’ “isem li sar ġeneriku” japplika wkoll għad-denominazzjonijiet li dejjem kienu ġeneriċi (sentenza Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 80).

65      B’hekk, l-indizzji, ta’ natura legali, ekonomika, teknika, storika, kulturali u soċjali li jippermettu li ssir l-analiżi ddettaljata neċessarja huma b’mod partikolari l-liġijiet nazzjonali u Komunitarji rilevanti, inkluża l-evoluzzjoni storika tagħhom, il-perċezzjoni li għandu l-konsumatur medju tad-denominazzjoni allegatament ġenerika, inkluż il-fatt li l-popolarità tad-denominazzjoni tibqa’ marbuta mal-ġobon tradizzjonali rraffinat immanifatturat f’territorju bħala konsegwenza tal-fatt li din ma tkunx komunement użata f’reġjuni oħra ta’ l-Istat Membru jew ta’ l-Unjoni Ewropea, il-fatt li prodott ġie legalment ikkummerċjalizzat taħt id-denominazzjoni in kwistjoni f’ċerti Stati Membri, il-fatt li prodott ġie legalment immanifatturat taħt id-denominazzjoni in kwistjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tad-denominazzjoni anki mingħajr ma ġew irrispettati l-metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali, il-fatt li tali operazzjonijiet kienu ilhom isiru, il-kwantità ta’ prodotti li għandhom id-denominazzjoni in kwistjoni u mhux immanifatturati skond il-metodi tradizzjonali meta mqabbla mal-kwantità ta’ prodotti mmanifatturati skond il-metodi msemmija, is-sehem tas-suq miżmum mill-prodotti li għandhom id-denominazzjoni in kwistjoni u mhux immanifatturati skond il-metodi tradizzjonali meta mqabbla mas-sehem tas-suq miżmum mill-prodotti mmanifatturati skond il-metodi msemmija, il-fatt li l-prodotti mhux immanifatturati skond il-metodi tradizzjonali huma ppreżentati b’mod li jirreferu għall-post tal-manifattura tal-prodotti mmanifatturati skond il-metodi msemmija, il-protezzjoni tad-denominazzjoni in kwistjoni permezz ta’ ftehim internazzjonali u n-numru ta’ Stati Membri li, eventwalment, jinvokaw in-natura allegatament ġenerika tad-denominazzjoni in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 95, 96, 99 u 101 ; Bigi, iċċitata iktar’il fuq, punt 20, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra p. I‑9115, punti 75, 77, 78, 80, 83, 86, 87, 93 u 94).

66      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà (sentenza Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 85 sa 87), li fl-evalwazzjoni tan-natura ġenerika ta’ denominazzjoni, jittieħed in kunsiderazzjoni stħarriġ magħmul minn fost il-konsumaturi, organizzat sabiex tinftiehem il-perċezzjoni tagħhom tad-denominazzjoni in kwistjoni, jew opinjoni tal-kumitat imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/53/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1992, li tistabbilixxi kumitat xjentifiku għad-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u ċertifikati ta’ karattru speċifiku (ĠU L 13, 1993, p. 16), li wara ġie mibdul mill-grupp xjentifiku ta’ esperti għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/71/KE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 32, 2007, p. 177). Dan il-kumitat, kompost minn professjonisti kkwalifikati ħafna fil-qasam legali u agrikolu, għandu l-għan li jevalwa, b’mod partikolari, in-natura ġenerika tad-denominazzjonijiet.

67      Fl-aħħar nett, huwa possibbli li jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi oħra, b’mod partikolari d-definizzjoni ta’ denominazzjoni bħala ġenerika fil-Codex alimentarius (fuq il-valur indikattiv tar-regoli tal-Codex alimentarius, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 1988, Deserbais, 286/86, Ġabra p. 4907, punt 15, u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 32) u l-inklużjoni tad-denominazzjoni fil-lista msemmija fl-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-użu tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u d-denominazzjonijiet ta’ ġobnijiet, iffirmata fi Stresa fl-1 ta’ Ġunju 1951, sa fejn din l-inklużjoni tawtorizza l-użu tad-denominazzjoni fil-pajjiżi kollha firmatarji tal-konvenzjoni, bil-kundizzjoni li r-regoli ta’ manifattura jkunu rrispettati u li l-pajjiż tal-manifattura jkun indikat, mingħajr ma din il-possibbiltà tkun limitata għall-manifatturi taż-żona ġeografika korrispondenti (ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fis-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, Ġabra p. I‑9118, punt 168).

68      Għandu jingħad li l-Bord ta’ l-Appell injora l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward tad-DPO u msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2081/92.

69      Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell ma ħa in kunsiderazzjoni l-ebda wieħed mill-elementi li, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 65 sa 67 iktar’il fuq, jippermettu li ssir l-analiżi meħtieġa tan-natura eventwalment ġenerika ta’ denominazzjoni jew ta’ wieħed mill-elementi tagħha, u lanqas ma rrikora għal stħarriġ ta’ opinjoni fost il-konsumaturi jew għall-opinjoni ta’ esperti kkwalifikati fis-suġġett, jew talab xi informazzjoni, kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha setgħet tinkariga lill-kumitat xjentifiku msemmi iktar’il fuq b’din il-kwistjoni, filwaqt li, kif sewwa qal l-UASI, dan kellu din il-possibbiltà bis-saħħa ta’ l-ewwel parti tas-sentenza ta’ l-Artikolu 74(1), u ta’ l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 40/94.

70      L-elementi ta’ prova li jsostnu d-deċiżjoni kkontestata jikkonsistu sempliċement f’estratti minn dizzjunarji u minn riċerki fuq l-internet magħmula ex officio mill-Bord ta’ l-Appell.

71      Il-frekwenza ta’ kemm-il darba jidher terminu fuq l-Internet mhijiex, minnha nnifisha, kapaċi li tistabbilixxi n-natura ġenerika ta’ denominazzjoni. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet kollha tat-terminu “grana” mogħtija mid-dizzjunarji ċċitati mill-Bord ta’ l-Appell jirreferu għall-post ta’ produzzjoni tal-Grana Padano, li jikkorrispondi għal-żona tal-pjanura tal-Po. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li qies il-Bord ta’ l-Appell, dawn id-dizzjunanrji iktar juru li d-denominazzjoni “grana” hija użata fil-lingwa Taljana bħala forma mqassra tal-Grana Padano u li d-denominazzjoni “grana” hija marbuta fil-fatti u fil-ħsieb mal-provenjenza Padana ta’ dan il-prodott, liema fatt huwa kkonfermat miż-żewġ dizzjunarji Ġermaniżi ċċitati fil-punti 50 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tad-definizzjoni mogħtija fl-Enciclopedia Treccani, din mhijiex rilevanti peress li tmur lura għas-sena 1949, jiġifieri kemm qabel ir-Regolament Nru 1107/96 kif ukoll il-liġi Nru 125/54, li għall-ewwel darba rrikonoxxiet id-denominazzjoni “Grana Padano” bħala DPO.

72      Barra minn hekk, għandu jingħad li, kieku l-Bord ta’ l-Appell ħa in kunsiderazzjoni b’mod xieraq l-elementi kollha ta’ prova mressqa mir-rikorrent u kieku applika kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan kien immissu kkonkluda li l-prova tan-natura ġenerika tad-denominazzjoni “grana” ma kinitx tajba biżżejjed fid-dritt.

73      Fost dawn il-fatturi, hemm qabel kollox is-sitwazzjoni leġiżlattiva dwar il-protezzjoni tad-denominazzjoni “Grana Padano” fl-Italja kif ukoll l-evoluzzjoni storika tagħha.

74      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ewwel rikonoxximent leġiżlattiv tad-denominazzjoni “grana” tmur lura għar-Regio Decreto Legge Nru 1177, Disposizioni integrative della disciplina della produzione e della vendita dei formaggi (Digriet-Liġi Irjali Nru 1177, tas-17 ta’ Mejju 1938, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkompletaw ir-regoli tal-manifattura u tal-bejgħ tal-ġobnijiet) (GURI Nru 179, tat-8 ta’ Awwissu 1938). F’dan id-digriet, li jistabbilixxi l-ammont minimu ta’ xaħam fil-ġobnijiet Taljani differenti, jissemmew il-grana parmigiano-reggiano, grana lodigiano, grana emiliano, grana lombardo u grana veneto. Dan id-digriet huwa xhieda tal-fatt li l-grana kien immanifatturat f’diversi żoni tal-wied Padan, fil-viċinanzi ta’ Parma u ta’ Reggio Emilia, ta’ Lodi, f’Emilia, fil-Lombardija u fil-Veneto. Min-naħa l-oħra, id-denominazzjoni “Grana Padano” mhijiex imsemmija fih.

75      Għandu jingħad li dawn iż-żoni huma kollha inklużi fiż-żona ta’ produzzjoni kemm tal-Parmigiano Reggiano (Parma, Reggio Emilia, Modena, Bologna fil-punent tar-Rhine u Mantova fil-lvant tal-Po), kif ukoll tal-Grana Padano (Piemonte, Lombardija, Emilia Romagna, Veneto u l-provinċja ta’ Trento).

76      Wara li ġiet stabbilita l-ewwel sistema ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini fl-Italja permezz tal-liġi Nru 125/54 u d-Decreto del Presidente della Repubblica Nru 1269, Riconoscimento delle denominazioni circa i metodi di lavorazione, caratteristiche merceologiche e zone di produzione dei formaggi (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 1269, tat-30 ta’ Ottubru 1955, li jirrikonoxxi d-denominazzjonijiet relattivi għall-metodi ta’ manifattura, għall-karatteristiċi ta’ kummerċjalizzazzjoni u għaż-żoni ta’ produzzjoni tal-ġobnijiet, GURI Nru 295, tat-22 ta’ Diċembru 1955, p. 4401) li rrikonoxxa d-denominazzjoni ta’ oriġini “Grana Padano”, il-ġobon Parmigiano Reggiano tilef il-kwalifika tiegħu bħala grana, minħabba l-karatteristiċi partikolari tiegħu, filwaqt li l-ġobnijiet grana l-oħra kollha bbenifikaw minn rikonoxximent bid-denominazzjoni “padano”.

77      Il-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana ta’ l-1938 issemmi grana differenti (parmigiano-reggiano, lodigiano, emiliano, lombardo u veneto), kollha mmanifatturati fiż-żona tal-pjanura tal-Po, mingħajr madankollu ma tiċċita l-Grana Padano, kif ukoll il-fatt li l-leġiżlazzjoni sussegwenti introduċiet id-denominazzjoni “Grana Padano” filwaqt li abbandunat id-denominazzjonijiet preċedenti juri li l-grana huwa ġobon tradizzjonalment immanifatturat f’diversi żoni tal-pjanura tal-Po u li, minnħabba f’hekk, f’ċertu mument ġie identifikat mil-leġiżlatur Taljan bit-terminu “padano”, b’mod li jiġi ssimplifikat il-kwadru regolatorju u li jiġu inklużi f’denominazzjoni waħda d-diversi denominazzjonijiet preċedenti, li lkoll joriġinaw mill-wied Padan.

78      Għaldaqstant, il-kwalifikattiv “padano” ma ġiex introdott sabiex jillimita l-portata tad-DPO biss għal ċerti grana, iżda pjuttost sabiex jiġborhom taħt l-istess protezzjoni ogħlja, inizjalment mogħtija mil-leġiżlazzjoni Taljana, u wara mir-Regolament Nru 2081/92. Minn dan jirriżulta li l-evoluzzjoni tal-kwadru ġuridiku Taljan turi li d-denominazzjoni “grana” mhijiex ġenerika.

79      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Biraghi ma jippermetti li dawn il-kunsiderazzjonijiet jitpoġġew f’dubju. Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tad-denominazzjoni “grana trentino”, għandu jingħad li d-digriet tal-President tar-Repubblika li jemenda l-ispeċifikazzjonijiet tal-ġobon Grana Padano, invokat minn Biraghi, awtorizza ż-żieda ta’ l-espressjoni “trentino” (ta’ Trento) fuq il-ġobon Grana Padano mmanifatturat fit-territorju tal-provinċja ta’ Trento. Din il-possibbiltà ma tagħmel xejn għajr li ssaħħaħ l-idea li huwa possibbli li ġobon jissemma “grana” biss kemm il-darba jkun immanifatturat skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-Grana Padano.

80      Fit-tieni lok, għalkemm huwa minnu li ċ-ċirkulari ta’ l-assoċjazzjoni Assolatte tindika sewwa l-eżistenza ta’ “grana oħrajn” minbarra l-Grana Padano, għandu jingħad li, kif jirriżulta mit-tabella annessa maċ-ċirkulari msemmija, dawn il-“grana l-oħrajn” kienu esportati lejn pajjiżi oħra minbarra l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, ir-Russja, il-Kroazia, is-Slovenja, din ma kinitx għadha saret membru ta’ l-Unjoni Ewropea fid-data li din l-informazzjoni tirreferi għaliha, jiġifieri l-1999. Fir-rigward ta’ ġobon intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi fejn id-denominazzjoni “grana” ma tgawdi minn l-ebda protezzjoni leġiżlativa partikolari, dan l-argument ma jreġix, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ territorjalità rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali fis-sentenza tagħha Exportur, iċċitata iktar’il fuq (punt 12). L-istess jgħodd għall-informazzjoni evalwata mill-ISTAT, invokata minn Biraghi, liema informazzjoni mhijiex konklużiva peress li din ma tindikax is-suq ta’ destinazzjoni tal-“grana l-oħrajn”.

81      Fit-tielet lok, billi ssostni li t-terminu “grana” ma jirreferix għal żona ġeografika bħala tali, Biraghi essenzjalment tipprova turi li d-denominazzjoni “grana” fl-ebda każ ma tista tgawdi mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2081/92, peress li din mhijiex konformi mad-definizzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini mogħtija fl-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi. Mhuwiex rilevanti li jsir magħruf jekk id-denominazzjoni “grana” toriġinax mill-fatt li l-ġobon li tirreferi għalih għandu struttura mrammla jew inkella mill-fatt li, oriġinarjament, dan kien immanifatturat fil-Valle Grana peress li, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92, DPO jista’ wkoll ikun magħmul minn denominazzjoni tradizzjonali mhux ġeografika li tirreferi għal prodott ta’ l-ikel oriġinarju ta’ reġjun jew ta’ post speċifiku li jkollhom fatturi naturali omoġenji li jiddelimitawhom miż-żoni li jmissu magħhom (sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 46 sa 50). F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li l-ġobon grana huwa oriġinarju tar-reġjun tal-pjanura tal-Po. Għaldaqstant, dan jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92.

82      Ir-raba’ nett, ir-riferiment li tagħmel Biraghi għas-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, sabiex issaħħaħ l-argument tagħha huwa nieqes minn kull rilevanza safejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkritikax il-possibbiltà li denominazzjoni mhux ġeografika tista’ tikkostitwixxi DPO, iżda tikkontesta biss il-firxa taż-żona ta’ produzzjoni tad-denominazzjoni mhux ġeografika “feta”. Abbażi ta’ din l-istess kunsiderazzjoni għandu wkoll jiġi miċħud l-argument invokat minn Biraghi li, fil-Valle Grana, jiġi mmanifatturat biss il-ġobon castelmagno. Bl-istess mod, għandha tiġi injorata r-riferenza li Biraghi tagħmel għas-sentenza Pistre et, iċċitata iktar’il fuq, f’dak illi, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, din tirrigwarda denominazzjoni (montagne) li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkunsidrata bħala li tkopri denominazzjoni ta’ oriġini skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2081/92, peress li ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u l-oriġini ġeografika speċifika tiegħu.

83      Fil-ħames lok, id-Deċiżjoni 96/536, li tiċċita l-ġobon Daniż “Dansk Grana” u dak Ġermaniż “Romonte – Typ Grana”, ġiet adottata fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1992, li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ħalib mhux ipproċessat, ħalib trattat bis-sħana u prodotti bbażati fuq il-ħalib (ĠU L 268, p. 1). Safejn id-Deċiżjoni 96/536 hija biss intiża sabiex tawtorizza eċċezzjonijiet għall-osservanza tar-regoli tas-saħħa stabbiliti mid-Direttiva 92/46, din ma jista’ jkollha l-ebda influwenza fuq il-protezzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali bħal denominazzjoni ta’ oriġini protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 96). Anki kieku kellu jitqies li din iċ-ċitazzjoni turi n-natura ġenerika tad-denominazzjoni “grana” fid-Danimarka u fil-Ġermanja, ma jkunx possibbli li din il-konklużjoni tiġi estiża għat-territorju Komunitarju kollu jew għall-inqas għal parti sostanzjali tiegħu. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 96/536 tirreferi għall-grana Daniż u għal ġobon Ġermaniż li huwa indikat li huwa tat-“tip” grana, liema fatt jagħti x’wieħed jaħseb li, fid-Danimarka u fil-Ġermanja, id-denominazzjoni “grana” mingħajr kwalifika, f’kull każ żammet il-konnotazzjoni ta’ “Grana Padano” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 92). Fl-aħħar, id-Deċiżjoni 96/536, iċċitata minn Biraghi, tmur lura għall-1996, perijodu li fih l-Istati Membri kienu għadhom jistgħu jużaw l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2081/92 li kienet tawtorizzahom iżommu s-sistemi nazzjonali li jippermettu l-użu tad-denominazzjonijiet irreġistrati skond l-Artikolu 17 matul perijodu limitat ta’ massimu ta’ ħames snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament.

84      Fis-sitt lok, is-sentenza tal-Corte di cassazione tad-28 ta’ Novembru 1989 ngħatat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u din tgħid b’mod espliċitu li l-ħelsien ta’ l-akkużat kien il-konsegwenza tan-nuqqas, f’dak il-mument, ta’ piena kriminali applikabbli fil-każ ta’ użu mhux xieraq tad-denominazzjoni “grana”. Barra minn hekk, din is-sentenza ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 2081/92 u Nru 1107/96, jiġifieri qabel ma l-livell ta’ protezzjoni tad-DPO ma kien ġie ddefinit fuq il-livell Komunitarju. Fl-aħħar, jirriżulta minn ħafna inkartamenti ta’ konstatazzjoni ta’ frodi ta’ l-Ispettorato centrale repressione frodi (Uffiċċju Ċentrali għar-Repressjoni tal-Frodi) tal-Ministeru Taljan ta’ l-Agrikoltura u tal-Foresti, ippreżentati mir-rikorrent u li kollha huma sussegwenti għas-sentenza tal-Corte di cassazione u r-Regolament Nru 1107/96, li l-awtoritajiet Taljani sistematikament jissekwestraw ġobnijiet li jkollhom l-indikazzjoni waħedha “grana” b’kunsiderazzjoni tal-fatt li tali prattika tikkostitwixxi ksur tad-DPO “Grana Padano” kif protetta mir-Regolament Nru 1107/96.

85      Fl-aħħar nett, lanqas id-dizzjunarji ċċitati minn Biraghi ma huma rilevanti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Biraghi, jista jingħad li għalkemm huwa minnu li d-Dictionnaire des fromages Larousse jagħti definizzjoni tal-grana bħala “ġobnijiet Taljani li għandhom (ċerti) karatteristiċi komuni”, madankollu wara jindika li serje ta’ liġijiet Taljani ddefinixxew id-denominazzjoni billi jiddistingwu l-ġobnijiet immanifatturati f’ċerti provinċji (Parmigiano Reggiano) minn dawk immanifatturati f’ċerti provinċji oħrajn (Grana Padano), li b’hekk isaħħaħ l-argument kuntrarju għal dak tan-natura ġenerika tad-denominazzjoni “grana”. Għal kuntrarju, ma tista tintlaħaq l-ebda konklużjoni mill-Guide du fromage Androuët-Stock, li lanqas biss isemmi l-Grana Padano.

86      Barra minn hekk, il-kwadru leġiżlattiv Taljan ma kienx l-uniku indizzju li kien jiddisponi minnu l-Bord ta’ l-Appell sabiex jeskludi n-natura ġenerika tad-denominazzjoni “grana”. Fil-fatt, dan kien jaf bil-fatt li l-ebda Stat Membru ma kien qajjem il-kwistjoni ta’ l-allegata natura ġenerika tad-denominazzjoni “grana” fi ħdan il-kumitat ta’ regolamentazzjoni kkonsultat mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1107/96. Barra minn hekk, ma kienet ġiet imressqa quddiemu l-ebda prova tal-kummerċjalizzazzjoni fil-Komunità Ewropea ta’ ġobon iddenominat “grana”.

87      Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-obbligu tiegħu li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali li japplika [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza ta’ l-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra p. II‑1319, punt 35], il-Bord ta’ l-Appell seta’ wkoll jieħu in kunsiderazzjoni l-eżistenza tal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-użu tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet ta’ ġobnijiet, iċċitata iktar’il fuq, u tal-konvenzjonijiet internazzjonali bilaterali għall-protezzjoni tad-denominazzjoni “grana”.

88      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi li r-reġistrazzjoni tat-trade mark GRANA BIRAGHI ma kinitx tikkostitwixxi ksur tad-DPO “Grana Padano” skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2081/92.

89      B’hekk, għandu jiġi deċiż li r-rikors huwa fondat peress li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball meta qies li d-denominazzjoni “grana” kienet ġenerika u li l-eżistenza tad-DPO “Grana Padano” ma kinitx ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark GRANA BIRAGHI skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

91      Waqt is-seduta, ir-rikorrent talab li l-UASI jbati l-ispejjeż.

92      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li l-parti li tirbaħ il-kawża ma tkunx għamlet talba f’dan is-sens ħlief waqt is-seduta, ma jipprekludix li t-talba tagħha tiġi milqugħa [is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, Ġabra p. 1185; sentenzi tal-Qorti tal-Prim Istanza ta’ l-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 79, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Jabones Pardo vs UASI – Quimi Romar (YUKI), T‑278/04, Ġabra p. II-90, punt 75].

93      Peress li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi annullata u peress li l-UASI għandu jitqies li tilef il-kawża, minkejja s-sens tat-talbiet tiegħu, l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tar-rikorrent, b’mod konformi mat-talbiet tiegħu. Il-partijiet intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Ġunju 2003 (Każ R 153/2002-1) hija annullata.

2)      Minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tal-Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano.

3)      Ir-Repubblika Taljana u Biraghi SpA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Settembru 2007.

E. Coulon

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawza: it-Taljan.