Language of document : ECLI:EU:T:2010:17

Kawżi T-252/07, T-271/07 u T-272/07

Sungro, SA et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Politika agrikola komuni — Bidla fl-iskema ta’ għajnuna Komunitarja fil-qasam tal-qoton — Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, introdott bil-punt 20 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 864/2004 — Annullament tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Rabta kawżali”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Jannar 2010 ?II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Danni — Rabta kawżali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Danni — Rabta kawżali

(Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1782/2003, Kapitolu 10a tat-Titolu IV, u Nru 864/2004, punt 20 tal-Artikolu 1)

3.      Rikors għad-danni — Suġġett — Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91)

1.      Fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, sabiex il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu allegat titqies li tkun sodisfatta, id-dannu allegat għandu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ilmentat peress illi dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu.

Sabiex jiġi stabbilit id-dannu imputabbli għal azzjoni żbaljata ta’ istituzzjoni Komunitarja, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tan-nuqqas li jiġġenera r-responsabbiltà u mhux dawk tal-att li fih tali nuqqas, sakemm l-istituzzjoni setgħet jew kellha tadotta att tal-istess effett mingħajr ma tikser id-dispożizzjoni legali. L-analiżi tar-rabta kawżali ma tistax titlaq mill-premessa żbaljata li, fin-nuqqas ta’ aġir illegali, l-istituzzjoni tkun naqset milli taġixxi jew tkun adottat att kuntrarju, li wkoll jista’ jikkostitwixxi aġir illegali tagħha, iżda għandha tagħmel paragun bejn is-sitwazzjoni kkawżata lit-terzi kkonċernati minħabba azzjoni żbaljata u s-sitwazzjoni li kieku kien igawdi minnha f’każ ta’ aġir rispettuż tad-dispożizzjoni legali minn naħa tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 47, 48)

2.      Ir-Regolament Nru 864/2004, u b’mod partikolari l-Kapitolu 10a, dwar l-għajnuna lill-produtturi tal-qoton, li tintroduċi fit-Titolu IV tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [għajnuna] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, jagħmel parti, kif jirriżulta b’mod ċar mill-motivi tiegħu, fil-kuntest tal-proċess tar-riforma fil-politika agrikola komuni mibdi bl-imsemmi Regolament Nru 1782/2003 u li l-għan tiegħu huwa li jissostitwixxi l-politika ta’ prezzijiet issussidjati u fil-produzzjoni f’politika ta’ għajnuna diretta fid-dħul tal-bdiewa u li wieħed mill-elementi prinċipali hija s-separazzjoni tal-għajnuna diretta lill-produtturi u l-introduzzjoni ta’ skema ta’ ħlas wieħed.

Fil-kuntest ta’ rikorsi għad-danni, ibbażati fuq l-Artikoli 235 KE u fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, ippreżentati mill-impriżi tal-ħalġ tal-qoton wara li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmi Kapitolu 10a, intiża sabiex jinkiseb kumpens għall-allegat dannu minħabba l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huma r-rikorrenti li għandhom juru li, fin-nuqqas tal-illegalità kkontestata, ir-regolament inkwistjoni ma kienx jiġi adottat jew kien ikollu neċessarjament kontenut differenti. Fil-fatt ma humiex id-dispożizzjonijiet ikkontestati fihom infushom, iżda n-nuqqas li jitqiesu l-provi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari permezz tat-twettiq ta’ studju dwar l-impatt tar-riforma qabel ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati, li ġie kkritikat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan iċ-ċirkustanzi, għalhekk, ir-rikorrenti għandhom juru illi, billi tiġi adottata skema ġdida li tosserva mhux biss id-dispożizzjoni legali permezz tat-twettiq ta’ studju dwar l-impatt tar-riforma, iżda wkoll tal-għanijiet li jenfasizzaw ir-riforma tal-politika agrikola komuni, il-Kunsill kellu inevitabbilment iżomm skema u rata ta’ separazzjoni tal-għajnuna lill-produtturi li hija differenti minn dik prevista mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

Fil-fatt, kull tnaqqis tad-dħul dovut sempliċiment għar-riforma tal-politika agrikola komuni fis-settur tal-qoton ma jirrappreżentax rabta kawżali mal-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex din l-illegalità ma tqiegħedx inkwistjoni l-għażla li ssir it-tali riforma.

(ara l-punti 60, 61, 63)


3.      L-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċeduri tal-verifika ġudizzjarja quddiem il-qorti Komunitarja għandhom jitqiesu bħala koperti permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fuq l-ispejjeż, skont regoli proċedurali speċifiċi applikabbli għal dawn it-tip ta’ spejjeż, fid-deċiżjonijiet li jġibu fi tmiem l-istanza u f’għeluq il-proċeduri speċjali previsti f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-ammont tal-ispejjeż. Dawn il-proċeduri jittrattaw esklużivament talba għall-istess ammonti, jew ta’ ammonti sostnuti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ azzjoni li tpoġġi fid-dubju r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, inkluż minn partijiet li, billi tilfu, kellhom ibatu l-ispejjeż.

(ara l-punt 69)