Language of document : ECLI:EU:F:2011:170

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F-72/10

Mario Paulo da Silva Tenreiro

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Reklutaġġ — Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 29(1)(a) u (b) tar-Regolamenti tal-Persunal — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Użu ħażin ta’ poter — Motivazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M.P. da Silva Tenreiro jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni vakanti ta’ direttur fid-Direttorat E “Ġustizzja” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ġustizzja, Libertà u Sigurtà”, kif ukoll tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-ħatra għal din il-pożizzjoni ta’ K., u, min-naħa l-oħra tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura li permezz tagħha timtela l-pożizzjoni ta’ direttur fid-Direttorat F “Sigurtà” tad-DĠ “Ġustizzja, Libertà u Sigurtà”, kif ukoll tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-ħatra għal din il-pożizzjoni ta’ P.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Pożizzjoni mimlija permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1) u 29(1))

2.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Determinazzjoni tal-kwalifiki minimi mitluba għall-pożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

1.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Awtorità tal‑Ħatra fir-rigward ta’ ħatra jippresupponi li hija teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l‑fajls tal‑kandidati u li hija tosserva xjentement ir-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, hekk li hija marbuta tiċħad kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir‑rekwiżiti. Fil-fatt, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi qafas legali li din l-awtorità timponi fuqha nnifisha u li għandha tosserva skrupulożament.

Sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-Awtorità tal-Ħatra qabżitx il-limiti ta’ dan il-qafas legali, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina liema kienu l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li tivverifika sussegwentement jekk il-kandidat magħżul minn din l-awtorità sabiex jokkupa l-pożizzjoni vakanti kienx effettivament issodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, hija għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-kompetenzi tar-rikorrent, din l-awtorità wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet kandidat ieħor minfloku.

Tali eżami għandu madankollu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din l-amministrazzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki tal-kandidati ma’ dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 48 sa 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il‑Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, punt 51

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Diċembru 1991, Frederiksen vs Il‑Parlament, T‑169/89, punt 69; 19 ta’ Marzu 1997, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑21/96, punt 20; 12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il‑Kummissjoni, T‑159/96, punti 63 sa 65 u 72; 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il‑Kummissjoni, T‑152/00, punt 29; 14 ta’ Ottubru 2003, Wieme vs Il‑Kummissjoni, T‑174/02, punt 38; 11 ta’ Novembru 2003, Faita vs CES, T‑248/02, punt 71; 5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑370/03, punt 51; 4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, T‑45/04, punti 46, 48 u 49

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistabbilixxi l-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet minimi neċessarji għal dan il-għan li jista’ jwassal għall-illegalità tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

(ara l-punt 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ottubru 1990, Gallone vs Il‑Kunsill, T‑132/89, punt 27; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑135/00, punt 69; 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il‑Kummissjoni, T‑93/03, punt 72