Language of document : ECLI:EU:F:2011:171

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2011

Kawża F‑74/10

Eugène Émile Kimman

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2009 — Klassifikazzjoni f’livell ta’ prestazzjoni — Deċiżjoni ta’ għoti tal-punti ta’ promozzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Opinjoni tal-grupp ad hoc — Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Motiv invokat ex officio — Oneru tal-prova”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA taħt l-Artikolu 106a tagħha, li permezz tiegħu E. Kimman jitlob, prinċipalment, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart mill-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal — Sistema stabbilita mill-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Motivi — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Konstatazzjoni ex officio — Limiti

3.      Uffiċjali — Rikorsi — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Redazzjoni — Uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal — Sistema stabbilita mill-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

8.      Uffiċjali — Promozzjoni — Attribuzzjoni ta’ punti ta’ promozzjoni mill-amministrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2) u 45)

1.      L-Artikolu 6(8) tal-Anness I tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jirrikjedi li l-evalwatur jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ uffiċjal li jwettaq attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-membri tal-persunal, l-opinjoni tal-grupp ad hoc dwar il-prestazzjoni, il-kompetenzi u l-kondotta fis-servizz tal-persuna kkonċernata waqt l-imsemmija attivitajiet. Issa, il-fatt li tissemma biss l-opinjoni tal-grupp ad hoc ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu li għandhom l-evalwaturi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija opinjoni.

(ara l-punt 37)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ April 2007, Lebedef-Caponi vs Il-Kummissjoni, F‑71/06, punt 47

2.      L-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni huwa motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-Unjoni, fi kwalunkwe stat tal-kawża. Konsegwentement, il-fatt li titqajjem ex officio l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma huwiex meħtieġ biss meta r-rikorrent li jkun qajjem oġġezzjoni f’dan is-sens fl-ilment tiegħu ma kienx inkluda dan fir-rikors tiegħu, iżda huwa meħtieġ irrispettivament mill-argumenti li kienu tqajmu fl-istadju prekontenzjuż. Fil-fatt, il-fatt li jitqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku ma għandux l-għan li jikkumpensa insuffiċjenza tar-rikors, iżda li tiġi osservata regola li, minħabba l-importanza tagħha, ma hijiex disponibbli għall-partijiet, u dan fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri jkunu xi jkunu. Minn dan isegwi li istituzzjoni ma tistax teċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ tali motiv ta’ ordni pubbliku għar-raġuni biss li r-rikorrent ma qajjimx dan fl-ilment tiegħu.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li l-fatt li jitqajjem ex officio l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux ikun permess meta r-rikorrent ma tax lill-amministrazzjoni l-opportunità li tirrimedja l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fl-istadju prekontenzjuż meta ma qajjem ebda oġġezzjoni f’dan is-sens fl-ilment tiegħu, peress li l-istituzzjoni hija, fi kwalunkwe stat tal-kawża, dejjem marbuta li tissodisfa l-obbligi imposti fuqha u li fosthom hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni.

Madankollu, dan il-fatt li jitqajjem motiv ex officio jikkonċerna biss l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, iżda mhux il-ksur ta’ obbligu speċifiku ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, peress li rapport ta’ evalwazzjoni għandu motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-fatt li jitqajjem motiv ex officio, li għandha tfittex jekk l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni humiex agħar meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni preċedenti, u f’tali każ, li tiżgura li l-amministrazzjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni speċifika.

(ara l-punti 44, 45 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ottubru 1994, Mancini vs Il-Kummissjoni, T‑508/93, punt 36; 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑171/05, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Marzu 2008, Skareby vs Il-Kummissjoni, F‑46/06, punt 96

3.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv minn qabel u r-rikors tapplika biss fil-każ li r-rikors ibiddel il-kawża tal-ilment, peress li dan il-kunċett tal-aħħar ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Fir-rigward tal-talbiet għal annullament, “kawża tal-kwistjoni” għandha tinftiehem, bħala l-kontestazzjoni minn rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tagħha.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F‑45/07, punt 119; 23 ta’ Novembru 2010, Bartha vs Il-Kummissjoni, F‑50/08, punt 34; 15 ta’ Diċembru 2010, Almeida Campos et vs Il-Kunsill, F‑14/09, punt 28; 13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, punt 129

4.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tagħti motivazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat għal kull rapport ta’ evalwazzjoni sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet fuq din il-motivazzjoni, peress illi l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti.

(ara l-punt 48)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, punt 27; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il-Kummissjoni, T‑50/04, punt 36

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑93/08, punt 86

5.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni implementata mill-Kummissjoni, l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ opinjoni mill-grupp ad hoc fil-kuntest tal-proċedura ta’ redazzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, li, min-natura tagħha, hija att preparatorju, tikkostitwixxi difett proċedurali. Issa, sabiex difett proċedurali jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura tista’ twassal għal riżultat differenti.

Assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ tali opinjoni jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-kontenut finali tar-rapport biss meta titbiegħed mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-evalwatur. Madankollu, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, l-opinjoni tikkonferma rapport ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-awturi ta’ din l-opinjoni b’mod impliċitu jadottaw l-evalwazzjonijiet tagħhom li jinsabu fir-rapport, b’tali mod li ma jkun hemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li, jekk l-imsemmija opinjoni kienet ġiet immotivata, l-evalwatur kien ibiddel ir-rapport.

(ara l-punti 76 u 77)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, punt 48; 18 ta’ Ottubru 2001, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, C‑241/00 P, punt 36

Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, punt 39

6.      L-evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-ġudizzji dwar ix-xogħol tal-uffiċjali li huma għandhom ir-responsabbiltà li jevalwaw. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq il-kontenut ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, għall-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter. Għaldaqstant ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni fuq il-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, meta din tinvolvi ġudizzji kumplessi ta’ valur li, min-natura tagħhom, ma jistgħux ikunu vverifikati oġġettivament.

F’dan ir-rigward, żball ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun jista’ jiġi faċilment skopert fid-dawl tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tal-amministrazzjoni.

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi li r-rikorrent għandu jipproduċi jridu jkunu suffiċjenti sabiex ma tkunx plawżibbli l-evalwazzjoni tal-fatti adottata mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha. Fi kliem ieħor, jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-amministrazzjoni tista’ madankollu tiġi kkunsidrata bħala probabbli, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud.

Dan jgħodd, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni inkwistjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni li, meħuda flimkien, huma ta’ natura minuri li ma jistgħux ikunu determinanti għall-amministrazzjoni.

Rigward, b’mod iktar speċjali, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni, huwa iktar u iktar iġġustifikat li jiġi limitat l-istħarriġ tal-qorti għall-iżball manifest peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jafx direttament is-sitwazzjoni tal-uffiċjali evalwati, u li l-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha, fil-livell amministrattiv, garanziji, li jista’ jintervjeni l-uffiċjal evalwat, is-superjuri ġerarkiċi tiegħu u korp konġunt.

(ara l-punti 89 sa 94)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, punt 59; 6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T‑139/99, punt 39; 12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, punt 221; 21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, punt 63

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata; 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, punt 35, li hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Każ T‑281/11 P

7.      Fil-kuntest tar-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni u sakemm l-evalwazzjoni hija b’mod ċar individwalizzata u mhux impersonali, l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-evalwaturi tippresupponi li dawn tal-aħħar ma jkollhomx l-obbligu li jinkludi fir-rapporti li jirrediġu l-elementi kollha ta’ fatti u ta’ liġi rilevanti sabiex isostnu l-evalwazzjoni tagħhom jew li jirrispondu għall-punti kollha kkontestati mill-uffiċjal ikkonċernat. Fil-fatt, l-għan tar-rapport ta’ evalwazzjoni huwa li jikkostitwixxi prova bil-miktub dwar il-kwalità tax-xogħol magħmul mill-uffiċjal, b’tali mod li ma huwiex purament deskrittiv tal-kompiti mwettqa matul il-perjodu kkonċernat, iżda jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet interpersonali li l-uffiċjal evalwat wera fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma huwiex stampa komprensiva tal-prestazzjonijiet li kull uffiċjal huwa meħtieġ li jwettaq bħala parti mill-implementazzjoni tal-kompiti tal-impjieg tiegħu, iżda li jenfasizza, minn elementi determinanti, il-kompetenza tiegħu, il-prestazzjoni tiegħu u l-kondotta tiegħu fis-servizz. Konsegwentement, sabiex ikun regolari, huwa biżżejjed, fil-prinċipju, li r-rapport ta’ evalwazzjoni jagħti l-karatteristiċi ewlenin tal-prestazzjonijiet tal-uffiċjal f’termini ta’ prestazzjoni, ta’ kompetenzi u ta’ kondotta fis-servizz.

(ara l-punt 95)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, punt 44;

Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, punt 86

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, van Arum vs Il-Parlament, F‑139/07, punti 88 u 101; N vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46

8.      Fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ promozzjoni, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tinforma lill-uffiċjal ikkonċernat kif hija tevalwa kull wieħed mill-kriterji li wassluha sabiex tadotta d-deċiżjoni, sakemm l-imsemmija deċiżjoni hija kollha kemm hi motivata biżżejjed u li, barra minn hekk, att amministrattiv igawdi minn preżunzjoni ta’ legalità. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax sempliċement jikkonstata li l-amministrazzjoni ma semmietx il-mod kif hija ħadet inkunsiderazzjoni kriterju ta’ attribuzzjoni ta’ punti ta’ promozzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni jew ta’ żball ta’ liġi.

(ara l-punt 115)

Referenza:

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Settembru 2009, Behmer vs Il-Parlament, F‑47/07, punt 97