Language of document : ECLI:EU:T:2019:156

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Marzu 2019 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – FAEG – Zokkor – Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea – Regolament (KE) Nru 320/2006 – Regolament (KE) Nru 968/2006 – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Spejjez minfuqa mill-Ungerija– Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għal żarmar sħiħ u l-għajnuna għal żarmar parzjali – Kunċett ta’ ‘faċilitajiet ta’ produzzjoni’ – Evalwazzjoni tal-użu tas-silos fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għall-għajnuna – Kunċett ta’ ‘żarmar sħiħ’ – Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97 – Diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża T‑139/15,

L-Ungerija, irrappreżentata inizjalment minn M. Fehér, G. Koós, A. Pálfy, imbagħad minn M. Fehér, Koós, Z. Biró-Tóth u E. Tóth, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek u B. Béres, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas‑16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33), sa fejn teskludi l-ammont ta’ EUR 11 709 400 mill-finanzjament, mill-FAEGG, tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-industrija taz-zokkor mogħtija mill-Ungerija,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Regolament Nru 320/2006

1        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 320/2006 ta’ l‑20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU 2006, L 58, p. 42, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 11). Ir-Regolament Nru 320/2006 ġie emendat diversi drabi u, fl-aħħar lok, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 dwar modifiki għall-Politika Agrikola Komuni billi jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 320/2006, (KE) Nru 1405/2006, (KE) Nru 1234/2007, (KE) Nru 3/2008, u (KE) Nru 479/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 1883/78, (KEE) Nru 1254/89, (KEE) Nru 2247/89, (KEE) Nru 2055/93, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 2596/97, (KE) Nru 1182/2005 u (KE) Nru 315/2007 sabiex jadatta l-politika agrikola komuni (ĠU 2009, L 30, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 230, p. 6). Ir-Regolament Nru 320/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 72/2009, huwa applikabbli għall-fatti kkonċernati minn din il-kawża.

2        Il-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jistabbilixxu dan li ġej:

“(1) […] Sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur huma meħtieġ li jibda l-proċess ta’ ristrutturar profond li jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, bħala prekondizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ organizzazzjoni ġdida, funzjonanti u komuni tas-suq taz-zokkor, għandha tkun stabbilita skema temporanja, separata u awtonoma, ta’ ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità. […]

(5)      Għandu jkun introdott inċentiv ekonomiku importanti għall-impriżi taz-zokkor bl-aktar produttività baxxa biex iċedu l-kwota tal-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturar adegwata. Għal dan il-għan, għandha titwaqqaf għajnuna għar-ristrutturar li toħloq inċentiv biex tkun abbandunata l-produzzjoni tal-kwota taz-zokkor u jkun hemm rinunzja tal-kwoti kkonċernati, waqt li fl-istess ħin jitqies r-rispett lejn l-impenji soċjali u ambjentali magħqudin ma’ l-abbandunar tal-produzzjoni. L-għajnuna għandha tkun disponibbli waqt erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ biex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq bilanċjata fil-Komunità.”

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Fond temporanju għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“1. B’dan huwa stabbilit il-fond temporanju għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala l-‘fond għar-ristrutturar’). Dan ir-Regolament m’għandux japplika għar-reġjuni l-aktar imtarrfin imsemmijin fl-Artikolu 299(2) tar-Trattat.

Il-fond għar-ristrutturar għandu jifforma parti mit-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija. Sa mill‑1 ta’ Jannar 2007 huwa għandu jifforma parti mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

2. Il-fond għar-ristrutturar għandu jiffinanzja n-nefqa li tirriżulta mill-miżuri previsti taħt l-Artikoli 3, 6, 7, 8 u 9.

[…]

4. Dan ir-Regolament m’għandux japplika għar-reġjuni l-aktar imtarrfin imsemmijin fl-Artikolu 299(2) tar-Trattat”.

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Għajnuna għar-ristrutturar” jiddisponi:

“1.      Kwalunkwe impriża li tipproduċi z-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp ta’ l-inulina li għaliha ġiet allokata kwota sa l‑1 ta’ Lulju 2006, għandha tkun intitolata għall-għajnuna ta’ ristrutturar għal kull tunnellata tal-kwota rrinunzjata, previst li matul waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010 hi:

(a)      tirrinunzja l-kwota assenjata lilha minn waħda jew aktar mill-fabbriki u żżarma għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha tal-fabbriki kkonċernati;

jew

(b)      tirrinunzja l-kwota assenjata minnha lil waħda jew iktar mill-fabbriki tagħha, parzjalment iżżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax il-kumplament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor,

[…]

3.      Iż-żarmar sħiħ tal-faċilitajiet tal-produzzjoni għandu jirrikjedi:

(a)      il-waqfa definittiva u totali tal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-inulina mill-faċilitajiet tal-produzzjoni kkonċernati;

(b)      l-għeluq tal-fabbrika jew tal-fabbriki u ż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fil-perijodu msemmi fil-punt (d) ta’ l-Artikolu 4(2), u

(ċ) ir-restawrar tal-kondizzjonijiet ambjentali tajbin tas-sit tal-fabbrika u l-iffaċilitar ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fil-perijodu msemmi fil-punt (f) ta’ l-Artikolu 4(2). […]

4.      Iż-żarmar parzjalment tal-faċilitajiet tal-produzzjoni għandu jeħtieġ:

(a)      il-waqfa definittiva u totali tal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-inulina mill-faċilitajiet tal-produzzjoni kkonċernati;

(b)      iż-żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni li mhux ser jintużaw għall-produzzjoni l-ġdida u kienu destinati u użati għall-produzzjoni tal-prodotti msemmijin taħt (a) […]

(ċ)      ir-restawrar tal-kondizzjonijiet ambjentali tajbin tas-sit tal-fabbrika u l-iffaċilitar ta’ l-allokazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fil-perijodu msemmi fil-punt (f) ta’ l-Artikolu 4(2) […].

5.      L-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għal kull tunnellata ta’ kwota rinunzjata għandu jkun:

(a)      fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1:

–        EUR [730] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,

–        EUR [730] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,

–        EUR [625] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009,

–        EUR [520] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010,

(b)      fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1:

–        EUR [547.50] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,

–        EUR [547.50] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,

–        EUR [468.75] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009,

–        EUR [390] għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2009/2010,

[…]”

5        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006, intitolat “Applikazzjoni għal l-għajnuna għar-ristrutturar”:

“1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturar għandhom ikunu ppreżentati lill-Istat Membru kkonċernat sal‑31 ta’ Jannar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li waqtha ser tkun rinunzjata l-kwota.

[…]

2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturar għandhom jinkludu:

(a)      pjan ta’ ristrutturar;

[…]

(ċ) impenn li tkun rinunzjata l-kwota rilevanti fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata;

(d)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a), impenn biex jiżżarmaw għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-perijodu li għandu jkun determinat mill-Istat Membru kkonċernat;

(e)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), impenn biex jiżżarmaw parzjalment il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-perijodu li għandu jkun determinat mill-Istat Membru kkonċernat u li ma jintużax is-sit tal-produzzjoni u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni rimanenti għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor;

[…]

3.      Il-pjan ta’ ristrutturar imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu jinkludi ta’ l-inqas l-elementi li ġejjin:

[…]

(ċ) deskrizzjoni teknika kompleta tal-faċilitajiet għall-produzzjoni kkonċernati;

(d)      pjan ta’ negozju li jagħti dettalji tal-modalitajiet, skeda tal-ħin u spejjeż għall-għeluq tal-fabbrika jew fabbriki jew iż-żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet għall-produzzjoni;

[…]

(h)      pjan finanzjarju li jagħti dettalji ta’ l-ispejjeż kollha f’rabta mal-pjan għar-ristrutturar.”

6        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturar u l-kontrolli”, jipprevedi:

“1.      Sa l-aħħar ta’ Frar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar. Madankollu, id-deċiżjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 għandha tkun adottata sat‑30 ta’ Settembru 2006.

[…]

2.      L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata jekk l-Istat Membru jkun stabbilixxa wara verifika dettaljata li:

–        l-applikazzjoni tinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(2),

–        il-pjan għar-ristruttrar jinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(3),

–        il-miżuri u l-azzjonijiet deskritti fil-pjan għar-ristrutturar huma f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u nazzjonali rilevanti;

–        […]

3.      Jekk waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel tliet inċiżi tal-paragrafu 2 ma jkunux rispettati, l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tintradd lura lill-applikant. L-applikant għandu jkun infurmat bil-kondizzjonijiet li mhumiex rispettati. L-applikant imbagħad jista’ jew jirtira jew ikompli l-applikazzjoni tiegħu.

[…]”

 Regolament Nru 968/2006

7        Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (KE) Nru 968/2009 tas‑27 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 320/2006 (ĠU 2006, L 176, p. 32). Ir-Regolament Nru 968/2006 ġie emendat diversi drabi, u fl-aħħar lok, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 672/2011 tat‑13 ta’ Lulju 2011 li jemenda r-Regolament Nru 968/2006 (ĠU 2011, L 184, p. 1). Ir-Regolament Nru 968/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 672/2011, huwa applikabbli għall-fatti kkonċernati minn din il-kawża.

8        Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006 tistipula:

“Fir-rigward tar-rinunzja tal-kwoti, l-Artikolu 3 tar-Regolament […] Nru 320/2006 jistipula l-għażliet ta’ żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li jirriżultaw f’ammonti differenti ta’ għajnuna għar-ristrutturar. Filwaqt li l-kundizzjonijiet applikabbli għal dawk iż-żewġ għażliet għandhom iqisu li ammont ogħla ta’ għajnuna għar-ristrutturar jingħata għal żarmar sħiħ, minħabba l-ispejjeż ogħla involuti, jitqies xieraq li wieħed jaħseb għall-possibbiltà li jinżammu partijiet mill-fabbrika li m’humiex parti mil-linja ta’ produzzjoni, jekk ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, speċjalment meta użu bħal dan joħloq l-impjiegi. Min-naħa l-oħra, installazzjonijiet li m’humiex marbuta direttament mal-produzzjoni taz-zokkor għandhom jiżżarmaw jekk ma jkun hemm l-ebda użu alternattiv għalihom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u jekk il-manutenzjoni tagħhom tkun ta’ ħsara għall-ambjent.”

9        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Żarrmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni”, jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ żarmar sħiħ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament […] Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandhom jikkonċernaw:

(a)      il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun prodott iz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina, bħal pereżempju: faċilitajiet għall-ħażna, l-analiżi, il-ħasil u l-qtugħ ta’ pitravi zokkrin, kannamieli, ċereali jew ċikwejra; il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun estratt u pproċessat jew ikkonċentrat zokkor mill-pitravi zokkrin jew mill-kannamieli, lamtu miċ-ċereali, glukosju mil-lamtu jew inulina miċ-ċikwejra;

(b)      il-parti tal-faċilitajiet ħlief dawk imsemmija fil-punt (a) li huma relatati direttament mal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina u li huma neċessarji biex tkun trattata l-produzzjoni skont il-kwota rrinunzjata, anki jekk tkun tista’ tintuża fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti oħra, bħal: faċilitajiet għat-tisħin jew l-ipproċessar tal-ilma, jew għall-produzzjoni tal enerġija; faċilitajiet biex tkun trattata l-polpa tal-pitravi zokkrin jew il-ġulepp magħqud; faċilitajiet għat-trasport intern;

(c)      il-faċilitajiet l-oħra kollha, bħal faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jkunu baqgħu ma ntużawx u li jkunu se jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

2.      Fil-każ ta’ żarmar parzjali msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament […] Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex ikunu żarmati l-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandu jikkonċerna l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jkunux intenzjonati biex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika f’konformità mal-pjan ta’ ristrutturar.”

10      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Obbligi tal-Istati Membri”:

“1.      Sa mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin ġurnata wara li jkun irċeva l-kopja tal-istedina għall-konsultazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), l-Istat Membru għandu jinforma lill-partijiet involuti fil-pjan ta’ ristrutturar dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward:

[…]

(b)      il-perjodu, li jiskadi sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2010, biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni u biex ikun hemm konformità mal-impenji soċjali u ambjentali msemmija fl-Artikoli 3(3)(c) u 3(4)(c) tar-Regolament […] Nru 320/2006;

[…]

B’deroga mill-[paragrafu 1(b)], fuq talba motivata tal-impriża kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu estensjoni tad-data ta’ skadenza ffissata [fil-paragrafu 1(b)] sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2012. F’dan il-każ, l-impriża għandha tressaq pjan emendat tar-ristrutturar skont l-Artikolu 11.

[…]”

11      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Eliġibbiltà għall-għajnuna għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“[…]

2.      Biex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, il-pjan ta’ ristrutturar għandu:

(a)      jinkludi sommarju tal-objettivi ewlenin, il-miżuri u l-azzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż stmati ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet, il-pjan finanzjarju u l-iskedi ta’ żmien;

(b)      jispeċifika għal kull fabbrika kkonċernata l-ammont ta’ kwota li jrid jiġi rrinunzjat, li għandu jkun inqas jew daqs il-kapaċità ta’ produzzjoni li se tkun żarmata b’mod sħiħ jew parzjali;

(c)      jinkludi attestazzjoni li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni se jkunu żarmati kompletament jew parzjalment u mneħħija mis-sit ta’ produzzjoni;

[…]

(e)      jiddetermina b’mod ċar l-azzjonijiet u l-ispejjeż kollha ffinanzjati mill-fond għar-ristrutturar u, jekk applikabbli, l-elementi l-oħra relatati intenzjonati biex ikunu ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra.

3.      Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux sodisfatti, l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant dwar ir-raġunijiet għal dan u jiffissa skadenza fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament […] Nru 320/2006, sa meta l-pjan ta’ ristrutturar ikun jista’ jiġi aġġustat kif meħtieġ.

L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni aġġustata fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol wara l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, iżda mill-inqas 10 ġranet ta’ xogħol qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament […] Nru 320/2006.

Jekk l-applikazzjoni aġġustata ma tkunx ippreżentata fil-ħin jew titqies bħala ineliġibbli, l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tiġi rrifjutata u l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant u lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Ir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida mill-istess applikant għandha tkun soġġetta għall-ordni kronoloġika msemmija fl-Artikolu 8.

[…]”

12      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Emendi għall-pjan ta’ ristrutturar”, jipprevdi:

“1.      Hekk kif tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar, il-benefiċjarju għandu jwettaq il-miżuri kollha elaborati fil-pjan ta’ ristrutturar approvat u għandu jirrispetta l-impenji inklużi fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar.

2.      Kwalunkwe emenda għal pjan ta’ ristrutturar approvat għandu jaqbel magħha l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ talba mill-impriża kkonċernata:

(a)      li tispjega r-raġunijiet u l-problemi ta’ implimentazzjoni ffaċċjati;

(b)      li tippreżenta l-aġġustamenti jew il-miżuri l-ġodda proposti u l-effetti mistennija;

(c)      li telabora l-implikazzjonijiet finanzjarji u tal-ħin.

L-emendi jistgħu ma jimmodifikawx l-ammont totali tal-għajnuna ta’ ristrutturar li għandha tingħata jew l-ammonti ta’ ristrutturar temporanji li għandhom jitħallsu f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ristrutturar emendat.”

13      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nr 968/2006, intitolat “Pagament tal-għajnuna għar-ristrutturar”, jipprevedi:

“1.      Il-pagament ta’ kull ħlas parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturar, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament […] Nru 320/2006, għandu jkun soġġett għar-reġistrazzjoni ta’ garanzija ta’ ammont ugwali għal 120 % tal-ammont tal-ħlas parzjali kkonċernat.

[…]”

14      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Rilazz ta’ garanziji”:

“1. Il-garanziji msemmija fl-Artikoli 16(1) […] u 18(2) għandhom jiaqgħu sakemm:

(a)      il-miżuri u l-azzjonijiet kollha previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u fil-pjan tan-negozju, kif applikabbli, ikunu ġew implimentati;

(b)      ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 23(2) ikun ġie ppreżentat;

(c)      l-Istati Membri jkunu wettqu l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 25;

[…]

3.      Bl-eċċezzjoni ta’ każ ta’ forza maġġuri, is-sigurtà tintilef jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfatti sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2012.”

15      L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Kontrolli”, jistipula:

“1.      Kull impriża u sit ta’ produzzjoni li jkunu ngħataw għajnuna taħt il-fond ta’ ristrutturar għandhom jiġu spezzjonati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fi żmien tliet xhur wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 23(2).

L-ispezzjoni għandha tara li jkun hemm konformità mal-pjan ta’ ristrutturar jew mal-pjan tan-negozju u għandha tivverifika r-reqqa u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija mill-impriża fir-rapport ta’ progress. L-ewwel spezzjoni taħt pjan ta’ ristrutturar għandha tivverifika wkoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-impriża fl-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar, b’mod partikulari l-konferma msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament […] Nru 320/2006.

2.      L-ispezzjoni għandha tkopri fil-każijiet kollha l-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament […] Nru 320/2006. […]”.

16      Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Irkupru”, jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-pjan tan-negozju jew fi pjan ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, il-parti tal-għajnuna mogħtija rigward l-impenn (impenji) ikkonċernat(i) għandha tiġi rkuprata ħlief fil-każ ta’ force majeure.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Sanzjonijiet”:

“1.      Jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar, il-pjan tan-negozju jew il-programm ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, hu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 10 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Bejn is‑16 u d‑19 ta’ Marzu 2010, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu missjoni ta’ kontroll fl-Ungerija fuq tlieta minn erba’ siti preċedenti ta’ produzzjoni taz-zokkor li bbenefikaw minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dawn id-dati.

19      Wara dak l-imsemmi kontroll, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem l-“ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010”), ikkomunikat lill-awtoritajiet Ungeriżi ir-riżultat tal-missjoni ta’ kontroll mwettqa u ppreċiżat li l-imsemmija komunikazzjoni ntbagħtet skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162).

20      Mill-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010 jirriżulta li, għall-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi ma kinux osservaw totalment ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 u 2008/2009. Fil-fatt, hija kkonstatat li silos kienu miżmuma fis-siti industrijali li saritilhom żjara, li jappartjenu rispettivament lill-kumpaniji Eastern Sugar, f’Kaba (l-Ungerija), u Matra Cukor, f’Szolnok, l-Ungerija) u, għaldaqstant, li dawn il-kumpanniji ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, iżda biss minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali, li l-ammont tagħha huwa 25 % inqas minn dak tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ. F’dan ir-rigward, hija indikat li l-imsemmija kumpanniji ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jekk huma ma kinux kompletament implimentaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u jekk il bini l-ieħor marbut mal-attività ta’ produzzjoni, fosthom is-silos, ma kienx twaqqa’. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-bini li għadu preżenti fiss-siti tal-produzzjoni taz-zokkor fejn l-aġenti tagħha ma kinux marru.

21      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu għall-oġġezzjonijiet li jinsabu fl-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010 u infurmaw lill-Kummissjoni li silos fis-sit ta’ produzzjoni ta’ Eastern Sugar f’Kaba kienu mikrija sabiex jinħażen fihom iz-zokkor fi kwantitjiet kbar bil-ħsieb tal-ippakkjar tiegħu.

22      Waqt laqgħa bilaterali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi li saret fi Brussell (il-Belġju) fis‑6 ta’ Diċembru 2010, dawn tal-aħħar iddikjaraw, fost oħrajn, li kien għad hemm silos fuq is-siti, minn naħa, ta’ Eastern Sugar f’Kaba, u, min-naħa l-oħra, ta’ Magyar Cukor f’Petġháza (l-Ungerija), u li s-silos preżenti fis-sit ta’ Matra Cukor f’Szolnok kienu qed jiġu mwaqqgħin. Barra minn hekk huma sostnew, essenzjalment, li ma kienx hemm bażi ġuridika għall-obbligu ta’ żarmar ta’ silos u li r-rinunzja għall-kwota ta’ produzzjoni u ż-żarmar tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni kienu biżżejjed sabiex l-impriżi taz-zokkor Ungeriżi jkunu eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ.

23      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ammettiet li, anki jekk ir-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 ma kienx fih iż-żarmar ta’ silos, mill-istruttura tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni kien jirriżulta li dawn tal-aħħar, peress li kienu jagħmlu parti integrali mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni, kellhom jiġu żżarmati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-impriżi taz-zokkor li kienu talbu l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ setgħu għażlu li jagħmlu żarmar parzjali, li kien iwassal għal ammont ta’ għajnuna ta’ 25 % inqas minn dak mogħti fil-każ ta’ żarmar sħiħ. Fl-aħħar nett, hija indikat lill-awtoritajiet Ungeriżi li kellhom sa Settembru 2011 sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni u jżommu l-benefiċċju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ.

24      Fit‑3 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-minuti tal-laqgħa bilaterali tas‑6 ta’ Diċembru 2010. B’mod partikolari huma ddikjaraw li huma biss l-impriżi taz-zokkor benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ li setgħu jitolbu l-estensjoni tat-terminu għat-tlestija taż-żarmar, li madankollu ma kienx sar.

25      B’ittra tat‑8 ta’ Novembru 2012, li ntbagħtet abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ungeriżi li kienet sejra tqis li twaarab ammont ta’ EUR 11 709 400 mill-finanzjament tal-Unjoni, peress li dan ġie kkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammont tal-għajnuna mogħtija fil-każ ta’ żarmar sħiħ u dak mogħti fil-każ ta’ żarmar parzjali.

26      Fit‑18 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Ungeriżi talbu li tinfetaħ proċedura ta’ konċiljazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006.

27      Fil‑25 ta’ April 2013, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni ħareġ rapport fejn, qabel kollox, ikkonstata li l-konċiljazzjoni bejn il-partijiet kienet falliet u li l-kwistjoni ewlenija li fuqha kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn dawn tal-aħħar kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, huwa osserva, essenzjalment, minn naħa, li l-Kummissjoni, f’diversi okkażjonijiet, naqset milli tinforma lill-awtoritajiet Ungeriżi bl-obbligu ta’ żarmar ta’ silos u, min-naħa l-oħra, li bosta Stati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni nnifisha, kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fl-aħħar nett, huwa stieden lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont id-dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id- “Dokument VI/5330/97”), “jekk l-irregolaritajiet jistgħu jkunu attribwiti għall-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji, […] din iċ-ċirkustanza attenwanti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u rata ta’ korrezzjoni iktar baxxa jew assenza ta’ korrezzjoni jistgħu jiġi proposti”.

28      Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006, kienet tkopri s-silos għall-ħażna ta’ zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma kienx il-każ f’żewġ każijiet, meta jintwera li s-silos kienu jintużaw biss għall-iskopijiet tal-ħażna tal-kwota taz-zokkor, maħżun minn jew mixtri minn produtturi oħra u, min-naħa l-oħra, meta ntużaw biss għall-ippakkjar taz-zokkor prodott band’oħra għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.

29      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2014, l-awtoritajiet Ungeriżi tennew lill-Kummissjoni r-raġunijiet għaliex huma kkunsidraw, fid-dawl tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), li s-silos li jinżammu fis-siti preċedenti ta’ produzzjoni taz-zokkor ta’ Magyar Cukor, f’Petőháza (iktar ’il quddiem “is-silos kontenzjużi”) ma kinux koperti mill-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni”.

30      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni tat terminu ta’ xahrejn lill-awtoritajiet Ungeriżi sabiex jipproduċu provi konvinċenti tal-fatt li, qabel l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, is-silos kontenzjużi kienu jservu biss għall-ħażna u għall-ippakkjar tal-kwota taz-zokkor minn produtturi oħrajn.

31      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Ungeriżi kkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk is-silos kontenzjużi kinux jaqgħu fil-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni”, kellu jiġi kkunsidrat il-mod kif dawn kienu jintużaw fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

32      Peress li qieset l-awtoritajiet Ungeriżi kienu għadhom ma semmewx l-elementi li minnhom kien possibbli li wieħed jiddeduċi li, fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, is-silos kontenzjużi kienu esklużivament użati għall-finijiet tal-ħażna u tal-ippakkjar tal-kwota tax-zokkor prodott minn produtturi oħra, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Ungeriżi ittra bid-data tas‑6 ta’ Ottubru 2014, li fiha tenniet il-pożizzjoni espressa fl-ittra preċedenti tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2012.

33      Fir-rapport ta’ sinteżi ppreżentat fil-laqgħa tat‑18 ta’ Novembru 2014 tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, ikkonsultat skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), u skont l-Artikolu 41(3) tal-istess regolament, il-Kummissjoni indikat li l-pożizzjoni tagħha baqgħet ma nbidlitx fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/2010 tas-16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fosthom dawk imwettqa mill-Ungerija għal ammont ta’ EUR 11 709 400 bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-industrija taz-zokkor, li huma inkwistjoni f’din il-kawża.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Marzu 2015, l-Ungerija ppreżentat dan ir-rikors.

36      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ġunju u fit‑3 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Ungerija. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2015, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dawn l-intervenjenti. Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Ottubru 2015.

37      Il-Kummissjoni u l-Ungerija ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża rispettivament fis‑16 ta’ Diċembru 2015 u fis‑6 ta’ Jannar 2016.

38      L-Ungerija titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija eskludiet l-ammont ta’ EUR 11 709 400 mill-finanzjament, mill-FAEG, ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-industrija taz-zokkor mogħtija mill-Ungerija;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

40      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u stednithom jipproduċu ċerti dokumenti. Ħlief għar-Repubblika Taljana, il-partijiet ikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini.

42      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2017.

43      Peress li r-Repubblika Taljana ma kinitx preżenti waqt is-seduta, il-proċedura orali baqgħet miftuħa sabiex tkun tista’ tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub f’terminu ta’ ġimgħa min-notifika tal-proċess verbali tas-seduta. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fit-terminu stabbilit, li fihom hija qieset li kien hemm lok li jintlaqa’ r-rikors tal-Ungerija.

44      Fis‑16 ta’ Ġunju 2017, l-Ungerija u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawk ippreżentati mir-Repubblika Taljana wara s-seduta.

 Id-dritt

45      Insostenn tar-rikors tagħha, l-Ungerija tinvoka, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006

46      L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana, tqis, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru320/2006 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-impriżi taz-zokkor Ungeriżi ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbeenfikaw minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ għar-raġuni li huma kienu żammew silos u, għaldaqstant, ma żarmawx il-faċilitajiet kollha tal-produzzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Ungerija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li, għall-finijiet li tevalwa jekk is-silos kinux jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 320/2006 u, għaldaqstant, jekk jaqgħux jew le fl-eċċezzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), kien hemm lok li tiffoka fuq l-użu magħmul minnha fil-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju stabbilit tal-Kummissjoni”). Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li jista’ jkun issodisfat l-obbligu ta’ żarmar sħiħ ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni minkejja li silos jinbigħu minflok jinqerdu, sakemm ikun hemm rinunzja għall-kwota taz-zokkor u li, wara l-proċess ta’ ristrutturazzjoni, il-faċilitajiet miżmuma ma jkunux jistgħu jiġu iktar użati għall-produzzjoni taz-zokkor mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

47      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija, tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika Taljana.

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), wara li kkonstatat li l-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” ma ġiex iddefinit mir-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-kunċett ta’ “produzzjoni” seta’ jinkludi wkoll stadji oħra tal-manifattura tal-prodott li jinsabu qabel jew wara l-proċess kimiku jew fiżiku ta’ pproċessar u, għaldaqstant, li hija setgħet tinkludi l-ħażna taz-zokkor li ma kienx ippakkjat immedjatament wara l-estrazzjoni tiegħu mill-materja prima. B’hekk, hija kkonkludiet li l-ħażna tista’ tkun “relatata direttament mal-produzzjoni taz-zokkor” fis-sens tal-Artikolu 4(1) (b) tar-Regolament Nru 968/2006 (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 27 sa 29). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-silos seta’ jkollhom impatt dirett fuq il-kwantitajiet ta’ zokkor li jista’ jiġi prodott u fuq il-proċess ta’ produzzjoni li jiddependu mill-prossimità ta’ faċilità għall-ħażna, sa fejn dawn kienu jippermettu, b’mod partikolari, li jiġi pospost, totalment jew parzjalment, il-bejgħ tal-prodott ta’ sena ta’ kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor partikolari u b’hekk jaffettwaw is-sitwazzjoni tas-suq fis-sens tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 320/2006 (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 26 sa 29). It-tielet nett, hija qieset, essenzjalment, li mill-Artikolu 3(3) (a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li, bħala prinċipju, sabiex jibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, il-kumpless industrijali kkonċernat għandu jiġi ddekumissjonat fl-intier tiegħu u li possibbiltà li ma jiġux żarmati jew li jibqgħu jintużaw fil-futur faċilitajiet differenti minn dawk ta’ produzzjoni, filwaqt li jinżamm id-dritt għall-għajnuna sħiħa, kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 30).

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-punt 31 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-silos għal-ħażna taz-zokkor tal-benfiċjarju tal-għajnuna għandhom jiġu kklassifikati bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni, u dan irrispettivament minn jekk intużawx ukoll għal użi oħra.

50      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, hija kkunsidrat, essenzjalment, li s-silos ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” u, għalhekk, l-obbligu ta’ żarmar, minn naħa, meta jiġi ppruvat li kienu użati biss għall-ħażna ta’ zokkor, prodott skont il-kwota, inħażen minn prodotturi oħra jew li jkun inxtara mingħand dawn tal-aħħar (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 32 u 35) u, min-naħa l-oħra, meta kienu jintużaw biss għall-ippakkjar jew għall-imballaġ taz-zokkor prodott prodott band’oħra għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 33 u 35) (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja”).

51      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mill-Ungerija, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana li, fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, is-silos kontenzjużi ma kinux jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-Ungerija lanqas ma tikkontesta li, wara l-proċess ta’ ristrutturazzjoni, is-silos kontenzjużi kienu nżammu fuq is-siti ta’ produzzjoni tal-intrapriżi taz-zokkor Ungeriżi li bbenefikaw minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ.

52      L-Ungerija tqis, madankollu, li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li ċ-ċirkustanzi imsemmija iktar ’il fuq kienu jiġġustifikaw il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % li ġiet applikata fir-rigward tagħha. Fil-fatt, skont l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana, dak li huwa importanti huwa li, fl-aħħar tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, is-silos ma jikkostitwixxux iktar faċilitajiet marbuta mal-produzzjoni taz-zokkor. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li kien fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li kien hemm lok li jiġi evalwat jekk is-silos kinux jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

53      L-argument tal-Ungerija, sostnut ukoll mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana, ma huwiex madankollu konformi mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

54      Preliminarjament, mill-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li titnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni taz-zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni billi jinkoraġġixxi lill-impriżi bl-iktar produttività baxxa sabiex jabbandunaw il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor skont il-kwota u jirrinunzjaw għall-kwoti kkunsidrati.

55      Mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta wkoll li l-iskema ta’ ristrutturazzjoni hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni volontarja tal-impriża taz-zokkor sa fejn hija intiża li tintroduċi inċentiv ekonomiku sinjifikattiv, fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 44).

56      Sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni taz-zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ skemi ta’ ristrutturazzjoni differenti skont it-tip ta’ żarmar imwettaq, jiġifieri ż-qarmar sħiħ jew iż-żrmar parzjali, li jwasslu għal ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni differenti, kif jirriżulta fl-Artikolu 3(5)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006, moqri flimkien mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

57      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, l-Artikolu 3(1)(a) u (b) u l-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirrikjedi li l-impriża taz-zokkor rikorrenti tirrinunzja għall-kwota li hija assenjat lil fabbrika waħda jew iktar minn tagħha u twettaq l-għeluq tal-fabbrika u ż-żarmar sħiħ tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali, l-Artikolu 3(1)(b) u Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirrikjedu li l-impriża taz-zokkor rikorrenti tirrinunzja għall-kwota assenjata minnha lil fabbrika waħda jew iktar minn tagħha, iżżarma parzjament il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati, u ma tużax iktar l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jibqgħu għall-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fl-organizzazzjoni tas-suq komuni għas-settur taz-zokkor (iktar ’il quddiem l-“OSK zokkor”).

58      It-tieni nett, l-ambitu tal-obbligu ta’ żarmar tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ġie ppreċiżat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

59      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 968/2006, l-obbligu ta’ żarmar sħiħ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006 jikkonċern l-faċilitajiet meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp tal-inulina (l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 968/2006), dawk direttament relatati mal-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju jew tal-ġulepp tal-inulina u li huma meħtieġa għall-produzzjoni skont il-kwota rrinunzjata, anki jekk jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra (l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006), kif ukoll kwalunkwe faċilità oħra, b’mod partikolari l-faċilitajiet tal-ippakkjar, li ma tintużax u maħsuba sabiex tiġi żżarmata u mneħħija għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent (Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006).

60      Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006 u mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006, għaldaqstant jistgħu eċċezzjonalment jinżammu, fil-każ ta’ żarmar sħiħ, il-faċitliajiet kollha li ma humiex meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp tal-inulina jew li ma humiex marbuta direttament mal-produzzjoni tal-imsemmija prodotti, bħall-faċilitajiet ta’ ppakkjar, sakemm dawn jintużaw u ma jkunux maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

61      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006 jipprevedi li, fil-każ ta’ żarmar parzjali, l-obbligu taż-żarmar ikopri l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-istess l-artikolu (ara l-punt 59 iktar ’il fuq) li la jkunu maħsuba sabiex jintużaw għal produzzjonijiet oħra u lanqas għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1) (b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li jistgħu jinżammu ma għandhomx jibqgħu jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti li huma koperti mill-OSK zokkor. B’hekk, konforemement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, jistgħu jinżammu l-faċilitajiet li huma meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju jew tal-ġulepp tal-inulina jew li huma direttament marbuta mal-produzzjoni tal-imsmemija prodotti, sakemm dawn ma jkunux użati għall-manifattura ta’ prodotti li huma koperti mill-OSK zokkor u li jkunu maħsuba għal produzzjonijiet oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

62      It-tielet nett, l-għażla bejn iż-żarmar sħiħ u ż-żarmar parzjali għandha ssir mill-impriżi taz-zokkor waqt l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

63      Fil-fatt, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(2)(a), (c), (d) u (e) u tal-Artikolu 4(3)(ċ) u (h) tar-Regolament Nru 320/2006, kif ukoll tal-Artikolu 9(2) (a) u (c) tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li applikazzjoni għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, l-impenn, minn naħa, ta’ rinunzja għall-kwota inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni f’terminu li għandu jkun prefiss mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll pjan ta’ ristrutturazzjoni li jkun fih, fost l-oħrajn, deskrizzjoni teknika kompleta tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati, sommarju tal-miżuri u l-azzjonijiet, l-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet, il-pjan finanzjarju u l-iskeda għat-twettiq tal-miżuri differenti maħsuba.

64      Konformement mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 63 iktar il fuq, huwa għaldaqstant l-iktar tard sad-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jew parzjali, li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jidentifika l-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni li jimpenja ruħu li jżarma konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Dan ifisser għaldaqstant, fir-rigward tas-silos, li jġi ddeterminat mill-applikazzjoni għall-għajnuna jekk jikkostitwixxux faċilitajiet ta’ produzzjoni li ż-żarmar tagħhom għandu jkun obbligatorjament previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni meta tintalab l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, jew jekk jaqgħux fl-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

65      Kull interpretazzjoni kuntrarja ċċaħħad mis-sustanza tagħhom ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006 u, barra minn hekk, tinjora d-distinzjoni bejn żarmar parzjali u żarmar sħiħ magħmula mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

66      Minn naħa waħda, fil-każ li, fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-impriżi taz-zokkor ma jkunux jafu jekk is-silos preżenti fis-siti tagħhom ta’ produzzjoni jikkostitwixxux jew le faċilitajiet ta’ produzzjoni, dawn ma jkunux imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni li għandhom ikunu żarmati, bi ksur tal-Artikolu 4(3)(ċ) tar-Regolament Nru 320/2006.

67      Barra minn hekk, l-impenn li jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kollha, li għandu jkun mehmuż mat-talba għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), ikun ivvizzjat peress li, ipotetikament, ma jkoprix il-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni eżistenti fil-jum li fih ittieħed l-imsemmi impenn.

68      Min-naħa l-oħra, għalkemm il-klassifikazzjoni ta’ silos bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni kienet evalwata fi tmiem il-proċess tar-ristrutturazzjoni, dan kien jippermetti, fil-każ ta’ żarmar sħiħ bħal fil-każ ta’ żarmar parzjali, li jinżammu silos li, fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna, kienu jikkostitwixxu faċilitajiet ta’ produzzjoni minħabba li, wara r-ristrutturazzjoni, huma ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw bħala faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ zokkor. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ żamma ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni ma tkunx karatteristika tipika ta’ żarmar parzjali, iżda testendi wkoll għaż-żarmar sħiħ, anki jekk, f’dan l-aħħar każ, l-operaturi ser jirċievu ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ 25 % ogħla minn dak mogħti fil-każ ta’ żarmar parzjali minħabba l-ispejjeż għoljin li timplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006 u l-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006.

69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ladarba silo jikkostitwixxi faċilità ta’ produzzjoni fid-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, dan għandu jitniżżel f’din l-applikazzjoni u żarmat konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, inkella l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali għajnuna ma jkunux ġew issodisfatti.

70      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Ungerija, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li huwa fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni li għandha tiġi evalwata l-klassifikazzjoni tas-silos.

71      Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mqajma mill-Ungerija, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana.

72      Fl-ewwel lok, l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jmur kontra l-istruttura tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, dak li huwa determinanti għall-finijiet li jintlaħaq l-għan inerenti għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, huwa li, wara l-proċess ta’ ristrutturazzjoni, ma jkun hemm faċilitajiet ta’ produzzjoni li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni taz-zokkor.

73      F’dan ir-rigward, mill-punti 56, 57 u 68 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ skemi ta’ ristrutturazzjoni differenti skont it-tip ta’ żarmar magħmul, li jwasslu għal ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni differenti. Barra minn hekk, kif indikat fil-punti 62 sa 64 iktar’il fuq, l-għażla bejn żarmar parzjali u żarmar sħiħ jimplika li l-impriża li titlob għajnuna għar-ristrutturazzjoni tidentifika, mill-applikazzjoni għall-għajnuna, il-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni preżenti fis-sit ikkonċernat li hija timpenja ruħha li teqred kompletament jew parzjalment sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-proċess ta’ ristrutturazzjoni.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jikkorrispondi mal-loġika tas-sistema implimentata mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ma jmurx kontra l-istruttura tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor.

75      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija.

76      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi mill-obbligu, previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 320/2006, li tinkludi, fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna, l-impenn li żżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni f’terminu stabbilit mill-Istat Membru, li d-data li fiha għandu jiġi evalwat l-użu tas-silos tkun dik tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, iżda biss il-kontenut tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u d-data li fiha dawn għandhom jiġu ppreżentati.

77      Mit-termini tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 320/2006 jirrigwardaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà huma differenti mill-kundizzjonijiet fil-mertu għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ stabbiliti, dwar dawn tal-aħħar, fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-rinunzja għall-kwota assenjata lil fabbrika waħda jew iktar tal-benefiċjarju tal-għajnuna u, it-tieni nett, iż-żarmar sħiħ tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni u l-għeluq tal-fabbriki kkonċernati (ara l-punt 57 iktar ’il fuq).

78      Madankollu, għalkemm l-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ ma tidentifikax il-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni li għandhom jiġu żarmati konformement mal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ma hijiex biss l-ammissibbiltà tal-imsemmija applikazzjoni li tista’ tiġi kkontestata, iżda wkoll id-dritt tal-impriża li tagħmel l-applikazzjoni li tirċievi din l-għajnuna. Fil-fatt, jekk faċilità jew bini ma jissemmiex fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni bħala faċilità ta’ produzzjoni, iż-żarmar tagħha ma jkunx previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni u, għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ żarmar sħiħ msemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006 ma tkunx issodisfatta.

79      Fi kwalunkwe każ, jekk l-argument tar-Repubblika Franċiża kellu jiġi aċċettat, dan ikun ifisser li l-kontroll tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għar-strutturazzjoni eżerċitat mill-Istat Membru jirrigwarda biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet imsemmija, li ma jistax jiġi aċċettat peress li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 320/2006, l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ għandu jiġi deċiż mill-Istat Membru wara dan l-ewwel kontroll. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 320/2006 jippreċiża li, qabel ma tingħata l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-Istat Membru għandu jagħmel “verifiki bir-reqqa” tal-kontenut tal-applikazzjoni għall-għajnuna u tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kif ukoll tal-konformità tal-miżuri u l-azzjonijiet deskritti fil-pjan għar-ristrutturazzjoni mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti. B’hekk, meta jeżamina talba għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, l-Istat Membru ma jistax jillimita ruħu għal sempliċi kontroll formali limitat għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tad-diversi elementi li għandhom jinsabu, minn naħa, fl-applikazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda għandha tivverifika wkoll jekk l-imsemmija elementi jippermettu li jiġi konkluż, minn tal-inqas prima facie, li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ huma ssodisfatti u, għaldaqstant, li fi tmiem ir-ristrutturazzjoni ma jkunx hemm iktar faċilitajiet ta’ produzzjoni fis-sit iżżarmat.

80      Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li l-kontrolli mwettqa fi tmiem il-proċess ta’ ristrutturazzjoni skont l-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament għandhom jivverifikaw l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u mhux l-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, peress li dawn tal-aħħar huma vverifikati ex ante, jiġifieri qabel l-għoti tal-għajnuna.

81      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża.

82      Fit-tielet lok, l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jneħħi l-effett tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, peress li jipprekludi ż-żamma tas-silos użati għall-ħażna taz-zokkor li jiġi ppakkjat jekk ikunu ntużaw qabel mill-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex jaħżen il-produzzjoni tiegħu.

83      Minn naħa, kif indikat fil-punti 59 u 60 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006 u mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006 jirriżulta li, fil-każ ta’ żarmar sħiħ, jistgħu eċċezzjonalment jinżammu l-faċilitajiet kollha għajr dawk meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, tal-isoglukożju jew tal-ġulepp tal-inulina jew li huma direttament marbuta mal-produzzjoni tal-imsemmija prodotti, bħal pereżempju l-faċilitajiet tal-ippakkjar, sakemm dawn jintużaw u ma jkunux maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

84      Min-naħa l-oħra, ta’ min ifakkar li fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li silo użat għall-ħażna taz-zokkor tal-benefiċjarju tal-għajnuna jikkostitwixxi faċilità direttament marbuta mal-produzzjoni taz-zokkor fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 968/2006 (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punti 26 u 31) u għaldaqstant ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ faċilitajiet oħra, b’mod partikoalri l-ippakkjar, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, li ż-żamma tagħhom tista’ tkun permessa fil-każ ta’ żarmar sħiħ kemm-il darba jintużaw u ma jkunux maħsuba sabiex jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

85      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006 ma jistax jippermetti ż-żamma ta’ silo li kien intuża għall-ħażna tal-produzzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, peress li tali żamma tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ żarmar parzjali u sakemm, fi tmiem ir-ristrutturazzjoni, is-silo inkwistjoni ma jibqax jintuża għall-manifattura ta’ prodotti li huma koperti mill-OSK zokkor.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija u wkoll dak li hija żviluppat fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-premessa 4 tar-Regolament Nru 968/2006 tagħmel distinzjoni, fi ħdan il-faċilitajiet ta’ produzzjoni, ta’ sottogrupp ta’ faċilitajiet “li m’humiex parti mil-linja ta’ produzzjoni”, li tinkludi s-silos tal-ħażna taz-zokkor, u li ż-żamma tagħhom hija ammessa indipendentement mill-karattru parzjali jew sħiħ taż-żarmar.

87      Fir-raba’ lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, ssostni, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni ma jirrizultax mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), u lanqas ma jirriżulta mir-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza.

88      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwistjoni meta kien hemm lok li tevalwa jekk is-silos jikkostitwixxux faċilitajiet ta’ produzzzjoni li jaqgħu fl-obbligu ta’ żarmar. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrispondi għad-domandi magħmula lilha mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li kienu jirrigwardaw, minn naħa, il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk silos jikkostitwixxux faċilitajiet ta’ produzzjoni u, min-naħa l-oħra, il-validità tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 320/2006 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006 fid-dawl tar-regoli superjuri u tal-prinċipji tad-dritt primarju tal-Unjoni.

89      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx il-kwistjoni ta’ meta huwa xieraq li jiġi evalwat l-użu tas-silos ma jistax jaffettwa l-legalità tal-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni, peress li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-imsemmi kriterju jirriżulta impliċitament, imma neċessarjament, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1), (3), (4) u (5) tar-Regolament Nru 320/2006, tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 320/2006, tal-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dak ir-regolament, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006 u tal-Artikolu 9(2) u (3) ta’ dan l-aħħar regolament (ara l-punti 57 sa 68 iktar ’il fuq).

90      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża.

91      Fil-ħames lok, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jippreġudika l-għan tal-preservazzjoni tal-impjieg imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sa fejn dan iwassal għall-qerda ta’ silos li, qabel l-applikazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kienu wkoll legalment użati għall-ippakkjar u l-imballaġġ taz-zokkor prodott fuq il-post, u b’hekk jispiċċaw impjiegi.

92      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 jikkonfermaw l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ta’ lis-sitwazzjoni tal-impjieg fir-reġjuni affettwati mir-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. Pereżempju, mill-Artikolu 3(3)(ċ) u l-Artikolu 3(4)(ċ) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li ż-żarmar sħiħ u parzjali ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni jeħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri mmirati għall-iffaċilitar tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema. Barra minn hekk, fil-każ ta’ żarmar parzjali, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)b) tar-Regolament Nru 320/2006, jawtorizza ż-żamma ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni bil-għan li dawn jiġu riallokati għall-produzzjoni ta’ prodotti minbarra dawk koperti bl-OSK zokkor (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), sabiex b’hekk jinżammu l-impjiegi fuq is-siti preċedenti ta’ produzzjoni taz-zokkor. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 4 ta’ dan l-istess regolament jawtorizza, fil-każ ta’ żarmar sħiħ tal-faċilitajiet, iż-żamma tal-faċilitajiet minbarra dawk meħtieġa għall-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp tal-inulina jew li huma direttament marbuta mal-produzzjoni tal-imsemmija prodotti, bħal pereżempju l-faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jintużaw u ma humiex maħsuba sabiex jiġu żżarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

93      Madankollu, l-għan ta’ protezzjoni tal-impjieg u tal-attività tal-impriżi kkonċernati mir-ristrutturazzjoni għandu jiġi evalwat flimkien mal-għan prinċipali segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jiġifieri t-tnaqqis tal-kapaċità ta’ zokkor mhux profittabbli fl-Unjoni, konformement mal-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

94      Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet soċjali invokati mir-Repubblika Taljana ma jistgħux jiġġustifikaw l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tipproponi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li tippreġudika d-distinzjoni essenzjali li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jistabbilixxi bejn iż-żarmar parzjali u ż-żarmar sħiħ (ara l-punti 56, 57 u 68 iktar ’il fuq) u, għalhekk, tmur kontra l-imsemmija leġiżlazzjoni.

95      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Taljana.

96      Fis-sitt lok l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura staġjonali tal-produzzjoni taz-zokkor u jikkontesta l-applikabbiltà prattika tal-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li l-applikazzjonijiet għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandhom ikunu ppreżentati lill-Istat Membru sal‑31 ta’ Jannar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li waqtha ser tkun irrinunzjata l-kwota, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 320/2006. Issa, peress li din id-data tinsab fiċ-ċiklu staġonali tal-produzzjoni taz-zokkor, huwa probabbli ħafna li s-silos kienu għadhom f’dak iż-żmien involuti fil-produzzjoni tal-kwota taz-zokkor tal-applikant għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, minħabba l-karatteristiċi tagħhom ta’ tħaddim u ta’ użu. B’hekk, l-Ungerija ssostni li, sabiex tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ filwaqt li jinżammu s-silos sabiex tużahom, fil-futur, għall-finijiet tal-ħażna taz-zokkor prodott band’oħra, l-impriżi għandhom jew jaħżnu f’silos taz-zokkor prodott bandoħra, u dan mis-sena finazjarja ta’ qabel ir-rinunzja għall-kwota, jew li jagħmlu s-silos mhux utilizzabbli, jekk ikun il-każ billi jtemmu l-produzzjoni taz-zokkor tagħhom anki qabel ma jirrinunzjaw għall-kwota ta’ produzzjoni. Ir-Repubblika Franċiża żżid, f’dan ir-rigward, li huwa rari li impriża għandha, fl-istess post, faċilità ta’ produzzjoni tal-kwota tagħha taz-zokkor u silos li jintużaw għall-ħażna, għall-ippakkjar jew imballaġġ ta’ kwota taz-zokkor prodott minn produtturi oħrajn.

97      Minn naħa, il-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa diffiċli li jiġu ssodisfatti fid-data tal-applikazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma jfissirx li l-imsemmija kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti. Il-Kummissjoni barra minn hekk ipproduċiet is-sentenza Nru 2966, tal‑15 ta’ Ġunju 2015, tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li minnhom jirriżulta li, fuq tliet silos preżenti fid-data tal-applikazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ ikkonċernat, silo kien intuża għall-ħażna taz-zokkor prodott fis-sit ta’ produzzjoni tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, filwaqt li ż-żewġ silos l-oħra kienu jservu għall-ħażna u l-ippakkjar ta’ zokkor prodott minn produtturi oħra.

98      Min-naħa l-oħra, kif ġustament issotni l-Kummissjoni, iż-żamma ta’ silos li ma humiex faċilitajiet ta’ produzzjoni hija eċċezzjoni għar-regola, imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737) li tgħid li l-kumpless industrijali inkwistjoni għandu, għall-iskop tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, ikun fl-intier tiegħu ma jkunx qed jaħdem. Għaldaqstant, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-użu tas-silos fil-jum tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni rarament twassal għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala faċilitajiet ta ’produzzjoni huwa biss il-konsegwenza tal-fatt li li l-għażla li ma jiżżarmawx jew anki li jkomplu jintużaw faċilitajiet minbarra dawk tal-produzzjoni fil-futur, filwaqt li jinżamm id-dritt għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola mfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et, C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737, punt 30).

99      Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża.

100    Fs-seba’ lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Taljana, issostni li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ma jkunx xieraq li jittiħed inkunsiderazzjoni l-użu tas-silos fi tmiem il-proċess ta’ ristrutturazzjoni, peress li, ipotetikament, f’din id-data r-ristrutturazzjoni titlesta u għaldaqstant ma jkunx hemm iktar produzzjoni tal-kwota taz-zokkor irrinunzjata, ma huwiex loġiku: fil-fatt huwa jippresupponi, essenzjalment, li l-għan tar-ristrutturazzjoni ikun inkiseb saħansitra qabel ma’ din tal-aħħar tkun bdiet.

101    Kif spjegat fil-punti 57 sa 68 iktar ’il fuq, il-verifika tal-użu tas-silos fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għandha l-għan li tiddetermina jekk dawn tal-aħħar jikkostitwixxux faċilitajiet marbuta mal-produzzjoni li għandhom neċessarjament jiġu żarmati għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jew faċilitajiet mhux marbuta mal-produzzjoni taz-zokkor li għalihom il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu l-għażla bejn iż-żamma u ż-żarmar. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ungerija, il-fatt li ssir verifika tal-użu tas-silos fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna ma jimplika bl-ebda mod li l-għan tar-ristrutturazzjoni kien diġà issa ntlaħaq u li s-silos jkunu diġà ġew żarmati f’dik id-data. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 968/2006, it-terminu għat-twettiq taż-żarmar tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni kien jiskadi sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2012. Għaldaqstant, jekk silo kkostitwixxa faċilità ta’ produzzjoni taz-zokkor fil-jum tat-applikazzjoni għat-għoti tal-għajnuna, iż-żarmar effettiv tiegħu ma kienx rikjest minnufih, iżda seta’ jseħħ f’data iktar tard u mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2012.

102    Fi kwalunkwe każ, mill-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq jirriżulta li, fi tmiem ir-ristrutturazzjoni, ma jistgħux jeżistu faċilitajiet ta’ produzzjoni f’sit iżżarmat b’mod sħiħ, inkluż silos li kienu jintużaw għall-ħażna taz-zokkor prodott mill-benefiċjarju tal-għajnuna, ħlief fil-każ li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma ġiex implimentat tajjeb, li għaldaqstant jista’ iwassal sabiex il-benefiċjarju ikun suġġett għall-irkupru tal-għajnuna konformemetn mal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 968/2006, kif ukoll għall-penalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament.

103    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija.

104    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, hemm ukoll lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li lanqas ma huwa ċert li, fi tmiem ir-ristrutturazzjoni, is-silos miżmuma neċessarjament jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

105    Fit-tmien lok, l-Ungerija tallega, essenzjalment, li l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni jmur kontra l-marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-impriżi taz-zokkor skont il-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 968/2006. Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa tagħha, tallega li mill-possibbiltà ta’ emenda tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006 tirriżulta li l-użu preċiż li ser isir mis-silos li jinżammu jista’ jinbidel matul il-proċess ta’ żarmar. B’hekk, fil-fehma tagħha, in-natura evoluttiva tal-proċess ta’ żarmar tipprekludi l-evalwazzjoni tal-użu tas-silos fid-data tal-applikazzjoni ta’ għoti tal-għajnuna.

106    Minn naħa, il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandhom il-benefiċjarji tal-għajnuna u l-possibbiltà li jemendaw dan il-pjan konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006, ma jistgħux jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 u, b’mod partikolari, l-obbligu essenzjali ta’ żarmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 320/2006, li, fil-każ ta’ żarmar sħiħ, jimplika l-qerda ta’ kwalunkwe faċilità ta’ produzzjoni eżistenti fil-jum tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna.

107    Min-naħa l-oħra, l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża ma jikkunsidrawx id-distinzjoni bejn żarmar sħiħ u żarmar parzjali, li madankollu hija konsistenti mar-regoli inkwistjoni (ara l-punti 56, 57 u 68 iktar ’il fuq). Issa, il-possibbiltà li jinżammu faċilitajiet ta’ produzzjoni, fosthom silos, tista’ sseħħ biss fil-każ ta’ żarmar parzjali u permezz ta’ ammont għajnuna inqas minn dak li jingħata f’każ li l-faċilitajiet kollha ta’ produzzjoni jkunu żarmati.

108    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tal-Ungerija u tar-Repubblika Franċiża.

109    Fid-disa’ lok, ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li mill-użu tal-indikattiv futur fil-verżjoni Franċiża tal-espressjoni “tal-faċilitajiet tal-produzzjoni li mhux ser jintużaw”, użata fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-kundizzjoni marbuta mal-użu tal-faċilitajiet miżmuma fuq sit ta’ produzzjoni ma tistax tiġi evalwata fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

110    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, fil-każ ta’ żarmar parzjali, huwa permess li jinżammu parti mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni u li jiġu żarmati dawk li, ipotetikament, ma humiex ser jibqgħu jintużaw mill-benefiċjarju tal-għajnuna fi tmiem ir-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 968/2006 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu żarmati l-faċilitajiet kollha “li ma jkunux intenzjonati biex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika f’konformità mal-pjan ta’ ristrutturar”.

111    B’hekk, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar parzjali għandu jkun jaf, mill-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, liema huma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li beħsiebu ma jużax iktar fi tmiem ir-ristutturazzjoni u jsemmihom fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

112    F’dan il-kuntest, l-użu tal-futur indikattiv fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 ma jistax jostakola l-kriterju stabbilit mill-Kummissjoni.

113    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Franċiża.

114    Fl-għaxar u l-aħħar lok, l-Ungerija ssostni li s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), tħalli lok għal inċertezza dwar il-possibbiltà li jinħażen, f’silo, zokkor prodott mill-benefiċjarju tal-kwota tal-għajnuna minbarra dik irrinunzjata, mingħajr ma jaqa’ fil-klassifikazzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, hija essenzjalment issostni li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliti fil-punti 32 u 40 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), ma humiex koerenti bejniethom ħlief li jiġi kkunsidrat li s-silos maħżuna jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fl-OSK zokkor, pereżempju sa fejn huma assenjati għall-ħżin taz-zokkor prodott mill-benefiċjarju tal-għajnuna f’sit ieħor tal-produzzjoni u taħt il-kopertura ta’ kwota oħra.

115    Minn naħa waħda, il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 32 u 40 tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737) huma perfettament koerenti. Fil-fatt, fil-punt 32 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-każ fejn is-silos ma jikkostitwixxux faċilitajiet ta’ produzzjoni sa fejn huma użati biss għall-ħażna tal-kwota taz-zokkor prodott minn produtturi oħra jew li jkun inxtara mingħand dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, fil-punt 40 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-ipoteżi li fiha silo, li jikkostitwixxi faċilità ta’ produzzjoni fid-data tal-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna, ikompli jintuża għall-ħażna taz-zokkor prodott mill-benefiċjarju f’siti oħrajn ta’ produzzjoni skont kwota oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li produttur “normalment ma għandux dritt għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni” minħabba l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, milli juża, fil-każ ta’ żarmar parzjali, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni mhux żarmati għall-produzzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-OSK zokkor.

116    Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” jinkludix is-silos li jintużaw għall-ħażna taz-zokkor prodott mill-benefiċjarju f’siti oħrajn ta’ produzzjoni skont kwota oħra ta’ produzzjoni ma għandha l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-mument li fih għandu jiġi evalwat l-użu tas-silos.

117    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tal-Ungerija.

118    Peress li ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-Ungerija, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Taljana ma huwa fondat, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

119    It-tieni motiv tal-Ungerija huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

120    L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, l-Ungerija essenzjalment issostni li, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni mqajma mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha tastjeni milli tapplika korrezzjoni finanzjarja jew kellha tapplika rata ta’ korrezzjoni iktar baxxa konformement mad-Dokument VI/5330/97. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni parti, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunikaha, matul l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni għall-industrija taz-zokkor, l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu taż-żarmar tas-silos bil-għan li tinkiseb għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97

121    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-linji gwida stabbiliti fid-Dokument VI/5330/97 għall-motiv, essenzjalment, li, fid-dawl, minn naħa, tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolamenti Nri 320/2006 u 968/2006 dwar il-kwistjoni tat-trattament li għandhom jingħataw is-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ ta’ sit tal-produzzjoni kif ukoll dawk tas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ informazzjoni mogħtija f’waqtha mill-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, din tal-aħħar kellha tnaqqas l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor, jew saħansitra tastjeni minn kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja konformement mal-linji gwida stabbiliti fid-Dokument VI/5330/97.

122    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija.

123    Skont l-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97, intitolat “Konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima [‘Garanzija’] tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri”, għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-Istati Membri ma wettqux il-kontrolli speċifikament rikjesti mir-regolamenti applikabbli jew, fi kwalunkwe każ, essenzjali sabiex tiġi żgurata r-regolarità tan-nefqa mwettqa taħt it-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG.

124    Fl-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97, taħt it-titolu “Każijiet limiti”, huwa previst dan li ġej fit-tieni paragrafu (iktar ’il quddiem il-“każ limitu previst fl-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97”):

“Meta n-nuqqasijiet joriġinaw minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-testi Komunitarji, ħlief fil-każijiet fejn huwa raġonevolment mistenni li l-Istat Membru jressaq tali diffikultajiet mal-Kummissjoni, u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu għamlu dak li huwa neċessarju sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet malli dawn instabu, dawn il-fatturi ta’ deliberazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u jwasslu għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni iktar baxxa jew għall-assenza ta’ korrezzjoni”. [traduzzjoniu mhux uffiċjali]

125    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi adottat regoli ta’ kondotta amministrattiva intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni, bħalma huma l-linji gwida li huma s-suġġett tad-Dokument VI/5330/97, u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom jew tal-komunikazzjoni tagħhom lill-Istati Membri, bħal f’dan il-każ, li tapplikahom minn issa ’l quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, l-istituzzjoni inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tillimita lilha stess fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, tali regoli ta’ aġir li għandhom portata ġenerali jistgħu jipproduċu effetti ġuridiċi u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bil-kundizzjoni li tali approċċ ma jkunx kuntrarju għal regoli oħra superjuri tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑344/05, mhux ippubblikata, EU:T:2011:440, punt 192; tas‑16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑3/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:473, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑376/12, EU:T:2014:623, punt 106 (mhux ippubblikata)).

126    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li dan il-każ limitu previst fl-Anness 2 għad-Dokument VI/5330/97 huwa fattur ta’ deliberazzjoni li ma jagħtix awtomatikament id-dritt li jkun applikat. Fil-fatt, kif tikkonferma l-formulazzjoni tad-Dokument VI/5330/97, li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet, minn naħa, li n-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ clearance, tirriżulta minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet nazzjonali kienu għamlu dak meħtieġ sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas malli dan ġie identifikat mill-Kummissjoni.

127    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu previst fl-Anness 2 għad-Dokument VI/5330/97, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-allegazzjoni tar-Repubblika Franċiża, li disa’ Stati Membri kellhom diffikultajiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “faċilitajiet ta’ produzzjoni” u l-possibbiltà taż-żamma tas-silos tal-ħażna fil-kuntest ta’ żarmar sħiħ ta’ sit tal-produzzjoni taz-zokkor, ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Insegwitu, fir-rapport tiegħu tal‑25 ta’ April 2013, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni rrikonoxxa espressament l-eżistenza ta’ problemi ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li kienu ffaċċjati bihom mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll is-servizzi tal-Kummissjoni (ara l-punt 27 iktar ’il fuq). Finalment, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, SFIR et (C‑187/12 sa C‑189/12, EU:C:2013:737), il-Qorti tal-Ġusttizzja ddeċidiet biss fuq il-kwistjoni ta’ taħt liema ċirkustanzi silo ġie eskluż mill-klassifikazzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni li taqa’ fl-obbligu ta’ żarmar, iżda ma kkummentatx fuq il-kwistjoni dwar il-mument meta l-użu tas-silos kellu jiġi evalwat, lanqas dwar jekk l-obbligu taż-żarmar kienx jinvolvi neċessarjament il-qerda tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni.

128    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 127 iktar ’il fuq, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar iż-żamma tas-silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ.

129    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija dejjem ipprovdiet informazzjoni perfettament koerenti dwar l-obbligu ta’ żarmar tas-silos lill-Istati Membri li kienu għamlu l-mistoqsija. Fil-fatt, mhux biss l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex issostanzjat, iżda huwa, fi kwalunkwe każ, żbaljat fil-fatt, peress li, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija qatt ma wieġbet għall-ittra li ntbagħtet lilha mill-awtoritajiet Ungeriżi f’Novembru 2006, u li hija rċeviet fil‑15 ta’ Diċembru 2006, li fiha dawn tal-aħħar saqsewha preċiżament dwar il-kwistjoni taż-żamma ta’ silos fil-każ ta’ żarmar sħiħ.

130    F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni sabiex jiġi applikat il-każ limitu previst fl-Anness 2 tad-Dokument VI/5330/97 hija ssodisfata.

131    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu stabbilit fl-Anness 2 għad-Dokument VI/5330/97, li tgħid li l-Istat Membru għandu jadotta miżuri intiżi li jirrimedjaw għan-nuqqas malli dan jiġi skopert, fl-atti tagħha l-Ungerija ssostni, essenzjalment, li, fl-assenza ta’ ċertezza dwar l-interpretazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi mistenni minnha li hija tieħu immedjatament miżuri korrettivi.

132    Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, l-Ungerija kkonfermat li ma adottatx miżuri sabiex tirrimedja għan-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni fl-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010.

133    Issa, sabiex tiġi ssodisfatta t-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu stabbilit fl-Anness 2 għad-Dokument VI/5330/97, l-Ungerija ma kellhiex tgħaddi neċessarjament għall-qerda tas-silos kontenzjużi, iżda hija setgħet tikkoopera mal-Kummissjoni, billi tadotta miżuri fir-rigward tal-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni sabiex tindirizza n-nuqqas jew, tal-inqas, jiġi evitat żieda fid-dannu kkawżat lill-Fond minn dan in-nuqqas, b’mod partikolari billi tirrifjuta li tirrinunzja għall-garanziji kkostitwiti mill-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 968/2006, u dan hija ma għamlitx.

134    Peress li t-tieni kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-każ limitu stabbilit fl-Anness 2 għad-Dokument VI/5330/97 ma hijiex issodisfatta, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, li tastjeni minn kull korrezzjoni finanzjarja jew li tnaqqas l-ammont tagħha.

135    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

136    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tindika b’mod ċar il-pożizzjoni tagħha għall-Istati Membri kollha, b’mod partikolari billi twieġeb il-mistoqsijiet imqajma fil-fażi tal-bidu tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, u tiġbed l-attenzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ riskju possibbli ta’ nuqqas ta’ konformità taż-żamma ta’ silos mal-obbligu ta’ żarmar sħiħ, u dan hija madankollu ma għamlitux. Barra minn hekk, l-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni qatt ma wieġbet għall-ittra li kien bagħtitiliha f’Novembru 2006 sabiex tkun taf jekk l-obbligu ta’ żarmar kienx jikkonċerna s-silos.

137    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-Ungerija. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li l-maġġoranza tal-Istati Membri ma kinux iltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li dawk li jiltaqgħu magħhom, u li kienu mistoqsija f’dan ir-rigward, dejjem kienu rċevew tweġiba ċara u koerenti min-naħa tagħha. It-tieni nett, fir-rigward tal-ittra li l-Ungerija kienet bagħtitilha f’Novembru 2006, hija ssostni li din ma ġietx irċevuta mill-unità amministrattiva kompetenti u li, anki jekk il-fatt li ma tagħtix tweġiba għal ittra li hija tkun irċeviet ikun jikkostitwixxi “nuqqas mhux skużabbli” min-naħa tagħha, l-Ungerija kellha tkun prudenti meta tesprimi lilha mill-ġdid id-dubji tagħha.

138    Skont l-Artikolu 4(3) TUE, skont il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

139    Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali huwa ta’ natura orizzontali. Fil-fatt, huwa jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiġu ggarantiti l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni u jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑339/00, EU:C:2003:545, punti 71 u 72, u tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑632/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:934, punt 34).

140    Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 139 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jiżguraw li jneħħu kwalunkwe dubju fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ, billi jsaqsu l-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jagħtu għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ lil impriżi li riedu jżommu silos.

141    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Ungerija, li fuq 23 Stat Membri li pparteċipaw fis-sistema tar-ristrutturazzjoni, sitt Stati Membri biss, fosthom l-Ungerija, kienu għamlulha mistoqsijiet relatati mas-silos. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis li l-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu fehmu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet timponi l-qerda tas-silos għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, u li għalhekk ma kienx neċessarju li hija tikkomunika l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni lill-Istati Membri kollha.

142    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Ungerija u r-Repubblika Franċiża, ma setax jiġi rikjest mill-Kummissjoni, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li hija kkomunikat il-pożizzjoni tagħha dwar l-obbligu ta’ żarmar ta’ silos lill-Istati Membri kollha.

143    Fit-tieni lok, anki jekk jista’ jkun ta’ dispjaċir li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-ittra tal-Ungerija ta’ Novembru 2006, din l-assenza ta’ reazzjoni, li l-Kummissjoni tikklassifika hija stess bħala “nuqqas mhux skużabbli”, ma jista’ jikkaratterizza ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

144    Fil-fatt, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Ungerija kellha tiżgura li tneħħi kull inċertezza dwar l-obbligu ta’ żarmar ta’ sajlos għall-finijiet tal-kisba tal-għajnuna għar-ristrutturazjoni għal żarmar sħiħ, jekk ikun il-każ billi terġa’ ssaqsi lill-Kummissjoni jew bil-miktub jew waqt il-laqgħat kull xahar tal-Kumitat ta’ ġestjoni rilevanti, li hija madankollu ma għamlitx.

145    Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ reazzjoni tal-Kummissjoni wara l-ittra tal-Ungerija ta’ Novembru 2006 ma tistax tiġi assimilata għal teħid ta’ pożizzjoni mill-istituzzjoni li tapprova l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi. Hija biss manifestazzjoni espressa u ċara mill-Kummissjoni li setgħet ippermettiet lill-awtoritajiet Ungeriżi jikkonkludu li din l-istituzzjoni kienet approvat iż-żamma tas-silos kontenzjużi l-każ ta’ żarmar sħiħ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑106/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:740, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fit-tielet lok, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni indikat lill-Ungerija li s-silos kienu relatati direttament mal-produzzjoni taz-zokkor u, għaldaqstant, li dawn kellhom jiġu żarmati minn siti industrijali li għalihom l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ kien intalab.

147    Min-naħa l-oħra, fl-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni espressament fakkret lill-Ungerija li l-impriżi taz-zokkor Ungeriżi ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ jekk il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni ma kinux implimentati bis-sħiħ u jekk il-bini relatat mal-attivitajiet tal-produzzjoni taz-zokkor u, b’mod partikolari s-silos, ma kienx inqered. F’dan ir-rigward, hija fakkret li t-terminu għat-tlestija tal-operazzjonijiet ta’ żarmar previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 968/2006, fil-verżjoni li kienet tapplika dak iż-żmien, skada fit‑30 ta’ Settembru 2011.

148    Għaldaqstant, wara li rċeviet l-ewwel komunikazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2010, l-Ungerija kien għad kellha l-possibbiltà li tiġi evitata l-korrezzjoni billi tirrikjedi mill-impriżi taz-zokkor Ungeriżi li jooservaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kif interpretata mill-Kummissjoni.

149    Madankollu, minkejja li hija kienet taf issa bil-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni taż-żarmar tas-silos, l-Ungerija ma ħadet l-ebda miżura sabiex tikkonforma magħha. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 3.2.2 tar-rapport fil-qosor ippreżentat lill-laqgħa tal-Kumitat tal-Fondi Agrikoli tat‑18 ta’ Novembru 2014 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), l-Ungerija ppersistiet li tapplika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni skont l-interpretazzjoni tagħha stess, peress li, jumejn wara l-laqgħa bilaterali li saret bejn il-Kummissjoni u l-Ungerija fis-6 ta’ Diċembru 2010 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), din tal-aħħar, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament 968/2006, irrinunzjat għall-aħħar żewġ garanziji kkostitwiti mill-benefiċjarji tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal żarmar sħiħ, għalkemm is-silos kienu għadhom preżenti fis-siti preeċedenti ta’ produzzjoni taz-zokkor li jappartjenu lilhom.

150    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

151    Peress li ebda wieħed mill-motivi invokati mill-Ungerija ma huwa fondat, ir-rikors huwa miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

152    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

153    Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, eċċezzjonalment, meta huwa rikjest mill-ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef tħallas, flimkien mal-ispejjeż tagħha stess, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża.

154    L-Ungerija tilfet. Madankollu, fil-punt 143 iktar ’il fuq, ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni għall-ittra tal-Ungerija ta’ Novembru 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġust u ekwu li l-Ungerija tiġi ordnata tbati biss, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni u li tikkundanna lill-Kummissjoni tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess.

155    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

156    Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża u r-Tepubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha stess.

4)      Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Marzu 2019..

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Regolament Nru 320/2006

Regolament Nru 968/2006

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 320/2006 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 968/2006

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-linji gwida stipulati fid-Dokument VI/5330/97

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.