Language of document : ECLI:EU:T:2022:83

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla)

23 ta’ Frar 2022 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CODE‑X – Trade marks nazzjonali verbali u figurattiva preċedenti Cody’s – Trade mark internazzjonali figurattiva preċedenti Cody’s – Raġuni relattiva għal rifjut – Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑198/21,

Ancor Group GmbH, stabbilita f’Igersheim (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn J. Wachsmuth u W. Berlit, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Eberl u E. Markakis, bħala aġenti,

konvenuta

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Cody’s Drinks International GmbH, stabbilita fi Bremen (il‑Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑4 ta’ Frar 2021 (Każ R 208/2020‑5) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Cody’s Drinks International u Ancor Group,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, U. Öberg (Relatur) u M. Brkan, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ April 2021,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2021,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑30 ta’ April 2018, ir-rikorrenti, Ancor Group GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        It-trade mark li ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali CODE‑X.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xarbiet rinfreskanti mhux alkoħoliċi; xarbiet mhux alkoħoliċi; xarbiet mhux alkoħoliċi mqawwa bil-vitamini; essenzi għall-għamla ta’ xarbiet mhux alkoħoliċi, mhux fl-għamla ta’ żjut essenzjali; xarbiet li jagħtu l-enerġija (energy drinks); xarbiet li jagħtu l-enerġija li fihom il-kafeina”.

4        Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, Cody’s Drinks International GmbH ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark verbali Ġermaniża Cody’s ippreżentata fl‑4 ta’ Frar 2013 u rreġistrata fis‑7 ta’ Marzu 2013 bin-numru 302013015320, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Birer; ilma minerali u bil-gass u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u xarbiet tal-meraq tal-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex tagħmel xarbiet”;

–        it-trade mark figurattiva Ġermaniża rriprodotta iktar ’il quddiem, ippreżentata fl‑10 ta’ Marzu 2016 u rreġistrata fit‑12 ta’ April 2016, li tkopri l-prodotti fil-klassi 32 u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Birer; ilma minerali; ilma bil-gass; xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott; xarbiet tal-meraq tal-frott; ġulepp għall-produzzjoni ta’ xarbiet; preparazzjonijiet sabiex tagħmel xarbiet”;

Image not found

–        ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tat-trade mark figurattiva msemmija iktar ’il fuq, miksuba fil‑11 ta’ Marzu 2016 u li għandha n-numru 1300293, għall-prodotti msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 5, iktar ’il fuq, inklużi fil-klassi 32.

6        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

7        Fit‑28 ta’ Novembru 2019, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, minħabba li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

8        Fis‑27 ta’ Jannar 2020, Cody’s Drinks International ippreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Qabelxejn, wara li indika li r-rikors kien jirrigwarda t-trade mark verbali preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit mill-pubbliku ġenerali Ġermaniż, li juri livell ta’ attenzjoni li huwa inqas mill-medja normali, u li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi jew simili f’livell għoli. Sussegwentement, huwa indika li s-sinjali kunfliġġenti, li għandhom karattru distintiv normali, kellhom livell ta’ xebh ogħla mill-medja fuq il-livell viżiv u livell għoli ta’ xebh fuq il-livell fonetiku, b’tali mod li, għalkemm differenti fuq il-livell kunċettwali, l-imsemmija sinjali kienu globalment jixxiebhu ħafna. Fl-aħħar, huwa kkunsidra li d-differenzi bejn l-imsemmija sinjali ma kinux suffiċjenti sabiex jiddistingwuhom u li ma kienx hemm lok li jiġi kkunsidrat newtralizzazzjoni tax-xebh viżiv u fonetiku abbażi tan-nuqqas ta’ xebh kunċettwali. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti u estenda l-konklużjoni tiegħu għat-trade mark figurattiva preċedenti u għar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tal-imsemmija trade mark figurattiva.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        iżżomm id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li permezz tagħha ġiet miċħuda l-oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) (b) tar-Regolament 2017/1001, sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u tat-trade mark verbali preċedenti kif ukoll tat-trade marks figurattivi preċedenti, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

13      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

14      Ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm probabbiltà li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbutin ekonomikament. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi kkunsidrata globalment, skont il-perċezzjoni li jkollu l-pubbliku rilevanti tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-kawża. Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-pubbliku rilevanti u l-prodotti inkwistjoni

15      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti għall-prodotti inkwistjoni kien il-pubbliku ġenerali Ġermaniż, li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu kien inqas mill-medja normali, u li l-prodotti inkwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala identiċi jew ta’ livell għoli ta’ xebh.

17      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-partijiet ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jinsabu fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-pubbliku ġenerali Ġermaniż, u lanqas li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi jew ta’ livell għoli ta’ xebh.

18      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u ssostni li huwa juri livell ta’ attenzjoni medju jew normali.

19      L-EUIPO jsostni li l-Bord tal-Appell, fi kwalunkwe każ, ħa inkunsiderazzjoni l-iktar ta’ livell ta’ attenzjoni medju.

20      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prodotti inkwistjoni huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum intiżi għall-pubbliku ġenerali li jippreżentaw livell ta’ attenzjoni medju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2016, Coca‑Cola vs UASI (Forma ta’ flixkun immewweġ mingħajr skanalaturi), T‑411/14, EU:T:2016:94, punt 41; tas‑16 ta’ Marzu 2017, Sociedad agraria de transformación no 9982 Montecitrus vs EUIPO – Spanish Oranges (MOUNTAIN CITRUS SPAIN), T‑495/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:173, punt 27; u tas‑26 ta’ Ġunju 2018, Staropilsen vs EUIPO – Pivovary Staropramen (STAROPILSEN; STAROPLZEN), T‑556/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:382, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Il-ġurisprudenza msemmija mill-Bord tal-Appell, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tikkontestax din il-konklużjoni, peress li l-Qorti Ġenerali, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, ikkonkludiet li l-pubbliku rilevanti kellu livell medju jew normali ta’ attenzjoni.

22      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell żbalja meta ħa inkunsiderazzjoni wkoll pubbliku rilevanti li għandu livell ta’ attenzjoni inferjuri għall-medja, peress li dan huwa medju, għaliex la partikolarment baxx u lanqas partikolarment għoli.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

23      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali tagħhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Madankollu, anki jekk il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala ħaġa waħda u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jipperċepixxi sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew jixbhu kliem li huwa jaf (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2007, RESPICUR, T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, jekk ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti ġiex evalwat b’mod korrett fid-deċiżjoni kkontestata.

26      F’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark verbali kkostitwita mill-elementi “code” u “x”, marbuta b’sing, u t-trade mark verbali preċedenti hija komposta mill-elementi “cody” u “s”, isseparati minn apostrofu.

–       Fuq ix-xebh viżiv

27      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, minħabba l-parti inizjali “cod”, komuni għas-sinjali kunfliġġenti, u tal-konsonanti finali “x” u “s”, marbuta mal-ewwel element tal-imsemmija sinjali permezz, rispettivament, ta’ sing u apostrofu, l-imsemmija sinjali kellhom jitqiesu li għandhom xebh superjuri għall-medja fuq il-livell viżiv. Hija żiedet li kellhom l-istess tul.

28      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ta importanza sproporzjonata lill-parti inizjali tas-sinjali kunfliġġenti u li ftit jimporta li dawn jaqsmu numru identiku ta’ ittri. Għalkemm dawn jaqblu permezz ta’ tliet ittri minn sitta, dawn madankollu huma differenti permezz tal-ittra “e” għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-ittra “y” għat-trade mark verbali preċedenti, kif ukoll tal-konsonanti “x” u “s” finali, marbuta, rispettivament, permezz ta’ sing u apostrofu, b’dawn id-differenzi jkunu iktar importanti fis-sinjali qosra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark verbali preċedenti hija komposta minn kelma waħda, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha tnejn. Is-sinjali kunfliġġenti għalhekk ma humiex globalment simili fuq il-livell viżiv.

29      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

30      L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm diġà ġie deċiż li l-parti inizjali ta’ trade mark normalment ikollha impatt iktar qawwi fuq il-livell viżiv mill-parti finali tagħha, b’tali mod li l-konsumatur jagħti, b’mod ġenerali, iktar attenzjoni lill-parti inizjali ta’ trade mark milli dik tal-aħħar tagħha, tali kunsiderazzjoni ma tistax tapplika fil-każijiet kollha (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Kwizda Holding vs EUIPO – Dermapharm (UROAKUT), T‑266/17, EU:T:2018:569, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, iktar ma sinjal ikun qasir, iktar il-pubbliku jkun jista’ jipperċepixxi faċilment kull wieħed mill-elementi differenti tiegħu. Għalhekk, fil-każ ta’ kliem qosra, huwa frekwenti li differenzi anki żgħar jistgħu jipproduċu impressjoni globali differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, EU:T:2004:208, punt 48, u tat‑28 ta’ Settembru 2016, The Art Company B & S vs EUIPO – G‑Star Raw (THE ART OF RAW), T‑593/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:572, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, peress li l-alfabett huwa kompost minn numru limitat ta’ ittri, li, barra minn hekk, ma humiex kollha użati bl-istess frekwenza, huwa inevitabbli li diversi kliem huwa kompost mill-istess numru ta’ ittri u għandu wkoll xi ittri komuni, mingħajr ma jista’, minħabba dan il-fatt biss, jiġi deskritt bħala simili fuq livell viżiv (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Nosio vs EUIPO – Tros del Beto (ACCUSÌ), T‑300/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:223, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, bħar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, għalkemm l-element inizjali “cod” huwa komuni għas-sinjali kunfliġġenti, l-imsemmija sinjali huma komposti biss minn sitt karattri kull wieħed u jikkoinċidu biss fi tlieta minnhom. Għall-kuntrarju, l-elementi verbali “code‑x” u “cody’s” jiddistingwu ruħhom permezz tal-aħħar żewġ ittri tagħhom kif ukoll permezz taż-żieda ta’ sing bejn l-ittri “e” u “x” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u ta’ apostrofu bejn l-ittri “y” u “s” fit-trade mark verbali preċedenti.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li ż-żieda ta’ sing jew ta’ apostrofu u l-preżenza ta’ vokali u ta’ konsonanti differenti fl-aħħar tas-sinjali jikkostitwixxu differenzi sinjifikattivi li għandhom rwol fil-perċezzjoni viżiva tas-sinjali kunfliġġenti, u dan iktar u iktar peress li għandhom tul limitat. Is-sing li jissepara l-elementi verbali “code” u “x” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jipperċepixxi li din hija kkostitwita minn żewġ elementi distinti. Għall-kuntrarju, l-apostrofu miżjud mal-element verbali “cody” u segwit minn “s” fit-trade mark verbali preċedenti għandu jitqies bħala riferiment għall-isem Cody għall-possessiv, peress li l-ġenittiv ta’ isem jinbena b’dan il-mod bl-Ingliż u, f’ċerti każijiet, bil-Ġermaniż. Il-pubbliku rilevanti, anki jekk ma huwiex anglofonu, ikun għalhekk suxxettibbli li jifhem l-apostrofu li jsegwi isem ta’ oriġini Ingliż bħala li jindika l-possessiv. Għaldaqstant, kuntrarjament għas-sing, l-apostrofu ma jidhirx, f’dan il-każ, bħala separazzjoni viżiva.

35      Għaldaqstant, id-differenza maħluqa mill-karattri alfabetiċi sseparati minn sinjali ta’ punteġġatura differenti hija perċepibbli viżwalment.

36      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, skont impressjoni ġenerali, is-sinjali kunfliġġenti jistgħu jiġu kkunsidrati biss bħala ftit simili, jew medjament simili, fuq il-livell viżiv.

37      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li kien hemm xebh viżiv superjuri għall-medja bejn is-sinjali kunfliġġenti.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

38      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ippronunzjata “kodiks” jew “kodex” u li t-trade mark verbali preċedenti kienet ippronunzjata “kodis”, b’tali mod li, għalkemm is-sinjali kunfliġġenti huma differenti mis-sillaba finali rispettiva tagħhom, jiġifieri “e‑x” u “y’s”, dawn kellhom livell għoli ta’ xebh fuq il-livell fonetiku.

39      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala magħmula minn żewġ kelmiet, immarkati minn separazzjoni ċara fil-ħoss u li hija ppronunzjata “kot” u “iks”. It-trade mark verbali preċedenti hija, min-naħa tagħha, ippronunzjata “kodis” bħala kelma waħda dissillabika, bil-qasma sillabika tagħha sseħħ qabel l-ittra “d”. Is-sinjali kunfliġġenti huma għalhekk, l-iktar l-iktar, ftit li xejn simili fuq il-livell fonetiku.

40      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, iżda jżid li, skont ir-regoli lingwistiċi Ġermaniżi, il-pubbliku rilevanti ma għandux pawża wara l-apostrofu.

41      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li s-sinjali kunfliġġenti huma fonetikament simili minħabba l-preżenza tat-tliet ittri inizjali “c”, “o” u “d”, imqiegħda fl-istess ordni. Madankollu, dawn huma differenti f’dak li jirrigwarda s-segwitu tal-karattri “e‑x” u “y’s” kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-istruttura sillabika u r-ritmu tal-ħoss tagħhom.

42      Fil-fatt, kemm jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi ppronunzjata fi tliet sillabi, “ko”, “de” u “iks” jew “ex”, jew fi tnejn, “kod” u “iks” jew “ex”, il-preżenza tas-sing tinfluwenza l-pronunzja tal-imsemmija trade mark billi tindika waħda mill-qasmiet sillabiċi. Il-pubbliku rilevanti għandu għalhekk pawża qabel is-sillaba “iks” jew is-sillaba “ex”, u dan indipendentement mill-fatt li l-ewwel parti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi ppronunzjata b’żewġ sillabi jew sillaba waħda. Għall-kuntrarju, it-trade mark verbali preċedenti hija komposta minn żewġ sillabi, “ko” u “dis”, u l-pubbliku rilevanti għandu biss il-qasma sillabika bejn dawn iż-żewġ sillabi, u mhux qabel l-ittra “s”, peress li l-preżenza tal-apostrofu ma għandha l-ebda influwenza fuq il-pronunzja.

43      Għalhekk, l-ittra “x” u s-sing li jippreċediha jindikaw qasma sillabika fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li hija assenti fit-trade mark verbali preċedenti.

44      Dawn id-differenzi fil-livell tal-parti finali tas-sinjali kunfliġġenti għandhom effett fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti fuq il-livell fonetiku. Il-fatt li hemm identiċità bejn l-imsemmija sinjali fir-rigward tal-kumplament tat-tliet ittri “c”, “o” u “d” ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni.

45      Minn dan jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti huma medjament simili fuq il-livell fonetiku u li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li hemm livell għoli ta’ xebh f’dan ir-rigward.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

46      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali kunfliġġenti, li kellhom tifsiriet determinati differenti direttament mifhuma mill-pubbliku rilevanti, kienu differenti fuq il-livell kunċettwali.

47      Il-partijiet ma jikkontestawx din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

48      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 17, u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74).

49      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-aspetti viżivi, fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti ma għandhomx dejjem l-istess piż u l-importanza tal-elementi ta’ xebh jew ta’ differenza bejn l-imsemmija sinjali tista’ tiddependi minn karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, EU:T:2004:293, punt 49).

50      F’dan il-każ, wara li rrileva li t-trade mark verbali preċedenti kellha karattru distintiv intrinsiku normali u fakkret li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi jew simili f’livell għoli, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti, billi kellu livell ta’ attenzjoni inferjuri għall-medja normali. Huwa bbaża din il-konklużjoni fuq il-fatt li s-sinjali kunfliġġenti kienu jippreżentaw livell ta’ xebh viżiv ogħla mill-medja u livell għoli ta’ xebh fonetiku, b’tali mod li, minkejja d-differenza kunċettwali tagħhom, l-imsemmija sinjali kellhom jiġu kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala simili ħafna. Huwa żied li n-newtralizzazzjoni tax-xebh ma kinitx possibbli, minħabba konkordanza viżwali u fonetika għolja ħafna u minħabba l-fatt li l-prodotti inkwistjoni kienu prinċipalment ordnati f’ambjent storbjuż, wara li wieħed ikun rahom fuq menù.

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti huwa dgħajjef, peress li l-pubbliku rilevanti jinkludi l-elementi verbali “cody” u “’s” tal-imsemmija trade mark bħala l-ġenittiv ta’ isem jew bħala indikazzjoni deskrittiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-belt ta’ Cody, li tinsab fl-Istati Uniti. Hija żżid li l-imsemmija prodotti huma oġġetti tal-konsum tal-massa prinċipalment mibjugħa f’postijiet tal-bejgħ bl-imnut. Peress li s-sinjali kunfliġġenti barra minn hekk ma humiex simili mill-aspett viżiv u jixxiebhu b’mod dgħajjef fuq il-livell fonetiku, id-differenza kunċettwali tagħhom hija ta’ natura li tinnewtralizza x-xebh, b’tali mod li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti.

52      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

53      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-partijiet ma jikkontestawx li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi jew simili f’livell għoli.

54      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti li l-karattru distintiv tat-trade mark verbali preċedenti huwa dgħajjef, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, minn naħa, il-kelma “cody” tinftiehem immedjatament bħala riferiment għal isem mill-pubbliku rilevanti. Min-naħa l-oħra, iż-żieda ta’ apostrofu u tal-ittra “s” għal isem tinftiehem bħala riferiment għall-isem Cody għall-possessiv, peress li l-ġenittiv ta’ isem jinbena b’dan il-mod bl-Ingliż u, f’ċerti każijiet, bil-Ġermaniż. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-element verbali tat-trade mark verbali preċedenti bħala, pereżempju, l-isem ta’ impriża li tappartjeni lil persuna msejħa “Cody” jew bħala l-isem ta’ persuna li ħolqot il-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, dawn l-elementi li flimkien jikkomponu l-imsemmija trade mark jifformaw espressjoni unika.

55      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova li tippermetti li jiġi kkunsidrat li parti mill-pubbliku rilevanti jifhem it-trade mark verbali preċedenti bħala referenza għall-belt ta’ Cody, li tinsab fl-Istati Uniti.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li t-trade mark verbali preċedenti ma għandhiex sinjifikat partikolari fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, b’tali mod li għandha karattru distintiv intrinsiku normali.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-analiżi tal-Bord tal-Appell, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tingħata importanza partikolari lill-grad ta’ xebh fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-piż rispettiv li għandu jingħata lill-aspetti viżivi, fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti jista’ jvarja skont il-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jippreżentaw ruħhom fis-suq. Madankollu, għandhom jittieħdu bħala riferiment, f’dan il-kuntest, il-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni li huwa normali li wieħed jistenna għall-kategoriji tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Rani Refreshments vs UASI – Global-Invest Bartosz Turek (Sani), T‑523/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:571, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għall-kuntrarju, għalkemm ċertament ma jistax jiġi eskluż li l-perċezzjoni tad-differenza fonetika li teżisti bejn is-sinjali kunfliġġenti tista’ ma tkunx evidenti f’ambjenti partikolarment storbjużi, bħal f’bar jew f’diskoteka f’waqt fejn ikun hemm ħafna nies, tali ipoteżi ma tistax madankollu sservi bħala bażi biss għall-evalwazzjoni ta’ eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. Fil-fatt, tali evalwazzjoni għandha neċessarjament, kif jirriżulta essenzjalment mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, issir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti f’kundizzjonijiet normali ta’ kummerċ (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Sani, T‑523/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:571, punt 43).

59      Ċertament, fis-sentenzi msemmija mill-Bord tal-Appell, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tat importanza partikolari lix-xebh fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, minħabba l-fatt li l-prodotti inkwistjoni, li jappartjenu lis-settur tax-xorb, u b’mod iktar partikolari tax-xarbiet alkoħoliċi, setgħu jiġu ordnati oralment wara li wieħed ikun ra isimhom fuq il-menù jew fuq il-karta tal-inbejjed.

60      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, b’mod ġenerali, il-konsumatur tax-xarbiet ser jixtrihom fil-kuntest ta’ konverżazzjoni dwar l-ordni tagħhom f’bar jew f’ristorant mimli u fejn hemm ħafna storbju (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Sani, T‑523/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:571, punt 43).

61      Barra minn hekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, anki jekk il-bars u r-ristoranti huma oqsma ta’ bejgħ mhux negliġibbli għal dan it-tip ta’ prodotti, huwa stabbilit li l-konsumatur jista’ jipperċepixxi viżwalment it-trade marks inkwistjoni f’dawn il-postijiet, b’mod partikolari billi jeżamina l-flixkun li jiġi servut lilu jew permezz ta’ mezzi oħra, bħal menù jew karta tax-xorb, qabel ma jagħmel l-ordni oralment. Barra minn dan, u fuq kollox, il-bars u r-ristoranti ma humiex l-uniċi oqsma li fihom jinbiegħu l-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, dawn il-prodotti jinbiegħu wkoll fis-supermarkets jew ħwienet oħra tal-bejgħ bl-imnut, fejn il-konsumatur jagħżel huwa stess il-prodott u għandu, għaldaqstant, jafda prinċipalment fuq l-immaġni tat-trade mark applikata fuq dan il-prodott. Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat li meta x-xiri jsir minn dawn il-postijiet il-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw it-trade marks b’mod viżiv, peress li x-xorb huwa ppreżentat fuq xkafef (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 2006, Bitburger Brauerei vs UASI – Anheuser‑Busch (BUD, American Bud u Anheuser Busch Bud), T‑350/04 sa T‑352/04, EU:T:2006:330, punti 111 u 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Settembru 2010, Companhia Muller de Bebidas vs UASI – Missiato Industria e Comercio (61 A NOSSA ALEGRIA), T‑472/08, EU:T:2010:347, punt 106).

62      Għaldaqstant, jekk xi kultant ingħatat importanza kbira lill-perċezzjoni fonetika tat-trade marks fil-qasam tax-xorb, tali kunsiderazzjoni ma tistax tapplika fil-każijiet kollha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2010, 61 A NOSSA ALEGRIA, T‑472/08, EU:T:2010:347, punt 106).

63      Issa, f’dan il-każ, ma ġie ppreżentat ebda element probatorju intiż sabiex juri li l-prodotti inkwistjoni huma essenzjalment ordnati oralment. L-ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti ser jixtri l-imsemmija prodotti f’ċirkustanzi bħax-xebh fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti jkollu iktar piż mix-xebh viżiv jew kunċettwali fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għall-kuntrarju, jekk il-pubbliku rilevanti jitlobhom oralment f’bars u ristoranti, huwa jagħmel dan ġeneralment wara li jkun ra isimhom fuq karta jew menù, jew ikun jista’ jeżamina l-prodott li jiġi servut lilu, b’mod li jkun jista’ jipperċepixxi viżwalment it-trade mark sabiex jesprimi dak li jixtieq jakkwista.

64      Fi kwalunkwe każ, anki jekk tingħata importanza partikolari lix-xebh fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa biss medju.

65      Fil-fatt, mill-punti 15 sa 47 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li kkonkluda l-Bord tal-Appell, il-pubbliku rilevanti għandu livell medju ta’ attenzjoni u s-sinjali kunfliġġenti, meħuda fl-intier tagħhom, jippreżentaw biss livell dgħajjef, jew saħansitra livell medju, ta’ xebh fuq il-livell viżiv kif ukoll livell medju ta’ xebh fuq il-livell fonetiku. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija sinjali huma differenti fuq il-livell kunċettwali.

66      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika li d-differenzi kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku u viżiv bejn dawn iż-żewġ sinjali, sakemm tal-inqas wieħed minnhom ikollu, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u speċifika, b’tali mod li dan il-pubbliku jkun jista’ jifhimha direttament (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, EUIPO vs Equivalenza Manufactory, C‑328/18 P, EU:C:2020:156, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, fir-rigward tat-trade mark verbali preċedenti, kif jirriżulta mill-punt 54 iktar ’il fuq, it-tifsira ċara u ddeterminata tagħha tkun direttament ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala riferiment għall-isem Cody fil-possessiv.

68      Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element “code” tal-imsemmija trade mark għandu jitqies li jagħmel parti mill-vokabularju elementari tal-lingwa Ġermaniża u jinftiehem direttament mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal ċavetta li permezz tagħha test ikkodifikat jista’ jiġi trażmess, lil sekwenza ta’ istruzzjonijiet f’lingwa ta’ pprogrammar, għal inventarju miftiehem ta’ sinjali lingwistiċi u ta’ regoli tal-assoċjazzjoni tagħhom, jew b’mod li tintuża l-lingwa predeterminata permezz tal-appartenenza għal ċerta klassi soċjali.

69      Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-element verbali “‑x” jiġi pperċepit immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal karattru użat għal isem mhux magħruf jew għal daqs mhux magħruf, li ma huwiex magħruf li jirrappreżenta ċertu numru f’ekwazzjoni jew sinjal ta’ numru indefinit.

70      Għaldaqstant, it-trade mark verbali preċedenti tinftiehem direttament mill-pubbliku rilevanti bħala li tirreferi għall-forma possessiva tal-isem Cody u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija riferiment għal sistema ta’ kliem, ta’ ittri, ta’ figuri jew ta’ simboli użati sabiex jirrappreżentaw oħrajn, b’mod partikolari bil-għan li jinżamm sigriet.

71      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell stess indika, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tifsiriet differenti tas-sinjali kunfliġġenti huma direttament mifhuma mill-pubbliku rilevanti.

72      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq, id-differenza kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti tinnewtralizza x-xebh fonetiku u viżiv tagħhom.

73      Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti, li għandu livell ta’ attenzjoni medju, ma jistax jikkunsidra li l-prodotti inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament.

74      Il-Bord tal-Appell għalhekk wettaq żball meta kkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

75      Fil-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li ż-żewġ trade marks figurattivi preċedenti kellhom l-istess element verbali distintiv mat-trade mark verbali preċedenti eżaminata u li l-prodotti protetti kienu l-istess, b’mod li huwa estenda l-konklużjoni żbaljata, dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark verbali preċedenti, għat-trade mark figurattiva preċedenti u għar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika l-Unjoni Ewropea tal-imsemmija trade mark figurattiva.

76      Issa, kif irrilevat ir-rikorrenti, fir-rigward tat-trade marks figurattivi preċedenti, il-preżenza tal-elementi figurattivi addizzjonali, magħmula minn tipa ta’ karattru abjad u ftit stilizzata u parallelogramm aħmar, tikkontribwixxi sabiex tiddifferenzja iktar is-sinjali kunfliġġenti u sabiex tipprekludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

77      Għaldaqstant, il-motiv waħdieni mqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq iż-żamma tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni

78      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali żżomm id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

79      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, ir-rikorrenti essenzjalment tfittex li l-Qorti Ġenerali teżerċita s-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni sabiex tiċħad l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha li hija ssemmi, u għalhekk tadotta d-deċiżjoni li, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu jieħu meta ġie adit bl-appell.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001, għandu, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, liema deċiżjoni l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

81      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali huma ssodisfatti. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 15 sa 77 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, kien obbligat jikkonstata li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Konsegwentement, hemm lok li l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

83      Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal4 ta’ Frar 2021 (Każ R 208/20205) hija annullata.

2)      L-oppożizzjoni mressqa minn Cody’s Drinks International GmbH hija miċħuda.

3)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Spielmann

Öberg

Brkan

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Frar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.