Language of document : ECLI:EU:T:2010:551

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi għal missjonijiet uffiċjali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt – Ammissibbiltà – Pagament tas-somom kapitali dovuti – Interessi moratorji”

Fil-Kawża T‑460/08,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu u A. Caeiros, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Acentro Turismo SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn A. Carta u G. Murdolo, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 153 KEEA sabiex il-konvenuta tiġi kkundannata tħallas somom allegatament dovuti, flimkien mal-interessi moratorji, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi 349-90-04 TL ISP I, li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi għal missjonijiet uffiċjali mitluba miċ-Ċentru konġunt tar-riċerka,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest kuntrattwali

1        Fis-6 ta’ April 1990, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ikkonkludiet ma’ Acentro Divisione Turismo SpA, iktar tard imsejħa Acentro Turismo SpA (iktar ’il quddiem “Acentro”), il-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi 3949-90-04 TL ISP I (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”).

2        Il-kuntratt kien jistipula li, fl-interess tal-Kummissjoni, Acentro kellha tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ vjaġġi għall-missjonijiet uffiċjali mitluba miċ-Ċentru konġunt tar-riċerka (ĊKR) li jinsab f’Ispra (l-Italja).

3        Skont l-Artikolu 2.1 tal-kuntratt, dan l-istess kuntratt ġie konkluż għal perijodu inizjali ta’ sentejn li jibda jiddekorri mill-1 ta’ Ottubru 1990. Il-kuntratt sussegwentement ġie mġedded b’erba’ snin permezz tal‑ewwel addendum iffirmat f’Ispra fil-11 ta’ Awwissu 1992, imbagħad b’sitt snin permezz tat-tieni addendum iffirmat f’Ispra fis-7 ta’ Lulju 1994 u finalment b’sitt xhur permezz tat-tielet addendum iffirmat f’Ispra fid-9 ta’ Settembru 1996.

4        Skont l-Artikolu 6.2 tal-kuntratt, Acentro kellha, tliet darbiet fix-xahar, tħejji listi analitiċi tal-fatturi li jikkorrispondu għal vjaġġi magħmula, u sussegwentement tibgħathom lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni, flimkien ma’ listi oħra ta’ spejjeż eventwali. L-imsemmija dipartimenti sussegwentement kellhom jipproċedu bir-rimbors tagħhom fi żmien sittin jum mid-data li fihom jiġu ppreżentati l-imsemmija listi.

5        Fl-Artikolu 7 tal-kuntratt kien stipulat li Acentro kienet tirrikonoxxi lill-Kummissjoni tliet tipi ta’ drittijiet pekunarji:

–        premium fuq il-kambju kkalkolat “abbażi ta’ 3 % tal-ammonti relatati mal-biljetti tal-ajru internazzjonali (Artikolu 7.1);

–        sehem mill-ispejjeż relatati mal-użu u l-manutenzjoni minn Acentro ta’ stabbilimenti li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Acentro fis-sit ta’ Ispra, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ tindif, ta’ tisħin, ta’ arja kkundizzjonata u ta’ elettriku, skont il-parametri stabbiliti fl-Anness 1 tal-kuntratt (Artikolu 7.2);

–        it-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż tal-ġestjoni ordinarja u tal‑eżekuzzjoni tad-doveri li ġew fdati lilha, kif ukoll spejjeż ta’ telefon, ta’ telex u ta’ faks (Artikolu 7.3).

6        Bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-kuntratt, il-Kummissjoni, kull sitt xhur, kellha tibgħat fattura lil Acentro relatata mad-drittijiet pekunjarji hawn fuq imsemmija, li din tal-aħħar kellha tħallas fi żmien tletin jum minn meta tirċeviha.

7        L-Artikolu 15 tal-kuntratt kien jipprovdi dan li ġej:

“15.1.       Dan il-kuntratt huwa rregolat mil-liġi Taljana.

15.2.       F’każ ta’ kontestazzjoni hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej biss li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar kull kawża bejn il-partijiet kontraenti li tikkonċerna lil dan il-kuntratt.”

8        Il-kuntratt kien jistipula wkoll, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (iktar ’il quddiem il-“KĊ”) li l-klawżola ta’ arbitraġġ li kienet stipulata kienet teħtieġ tieni firma f’att separat.

9        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1341 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jistipula li “[…] derogi dwar il-ġurisdizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja huma fi kwalunkwe każ mingħajr effett jekk dawn ma jkunux ġew speċifikament approvati bil-miktub.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Wara l-iskadenza tal-kuntratt fil-31 ta’ Marzu 1997, id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni kkonstataw li Acentro ma kinitx onorat żewġ fatturi maħruġa mill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal‑kuntratt, jiġifieri:

–        il-fattura bir-referenza 97170/REE, tad-19 ta’ Mejju 1997, ta’ ammont ta’ ITL 1 566 571 (liri Taljani), li tirrigwarda spejjeż relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ stabbilimenti għall‑perijodu mill-1 ta’ Settembru 1996 sal-31 ta’ Marzu 1997;

–        il-fattura bir-referenza 97182/REE, tad-19 ta’ Mejju 1997, ta’ ammont ta’ ITL 75 042 795, li tirrigwarda l-premium fuq il‑kambju ta’ 3 % fuq il-biljetti tal-ajru internazzjonali għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 1996 sal-31 ta’ Marzu 1997.

11      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Settembru 1997, il-Kummissjoni stiednet lil Acentro sabiex tħallas l-ammont taż-żewġ fatturi inkwistjoni fi żmien ħmistax-il jum minn meta tirċievi din l-ittra.

12      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 1997, Acentro rrispondiet l-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Settembru 1997. Fir-risposta tagħha, hija l-ewwel nett sostniet li mill-ammont totali ta’ ITL 76 609 366 mitlub mill-Kummissjoni kellu jitnaqqas l-ammont globali ta’ ITL 22 257 166 , li l-Kummissjoni kellha tagħti lilha. It-tieni nett, hija wriet l-intenzjoni tagħha li ma kinitx ser tħallas id-dejn residwali, peress li hija kkunsidrat li dan kien paċut bi kreditu ta’ ITL 29 328 000 li hija kellha b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96‑0781.00 li hija kienet ikkonkludiet fit-23 ta’ Lulju 1996 f’Milan (l-Italja) mal-Komunità Ewropea.

13      Filwaqt li aċċettat il-prinċipju ta’ tpaċija bejn id-dejn ta’ Acentro fil-konfront tagħha u l-krediti ta’ Acentro fir-rigward tagħha b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni għamlet eżami komparattiv tad-dejn u tal-krediti ta’ kull parti kontraenti fir-rigward tas-sena 1997.

14      Matul dan l-eżami, il-Kummissjoni kkunsidrat, minbarra l-irċevuti msemmija fil-punt 10 hawn fuq, sitt fatturi li jirrigwardaw l-ispejjeż ta’ telefon li ma kinux tħallsu minn Acentro, jiġifieri l-fatturi bir-referenzi 97171/REE, 97172/REE, 97173/REE, 97174/REE, 97175/REE u 97176/REE, li l-ammont totali tagħhom kien jitla’ għal ITL 80 501 938. Sussegwentement, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi li kienu jidhru fil-listi analitiċi mibgħuta minn Acentro fl-1997 li kienu għadhom ma tħallsux lil din tal-aħħar, li l-ammont totali tagħhom kien ta’ ITL 54 367 200. Hija għalhekk ikkonkludiet li kien hemm bilanċ ta’ kreditu favur tagħha ta’ ITL 26 134 738 (EUR 13 497.46) u, għalhekk, kreditu tal-istess ammont tal-Euratom fuq Acentro.

15      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna tal-31 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni informat lil Acentro b’dan ir-riżultat u intimata sabiex tħallas l-ammont ta’ EUR 13 497.46 fi żmien ħmistax-il jum minn meta tirċievi l-imsemmija ittra.

16      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 2002, Acentro informat lill-Kummissjoni bir-rifjut tagħha li tħallas id-dejn inkwistjoni, peress li hija qieset li dan seta’ jiġi paċut bil-kreditu li hija kellha mingħand l-Euratom b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96‑0781.00.

17      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna tal-11 Novembru 2002, il-Kummissjoni talbet lil Acentro l-ħlas tal-ammont ta’ EUR 13 497.46.

18      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2002, Acentro rrispondiet l-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2002. Hija reġgħet saħqet il-pożizzjoni tagħha u reġgħet irrifjutat li tħallas id-dejn inkwistjoni.

19      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna tal-20 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni, għal darb’oħra, reġgħet talbet lil Acentro tħallas l‑ammont ta’ EUR 13 497.46.

20      Peress li Acentro ma rrispondietx għal din l-aħħar ittra, il-Kummissjoni qabdet avukat Taljan sabiex jikseb il-pagament tas-somma li hija kienet tikkunsidra bħala dovuta lilha. Peress li s-sitwazzjoni ma ġietx solvuta u peress li l-kreditu tal-Euratom mingħand Acentro ma setax jinġabar, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 15 tal-kuntratt.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ talba mressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors bis-saħħa tal‑Artikolu 153 KEEA.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2010.

23      Matul is-seduta, il-Kummissjoni talbet l-awtorizzazzjoni sabiex fil-proċess iżżid xi dokumenti addizzjonali dwar il-kreditu inkwistjoni. Acentro opponiet għal dan. Id-dokumenti ma tqegħdux fil-proċess.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lil Acentro għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 13 497.46, bħala s-somma kapitali;

–        tikkundanna lil Acentro għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 2 278.55 bħala interessi moratorji li skadew fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors kif ukoll il-ħlas tal-interessi moratorji li jiddekorru wara d-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors sad-data tal-pagament effettiv tas-somma prinċipali, liema interessi għandhom jiġu kkalkolati ulterjorment, skont ir-rata ta’ interessi stabbilita mil-liġi Taljana;

–        tikkundanna lil Acentro għall-ħlas tal-interessi fuq l-interessi moratorji li skadew fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, liema interessi għandhom jiġu kkalkolati ulterjorment, skont id-data tal-pagament tal-interessi moratorji hawn fuq imsemmija u skont ir-rata ta’ interessi stabbilita mil-liġi Taljana;

–        tikkundanna lil Acentro għall-ispejjeż.

25      Acentro titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata u tiddikjara l-ineżistenza, l-invalidità u, fi kwalunkwe każ, l-ineffiċjenza tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni, u, konsegwentement, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talbiet kollha magħmula mill-Kummissjoni fil-konfront tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

26      Mingħajr ma ssollevat formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, Acentro teċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors abbażi tal-fatt li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni.

27      Acentro ssostni li l-klawżola msemmija fl-Artikolu 15.2 tal-kuntratt, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, ma kinitx ġiet approvata speċifikament bil-miktub fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u li, għalhekk, abbażi tal-kuntratt stess, b’riferiment għall-Artikolu 1341 tal-KĊ, din il-klawżola hija mingħajr effett, li twassal sabiex il-Qorti Ġenerali ma jkollhiex ġurisdizzjoni u, konsegwentement, għall-inammissibbiltà tar-rikors.

28      Il-Kummissjoni tqis li l-klawżola msemmija fl-Artikolu 15.2 tal‑kuntratt ma għandhiex tiġi suġġetta għall-rekwiżiti proċedurali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1341 tal-KĊ.

29      L-ewwel nett, id-dritt nazzjonali japplika biss għal dak li ma huwiex espressament stipulat fil-kuntratt jew, fil-każ ta’ dubju, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ klawżola tal-kuntratt. Il-klawżola msemmija fl-Artikolu 15.2 tal-kuntratt, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Qorti tal-Ġustizzja, tidher ċara ħafna u espliċita, mingħajr ma jista’ jkun hemm xi dubju raġonevoli dwar il-kontenut jew is-sinjifikat tagħha.

30      It-tieni nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1341 tal-KĊ ma huwiex applikabbli f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 153 KEEA ma jistipulax ir-rekwiżit ta’ approvazzjoni separata bil-miktub ta’ klawżoli ta’ arbitraġġ. Skont hi, dispożizzjoni nazzjonali, li tirrikjedi li l-klawżola inkwistjoni tiġi stipulata bil-miktub f’att separat, inevitabbilment tkun f’kunflitt mal-ittra u l-ispirtu tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tat-Trattat KEEA, li jipprevali fuq id-dritt nazzjonali. Fit-tieni lok, skont il-Corte suprema di cassazione (Qorti ta’ Kassazzjoni), l-approvazzjoni separata bil-miktub ma għandhiex tintalab għal kuntratti konklużi ma’ korpi pubbliċi abbażi ta’, bħal fil-każ inkwistjoni, proċeduri ta’ selezzjoni pubblika. Fit-tielet lok, din l-approvazzjoni separata bil-miktub għandha tiġi applikata biss f’sitwazzjonijiet fejn hemm inekwilibriju evidenti bejn il-kontraenti. Skont il-Kummissjoni, huwa evidenti li l-kuntratt fih karatteristiċi ta’ relazzjoni klassika ta’ negozju, “business to business”, fejn il-partijiet waslu għal qbil wara negozjati bejn professjonisti li kienu kompletament konxji mir-riskji ta’ dawn in-negozjati.

31      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, kieku kellu jiġi kkunsidrat li mhux biss id-dritt nazzjonali, iżda wkoll id-dispożizzjoni speċifika msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1341 tal-KĊ kellhom japplikaw għal dak li kien stipulat fil-kuntratt, ħaġa li hija tikkontesta, Acentro kienet tat il-kunsens tagħha b’mod sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet, matul in-negozjati li segwew is-sejħa għal offerti, dwar l-inklużjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

32      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija dik kif elenkata fl-Artikolu 225 KE u fl‑Artikolu 140 A KEEA, kif spjegati fl-Artikolu 51 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar kawżi ta’ natura kuntrattwali li tressqu quddiemha bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Din il-ġurisdizzjoni, ibbażata fuq klawżola ta’ arbitraġġ, tidderoga mid-dritt komuni u għalhekk, għandha tiġi interpretata b’mod ristrett (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 11).

33      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni, bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt, għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 238 KE jew tal‑Artikolu 153 KEEA u tad-dispożizzjonijiet tal-klawżola stess, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontrihom dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali li allegatament ifixklu l-ġurisdizzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, Ġabra p. I‑2613, punt 13, u tas-6 ta’ April 1995, Bauer vs Il-Kummissjoni, C‑299/93, Ġabra p. I‑839, punt 11).

34      F’din il-kawża, il-kuntratt fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 153 KEEA, favur il-qrati tal-Unjoni.

35      Il-kuntratt ġie ffirmat fis-6 ta’ April 1990. Min-naħa l-oħra, il-klawżola ta’ arbitraġġ ma kinitx is-suġġett ta’ tieni firma f’att separat mill-parti kontraenti flimkien mal-Kummissjoni.

36      Madankollu, minkejja li d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt jitlob approvazzjoni speċifika, in-nuqqas tagħha ma tistax twassal sabiex tiġi annullata l-klawżola ta’ arbitraġġ inkwistjoni.

37      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 hawn fuq, jirriżulta li jekk kuntratt, li fih klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE jew tal–Artikolu 153 KEEA, huwa rregolat mid-dritt nazzjonali kif stipulat fl-imsemmi kuntratt, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni hija rregolata biss mit-trattat inkwistjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ stess. Issa, id-dritt nazzjonali ma jistax jostakola l‑ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża fejn il-kuntratt stess huwa approvazzjoni speċifika bil-miktub.

38      Mill-kunsiderazzjonjiet u mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li l‑Qorti Ġenerali għandha, abbażi tal-Artikolu 153 KEEA u tal‑Artikolu 15.2 tal-kuntratt, ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi din il‑kawża.

 Fuq il-mertu

 Fuq it-talba għall-pagament tas-somom dovuti bħala somma kapitali

–       L-argumenti tal-partijiet

39      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżistenza ta’ kreditu fl-ammont ta’ EUR 13 497.46 favur il-Euratom kien suffiċjentement ipprovat fir‑rigward tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt u li, għalhekk, dan il-kreditu jidher li huwa ċert, likwidu u dovut. Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1219 tal-KĊ, Acentro kienet intimata kif suppost u permezz ta’ talba għall-ħlas.

40      Il-Kummissjoni tispjega li sabiex tikkalkola l-ammont tal-kreditu inkwistjoni, hija użat il-fatturi rilevanti li kellha fil-pussess tagħha, relatati mat-tliet tipi ta’ drittijiet pekunjarji dovuti minn Acentro bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-kuntratt, jiġifieri l-premium fuq il-kambju ta’ 3 % fuq il-biljetti tal-ajru internazzjonali (fattura bir-referenza 97182/REE għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 1996 sal-31 ta’ Marzu 1997), l-ispejjeż relatati mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ stabbilimenti f’Ispra (fattura bir-referenza 97170/REE għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1996 sal-31 ta’ Marzu 1997) u l-ispejjeż tal‑ġestjoni ordinarja (fatturi bir-referenzi 97171/REE, 97172/REE, 97173/REE, 97174/REE, 97175/REE u 97176/REE, li essenzjalment jirrapreżentaw, l-ispejjeż kollha tat-telefon li għalihom kienet responsabbli Acentro għax-xahar ta’ Marzu 1997 u għall-perijodi minn Jannar sa Marzu u minn Mejju sa Ġunju 1996).

41      Bħala risposta għall-argument ta’ Acentro li ma ressqitx biżżejjed provi ġustifikattivi dwar il-fatturi tat-telefon, il-Kummissjoni ssostni li l-fattura saret skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-kuntratt u li Acentro qatt ma ressqet xi oġġezzjoni dwar dan. Hija żżid li Acentro qatt ma kkontestat il-kontenut tat-tmien fatturi msemmija fil-punt preċedenti, inklużi fosthom il-fatturi tat-telefon.

42      Barra minn hekk, it-tul tal-perijodu li għadda għandu rwol importanti f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrimarka li, skont id-dritt Taljan, l-obbligu li jinżammu l-fatturi relatat mal-kuntratt huwa ta’ 10 snin għal finijiet ta’ dritt ċivili u ta’ 5 snin għal finijiet ta’ dritt fiskali. Għaldaqstant, hija wriet iktar prudenza billi żammet id‑dokumenti ta’ kontabbiltà għal perijodu itwal minn dak mitlub mid-dritt Taljan.

43      Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tad-dewmien tar-reazzjoni ta’ Acentro, il-provi li permezz tagħhom seta’ jiġi dedott b’mod ċar u dokumentat l‑entrati tal-assi u tal-passiv fil-kuntest tal-movimenti finanzjarji relatati mal-kuntratt kienu sparixxew jew kienu diffiċli li jerġgħu jiġu kkostitwiti 12-il sena wara l-avveniment.

44      Bl-istess mod, id-diffikultà sabiex tinkiseb informazzjoni dwar it‑telefonati mingħand il-fornitur tas-servizzi użat dakinhar kienet marbuta mal-fatt li Acentro għażlet li tuża s-servizz standard tat‑telefon tas-sit ta’ Ispra għall-komunikazzjonijiet relatati max-xogħol tagħha. Din l-għażla kienet teħtieġ li l-ispejjeż relatati mal-użu ta’ dawn is-servizzi minn Acentro jiġu fatturati separatament. Skont il‑leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar ta’ informazzjoni u għall-protezzjoni tal-ħajja privata, l-informazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tinżamm għal żmien twil.

45      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, b’riferiment għall-korrispondenza skambjata ma’ Acentro, li din tal-aħħar qatt ma kkontestat l-eżistenza tal-kreditu inkwistjoni u li, f’dan ir-rigward, sostniet li l-imsemmi kreditu kellu jiġi paċut ma’ kreditu ieħor li din allegat li kellha mingħand il-Kummissjoni b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96-0781.00. Skont il-Kummissjoni, tali tpaċija tirrikjedi bil-fors ir-rikonoxximent minn Acentro tal-ammonti li hija kellha tagħti lill-Kummissjoni.

46      F’dak li jirrigwarda t-tpaċija fiha nfisha, il-Kummissjoni, li ma tirrikonoxxi l-ebda dejn favur Acentro b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96-0781.00, tispjega li, skont l‑Artikolu 1241 tal-KĊ u l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 1242 tal-KĊ, it-tpaċija ssuġġerita minn Acentro tista’ ssir biss jekk żewġ persuni jkunu debituri fil-konfront ta’ xulxin u jekk id-dejn reċiproku tagħhom huwa ċert, likwidu u dovut. Skont il-Kummissjoni, dan ma huwiex il‑każ fil-kawża inkwistjoni, peress li l-ewwel kreditu huwa favur l‑Euratom mingħand Acentro, filwaqt li l-kreditu allegatament dovut favur Acentro huwa mingħand il-Komunità Ewropea, jiġifieri persuna ġuridika differenti mill-Euratom.

47      Acentro tfakkar li huwa l-allegat kreditur li għandu jressaq il-prova tal-kreditu tiegħu, skont l-oneru tal-prova stabbilit bl-Artikolu 2697 tal‑KĊ. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-fatturi użati mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha ma humiex prova suffiċjenti tal-kreditu, u wisq inqas tal-likwidità u tal-enforzabbiltà tiegħu. B’mod partikolari, il‑fatturi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni talbet ir-rimbors tal-ispejjeż tat-telefon ma fihom l-ebda dokument ġustifikattiv li jippermetti l-verifika tal-fondatezza ta’ din it-talba.

48      Acentro tikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni li l-ittra tagħha tat-12 ta’ Settembru 1997 hija rikonoxximent tad-dejn, peress li, meta ġiet redatta dik l-ittra, hija kienet ħasbet li kien possibbli li d-dejn inkwistjoni jiġi paċut mal-kreditu favur tagħha mingħand il‑Kummissjoni b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96-0781.00.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

49      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2697 tal-KĊ, huwa l-kreditur li għandu l-oneru li jipprova l-bażi tad-dritt tiegħu. F’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tmien fatturi mibgħuta fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali sabiex tistabbilixxi l-kreditu favur il-Euratom mingħand Acentro.

50      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, sabiex tikkontesta l-eżistenza tal-kreditu inkwistjoni, Acentro ssostni biss, essenzjalment, li l-fatturi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni talbet ir-rimbors tal-ispejjeż tat-telefon, ma kien fihom l-ebda dokument ġustifikattiv li kien jippermettilha tivverifika l-fondatezza ta’ din it-talba.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li Acentro, skont il-kuntratt, kellha l-għażla li tuża s-servizz standard tat-telefon tas-sit ta’ Ispra għall‑komunikazzjonijiet relatati max-xogħol tagħha (it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 5.2 tal-kuntratt) jew li tabbona u żżomm a spejjeż tagħha, billi tħallas direttament lill-fornitur tas-servizz, linji tat-telefon, tat-telex u tal-faks neċessarji sabiex teżegwixxi l-obbligi tagħha (Artikoli 5 u 7 tal-kuntratt). Meta seħħew il-fatti, hija kienet għażlet li tuża s-sistema tat-telefon ċentrali tas-sit ta’ Ispra u s-servizzi tal-Kummissjoni għall‑finijiet ta’ komunikazzjonijiet li jirrigwardaw is-servizz li kienet tagħti.

52      Din l-għażla kienet tirrikjedi l-ħtieġa li jiġu fatturati b’mod separat l‑ispejjeż relatati mal-użu ta’ dawn is-servizzi minn Acentro. Fil-fatt, id‑dipartiment tekniku tas-sit ta’ Ispra, mil-listi ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi magħmula mill-operatur tat-telefon, ħareġ il-komunikazzjonijiet telefoniċi magħmula minn Acentro, ikkalkola l‑ammont korrispondenti u bagħat l-informazzjoni lid-dipartiment finanzjarju, li ħareġ il-fattura u bagħatha lil Acentro filwaqt li annetta lista tal-imsemmija komunikazzjonijiet telefoniċi.

53      Għaldaqstant għandu jiġi osservat li l-fattura saret b’konformità mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-kuntratt u li Acentro qatt ma kkontestat dan il-modus operandi matul il-kuntratt.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova fil-proċess ma turi li, fil-mument meta seħħew il-fatti, Acentro kkontestat il-fatturi inkwistjoni jew l-ittri sussegwenti li bagħtitilha l-Kummissjoni.

55      Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li Acentro, minflok ma kkontestat is-somom mitluba jew minflok ma talbet spjegazzjonjiet fuq il-fatturi inkwistjoni, stiednet lill-Kummissjoni sabiex tpaċi dan id-dejn ma’ kreditu ieħor li hija kienet tallega li għandha mingħand il‑Kummissjoni, b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ieħor, jiġifieri l-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96‑0781.00.

56      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk Acentro u l-Kummissjoni humiex debituri fil-konfront ta’ xulxin, jew mill-fatt li l-kuntratti ġew konklużi minn Acentro ma’ żewġ Komunitajiet differenti, jiġifieri l-Komunità Ewropea fil-kuntest tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi Phare Nru 96‑0781.00 u l-Euratom fil-kuntest tal-kuntratt, tostakolax it-tpaċija ssuġġerita minn Acentro, għandu jiġi kkonstatat li tali reazzjoni fiha nfisha ma hijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-fatturi inkwistjoni.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u Acero kienu rregolati, skont id-dritt Taljan, mill-prinċipju ta’ bona fide. Dan il-prinċipju jfisser li jekk waħda mill-partijiet, f’din il-kawża Acentro, tikkontesta waħda jew iktar mill-fatturi jew xi elementi tal-fatturi, hija għandha, f’terminu raġonevoli, tinforma lil parti l-oħra, f’din il-kawża, il-Kummissjoni, dwar dan.

58      Għaldaqstant, kellha tkun Acentro li kellha titlob spjegazzjonijiet jew dettalji dwar il-fatturi inkwistjoni fil-mument meta seħħew il-fatti, ħaġa li hija ma għamlitx.

59      Għaldaqstant, it-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kundanna ta’ Acentro għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 13 497.46 bħala s-somma kapitali, li jikkorrispondi mal-kreditu li l-Euratom għandu favur tiegħu mingħand Acentro b’eżekuzzjoni tal-kuntratt għandhom jiġu milqugħa.

 Dwar it-talbiet relatati mal-interessi moratorji

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Il-Kummissjoni ssostni li l-punt tat-tluq tal-kalkolu tal-interessi moratorji huwa l-25 ta’ Ġunju 2002. Hija ssostni li għall-perijodu minn din id-data, li fiha Acentro ġiet intimata għall-ħlas tas-somma kapitali sal-10 ta’ Ottubru 2008, id-data tal-preżentata tar-rikors, l-ammont ta’ interessi moratorji, ikkalkolati skont ir-rata legali applikabbli kien ta’ EUR 2 278.55

61      Skont il-Kummissjoni, l-interessi moratorji li jiddekorru wara d-data tal-preżentata tar-rikors sad-data tal-pagament effettiv tas-somma kapitali kellhom jiġu kkalkolati b’mod separat, skont ir-rata ta’ interessi stabbilita mil-leġiżlazzjoni Taljana.

62      Fl-aħħar nett, b’riferiment għall-Artikolu 1283 tal-KĊ, il-Kummissjoni titlob interessi moratorji addizzjonali. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati b’mod separat, skont id-data tal-pagament tal-interessi skaduti u r-rata ta’ interessi stabbilita mil-liġi Taljana.

63      Acentro ma ressqet l-ebda argument dwar dan il-punt.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

64      Kif jirriżulta mill-punt 59 hawn fuq, it-talba ta’ ħlas tal-Kummissjoni għandha tintlaqa’ fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 13 497.46 dovut bħala s-somma kapitali.

65      Fir-rigward tal-interessi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Mejju 2002, indikat li l-ammont dovut bħala somma kapitali kien pagabbli fi żmien ħmistax-il jum wara li Acentro tkun irċeviet din l-ittra. Din l-ittra ġiet riċevuta minn Acentro mhux iktar tard mill-10 ta’ Ġunju 2002.

66      Fin-nuqqas ta’ interessi miftehma u peress li l-kuntratt inkwistjoni huwa rregolat mil-liġi Taljana, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti u l-interessi moratorji stipulati fil-liġi Taljana.

67      Skont il-liġi Taljana, u speċifikatament l-Artikolu 1224 tal-KĊ, kreditur jista’, f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament, jitlob l-interessi moratorji stabbiliti bil-liġi, mingħajr il-bżonn li jipprova li sofra xi dannu.

68      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1283 tal-KĊ, kreditur jista’ jitlob interessi fuq l-interessi moratorji li jiddekorru mid-data tal-preżentata tar-rikors promotur, sakemm ikunu interessi dovuti fuq perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur.

69      Skont l-Artikolu 1284 tal-KĊ:

“Ir-rata tal-interessi legali hija stabbilita fl-ammont ta’ 3 % fis-sena. Il-Ministeru tal-Finanzi, permezz ta’ digriet ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana qabel il-15 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti l-applikazzjoni tar-rata, jista’ annwalment jibdel il-valur tagħha, skont id-dħul medju gross annwali tat-titoli tal-Istat ta’ tul ta’ inqas minn tnax-il xahar u fid-dawl tar-rata ta’ inflazzjoni reġistrata matul is-sena. Jekk ma tiġix stabbilita rata ġdida ta’ taxxa qabel il-15 ta’ Diċembru, din tibqa’ l-istess matul is-sena ta’ wara […]”

70      Issa, din ir-rata ġiet iffissata fl-ammont ta’ 3 % permezz tad-digriet ministerjali tal-11 ta’ Diċembru 2001, ippubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 290, tal-14 ta’ Diċembru 2001, u baqgħet applikabbli matul is-snin 2002 u 2003. Inbidlet permezz tad-digriet ministerjali tal-1 ta’ Diċembru 2003, ippubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 286, tal-10 ta’ Diċembru 2003, li ffissaha fl-ammont ta’ 2.5 % mill-1 ta’ Jannar 2004, u baqgħet applikabbli matul is-snin 2004 sa 2007. Permezz tad-digriet ministerjali tat-12 ta’ Diċembru 2007, ippubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 291, tal-15 ta’ Diċembru 2007, ir-rata ġiet iffissata fl-ammont ta’ 3 % mill-1 ta’ Jannar 2008.

71      Kif ġie indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-ittra ta’ intimazzjoni, f’dan il-każ inkwistjoni, ġiet riċevuta minn Acentro, mhux iktar tard mill-10 ta’ Ġunju 2002, Konsegwentement, it-terminu ta’ ħmistax-il jum kien jiskadi fil-25 ta’ Ġunju 2002. Huwa għalhekk minn din id-data li għandhom jibdew jiddekorru l-interessi moratorji.

72      Minn dan jirriżulta li l-ammont totali ta’ interessi moratorji dovuti minn Acentro, fid-data tal-preżentata tal-att promotur, huwa ta’ EUR 2 278.55.

73      Għaldaqstant, Acentro għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni l-ammont ta’ EUR 13 497.46 dovut bħala s-somma kapitali, is-somma ta’ EUR 2 278.55 dovuta bħala interessi moratorji li skadew fid-data tal-preżentata tar-rikors (10 ta’ Ottubru 2008) kif ukoll l-interessi moratorji fuq dawn l-ammonti kkalkolati bir-rata fis-seħħ mill-10 ta’ Ottubru 2008 sad-data tal-pagament komplet tas-somma kapitali dovuta.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-konvenuta tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Acentro Turismo SpA hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea l-ammont ta’ EUR 13 497.46 bħala somma kapitali dovuta, is-somma ta’ EUR 2 278.55 dovuta bħala interessi moratorji li skadew fid-data tal-preżentata tar-rikors kif ukoll l-interessi moratorji fuq dawn l-ammonti kkalkolati bir-rata fis-seħħ mill-10 ta’ Ottubru 2008 sad-data tal-pagament komplet tas-somma kapitali dovuta.

2)      Acentro Turismo hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.