Language of document : ECLI:EU:C:2008:703

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Drittijiet tal-awtur – Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto – Ġbir ta’ royalties għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali – Metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-royalties – Pożizzjoni dominanti – Abbuż ”

Fil-Kawża C‑52/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Marknadsdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Kanal 5 Ltd,

TV 4 AB

vs

Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta' Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Kanal 5 Ltd u TV 4 AB, minn C. Wetter u P. Karlsson, advokater, assistiti minn M. Johansson, jur. kand.,

–        għal Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa, minn A. Calissendorff, L. Johansson, E. Arbrandt, sussegwentement minn K. Cederlund u M. Jonson, advokater,

–        għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn M. Gray, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Arbault, bħala aġent, assistit minn U. Öberg, avukat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kontroversja bejn, minn naħa, Kanal 5 Ltd (iktar ’il quddiem “Kanal 5” u TV 4 AB (iktar ’il quddiem “TV 4”) u, min-naħa l-oħra, Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa (soċjetà Svediża għall-amministrazzjoni kolletiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħlijiet mużikali, iktar ’il quddiem “STIM”) fir-rigward tal-iskala ta’ royalties li din is-soċjetà tapplika għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Fl-Isvezja d-drittijiet tal-awtur huma rregolati mil-liġi 1960:729 dwar id-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet letterarji u artistiċi [lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk].

4        Skont l-Artikolu 42a u 42e ta’ din il-liġi, ix-xandara tat-televiżjoni li jużaw xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jistgħu jikkonkludu ftehim għall-għoti ta’ liċenzja ma’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u sussegwentement dawn jingħataw dritt ġenerali għax-xandir televiżiv ta’ dawn ix-xogħlijiet.

5        L-Artikolu 23 tal-liġi 1993:20 dwar il-kompetizzjoni [konkurrenslagen (1993:20), iktar ’il quddiem il-“KL”] jipprovdi:

“Il-Konkurrensverket [(Awtorità Svediża tal-kompetizzjoni)] tista’ tordna lill-impriża ttemm ksur ta’ projbizzjoni pprovduta fl-Artikoli 6 u 19 ta’ din il-liġi jew ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

Jekk il-Konkurrensverket tiddeċiedi li ma tordnax tali miżura, kull impriża li tkun vittma tal-ksur tista’ tressaq proċeduri quddiem il-Marknadsdomstolen […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Kanal 5 u TV 4 huma żewġ kumpanniji privati li jxandru bit-televiżjoni.

7        STIM hija soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li fl-Isvezja għandha monopolju de facto fis-suq tal-provvista għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.

8        Il-membri ta’ STIM huma awturi u pubblikaturi ta’ xogħlijiet mużikali.

9        Permezz ta’ kuntratt li dawn l-awturi jikkonkludu ma’ din is-soċjetà, huma jċedulha d-dritt għar-royalties dovuti kemm għar-rappreżentazzjoni u l-eżekuzzjoni pubblika (drittijiet ta’ rappreżentazzjoni) kif ukoll għall-irreġistrar u r-riproduzzjoni (drittijiet mekkaniċi) tax-xogħlijiet tagħhom.

10      Fir-rigward tad-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni, STIM tissuġġetta lil Kanal 5 u lil TV 4 għal ħlas ta’ royalties li jikkorrispondu għal perċentwali mid-dħul li huma jagħmlu mix-xandir ta’ programmi intiżi għall-pubbliku ġenerali jew, sussidjarjament, mid-dħul li huma jagħmlu mir-reklamar u/jew mill-abbonamenti.

11      Dawn il-perċentwali jvarjaw skont il-volum ta’ mużika mxandra bit-televiżjoni.

12      Min-naħa tiegħu, l-istazzjoni tat-televiżjoni pubbliku Sveriges Television (iktar ’il quddiem “SVT”), iħallas lil STIM somma ta’ royalties f’daqqa li l-ammont tagħha jiġi miftihem bil-quddiem.

13      F’Ottubru tal-2004, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-KL, Kanal 5 u TV 4 talbu lil Konkurrensverke toħroġ ordni ta’ projbizzjoni peress li, fl-opinjoni tagħhom, STIM kienet qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2005, il-Konkurrensverke ċaħdet din it-talba peress li ma kienx hemm biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tinfetaħ investigazzjoni.

15      Abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-KL, Kanal 6 u TV 4 ressqu rikors kontra STIM quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Marknadsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għal xogħlijiet mużikali li għandha monopolju de facto fi Stat Membru jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti meta din tapplika jew timponi fuq xandara tat-televiżjoni privati, skala ta’ kalkolu tar-royalties dovuti għad-dritt li jxandru xogħlijiet mużikali fi programmi televiżivi intiżi għall-pubbliku inġenerali, li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkolati bħala perċentwali mid-dħul li dawn ix-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn dawn il-programmi televiżivi?

2)      L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto fi Stat Membru jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti meta fir-relazzjonijiet ma’ stazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali din tapplika jew timponi skala ta’ royalties sabiex ikollhom id-dritt li jxandru xogħlijiet mużikali fi programmi televiżivi intiżi għall-pubbliku u li permezz tagħha dawn ir-royalties jiġu kalkolati bħala perċentwali tad-dħul li dawn ix-xandara tat-televiżjoni jagħmlu mill-programmi intiżi għall-pubbliku anke meta ma jkunx hemm kollegament evidenti bejn id-dħul u s-servizzi pprovduti mis-soċjetà għad-drittijiet tal-awtur, jiġifieri l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi trażmessa mużika protetta mid-drittijiet tal-awtur; li jiġri ta’ spiss, pereżempju, fl-aħbarijiet u programmi sportivi u meta d-dħul jiżdied permezz ta’ tisħieħ tal-iskeda ta’ programmazzjoni, ta’ investimenti fit-teknoloġija u tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet adegwati għall-bżonnijiet tal-klijenti?

3)      Ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tista’ tiġi affettwata mill-fatt li kemm il-mużika trażmesss kif ukoll l-udjenza jistgħu jiġu identifikati?

4)      Ir-risposta għal-ewwel u għat-tieni domanda tista’ tiġi affettwata mill-fatt li l-metodu tal-iskala ta’ royalties (ibbażata fuq d-dħul) mhux applikat bl-istess mod għax-xandara ta’ servizz pubbliku?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel tliet domandi

17      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati f’daqqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li, fi Stat Membru, għandha monopoju de facto fis-suq tal-provvista, għax-xandir televiżiv, ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tapplika, bħala ħlas dovut għal dan is-servizz, skala ta’ royalties li tipprovdi li l-ammonti ta’ dawn ir-royalties jiġu kkalkolati abbażi tad-dħul tax-xandara li jxandru dawn ix-xogħlijiet kif ukoll abbażi tal-kwantità ta’ mużika mxandra bit-televiżjoni, jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li huwa pprojbit mill-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, jekk il-fatt li metodu ieħor jippermetti li jiġu identifikai u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu kif ukoll l-udjenza tal-imsemmija xogħlijiet, jistax jaffettwa din il-kwalifikazzjoni.

18      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82, huwa inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbit, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu.

19      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ jekk impriża għandhiex pożizzjoni dominanti fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 KE, għandha tingħata importanza partikolari għad-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni u għad-delimitazzjoni tal-parti sostanzjali tas-suq komuni fejn l-impriża hija f’pożizzjoni li eventwalment tadotta prattiċi abbużivi li jostakolaw kompetizzjoni effettiva (ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C-7/97, Ġabra p. I-7791, punt 32).

20      F’dak li jirrigwarda s-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li dan is-suq huwa dak tal-provvista, għax-xandir televiżiv fl-Isvezja, ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.

21      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li STIM għandha monopolju de facto fl-imsemmi suq.

22      Minn dan jirriżulta li STIM għandha pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35) u li, sa fejn din il-pożizzjoni dominanti tkopri t-territorju ta’ Stat Membru, din tista’ tikkostitwixxi pożizzjoni dominanti fi ħdan parti sostanzjali tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, Dusseldorp et, C-203/96. Ġabra p. I-4075, punt 60, Bonner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 43, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 79).

23      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa affettwat minħabba l-fatt li l-iskala ta’ royalties in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-użu ta’ xogħlijiet mużikali li l-awturi tagħhom huma kemm Svediżi u kif ukoll barranin, li wħud minn dawk li jixtru spazji pubbliċitarji mingħand Kanal 5 u TV 4 huma stabbiliti fi Stati Membri oħra li mhumiex ir-Renju tal-Isvezja u li Kanal 5 ixandar mir-Renju Unit.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li STIM tapplika l-imsemmija skala fil-konfront ta’ Kanal 5 u TV 4 jikkostitwixxix użu abbużiv tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 KE.

25      Il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 91, u tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 69).

26      Għalkemm huwa minnu li pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadx lil impriża li tkun f’pożizzjoni bħal din mid-dritt li tieħu ħsieb l-interessi kummerċjali tagħha jekk dawn jiġu attakkati, u li jeħtieġ li tingħata, sa fejn huwa raġonevoli, il-possibbiltà li tieħu l-passi li tqis xierqa sabiex tipproteġi l-imsemmija interessi, dan l-aġir ma jistax jiġi aċċettat meta l-għan tiegħu huwa preċiżament li tissaħħaħ din il-pożizzjoni dominanti u li jsir abbuż minnha. (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 189, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C-468/06, Ġabra p. I-7139, punt 50).

27      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk id-detentur ta’ din il-pożizzjoni dominanti użax il-possibbiltajiet li jirriżultaw minnha sabiex jikseb vantaġġi minn tranżazzjonijiet li huwa ma kienx jikseb li kieku kien hemm kompetizzjoni normali u suffiċjentement effettiva (sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 249).

28      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, abbuż bħal dan jista’ jkun jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezz eċċessiv li ma jkunx raġonevolment relatat mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il-Kummissjoni, 26/75, Ġabra p. 1367, punt 12, kif ukoll United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 250).

29      Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk hemmx relazzjoni raġonevoli bejn ir-royalties mitluba minn STIM u s-servizz ipprovdut minn din is-soċjetà, li jikkonsisti fit-tqegħid tar-repertorju ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li hija tamministra għad-dispożizzjoni tax-xandara tat-televiżjoni li kkonkludew ftehim ta’ ħruġ ta’ liċenzji magħha.

30      Safejn dawn ir-royalties huma intiżi sabiex jirremuneraw lill-awturi ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur minħabba x-xandir televiżiv ta’ dawn ix-xogħlijiet, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ dan id-dritt.

31      F’dan il-kuntest, huwa opportun li wieħed ifittex bilanċ xieraq bejn l-interess li l-awturi tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur għandhom li jirċevu remunerazzjoni minħabba x-xandir televiżiv ta’ dawn ix-xogħlijiet u l-interess li x-xandara tat-televiżjoni għandhom li jkunu jistgħu jxandru l-imsemmija xogħlijiet skont kundizzjonijiet raġonevoli.

32      Fir-rigward tar-royalties miġbura bħala remunerazzjoni tad-dritt tal-awtur għar-rappreżentazzjoni pubblika, f’diskoteka, ta’ xogħlijiet mużikali rreġistrati, fejn dawn ir-royalties kienu jiġu kkalolati abbażi tad-dħul mill-bejgħ tad-diskoteka inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali royalties kellhom jiġu kkunsidrati bħala l-isfruttament normali ta’ dritt tal-awtur u li l-impożizzjoni tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi, fiha nnifisha, aġir abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ April 1987, Basset, 402/85, Ġabra p. 1747, punti 15, 16, 18 u 21).

33      F’dak li jirrigwarda n-natura abbużiva tar-rata ta’ royalties analogi, li l-ammont tagħhom kien ukoll jikkorrispondi għal perċentwali tad-dħul mill-bejgħ ta’ diskoteka, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura globali ta’ dawn ir-royalties tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tal-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 82 KE biss sa fejn ikun hemm metodi oħra li jistgħu jilħqu l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkunu jinvolvu żieda fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, Ġabra p. 2521, punt 45).

34      Bl-istess mod, l-applikazzjoni, min-naħa ta’ STIM, tal-iskala ta’ royalties inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE u għandha, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala sfruttament normali tad-drittijiet tal-awtur.

35      Fil-fatt, ma jistax jiġi kkuntestat li, billi tiġbor royalties bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, STIM tippersegwi għan leġittimu, jiġifieri, il ħarsien tad-drittijiet u tal-interessi tal-membri tagħha fil-konfront ta’ dawk li jużaw ix-xogħlijiet mużikali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tournier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

36      Barra minn dan, dawn ir-royalties, li jirrappreżentaw il-ħlas dovut għall-użu, għal finijiet ta’ xandir televiżiv, ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur għandhom, normalment, jiġu analizzati fid-dawl tal-valur li dan l-użu għandu fil-kummerċ.

37      F'dan ir-rigward, sa fejn dawn ir-royalties huma kkalkolati abbażi tad-dħul tax-xandara tat-televiżjoni, dawn huma, bħala prinċipju, raġonevolment relatati mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut minn STIM.

38      Barra minn dan, il-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur u l-aventi kawża tiegħu għandhom interess leġittimu li jikkalkolaw ir-royalties dovuti għall-awtorizzazzjoni ta’ rappreżentazzjoni ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur skont in-numru reali jew probabbli tar-rappreżentazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1980, Coditel et, 62/79, Ġabra p. 881, punt 13, kif ukoll Tournier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

39      Għandu jingħad li l-iskala ta’ royalties applikata minn STIM tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li jkun ġew effettivament imxandra fuq it-televiżjoni, peress li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ammont ta’ dawn ir-royalties ivarja mhux biss skont id-dħul tax-xandara tat-televiżjoni iżda wkoll skont il-volum ta’ mużika mxandra.

40      Madankollu ma jistax jiġi eskluż li f’ċerti ċirkustanzi l-applikazzjoni ta’ skala ta’ royalties bħal din tista’ tkun ta’ natura abbużiva, b’mod partikolari meta jkun hemm metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza u fil-każ fejn dan il-metodu jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.

41      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jkollha pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni ma tkunx qed tisfrutta b’mod abbużiv din il-pożizzjoni meta, bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tapplika, fil-konfront ta’ xandara tat-televiżjoni privati, skala ta’ royalties li tipprovdi li l-ammont ta’ dawn ir-royalties għandu jkun jikkorrispondi għal parti mid-dħul ta’ dawn ix-xandara, sakemm din il-parti tkun globalment proporzjonali għall-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li effettiviament ġew, jew li setgħu jiġu, imxandra fuq it-televiżjoni u sakemm ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur

 Fuq ir-raba’ domanda

42      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur tikkalkula r-royalties miġbura bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku, jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

43      Skont l-Artikolu 82(c) tista’ b’mod partikolari tikkostitwixxi prattika abbużiva l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv

44      F’dak li jirrigwarda l-eventwali eżistenza ta’ prattika bħal din fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, l-ewwel nett, jekk billi tikkalkola b’mod differenti r-royalties dovuti minn Kanal 5 u TV 4, minn naħa, u minn STV, min-naħa l-oħra, bħala remunerazzjoni għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, STIM tapplika fil-konfront tagħhom kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u, it-tieni nett, jekk dawn ix-xandara tat-televiżjoni humiex, minħabba f’dan, żvantaġġati mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

45      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, bil-kontra ta’ Kanal 5 u TV 4, STV la tagħmel dħul minn kuntratti pubbliċitarji u lanqas minn kuntratti ta’ abbonament u wkoll tal-fatt li r-royalties dovuti minn STV jinġabru mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur effettivament imxandra fuq it-televiżjoni.

46      Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tivverifika jekk Kanal 5 u TV 4 jew wieħed minn fost dawn iż-żewġ xandara humiex kompetituri ta’ STV fl-istess suq.

47      Fl-aħħar nett, sabiex tiddetermina jekk il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tikkalkula r-royalties miġbura bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku, jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk prattika bħal din tistax tkun oġġettivament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 184; Touriner, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 46; tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 69, kif ukoll Sot. Lélos kai Sia et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Tali ġustifikazzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-inkarigu u mill-metodu ta’ finanzjament tax-xandara ta’ servizz pubbliku.

48      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, billi tikkalkula r-royalties miġbura bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tista’ tuża b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-imsemmi artikolu meta hija tapplika fil-konfront ta’ dawn ix-xandara kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u li minħabba f’hekk tqegħedhom fi żvantaġġ kompetittiv, dejjem sakemm din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li jkollha pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni ma tkunx qed tisfrutta b’mod abbużiv din il-pożizzjoni meta, bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tapplika, fil-konfront ta’ xandara tat-televiżjoni privati, skala ta’ royalties li tipprovdi li l-ammont ta’ dawn ir-royalties għandu jkun jikkorrispondi għal parti mid-dħul ta’ dawn ix-xandara, sakemm din il-parti tkun globalment proporzjonali għall-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li effettivament ġew, jew li setgħu jiġu, imxandra fuq it-televiżjoni u sakemm ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġu identifikati u kkwantifikati b’mod iktar preċiż kemm l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-udjenza, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż relatati mal-amministrazzjoni tal-kuntratti u mas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet imsemmija.

2)      L-Artikolu 82 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, billi tikkalkula r-royalties miġbura bħala remunerazzjoni dovuta għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur b’mod differenti skont jekk ix-xandar tat-televiżjoni jkunx xandar privat jew xandar ta’ servizz pubbliku, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur tista’ tuża b’mod abbużiv il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-imsemmi artikolu meta hija tapplika fil-konfront ta’ dawn ix-xandara kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u meta minħabba f’hekk tqegħedhom fi żvantaġġ kompetittiv, dejjem sakemm din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.