Language of document : ECLI:EU:T:2019:763

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 (*)(i)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Happy Moreno choco – Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti MORENO – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Sostituzzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti – Rettifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001 – Bażi ġuridika – Prassi deċiżjonali preċedenti – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑498/18,

Zpc Flis sp.j., stabbilita f’Radziejowice (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Kondrat, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn K. Kompari u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Lützenrath, U. Rademacher, C. Fürsen u M. Minkner, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑31 ta’ Mejju 2018 (Każ R 1464/2017‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Aldi Einkauf u ZPC Flis,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Awwissu 2018,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Novembru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Novembru 2018,

wara li rat it-talba għal preżentata ta’ dokumenti indirizzata mill-Qorti tal-Ġenerali lill-EUIPO fil‑5 ta’ Frar 2019,

wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal din il-mistoqsija ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2019,

wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑22 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti, ZPC Flis sp.j., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 30 u 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 30: “Ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti”;

–        klassi 35: “Bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ ħlewwiet, ta’ forom tal-gallettini żgħar, ta’ wejfers, ta’ wejfers imgerba, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ ħlewwiet, ta’ forom tal-gallettini żgħar, ta’ wejfers, ta’ wejfers imgerba permezz tal-internet”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata f’Il-Bulettin tat-Trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 59/2016, tat‑30 ta’ Marzu 2016.

5        Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, l-intervenjenti, Aldi Einkauf GmbH & Co. OHG ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq trade marks Ġermaniżi figurattivi preċedenti rreġistrati oriġinarjament għall-prodotti “kafè, kafè artifiċjali; prodotti dderivati mill-kafè; xorb ibbażat fuq il-kafè; tè, kawkaw; prodotti dderivati mill-kawkaw; xorb ibbażat fuq il-kawkaw; xorb ibbażat fuq iċ-ċikkulata; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq ukoll f’forma instantanja”, fil-klassi 30 (iktar ’il quddiem il-“lista inizjali tal-prodotti”). Wara deċiżjoni ta’ annullament parzjali tad‑29 ta’ Settembru 2008 tad-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, il-Ġermanja), ir-reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi figurattivi preċedenti kienet ġiet limitata għall-prodotti “kafè, prodotti u xorb ibbażat fuq il-kafè li fihom il-kafé; trab għall-preparazzjoni ta’ xorb ibbażat fuq il-kawkaw”, fil-klassi 30 (iktar ’il quddiem il-“lista emendata tal-prodotti”). Dawn it-trade marks preċedenti huma dawn li ġejjin:

–        it-trade mark Ġermaniża figurattiva preċedenti ppreżentata fis‑17 ta’ Jannar 2007 u rreġistrata fid‑29 ta’ Marzu 2007 taħt in-numru 30702839, kif irriprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark Ġermaniża figurattiva preċedenti ppreżentata fis‑17 ta’ Jannar 2007 u rreġistrata fid‑29 ta’ Marzu 2007 taħt in-numru 30702840, kif irriprodotta hawn taħt:

Image not found

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001).

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2017, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-lista emendata tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti.

9        Fis‑6 ta’ Lulju 2017, l-intervenjenti appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li t-territorju rilevanti kien il-Ġermanja u li l-pubbliku rilevanti kien jikkonsisti mill-pubbliku ġenerali relattivament informat tajjeb u raġonevolment attent u avżat li għandu livell medju ta’ attenzjoni.

12      Għal dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, il-Bord tal-Appell qies li l-“ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti”, fil-klassi 30 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-prodotti li jaqgħu taħt il-lista inizjali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti kienu identiċi jew jixxiebhu. Il-Bord tal-Appell qies ukoll, essenzjalment, li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jixxiebhu mal-prodotti li jaqgħu taħt il-lista inizjali koperti mit-trade marks preċedenti, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ forom tal-gallettini żgħar, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ forom tal-gallettini żgħar permezz tal-internet”, li huma differenti.

13      Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, li l-element distintiv tal-imsemmija sinjali kien il-kelma komuni “moreno” u li dawn kienu jixxiebhu fuq livell viżiv u jixxiebhu ħafna, jekk mhux identiċi, fuq livell fonetiku, filwaqt li l-livell kunċettwali min-naħa tiegħu ma għandu ebda rwol fil-paragun tas-sinjali kunfliġġenti.

14      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha, bl-eċċezzjoni tas-servizzi fil-klassi 35 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni sussegwenti: “Bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ forom tal-gallettini żgħar, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ forom tal-gallettini żgħar permezz tal-internet”.

15      Fil‑15 ta’ Novembru 2018, il-Bord tal-Appell adotta deċiżjoni bit-titolu “Rettifika”, abbażi tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001, innotifikata fil‑11 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018”). B’hekk huwa ssostitwixxa l-lista inizjali tal-prodotti bil-lista emendata tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti.

16      Il-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex emendat bir-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-kawża lill-EUIPO għal eżami mill-ġdid; jew

–        tibdel id-deċiżjoni kkontestata “billi tiddikjara li ma hemmx raġunijiet relattivi għar-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark [li għaliha saret l-applikazzjoni] għall-prodotti u għas-servizzi kollha fil-klassijiet 30 u 35 u li t-trade mark għandha tiġi rreġistrata”;

–        “fir-rigward tal-ispejjeż, tiddeċiedi favur [tagħha]”.

18      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018 ġiet adottata barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001 u tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tallega li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

21      L-intervenjenti teċċepixxi li r-rikors huwa inammissibbli, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, minħabba li t-talbiet tar-rikorrenti huma kuntrarji għall-prinċipju li dawn għandhom ikunu “definiti u mhux ambigwi”. Fil-fehma tagħha, huwa impossibbli li jsir magħruf, f’dan il-każ, liema hija t-talba tar-rikorrenti.

22      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 177(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li huwa perfettament intelliġibbli li r-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun il-każ, il-bidla tal-imsemmija deċiżjoni.

23      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi A.3 sa A.27 tar-rikors, ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

24      L-EUIPO jsostni li l-provi prodotti mir-rikorrenti, relatati mal-użu tal-kelma “moreno” fis-suq, huma inammissibbli inkwantu dawn huma ġodda, sa fejn l-imsemmija provi ma kinux għad-dispożizzjoni tal-Bord tal-Appell meta huwa adotta d-deċiżjoni kkontestata.

25      L-intervenjenti tqajjem espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà sa fejn ir-rikorrenti ppreżentat id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi A.3 sa A.27 tar-rikors għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, Tubes Radiatori vs UASI – Antrax It (Radiateur), T‑315/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:115, punt 27; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, ir-rikorrenti pprovdiet kopji stampati ta’ estratti minn diversi databases, bħal dik tal-EUIPO (Annessi A.3, A.11 u A.21 sa A.24), dik tal-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks (Annessi A.4 u A.5), dik tal-Lietuvos Respublikos valstybinis patentų biuras (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Privattivi tar-Repubblika tal-Litwanja, il-Litwanja) (Anness A.19) u dik tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) (Annessi A.6, A.16 sa A.18, A.20 u A.25 sa A.27), kopji stampati ta’ dizzjunarji online (Annessi A.7 sa A.9), kopja stampata ta’ paġna minn enċiklopedija online Wikipedia (Anness A.10) kif ukoll kopji stampati ta’ paġni minn siti internet (Annessi A.12 sa A.15).

28      Issa, għandu jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet il-provi msemmija iktar ’il fuq waqt il-proċedura quddiem id-dipartimenti tal-EUIPO sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod li dawn ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inklużi fl-Annessi A.3 sa A.6.

29      Fil-fatt, għalkemm id-dokumenti li jinsabu fl-Annessi A.3 sa A.6 jikkostitwixxu provi ġodda, ir-rikorrenti madankollu ma tistax tiġi kkritikata li ppreżentat l-estratti mid-databases tal-EUIPO (Anness A.3), tal-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks (Annessi A.4 u A.5) u tal-WIPO (Anness A.6) sabiex issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tal-lista tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti kienu rreġistrati, żball li ma setax jiġi nnotat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Minn dan isegwi li l-Annessi A.3 sa A.6 tar-rikors għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

 Fuq is-sostituzzjoni tal-lista tal-prodotti fid-deċiżjoni kkontestata u r-rettifika tal15 ta’ Novembru 2018

31      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell jirreferi għal-lista inizjali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, filwaqt li l-lista emendata tal-prodotti tidher fl-estratti mid-databases tal-WIPO u tal-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, fatt li jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009. Fit-tweġiba tagħha tal‑20 ta’ Frar 2019 għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 sabiex jadotta r-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018. Ir-rikorrenti ssostni li s-sostituzzjoni tal-lista tal-prodotti ma tistax titqies bħala żball jew bħala ommissjoni manifesta, li din taffettwa l-eżattezza tal-analiżi tal-Bord tal-Appell, li din għandha impatt fuq il-motivazzjoni kif ukoll fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u li din ittieħdet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001.

32      L-EUIPO jirrikonoxxi li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-lista inizjali tal-prodotti u mhux dik tal-prodotti li għalihom ġew irreġistrati t-trade marks preċedenti, wara l-limitazzjoni. Madankollu, l-EUIPO jsostni li dan l-iżball materjali, irrettifikat permezz tar-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018, ma għandu ebda effett fuq ir-raġunament segwit kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, peress li l-“prodotti dderivati mill-kafè” huma inklużi b’mod identiku fil-lista inizjali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti u fil-lista emendata tal-prodotti.

33      L-intervenjenti tammetti, fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-lista inizjali tal-prodotti u dik emendata tal-prodotti huma differenti. Madankollu, l-intervenjenti ssostni li dan l-iżball ma jbiddilx ir-raġunament u lanqas il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell.

34      L-Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001 jipprovdi li l-EUIPO għandu jirrettifika, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ parti, l-iżbalji lingwistiċi jew l-iżbalji ta’ traskrizzjoni u l-iżvisti manifesti li jinsabu fid-deċiżjonijiet tiegħu, jew l-iżbalji tekniċi attribwibbli lilu li seħħew waqt ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew il-pubblikazzjoni ta’ din ir-reġistrazzjoni.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet relatati mad-delimitazzjoni tat-territorju, mad-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti kif ukoll dawk relatati mal-paragun tas-sinjali b’ebda mod ma ġew emendati permezz tar-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018.

36      Fil-fatt, ir-riferiment għal-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti biss ġie inkluż, fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz tar-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018 u r-riferiment għall-prodotti li effettivament jikkorrispondu għal-lista emendata tal-prodotti biss ġie ssostitwit, permezz ta’ din ir-rettifika, fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, fil-punti 18, 19 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, fil-kuntest tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-punt 40 tal-imsemmija deċiżjoni.

37      Għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, is-sostituzzjoni tal-lista tal-prodotti fil-klassi 30 u koperti mit-trade marks preċedenti ma tistax tiġi kklassifikata la bħala żball lingwistiku u lanqas bħala żball ta’ traskrizzjoni peress li, għal dan tal-aħħar, il-Bord tal-Appell eżamina l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni fid-dawl tal-lista inizjali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. Barra minn hekk, ir-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018 ma neħħietx mid-deċiżjoni kkontestata r-riferimenti kollha relatati mal-lista inizjali tal-prodotti. Dan jixhdu r-riferiment għall-prodotti bħalma huma t-tè, magħmul fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, meta l-Bord tal-Appell jiddikjara li t-tè infuż jista’ jintuża’ fil-preparazzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif ukoll ir-riferiment għall-Annessi 7 u 8 li jirrigwardaw iċ-ċikkulata u huma relatati mal-provi li r-rikorrenti pproduċiet sabiex turi l-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni.

38      It-tieni nett, u kuntrarjament għal dak li sostnew l-EUIPO u l-intervenjenti matul is-seduta, l-iżball li wassal għas-sostituzzjoni tal-lista tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti lanqas ma jikkorrispondi għal żvista manifesta, peress li l-Bord tal-Appell eżamina l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti kollha li jifformaw il-formulazzjoni tal-lista inizjali tal-prodotti, bħalma huwa t-tè (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

39      It-tielet nett, il-klassifikazzjoni bħala żball tekniku li tiġġustifika l-użu tal-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1001 għandha wkoll tiġi miċħuda, sa fejn, f’dan il-każ, l-iżball ma jirrigwardax ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda teħid inkunsiderazzjoni inkorrett tal-lista tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti ġew effettivament irreġistrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

40      Minn dan isegwi li r-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018 ġiet adottata barra mill-każijiet previsti fl-Artikolu 102(1) tar-Regolament 2017/1001, li fihom il-Bordijiet tal-Appell jistgħu jirrettifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant din kienet nieqsa minn kull bażi ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2011, mPAY24 vs UASI – Ultra (MPAY24), T‑275/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:683, punt 25).

41      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi li saru fir-rigward tagħha permezz tar-rettifika tal‑15 ta’ Novembru 2018.

42      Fir-rigward tal-argument invokat mill-EUIPO waqt is-seduta li, anki jekk jitqies li l-Bord tal-Appell wettaq żball fid-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, peress li dan ma kellu ebda influwenza fuq ir-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2015, Giovanni Cosmetics vs UASI – Vasconcelos & Gonçalves (GIOVANNI GALLI), T‑559/13, EU:T:2015:353, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok li dan jiġi miċħud għar-raġunijiet sussegwenti.

43      Fil-fatt, il-kafé u x-xorb ibbażat fuq il-kafè huma komuni għaż-żewġ listi tal-prodotti f’formulazzjoni identika u l-prodotti dderivati mill-kafè huma komuni għall-imsemmija listi f’formulazzjoni simili, b’mod li r-raġunament segwit, l-evalwazzjoni mwettqa u l-konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija prodotti fid-deċiżjoni kkontestata huma wkoll identiċi. F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku t-“trab għall-preparazzjoni ta’ xorb ibbażat fuq il-kawkaw” imsemmi fil-lista emendata tal-prodotti, għandu jiġi aċċettat li dan jiġbor fi ħdanu parti mill-prodotti relatati max-“xorb ibbażat fuq il-kawkaw” u mal-kawkaw f’forma instantanja (intiż għax-xorb).

44      Minn dan isegwi li l-lista emendata tal-prodotti hija iktar ristretta u hija kompletament inkluża fil-lista inizjali tal-prodotti inkluża fid-deċiżjoni kkontestata.

45      Peress li l-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-lista inizjali, huwa ddeċieda ultra petita billi ħa inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni prodotti li ma humiex dawk li għalihom it-trade marks preċedenti ġew irreġistrati, jiġifieri l-“kafè artifiċjali; tè, kawkaw; prodotti dderivati mill-kawkaw; xorb ibbażat fuq iċ-ċikkulata; il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq ukoll f’forma instantanja”, bl-eċċezzjoni tal-kawkaw fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

46      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward ta’ prodotti li ma humiex dawk li għalihom it-trade marks preċedenti ġew irreġistrati.

47      Barra minn hekk, hemm lok li l-motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti ġew effettivament irreġistrati.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

48      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, “trade marks preċedenti” tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, relatati mad-delimitazzjoni tat-territorju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kif ukoll mad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti.

 Fuq il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fl-eżami tal-paragun tal-prodotti u li, konsegwentement, huwa żbalja meta kkonkluda li kien hemm identiċità jew xebh bejn il-prodotti fil-klassi 30. Hija ssostni li l-prodotti huma differenti inkwantu, minn naħa, dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma intiżi għall-ikel, filwaqt li dawk koperti mit-trade marks preċedenti huma intiżi għax-xorb, u, min-naħa l-oħra, il-wejfers, il-pasti u l-ħlewwiet jistgħu jiġu magħmula minn diversi ingredjenti, li fosthom il-kawkaw jew il-kafè ma huwiex l-ingredjent prinċipali. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni r-raġunijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni relatati, b’mod partikolari, mad-differenzi fin-natura u fil-finalità tal-prodotti. Barra minn hekk, hija ssostni li l-prodotti inkwistjoni huma differenti, għaliex il-fatt li wieħed iżid il-kawkaw jew togħma b’bażi ta’ kawkaw jew ta’ kafè ma’ prodotti lesti bħall-wejfers, il-ħlewwiet jew il-pasti friski ma jimplikax awtomatikament li dawn il-prodotti huma kkummerċjalizzati taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Din is-suppożizzjoni tmur lil hinn mill-portata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, hija żżid li l-prodotti inkwistjoni huma prodotti tal-ikel kompletament differenti li ma jinsabux fil-viċinanza immedjata, b’mod partikolari fir-ringieli tas-supermarkets, u li l-prodotti kif ukoll is-servizzi jistgħu jew jaqsmu l-istess rotot ta’ distribuzzjoni, jew jużaw rotot ta’ distribuzzjoni differenti.

52      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

53      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, fost oħrajn, in-natura tagħhom, il-finalità tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, pereżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, ġie deċiż li, meta l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jinkludu l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala identiċi (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, ARTHUR ET FELICIE, T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-fatt li l-prodotti kkonċernati kienu ta’ spiss mibjugħa fl-istess punti ta’ bejgħ speċjalizzati kien ta’ natura li jiffaċilita l-perċezzjoni mill-konsumatur ikkonċernat tar-rabtiet stretti li jeżistu bejniethom u li jsaħħaħ l-impressjoni li r-responsabbiltà għall-manifattura tagħhom taqa’ fuq l-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, T‑443/05, EU:T:2007:219, punt 50).

–       Fuq il-paragun tal-prodotti fil-klassi 30

56      Fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti fil-klassi 30 u koperti mis-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn kienu parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu.

57      L-ewwel nett, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies, qabel kollox, li l-ispeċifikazzjoni relatata mal-prodotti dderivati mill-kafè u mal-prodotti dderivati mill-kawkaw, fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kienet testendi għall-prodotti tal-ikel lesti li l-ingredjent prinċipali tagħhom huwa l-kafè jew iċ-ċikkulata, sussegwentement, li l-“ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti”, li l-ingredjent prinċipali tagħhom huwa l-kafè jew il-kawkaw, setgħu jitqiesu bħala kawkaw jew bħala prodotti dderivati mill-kawkaw, u, fl-aħħar nett, li l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti dderivati mill-kafè u tal-prodotti dderivati mill-kawkaw kienet tinkludi l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li l-ingredjent prinċipali tagħhom huwa l-kafè jew il-kawkaw, u li, f’dan ir-rigward, dawn il-prodotti setgħu jitqiesu bħala identiċi.

58      Għalkemm, ċertament, il-“prodotti dderivati mill-kafè” huma komponenti bażiċi tal-“ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Eddy’s Snack Company vs EUIPO – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Eddy’s Snackcompany), T‑652/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:564, punti 34 u 35), peress li dawn jistgħu jiġu inklużi fil-preparazzjoni tagħhom sabiex jagħtuhom ċerta togħma, anki jekk dawn ma humiex l-ingredjent prinċipali tagħhom, madankollu hemm lok li jitqies li l-“prodotti dderivati mill-kafè” jinkludu l-“ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti” biss meta l-ingredjent prinċipali jkun il-kafé, sa fejn dawk tal-ewwel jikkostitwixxu indikazzjoni ġenerali jew kategorija iktar wiesgħa minn dawk tat-tieni.

59      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonkluda li kien hemm identiċità bejn dawn il-prodotti koperti mis-sinjali kunfliġġenti, sa fejn il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti kienu jinkludu l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

60      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti l-oħra koperti mit-trade marks preċedenti, li jikkorrispondu għax-xorb jew għall-prodotti użati għall-manifattura ta’ xorb jew bħala ingredjent li jippermetti li tiġi miżjuda aroma jew togħma mal-ikel, kienu jixxiebhu mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba li dawn kienu komplementari, peress li huma ta’ spiss ikkonsmati, mibjugħa jew servuti flimkien u li l-pubbliku rilevanti jikkunsidra regolarment li jixtrihom flimkien.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi taqa’ fuq l-istess impriża. Bħala definizzjoni, prodotti intiżi għal pubbliku differenti ma jistgħux ikunu ta’ natura komplementari (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, EU:T:2009:14, punt 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Ċertament, huwa b’mod korrett li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu differenti minn dawk koperti mit-trade marks preċedenti, fid-dawl tan-natura u tal-finalità tagħhom. Fil-fatt, filwaqt li l-“ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti” huma prodotti tal-ikel solidi kkonsmati sabiex jaqtgħu l-ġuħ jew sabiex jaqtgħu l-aptit għal prodotti ħelwin, il-kafè, ix-xorb ibbażat fuq il-kafè jew it-trab għall-preparazzjoni ta’ xorb ibbażat fuq il-kawkaw huma prodotti tal-ikel likwidi jew użati għall-manifattura ta’ prodotti tal-ikel likwidi kkonsmati sabiex jaqtgħu l-għatx jew sabiex jissodisfaw il-ħtieġa għall-kafeina jew sabiex jaqtgħu l-aptit għal kawkaw, hekk kif inkluż fix-xorb ibbażat fuq il-kawkaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2015, Monster Energy vs UASI  – Home Focus (MoMo Monsters), T‑736/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:809, punti 23 u 25).

63      Fir-rigward tal-komplementarjetà ta’ dawn il-prodotti, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba u pasti jistgħu jkunu akkumpanjati minn xorb, l-użu tagħhom la huwa indispensabbli u lanqas importanti għall-konsum ta’ kafè, ta’ xorb ibbażat fuq il-kafè jew ta’ trab għall-preparazzjoni ta’ xorb ibbażat fuq il-kawkaw jew viċe versa, anki jekk il-pubbliku rilevanti jista’ jikkonsmahom flimkien (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2015, MoMo Monsters, T‑736/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:809, punti 28 u 29).

64      Madankollu, fir-rigward tar-rotot ta’ distribuzzjoni, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirrileva l-EUIPO, li r-rikorrenti tammetti li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jaqsmu l-istess rotot ta’ distribuzzjoni u ma tikkontestax li dawn huma intiżi għall-istess konsumaturi. Barra minn hekk, il-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni huma ġeneralment ippreżentati, b’mod partikolari fis-supermarkets, fl-istess ringieli jew fil-viċinanza, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li dawn jistgħu joriġinaw mill-istess produtturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2016, Franmax vs EUIPO – Ehrmann (Dino), T‑21/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:241, punt 27).

65      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tikkonkludi li jeżisti xebh bejn il-prodotti “ħlewwiet, ħelu, wejfers, wejfers imgerba, pasti” u “kafè, xorb ibbażat fuq il-kafè jew trab għall-preparazzjoni ta’ xorb ibbażat fuq il-kawkaw” għandha tiġi approvata.

–       Fuq il-paragun tal-prodotti fil-klassi 30 u tas-servizzi fil-klassi 35

66      Fir-rigward tax-xebh bejn is-servizzi, fil-klassi 35, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti, fil-klassi 30, koperti mit-trade marks preċedenti, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm livell baxx ta’ xebh bejn is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ ħlewwiet, ta’ wejfers, ta’ wejfers imgerba; bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ ħlewwiet, ta’ wejfers, ta’ wejfers imgerba permezz tal-internet” u l-“prodotti dderivati mill-kafè; prodotti dderivati mill-kawkaw”, sakemm dawn tal-aħħar kienu jinkludu l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li l-ingredjent jew it-togħma prinċipali tagħhom huwa l-kafè jew il-kawkaw.

67      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jindika l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll sinteżi sommarja tal-imsemmija motivi. Din l-indikazzjoni għandha tirriżulta mit-test stess tar-rikors u għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra li fuqha jistgħu jibbażaw ruħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat, hekk kif għamel l-EUIPO, li r-rikorrenti ssostni, b’mod ġenerali, li ma jeżisti ebda xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, mingħajr madankollu ma tressaq, insostenn tal-affermazzjoni tagħha, ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-paragun bejn is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, b’mod partikolari.

69      Minn dan isegwi li din l-allegazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura u li, konsegwentement, l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq.

 Fuq il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti

70      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għall-ipparagunar tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, fejn kull waħda titqies fl-intier tagħha, fatt li ma jeskludix li l-impressjoni globali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 42, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:539, punt 43). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:539, punt 43).

72      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat ix-xebh tas-sinjali kunfliġġenti.

73      F’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi erba’ elementi verbali li huma kemxejn stilizzati, jiġifieri “flis”, bil-kulur deheb, “happy”, bil-kulur isfar, kif ukoll “moreno” u “choco”, bil-kulur abjad. Is-sinjal huwa kompost ukoll minn elementi figurattivi, bħal sfond li jippreżenta sfumaturi ta’ kulur kannella, b’kulur iktar ċar fil-parti ta’ fuq u iktar skur fil-parti ta’ isfel, kif ukoll kuruna bil-kulur deheb imqiegħda fuq l-element verbali “flis” u fuq ix-xellug tal-kelma “happy”.

74      It-trade marks preċedenti jinkludu element verbali wieħed, “moreno”. It-trade mark preċedenti Nru 30702839 tinkludi l-imsemmi element verbali bil-kulur griż fuq sfond iswed inkwadrat b’bordura griża. Fir-rigward tat-trade mark preċedenti Nru 30702840, din tinkludi dan l-istess element verbali fejn l-ewwel u l-aħħar ittri “m” u “o” huma ikbar mill-oħrajn kif ukoll żewġ elementi figurattivi li jirrappreżentaw żewġ linji vertikali li huma mqiegħda fit-truf.

–       Fuq l-identifikazzjoni tal-elementi distintivi u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

75      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-element dominanti ma huwiex l-element verbali “moreno”, iżda l-kuruna bil-kulur deheb li tinsab fiċ-ċentru tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, fejn l-imsemmija kuruna hija wkoll protetta permezz ta’ żewġ trade marks figurattivi tal-Unjoni Ewropea rreġistrati f’isem ir-rikorrenti, waħda bl-istess kulur u l-oħra bil-kulur iswed. Ir-rikorrenti ssostni li din il-kuruna ma hijiex element negliġibbli, iżda hija, għall-kuntrarju, element distintiv tas-sinjal li jirreferi għall-proprjetarju tiegħu, jiġifieri r-rikorrenti, u li l-kuruna, minbarra li hija element dominanti, tiddistingwi ruħha permezz tal-kulur deheb tagħha fuq sfond skur iswed u kannella.

76      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

77      Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ element li jifforma parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ikbar jew iżgħar ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom bħala li joriġinaw minn impriża speċifika, u għalhekk sabiex dawn il-prodotti jew is-servizzi jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra. Waqt din l-evalwazzjoni, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, For Tune vs EUIPO – Gastwerk Hotel Hamburg (fortune), T‑579/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:644, punt 34).

78      Barra minn hekk, meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u minn elementi figurattivi, dawk tal-ewwel ikunu, bħala prinċipju, iktar distintivi minn dawk tat-tieni, peress li l-konsumatur medju jirreferi iktar faċilment għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni billi jiċċita l-elementi verbali milli billi jiddeskrivi l-elementi figurattivi ta’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, Borrajo Canelo vs UASI – Tecnoazúcar (PALMA MULATA), T‑381/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:119, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ uħud mill-komponenti speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, għandhom, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jiġu pparagunati ma’ dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk u b’mod addizzjonali, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tad-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, EU:T:2002:261, punt 35).

80      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif għamlu l-Bord tal-Appell u l-EUIPO, li l-kelma “moreno” hija l-element distintiv tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, minħabba li din il-kelma ma għandha ebda sinjifikat bil-Ġermaniż. L-argument tar-rikorrenti li l-element verbali “moreno” għandu sinjifikat bl-Ispanjol, sinjifikat li l-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża għandu jipperċepixxi mill-imsemmi element verbali, ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni, peress li, hekk kif tammetti r-rikorrenti, l-Ispanjol ma tantx huwa magħruf mill-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża u dan l-argument bl-ebda mod ma huwa sostnut. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha ġew iddikjarati inammissibbli.

81      Barra minn hekk, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, u li r-rikorrenti ma tikkontestax, li skontha l-pubbliku rilevanti jifhem il-kliem “happy” u “choco” (li tirreferi għall-kelma Ġermaniża “Schokolade”), rispettivament, bħala l-pjaċir ipprovdut mill-fatt li jiġu kkonsmati l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u bħala l-ingredjent prinċipali jew it-togħma prinċipali tal-prodotti inkwistjoni. Konsegwentement, għandu jitqies, minn naħa, li l-element verbali “choco” huwa allużiv inkwantu jirreferi b’mod ċar għaċ-ċikkulata jew għal taqsira ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Sun System Kereskedelmi és Szolgáltató vs EUIPO – Hollandimpex Kereskedelmi és Szolgáltató (Choco Love), T‑325/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:29, punt 57) u, min-naħa l-oħra, li l-element “happy” għandu karattru distintiv dgħajjef.

82      Fir-rigward tal-elementi figurattivi, għandu jiġi kkonstatat li l-isfond, kemm f’termini tal-forma ġeometrika kif ukoll tad-degradazzjoni tal-kulur kannella, anki jekk dan tal-aħħar jista’ jirreferi għall-kulur tal-kafè jew taċ-ċikkulata, huwa banali u ma jistax jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti.

83      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti, essenzjalment intiż sabiex juri li l-kuruna għandha karattru distintiv minħabba li kienet is-suġġett ta’ żewġ reġistrazzjonijiet preċedenti bħala trade marks figurattivi tal-Unjoni Ewropea Nri 008328346 u 015001266 ma jistax jiġi milqugħ.

84      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li t-trade marks figurattivi Nri 008328346 u 015001266 huma komposti mill-element verbali “flis”, jiġifieri parti mill-isem kummerċjali tar-rikorrenti, u minn element figurattiv, bħal, rispettivament, kuruna bil-kulur iswed u kuruna bil-kulur deheb.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sinjal li minnu huma komposti t-trade marks figurattivi msemmija iktar ’il fuq huwa inkluż kompletament fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, jekk il-kelma “flis”, imqiegħda taħt il-kuruna, ma hijiex perċepibbli b’mod ċar, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti ma jagħtiha ebda attenzjoni partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-karattru distintiv tal-kuruna bil-kulur deheb għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-impressjoni ġenerali tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’dan il-każ. Issa, hekk kif jirrileva l-EUIPO, din il-kuruna tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li hija ta’ natura ta’ tifħir minflok bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża speċifika.

86      Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, minn naħa, l-element verbali “moreno” huwa l-element distintiv, il-kelma “choco” hija allużiva u l-element verbali “happy” għandu karattru distintiv dgħajjef u, min-naħa l-oħra, l-elementi figurattivi ma humiex ta’ karattru distintiv, bl-eċċezzjoni tal-element li jirrappreżenta l-kuruna bil-kulur deheb, li madankollu għandu karattru ta’ tifħir u ma huwiex, konsegwentement, partikolarment distintiv. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “flis” tiġi injorata fl-impressjoni sħiħa tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni.

87      Fit-tieni lok, għandha tiġi approvata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “moreno” hija l-element dominanti tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni minħabba, minn naħa, il-post ċentrali li din tokkupa fis-sinjal u, min-naħa l-oħra, id-daqs tal-karattri tagħha ikbar minn dak tal-elementi l-oħra “happy” u “choco”. Barra minn hekk, l-elementi figurattivi ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni, peress li, fl-impressjoni sħiħa tas-sinjal, l-isfond li jippreżenta degradazzjoni tal-kulur kannella u l-kuruna mqiegħda fil-parti ta’ fuq tax-xellug tas-sinjal jidhru li huma, rispettivament, ta’ natura negliġibbli u sekondarja.

88      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda żball fir-rigward ta’ dan il-punt.

–       Fuq ix-xebh viżiv

89      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali kunfliġġenti ma jixxiebhux inkwantu huma differenti mil-lat tal-karatteristiċi tagħhom, tal-istruttura tagħhom, tal-istilizzazzjoni tagħhom kif ukoll tat-tagħqid ta’ kuluri tagħhom, anki jekk għandhom komuni l-element verbali “moreno”. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-preżenza tal-kliem “happy” u “choco” u tal-kuruna bil-kulur tad-deheb, l-użu tal-kuluri kannella, iswed, abjad, deheb u isfar kif ukoll l-istilizzazzjoni tal-ittra “m” tal-element verbali “moreno” jagħtu nuqqas ta’ xebh mat-trade marks preċedenti.

90      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

91      F’dan il-każ, it-trade marks preċedenti huma komposti mill-uniku kelma “moreno”, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi erba’ elementi verbali, jiġifieri “flis”, “happy”,“moreno” u “choco”, inkluż dak komuni għas-sinjali preċedenti.

92      Għalhekk, is-sinjali kunfliġġenti għandhom l-istess sekwenza ta’ ittri mqiegħda fl-istess ordni, jiġifieri “m”, “o”, “r”, “e”, “n” u “o”, b’mod li din l-identiċità parzjali hija ta’ natura li toħloq, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, ċerta impressjoni ta’ xebh fuq livell viżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Tomasz KawałkoTrofeum vs EUIPO – Ferrero (KINDERPRAMS), T‑115/18, mhux ippubblikata, EU:T:2018:882, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, għalkemm il-preżenza f’kull wieħed mis-sinjali kunfliġġenti ta’ diversi ittri fl-istess ordni tista’ jkollha ċerta importanza fl-evalwazzjoni tax-xebh viżiv bejn żewġ sinjali kunfliġġenti (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Clover Canyon vs EUIPO – Kaipa Sportswear (CLOVER CANYON), T‑693/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:620, punt 29), il-fatt li s-sinjal preċedenti huwa kompletament inkluż fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jsaħħaħ ix-xebh viżiv tal-imsemmija sinjali (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2011, Graf‑Syteco vs UASI – Teco Electric & Machinery (SYTECO), T‑229/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:273, punt 34).

94      Fil-fatt, il-fatt li, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn numru ta’ kliem differenti u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kelma “moreno” tinsab fiċ-ċentru tal-frażi “flis happy moreno choco” ma humiex suffiċjenti sabiex jinnewtralizzaw kull xebh viżiv, minħabba l-koinċidenza tas-sitt ittri tal-kelma “moreno” u l-inklużjoni tal-uniku element verbali tat-trade marks preċedenti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-element verbali “flis”, imqiegħed taħt il-kuruna bil-kulur deheb, bilkemm jidher u ma jiġix innotat.

95      Fir-rigward tal-impressjoni globali ta’ kull wieħed mis-sinjali kunfliġġenti, l-elementi figurattivi ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-isfond li jirrappreżenta degradazzjoni tal-kulur kannella, preżenti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kif ukoll l-isfond iswed, esklużivament preżenti fit-trade mark preċedenti Nru 30702839 msemmija fl-ewwel inċiż tal-punt 6 iktar ’il fuq, huma negliġibbli u ma għandhomx influwenza fuq il-pubbliku rilevanti, peress li dawn huma forom u kuluri ordinarji li ma għandhom ebda oriġinalità. It-tieni nett, il-kuruna bil-kulur deheb tidher sekondarja, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, minħabba d-daqs relattivament żgħir tagħha fir-rigward tal-elementi verbali u figurattivi l-oħra kif ukoll minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-parti ta’ fuq tax-xellug tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti jagħti attenzjoni ikbar lill-elementi verbali. It-tielet nett, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-kuluri griż u abjad kif ukoll it-tipa tal-karattri ma jiġux partikolarment innotati.

96      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punti 35 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti jixxiebhu fuq livell viżiv għandha tiġi approvata, minħabba, minn naħa, li l-koinċidenza tal-element verbali “moreno” ma tistax tiġi kkumpensata b’differenzi ta’ natura dekorattiva bejn is-sinjali u, min-naħa l-oħra, li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriproduċi l-uniku element verbali tat-trade marks preċedenti.

97      Għaldaqstant, huwa b’mod korrett li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li hemm xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

98      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali kunfliġġenti ma jixxibhux fuq livell fonetiku sa fejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi tliet kelmiet, seba’ sillabi u sittax-il ittra, filwaqt li t-trade marks preċedenti jinkludu kelma waħda, tliet sillabi u sitt ittri. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza taffettwa r-ritmu u l-intonazzjoni tal-isem tas-sinjali.

99      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

100    Għandu jitfakkar li r-riproduzzjoni fonetika ta’ sinjal kumpless tikkorrispondi għal dik tal-elementi verbali kollha tiegħu, indipendentement mill-ispeċifikazzjonijiet grafiċi tagħhom, li jaqgħu pjuttost taħt l-analiżi tas-sinjal fuq livell viżiv. Għalhekk, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi figurattivi tas-sinjal preċedenti għall-finijiet tal-paragun tas-sinjali kunfliġġenti fuq livell fonetiku (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Wolverine International vs UASI – BH Stores (cushe), T‑642/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:781, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Anki jekk is-sinjali kunfliġġenti huma ta’ tul differenti u huma komposti minn numru differenti ta’ kliem, l-impressjoni ġenerali li jipproduċu twassal sabiex jiġi kkonstatat li dawn għandhom xebh fonetiku minħabba l-element komuni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, COR Sitzmöbel Helmut Lübke vs UASI – El Corte Inglés (COR), T‑214/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:612, punt 63).

102    Il-fatt li n-numru ta’ sillabi tas-sinjali kunfliġġenti huwa differenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż ix-xebh bejn it-trade marks, peress li dan għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tal-impressjoni ġenerali prodotta waqt il-pronunzja kompleta tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI – Allergan (BOTUMAX), T‑131/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:458, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2012, XXXLutz Marken vs UASI – Meyer Manufacturing (CIRCON), T‑542/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:294, punt 50).

103    Preliminarjament, hekk kif jirriżulta mill-punt 85 iktar ’il fuq, l-element verbali “flis” ma jiġix ippronunzjat mill-pubbliku rilevanti minħabba li huwa diffiċilment perċepibbli.

104    F’dan il-każ, l-elementi verbali l-oħra tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meħuda flimkien, jinkludu total ta’ seba’ sillabi miġbura fi tliet kelmiet, jiġifieri “hap”, “py”, “mo”, “re”, “no”, “cho” u “co”, filwaqt li t-trade marks preċedenti jinkludu l-istess element verbali uniku kompost minn tliet sillabi, jiġifieri “mo”, “re” u “no”.

105    Għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk is-sinjali kunfliġġenti għandhom struttura sillabika distinta minħabba l-fatt li dawn jinkludu numru ta’ kliem differenti, dawn jixxiebhu, peress li l-uniku element verbali “moreno” li jifforma t-trade marks preċedenti huwa inkluż fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jiġi ppronunzjat b’mod identiku u bl-istess intonazzjoni, b’mod li l-elementi verbali “happy” u “choco” preżenti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jistgħux jinnewtralizzaw dan ix-xebh fonetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, fortune, T‑579/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:644, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Ottubru 2018, Szabados vs EUIPO – Sociedad Española de Neumología y Cirugía Torácica (Separ) (MicroSepar), T‑788/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:691, punti 31 u 32).

106    Għalhekk, huwa b’mod korett li l-Bord tal-Appell qies, fil-punti 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti kienu jixxiebhu ħafna fuq livell fonetiku.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

107    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk il-kelma “moreno” ma għandhiex sinjifikat partikolari bil-Ġermaniż, il-konsumatur medju Ġermaniż jifhem perfettament li l-kelma “moreno” tfisser “kannella” bl-Ispanjol u b’hekk jirreferi għall-kulur kannella tal-prodotti dderivati mill-kawkaw jew mill-kafè, koperti mit-trade marks preċedenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni l-argument tagħha billi ssostni li, minn naħa, l-Ispanjol huwa waħda mil-lingwi l-iktar mitkellma fid-dinja u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur medju Ġermaniż għandu konoxxenza tal-Ispanjol, pereżempju fil-kuntest tal-ambjent professjonali tiegħu, ta’ passatemp, fir-rigward tal-kultura ġenerali tiegħu jew ukoll tal-interessi tiegħu.

108    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

109    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kelma “moreno” ma għandhiex sinjifikat bil-Ġermaniż u li l-elementi verbali “happy” kif ukoll “choco” għandhom, rispettivament, karattru distintiv dgħajjef u karattru allużiv, b’mod li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell magħmula essenzjalment fil-punti 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata ma fihiex żball fir-rigward ta’ dan il-punt.

110    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti intiż li jsostni li l-pubbliku rilevanti jista’ jifhem li l-kelma “moreno” tfisser “kannella” bl-Ispanjol u għalhekk jagħmel ir-rabta mal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti ma jistax jiġi milqugħ.

111    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Annessi A.9 u A.10 tar-rikors, li jikkorrispondu, rispettivament, għal kopji stampati ta’ dizzjunarju online Spanjol‑Ingliż u għal kopja stampata ta’ paġna mill-enċiklopedija online Wikipedia, ġew iddikjarati inammissibbli għar-raġunijiet indikati fil-punt 28 iktar ’il fuq. Ladarba dawn il-provi tneħħew, u indipendentement mill-forza probatorja tagħhom, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma turix b’mod suffiċjenti li l-pubbliku rilevanti, kompost mill-konsumatur medju Ġermaniż, għandu għarfien suffiċjenti tal-Ispanjol sabiex jidentifika l-kelma “moreno” bħala li tfisser “kannella”.

112    It-tieni nett, ma huwiex stabbilit li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-element verbali “moreno” bħala li għandu sinjifikat ċar fis-sinjali kunfliġġenti u għalhekk jiżvela rabta bejn dan it-terminu u, minn naħa, il-prodotti kif ukoll is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti.

113    Minn dan isegwi li ebda paragun kunċettwali ma jista’ jsir f’dan il-każ.

114    Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti jixxiebhu.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

115    Ir-rikorrenti ssostni li d-differenza viżiva, fonetika u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti teskludi kull probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-konsumatur u tenfasizza li l-paragun għandu jsir ukoll abbażi tal-elementi distintivi u dominanti. F’dan ir-rigward, hija tqis li t-trade marks preċedenti ma humiex ta’ karattru distintiv, fatt li l-Bord tal-Appell injora b’mod ċar fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, peress li, filwaqt li tagħti eżempji insostenn tal-argument tagħha, hija ssostni li l-element verbali huwa użat komunement minn manifatturi oħra sabiex jindikaw tip ta’ ħlewwiet jew ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-klassijiet 30 u 35. Hija żżid li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti tkun fondata tressaq kawżi kontra l-operaturi li jużaw il-kelma “moreno” sabiex jindikaw prodott tal-ikel. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li hija pproduċiet u li huwa ma mmotivax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom l-oppożizzjoni kienet ġiet milqugħa.

116    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

117    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 17, u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74).

118    F’dan il-każ, ir-rikonoxximent ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade marks preċedenti ma jipprekludix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalkemm, ċertament, il-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, b’anaolġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 24), madankollu dan ma huwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti li għandha karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    B’mod partikolari, fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, u sabiex ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrikonoxxut ċertu grad ta’ karattru distintiv lil trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 47). F’dan ir-rigward, il-karatterizzazzjoni ta’ sinjal bħala deskrittiv jew ġeneriku hija ekwivalenti għaċ- ċaħda tal-karattru distintiv tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, Formula One Licensing vs UASI, C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punt 41).

120    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “moreno” hija l-element distintiv tat-trade marks preċedenti, li ma għandhiex sinjifikat bil-Ġermaniż, filwaqt li l-elementi figurattivi jidhru li huma negliġibbli jew sekondarji, għandha tiġi kkonfermata, mingħajr ma din tista’ tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti intiż li jistabbilixxi li t-trade marks preċedenti ma humiex ta’ karattru distintiv.

121    Konsegwentement, fid-dawl tal-lista tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti ġew effettivament irreġistrati, il-Bord tal-Appell kien korrett meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ interdipendenza mfakkar fil-punt 117 iktar ’il fuq, huwa kkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, bl-eċċezzjoni tas-servizzi fil-klassi 35, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni sussegwenti: “Bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ forom tal-gallettini żgħar, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ forom tal-gallettini żgħar permezz tal-internet”. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, tal-inqas, minn impriżi marbuta ekonomikament inkwantu, l-ewwel nett, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment jixxiebhu u, it-tieni nett, is-sinjali kunfliġġenti, fit-totalità tagħhom, jixxiebhu fuq il-livell viżiv u dak fonetiku.

122    L-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li hija pproduċiet fir-rikors tagħha ma jistax jiġi milqugħ, peress li dawn tal-aħħar kienu ġew prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u ġew iddikjarati inammissibbli, hekk kif jirriżulta mill-punt 28 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell indika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom huwa kkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

123    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO hija ta’ natura essenzjali minħabba li din tippermetti li jiġu antiċipati l-azzjonijiet tiegħu u li jiġu evalwati l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Hija ssostni li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala effett li ebda trade mark oħra li tinkludi l-element verbali “moreno” ma tkun tista’ tiġi rreġistrata fil-futur inkwantu teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade marks preċedenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħti żewġ eżempji ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni (Nri B 2 706 78 u B 2 734 861), li fihom l-EUIPO kien iddeċieda li jiċħad oppożizzjoni kollha kemm hija minħabba l-assenza ta’ karattru distintiv ta’ trade mark preċedenti, sabiex turi li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO timmilita favur ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

124    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

125    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009, huma adottati fl-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, hekk kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Claranet Europe vs EUIPO – Claro (claranet), T‑129/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:800, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Barra minn hekk, għalkemm l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà adottati u jqis b’attenzjoni partikolari jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità teħtieġ li l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkun strett u komplet u jseħħ f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Polonja vs Stock Polska sp. z o.o. u EUIPO, C‑162/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:27, punt 60).

127    F’dan il-każ, sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq eżami komplet u konkret tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti sabiex jirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod utli deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO sabiex tinvalida l-konklużjoni li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija inkompatibbli mar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, claranet, T‑129/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:800, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Mill-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fir-rigward tal-lista emendata tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti.

 Fuq it-tieni kap tat-talbiet, intiż għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata

129    Għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 2017/1001, ma għandhiex l-effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi bord, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi hekk kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ jadotta (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Airhole Facemasks vs EUIPO – sindustrysurf (AIR HOLE FACE MASKS YOU IDIOT), T‑107/16, EU:T:2017:335, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell adotta pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti fir-rigward tal-lista inizjali tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, b’mod li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa tibdel l-imsemmija deċiżjoni fuq dan il-punt.

131    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 12 sa 14 u 48 sa 128 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ jikkonstata li, kuntrarjament għal dak li kienet qieset id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti f’moħħ il-pubbliku rilevanti, fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bl-eċċezzjoni tas-servizzi fil-klassi 35, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni sussegwenti: “Bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ forom tal-gallettini żgħar, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ forom tal-gallettini żgħar permezz tal-internet”.

132    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali huma ssodisfatti u li l-oppożizzjoni għandha tiġi milqugħa fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bl-eċċezzjoni tas-servizzi msemmija fil-punt 131 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

134    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, l-EUIPO u l-intervenjenti huma, rispettivament, parzjalment telliefa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija parzjalment annullata. Għaldaqstant, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal31 ta’ Mejju 2018 (Każ R 1464/20171) hija annullata inkwantu din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti sussegwenti: “kafè artifiċjali; tè, kawkaw; prodotti dderivati mill-kawkaw; xorb ibbażat fuq il-kawkaw; il-prodotti kollha ċċitati iktar ’il fuq ukoll f’forma instantanja” bl-eċċezzjoni tal-kawkaw fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

2)      L-oppożizzjoni hija milqugħa fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bl-eċċezzjoni tas-servizzi fil-klassi 35 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni sussegwenti: “Bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa ta’ forom tal-gallettini żgħar, bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ forom tal-gallettini żgħar permezz tal-internet”.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Ottubru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i Fil-kliem prinċipali ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.