Language of document : ECLI:EU:T:2024:250

Kawża T112/22

Ideella föreningen Svenska Bankföreningen med firma Svenska Bankföreningen, Näringsverksamhet
u
Länsförsäkringar Bank AB

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tas17 ta’ April 2024

“Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Svediża – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Natura selettiva – Għan tal-miżura – Deroga mis-sistema ta’ referenza”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja fil-każ ta’ diffikultajiet serji – Ċirkustanzi li jippermettu l-attestazzjoni tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Oneru tal-prova

(Artikoli 107 u 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 4(3) u (4))

(ara l-punti 21 sa 26)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Qafas ta’ referenza biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Miżura li tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza tagħha stess – Kundizzjonijiet – Sistema fiskali ddelimitata b’mod ċar, li ssegwi għanijiet speċifiċi

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 30 sa 32, 46 u 47)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Taxxa intiża li tipprovdi marġni baġitarja għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri – Bażi tat-taxxa bbażata fuq id-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Bażi tat-taxxa ddeterminata b’mod koerenti mal-għan ta’ din it-taxxa – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkonkludi li t-taxxa ma hijiex selettiva mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 56 sa 61)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Taxxa intiża li tipprovdi marġni baġitarja għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri – Istituzzjonijiet suġġetti għat-taxxa – Istituzzjonijiet ta’ kreditu li akkumulaw volum ta’ djun li jeċċedi l-limitu stabbilit fil-liġi – Identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli u stabbiliment tal-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa li jaqgħu fil-kompetenzi stess tal-Istat Membru  – Identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli u stabbiliment tal-limitu tal-issuġġettar għat-taxxa mwettqa b’mod koerenti mal-għan tat-taxxa – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkonkludi li t-taxxa ma hijiex selettiva mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 71 sa 82, u 88 sa 99)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Taxxa intiża li tipprovdi marġni baġitarja għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri – Istituzzjonijiet suġġetti għat-taxxa – Istituzzjonijiet ta’ kreditu li akkumulaw volum ta’ djun li jeċċedi l-limitu stabbilit fil-liġi – Teħid inkunsiderazzjoni tad-djun tal-fergħat għall-finijiet tal-istħarriġ tal-imsemmi limitu – Ammissibbiltà – Kummissjoni li tista’ tikkonkludi dwar l-assenza ta’ selettività tat-taxxa mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 103 sa 106)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Differenzjazzjoni bejn impriżi li huma f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Paragun b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan segwit mis-sistema fiskali ordinarja fl-intier tagħha

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 116 sa 124, 127)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet bħala kulleġġ ġudikanti estiż, ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha ddeċidiet li taxxa Svediża fuq ir-riskju sistemiku dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (1). Biex għamlet dan, il-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall il-konklużjoni tal-Kummissjoni li abbażi tagħha din it-taxxa ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ selettività previst minn din id-dispożizzjoni.

Fl‑2021, ir-Renju tal-Isvezja kkomunika lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi dwar taxxa fuq ir-riskju sistemiku tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem it-“taxxa”), li kienet dovuta mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu Svediżi kollha li l-ammont tad-djun tagħhom kien jeċċedi l-limitu ta’ 150 biljun krona Svediża (SEK) għas-snin fiskali li jibdew fl‑2022. Għas-snin fiskali li jibdew fl‑2023 jew iktar tard, dan il-limitu kellu jiġi mmultiplikat b’fattur. L-abbozz ikkomunikat kien jipprevedi, barra minn hekk, it-tassazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu barranin meta jkollhom djun attribwibbli għall-attivitajiet kummerċjali eżerċitati minn fergħa Svediża li l-ammont tagħhom jeċċedi l-valur tal-limiti ċċitati iktar ’il fuq. B’kollox, disa’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kellhom volum ta’ djun li kienu jeċċedu l-limiti previsti.

Għas-sena fiskali 2022, ir-rata ta’ tassazzjoni kienet stabbilita għal 0.05 % tal-ammont tad-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taxxabbli. Għas-sena fiskali 2023, din ir-rata kellha tiżdied għal 0.06 %.

Mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset li din it-taxxa ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ selettività.

Peress li qiesu li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom billi adottat din id-deċiżjoni mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, assoċjazzjoni Svediża ta’ bankiera u entità finanzjarja membru ta’ din l-assoċjazzjoni adixxew lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Peress li l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-fażi ta’ eżami preliminari, hija jibqa’ jkollha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkomunikata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kellu jkollha tali diffikultajiet serji f’dak li jirrigwarda n-natura selettiva tat-taxxa.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tidentifika, fl-ewwel lok, is-sistema ta’ referenza, jiġifieri s-sistema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u għandha turi, fit-tieni lok, li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ referenza, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn din tal-aħħar, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk id-differenzazzjoni introdotta tkunx iġġustifikata u dan sa fejn tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li tagħmel parti minnha.

Fir-rigward tal-ewwel żewġ stadji esposti iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet, b’mod mhux ikkontestat, is-sistema ta’ referenza bħala limitata għat-taxxa.

Fuq din il-bażi, hija kkonkludiet, minn naħa, li s-sistema ta’ referenza ma kinitx inħolqot b’mod manifestament diskriminatorju u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ ċerti tipi ta’ operaturi kif ukoll ta’ operaturi li d-djun akkumulati tagħhom kienu inqas mil-limitu stabbilit fl-abbozz ta’ liġi ma kienx jikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw din il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistema ta’ referenza u, konsegwentement, it-taxxa ma kinux inħolqu b’mod manifestament diskriminatorju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet id-diversi argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fuq dan il-punt sa fejn il-parametri tat-taxxa ma kinux manifestament kompatibbli mal-għan tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bdiet billi speċfikat li mill-abbozz ta’ liġi Svediża jirriżulta li l-għan tat-taxxa huwa li jissaħħu l-finanzi pubbliċi sabiex jiġi pprovdut marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri bl-impożizzjoni tal-ħlas tat-taxxa fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar, li l-falliment jew id-disturb serju tagħhom jaf joħloq, b’mod individwali u minħabba d-daqs u l-importanza tagħhom għall-funzjonament tas-sistema finanzjarja, riskju sistemiku u jkollu impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija inġenerali, b’tali mod li jikkawża spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà.

Wara li għamlet din il-preċiżazzjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, l-ewwel nett, l-argumenti li jipprovdu li l-għażla tal-leġiżlatur Svediż li jibbaża l-bażi tat-taxxa fuq id-djun tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienet tmur kontra l-għan ta’ din it-taxxa. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-taxxa kienet intiża li ssaħħaħ il-finanzi pubbliċi nazzjonali sabiex tipprovdi marġni għall-ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji futuri, peress li, iktar ma jkun għoli l-livell tad-djun ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ikbar ikun ir-riskju għas-sistema finanzjarja. Minn dan jirriżulta li d-definizzjoni tal-bażi tat-taxxa skont il-livell tad-djun tal-istituzzjonijiet taxxabbli, sabiex issir distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont jekk l-impatt tagħhom fuq is-sistema finanzjarji jkunx iktar jew inqas qawwi, kienet koerenti mal-għan segwit.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw id-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet suġġetti għat-taxxa.

Peress li r-rikorrenti invokaw, f’dan il-kuntest, inkoerenza bejn l-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet suġġetti għat-taxxa u s-sistemi stabbiliti rispettivament mid-Direttiva 2014/59 (2) u mir-Regolament Nru 575/2013 (3), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-għanijiet segwiti minn dawn is-sistemi huma differenti mill-għan imfittex mit-taxxa kkomunikata.

Skont il-Qorti Ġenerali, il-kritika tal-għażla tal-istituzzjonijiet taxxabbli bbażata fuq l-ambjent kompetittiv tas-settur finanzjarju Svediż u fuq il-fatt li diversi istituzzjonijiet finanzjarji li ma humiex suġġetti għat-taxxa, li jikkompetu mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma suġġetti għat-taxxa, jiġġeneraw ukoll spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà, lanqas ma kienet konvinċenti.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, minn naħa, li r-Renju tal-Isvezja kellu d-dritt jiddetermina, permezz tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u b’osservanza tal-awtonomija fiskali tiegħu u tad-dritt tal-Unjoni, il-fatt taxxabbli u l-bażi ta’ din it-taxxa. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar biss li jikkawżaw, b’mod individwali, permezz tal-falliment tagħhom, riskju sistemiku, li jkollhom impatt negattiv ħafna fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali u jiġġeneraw spejjeż indiretti sinjifikattivi għas-soċjetà. Barra minn hekk, huma lanqas ma wrew li l-falliment tal-istituzzjonijiet mhux suġġetti għat-taxxa, anki jekk meħuda kollettivament, jaf ikollu l-istess konsegwenzi.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti lanqas ma ressqu argumenti li jippermettu li jitqies li l-limitu stabbilit għall-issuġġettar tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għat-taxxa huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għanijiet ta’ din tal-aħħar.

Peress li d-determinazzjoni tal-livell tal-limitu ta’ tassazzjoni u tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-bażi tat-taxxa jaqgħu wkoll taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja ma setax jiġi prekluż, minn naħa, milli jistabbilixxi taxxa li tinkludi limitu ta’ tassazzjoni u, min-naħa l-oħra, milli jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ varjazzjoni li jwassal sa eżenzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu taħt l-imsemmi livell, sakemm dawn l-elementi ma jiksrux l-għan tat-taxxa. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, il-limitu ta’ SEK 150 biljun, li ma huwiex manifestament diskriminatorju, kien konformi mal-għan tat-taxxa, iktar u iktar peress li l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu tiżgura li l-persuni suġġetti għat-taxxa jirrappreżentaw 90 % tat-total tal-bilanċ aggregat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Isvezja. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li ma kienet teżisti ebda istituzzjoni ta’ kreditu mhux suġġetta għat-taxxa li l-livell tad-djun tagħha kien qrib il-limitu ta’ SEK 150 biljun.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw il-mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni previst għas-sitwazzjonijiet fi ħdan il-gruppi, li abbażi tiegħu d-djun tal-fergħat jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fatt, peress li l-fergħat ta’ istituzzjoni ta’ kreditu Svediża huma marbuta ma’ din tal-aħħar u li, għaldaqstant, il-falliment tagħhom tipproduċi effetti wkoll fl-Isvezja, ma hemmx lok li jitqies li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar dan il-mekkaniżmu.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-assenza ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ ċerti tipi ta’ operaturi finanzjarji kif ukoll ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun akkumulati tagħhom kienu inqas mil-limitu ta’ SEK 150 biljun ma kinitx tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li t-taxxa ma tkunx ta’ natura selettiva jekk id-differenzi ta’ tassazzjoni u l-vantaġġi li jistgħu jirriżultaw minnhom jirriżultaw mill-applikazzjoni pura u sempliċi, mhux derogatorja, tas-sistema “normali”, jekk is-sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod paragunabbli u jekk dawk il-mekkaniżmi ta’ varjazzjoni ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa kkonċernata.

Issa, fir-rigward tal-assenza ta’ ssuġġettar għat-taxxa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma kinux jeċċedu l-limitu ta’ SEK 150 biljun, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti li setgħu juru li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom kienu jeċċedu dan il-limitu kienu jinsabu, fid-dawl tal-għan tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li d-djun tagħhom ma kinux jeċċedu dan il-limitu. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bħall-fondi ipotekarji, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, barra minn hekk, li sempliċi relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma tistax twassal, fiha nnifisha, għall-konklużjoni li dawn l-istituzzjonijiet jinsabu, fid-dawl tal-għan tat-taxxa, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma suġġetti għal din it-taxxa.

Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ derogi mis-sistema ta’ referenza ma kinux jippermettu li jintwera li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kellhom iwassluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, hija ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2021) 8637 final tal‑24 ta’ Novembru 2021 dwar il-miżura tal-Istat SA.56348 (2021/N) Svezja: taxxa Svediża fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


2      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


3      Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 44, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).