Language of document : ECLI:EU:C:2018:367

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

31 ta’ Mejju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 7(1) – Kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżiti proċedurali speċifiċi sabiex tiġi kkontestata n-natura inġusta – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C-483/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

Zsolt Sziber

vs

ERSTE Bank Hungary Zrt.,

fil-preżenza ta’:

Mónika Szeder,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ERSTE Bank Hungary Zrt., minn T. Kende u P. Sonnevend, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 169 TFUE, tal-Artikoli 20, 21, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-premessa 47 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14; fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zsolt Sziber u ERSTE Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem “ERSTE Bank”) dwar talba sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt ta’ self konkluż għall-finijiet tal-akkwist ta’ residenza, irrilaxxat u rrimborsat f’forint Ungeriżi (HUF), iżda li kien irreġistrat fi franki Svizzeri (CHF) fuq il-bażi tar-rata ta’ skambju fis-seħħ fil-jum tal-pagament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 87/102/KEE

3        Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu jew għall-ftehimiet li jwiegħdu kreditu intiżi prinċipalment sabiex ikunu jistgħu jinkisbu jew jinżammu drittijiet ta’ proprjetà fuq art jew fuq bini eżistenti jew ippjanat.

 Id-Direttiva 93/13

4        L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara:

“[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

5        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6        Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-Direttiva 2008/48

7        L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)      ftehim ta’ kreditu li huma garantiti b’ipoteka jew b’garanzija komparabbli oħra użata komunament fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli jew garantiti bi dritt relatat ma’ proprjetà immobbli”.

 Id-dritt Ungeriż

 Il-Kodiċi Ċivili preċedenti

8        L-Artikolu 239/A(1) tal-Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal-1959 dwar il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ sal-14 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili preċedenti”), kien jipprevedi:

“Il-partijiet jistgħu jibdew proċeduri sabiex jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt (invalidità parzjali) mingħajr ma jkunu meħtieġa jitolbu wkoll l-applikazzjoni tal-konsegwenzi tal-invalidità.”

 Il-Kodiċi Ċivili

9        Skont l-Artikolu 6:108 tal-Polgári törvénykönyvről szóló 2013. évi V. törvény (il-Liġi Nru V tal-2013 dwar il-Kodiċi Ċivili), fis-seħħ b’effett mill-15 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“1.      Ebda dritt ma jista’ jkun ibbażat fuq kuntratt invalidu, u lanqas ma tista’ titressaq talba għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt. Jekk isir rikors f’dan is-sens minn waħda mill-partijiet, il-qorti għandha tiddetermina l-konsegwenzi legali tal-invalidità, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni u l-preskrizzjoni akkwiżittiva.

2.      Il-partijiet jistgħu jibdew proċeduri ġudizzjarji għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt (invalidità parzjali), mingħajr ma jkunu meħtieġa jitolbu wkoll l-applikazzjoni tal-konsegwenzi tal-invalidità.

3.      Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi legali tal-invalidità u tista’ wkoll tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, iżda ma tistax tapplika soluzzjoni li ż-żewġ partijiet jopponu.”

 Il-Liġi DH 1

10      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 1”):

“Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self ma’ konsumaturi konklużi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ self ma’ konsumaturi’ għandu jkopri l-kuntratti ta’ self jew ta’ leasing finanzjarju bbażati fuq muniti barranin (irreġistrati jew mogħtija f’munita barranija u rrimborsati f’HUF) jew fuq HUF u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk il-kuntratt ikun jinkorpora klawżoli kuntrattwali standard jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 4(1).”

11      L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi DH 1 jipprevedi:

“1.      F’kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi, għandhom ikunu invalidi l-klawżoli – bl-eċċezzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment – li bis-saħħa tagħhom istituzzjoni finanzjarja tistipula li, għall-fini tar-rilaxx tal-ammont ta’ finanzjament mogħti għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-fini tar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta s-self ikun ġie rrilaxxat.

2.      Minflok il-klawżola nulla msemmija fil-paragrafu 1 – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 – għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mal-ħruġ ta’ flus u r-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).”

12      L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi li jkunu jinkludu d-dritt li l-kuntratt ikun emendat unilateralment, il-klawżoli ta’ dak il-kuntratt – bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jkunu ġew innegozjati individwalment – li jkunu jippermettu ż-żieda unilaterali fir-rata ta’ interessi jew iż-żieda unilaterali ta’ spejjeż u kummissjonijiet, għandhom jitqiesu li jkunu inġusti […].

2.      Il-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 1 ikunu invalidi jekk l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx […] bdiet proċeduri ċivili kontenzjużi jew jekk il-qorti tkun ċaħdet ir-rikors jew waqfet l-eżami tal-każ, sakemm, fir-rigward tal-klawżoli kuntrattwali kkonċernati, ikun possibbli jitressqu l-proċeduri [kontenzjużi] iżda dawk il-proċeduri ma jkunux inbdew jew, jekk ikunu nbdew, il-qorti ma tkunx qieset il-klawżola kuntrattwali bħala invalida skont il-paragrafu 2a.

2a.      Il-klawżola kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 1 tkun invalida jekk il-qorti tkun qieset li tkun invalida skont il-liġi speċjali dwar il-bilanċ tal-kontijiet fi proċeduri kontenzjużi mressqa fl-interess pubbliku mill-awtorità ta’ superviżjoni.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 2a, l-istituzzjoni finanzjarja għandha tagħmel bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont kif previst fil-liġi speċjali.”

 Il-Liġi DH 2

13      Skont l-Artikolu 37(1) sa (3) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi Nru XL tal-2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Bilanċ tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi Nru XXXVIII tal-2014 dwar Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi, u dwar Għadd ta’ Dispożizzjonijiet Oħra, iktar ’il quddiem “il-Liġi DH 2”):

“1.      B’rabta ma’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-partijiet jistgħu jagħmlu rikors lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tiegħu (iktar ’il quddiem ‘invalidità parzjali’) – irrispettivament mir-raġunijiet għal tali invalidità – biss jekk huma jitolbu li jiġu applikati l-konsegwenzi legali tal-invalidità (jiġifieri, dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza). Jekk ma jkunx hemm talba bħal din – u wara li tkun ingħatat u ma tteħditx l-opportunità ta’ regolarizzazzjoni – ir-rikors ma jkunx ammissibbli u l-mertu tal-kawża ma jkunx jista’ jiġi eżaminat. Jekk il-partijiet jitolbu li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali, huma għandhom jindikaw ukoll liema konsegwenza legali l-qorti għandha tapplika. Dwar l-applikazzjoni tal-konsegwenzi legali, il-partijiet għandhom iressqu talba espliċita, iddefinita kwantitattivament, li tkun tinkludi wkoll il-bilanċ tal-kontijiet bejniethom.

2.      Meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 b’rabta mal-kuntratti li għalihom tapplika din il-liġi, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma l-partijiet jiġu ordnati jidhru jew l-eżami tal-każ għandu jitwaqqaf waqt li jkunu għaddejja proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt skont l-Artikolu 239/A(1) tal-Kodiċi Ċivili preċedenti jew tal-Artikolu 6:108(2) tal-Kodiċi Ċivili, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi. Ir-rikors ma għandux jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ordni sabiex il-partijiet jidhru u lanqas ma għandu jitwaqqaf l-eżami tal-każ, jekk il-parti kkonċernata, minbarra li tkun talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, tkun talbet ukoll forma oħra ta’ ordni fl-istess proċeduri; f’dak il-każ it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies bla bażi. L-istess għandu jseħħ fi proċeduri li jitkomplew wara li tkun intemmet sospensjoni.

3.      Jekk fi proċeduri pendenti ma jkunx għad hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ordni sabiex il-partijiet jidhru, l-eżami tal-każ għandu jieqaf jekk il-parti kkonċernata ma titlobx fir-rikors tagħha (jew, fejn ikun japplika, fil-kontrotalba tagħha), fi żmien 30 jum min-notifika tat-talba għal regolarizzazzjoni mibgħuta lilha mill-qorti, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, u ma tindikax liema konsegwenza legali għandha tiġi applikata. L-eżami tal-każ ma għandux jitwaqqaf jekk il-parti kkonċernata, minbarra li tkun talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, tkun talbet ukoll forma oħra ta’ ordni fl-istess proċeduri; f’dak il-każ it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies li tkun mingħajr bażi.”

14      L-Artikolu 37/A (1) tal-Liġi DH 2, jipprevedi:

“Meta tkun qiegħda tiddetermina l-konsegwenzi legali tal-invalidità l-qorti, waqt li tapplika d-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ tal-kontijiet stabbiliti f’din il-liġi – billi tieħu bħala l-bażi l-informazzjoni fil-bilanċ tal-kontijiet awditjat skont l-Artikolu 38(6) – għandha tistipula l-obbligi tal-ħlas tal-partijiet.”

15      L-Artikolu 38(6) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-bilanċ tal-kontijiet għandu jitqies li jkun awditjat jekk:

(a)      fit-terminu stabbilit f’din il-liġi, il-konsumatur ma jkunx issottometta lment lill-istituzzjoni finanzjarja dwar il-bilanċ tal-kontijiet jew ma jkunx issottometta lment li jkun jallega li l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx wettqet il-bilanċ tal-kontijiet;

(b)      fit-terminu stabbilit f’din il-liġi l-konsumatur ma jkunx ressaq proċeduri quddiem il-Kumitat ta’ Arbitraġġ Finanzjarju;

(c)      fit-terminu stabbilit f’din il-liġi la l-konsumatur u lanqas l-istituzzjoni finanzjarja ma jkunu bdew il-proċeduri mhux kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(1) jew il-proċeduri kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(2) ta’ din il-liġi;

(d)      id-deċiżjoni li tkun ġabet fi tmiemhom il-proċeduri mhux kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(1) jew il-proċeduri kontenzjużi msemmija fl-Artikolu 23(2), imressqa mill-konsumatur jew mill-istituzzjoni finanzjarja, tkun saret finali.”

 Il-Liġi DH 3

16      Skont l-Artikolu 3(1) tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal-2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita Barranija li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 3”):

“Il-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi għandhom ikunu emendati ipso jure, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

17      L-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3 jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija konkluż ma’ konsumaturi, l-istituzzjoni finanzjarja li lilha d-dejn ikun dovut hija meħtieġa, fit-terminu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2], tikkonverti f’self iddenominat f’HUF id-dejn kollu li jkun ibbażat fuq kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, jew id-dejn kollu li jirriżulta minn tali kuntratt, kif ikkalkolat fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2], inklużi l-interessi, it-tariffi, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż mitluba f’munita barranija, u dan billi tapplika ir-rata miż-żewġ rati ta’ interessi li ġejjin li l-iktar tkun favorevoli għall-konsumatur (iktar ’il quddiem il-‘konverżjoni f’HUF’) fid-data ta’ referenza:

(a)      ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2014 sas-7 ta’ Novembru 2014, jew

(b)      ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis-7 ta’ Novembru 2014.”

18      L-Artikolu 15/A tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.      Fi proċeduri pendenti li kienu tressqu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (jew ta’ invalidità parzjali) ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur jew sabiex ikunu ddeterminati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, dawn id-dispożizzjonijiet relatati mal-konverżjoni f’HUF għandhom japplikaw ukoll għall-ammont tad-dejn tal-konsumatur li jirriżulta minn kuntratt ta’ self f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, ikkalkolat skont il-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2].

2.      L-ammont imħallas lura mill-konsumatur sad-data tas-sentenza għandu jnaqqas l-ammont tad-dejn tal-konsumatur espress f’HUF fid-data ta’ referenza għall-bilanċ tal-kontijiet.

3.      Meta kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur jiġi ddikjarat validu, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali speċifiċi tal-partijiet li jirriżultaw mill-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2] għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fis-7 ta’ Mejju 2008, Z. Sziber, bħala debitur, u Mónika Szeder, bħala kodebitriċi, ikkonkludew, għall-finijiet tal-akkwist ta’ residenza, kuntratt ta’ self ma’ ERSTE Bank li kien iddenominat f’CHF, liema self ġie rrilaxxat u kellu jitħallas lura f’HUF. Il-kuntratt ta’ self inkwistjoni ġie rreġistrat f’CHF fuq il-bażi tar-rata tal-kambju ta’ dakinhar u miegħu kien anness kuntratt ta’ garanzija ipotekarja fuq proprjetà immobbli. Dan il-kuntratt ta’ self jinkludi klawżoli li jipprevedu, minn naħa, differenza bejn ir-rata tal-kambju applikabbli għar-rilaxx tas-self u dik applikabbli għar-rimbors tiegħu, jiġifieri, rispettivament, ir-rata tax-xiri applikata minn ERSTE Bank u r-rata tal-bejgħ applikata minnha (iktar ’il quddiem id-“differenza fir-rata tal-kambju”), u, min-naħa l-oħra, possibbiltà ta’ emenda unilaterali favur ERSTE Bank li tippermettilha żżid l-interessi, it-tariffi u l-ispejjeż (iktar ’il quddiem il-“possibbiltà ta’ emenda unilaterali”).

20      Fir-rikors tiegħu, Z. Sziber talab, prinċipalment, lill-qorti tar-rinviju tikkonstata n-nullità tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, l-ewwel nett, sa fejn kellu bħala suġġett prestazzjoni impossibbli minħabba li la kien jindika l-ammont tad-diversi pagamenti mensili u lanqas l-ammont rispettiv tal-kapital misluf u tal-interessi u minħabba li ma kienx possibbli li somma f’munita barranija titħallas fuq kont ta’ kreditu f’HUF, it-tieni nett, sa fejn dan il-kuntratt ma kienx jispeċifika t-tip ta’ rata applikabbli għall-konverżjoni, u, it-tielet nett, sa fejn ERSTE Bank ma kinitx issodisfat ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni adegwata tas-self fid-dawl tal-solvenza ta’ min jissellef, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju tal-kambju. Barra minn hekk, il-portata tar-riskju tal-kambju ma tistax tiġi stmata mill-konsumatur, li ma jkollux informazzjoni ċara jew li tinftiehem.

21      Sussidjarjament, Z. Sziber talab lill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tikkonstata l-invalidità ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali. Fil-fehma tiegħu, l-ewwel nett, il-klawżola li tinsab fil-punt VII.2 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni hija inġusta sa fejn il-portata tar-riskju tal-kambju ma setgħetx tiġi stmata mill-konsumatur, li kellu informazzjoni li la kienet ċara u lanqas ma kienet tinftiehem. It-tieni nett, il-klawżola li tinsab fil-punt VIII.13 ta’ dan il-kuntratt hija inġusta sa fejn tippermetti li komunikazzjoni bankarja tiġi integrata fl-imsemmi kuntratt b’tali mod li, billi tagħti lil ERSTE Bank dritt li tikkompleta dan il-kuntratt, ma tosservax l-ekwilibriju kuntrattwali bejn il-partijiet. It-tielet nett, il-punt II.1 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, dwar l-iffissar tal-pagamenti mensili skont data li tinsab f’komunikazzjoni bankarja, il-punt III.2 ta’ dan il-kuntratt, dwar ir-rata tal-interessi u dwar in-natura varjabbli tagħha, u l-punt III.3 tal-imsemmi kuntratt, li jipprevedi d-dritt li jiżdiedu l-interessi, għandhom in-natura ta’ klawżoli inġusti.

22      Il-qorti tar-rinviju indikat lil Z. Sziber li kellu jirregolarizza r-rikors tiegħu fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 37 tal-Liġi DH 2, filwaqt li jispeċifika, minn naħa, il-konsegwenza legali li xtaq jikseb bħala riżultat ta’ eventwali konstatazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, filwaqt li jikkompleta l-bilanċ tal-kontijiet previst fl-Artikolu 38(6) tal-Liġi DH 2, sabiex b’hekk jispeċifika l-ammonti li fil-fehma tiegħu ħallas minħabba klawżoli li jistgħu jkunu inġusti għajr dawk li jkunu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi bilanċ tal-kontijiet, jiġifieri l-klawżoli msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tal-Liġi DH 1.

23      Issa, minkejja li l-qorti tar-rinviju tosserva li Z. Sziber emenda diversi drabi r-rikors tiegħu, dan tal-aħħar, minkejja li ġie mistieden jagħmel dan mill-qorti tar-rinviju, ma ppreżentax nota li temenda r-rikors tiegħu. Dik il-qorti tindika li, minħabba f’hekk, hija bħala prinċipju hija meħtieġa tagħlaq il-proċedura mingħajr ma teżamina t-tilwima fil-mertu tagħha.

24      Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li t-tilwima għadha pendenti quddiemha.

25      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix id-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet DH 1 u DH 2 li jipprovdu, minn naħa, li żewġ klawżoli li jinsabu fil-parti l-kbira tal-kuntratti ddenominati f’munita barranija, jiġifieri dawk dwar id-differenza fir-rata tal-kambju u dwar il-possibbiltà ta’ emenda unilaterali, għandhom jiġu kklassifikati bħala inġusti u l-istituzzjoni finanzjarja hija obbligata tistabbilixxi bilanċ tal-kontijiet dwar l-imsemmija klawżoli u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur huwa obbligat jispeċifika l-konsegwenza legali li jkun jixtieq jorbot mal-invalidità parzjali jew sħiħa tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni u jikkwantifika dawn it-talbiet fir-rigward ta’ klawżoli li jistgħu jkunu inġusti għajr dawn iż-żewġ klawżoli, filwaqt li l-persuni li jkunu ssellfu permezz ta’ kuntratti ta’ self li ma jkunux iddenominati f’munita barranija ma humiex meħtieġa jipprovdu dawn il-preċiżazzjonijiet u kwantifikazzjonijiet.

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għal dawn il-persuni tal-aħħar, huwa possibbli li jitolbu l-applikazzjoni, ħafna drabi iktar favorevoli, tal-konsegwenza legali tal-invalidità li tinvolvi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, filwaqt li l-Artikolu 37 tal-Liġi DH 2 jeskludi dan ir-rimedju għall-kuntratti ta’ self li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni segwenti, jiġifieri l-Artikolu [169(1) u (2) TFUE] moqri fid-dawl tal-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-Artikolu 38 tal-[Karta], l-Artikolu 7(1) u (2) tad-[Direttiva 93/13], moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva, kif ukoll il-premessa 47 tad-[Direttiva 2008/48],

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, u l-applikazzjoni tagħha, li tipprevedi rekwiżiti supplimentari

għad-detriment ta’ parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u s-26 ta’ Lulju 2014, ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu, bħala konsumatur, li jinkludi klawżola kuntrattwali inġusta li tippermetti [possibbiltà ta’ emenda unilaterali], jew klawżola kuntrattwali inġusta dwar [id-differenza fir-rata tal-kambju],

fid-dawl tal-fatt li dawn ir-rekwiżiti supplimentari jeżiġu b’mod partikolari, sabiex id-drittijiet marbuta mal-invalidità tal-imsemmija kuntratti konklużi mal-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu validament invokati u, b’mod partikolari, sabiex il-qorti tkun tista’ teżamina l-mertu, il-preżentazzjoni ta’ nota ta’ kontenzjuż ċivil (b’mod partikolari, rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba) li għandha obbligatorjament ikollha ċertu kontenut,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr dawk li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll il-partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta li jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(2)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni […] elenkati fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li – indipendentement minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondix fl-affermattiv jew fin-negattiv għall-ewwel domanda, li hija iktar ġenerali mit-tieni domanda – jipprekludu li parti fil-kawża li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur, kif imsemmi fl-ewwel domanda, hija marbuta bir-rekwiżiti supplimentari imperattivi [hawn taħt] [(a) sa (c)]:

(a)      in-nota (rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba) li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu biss jekk, f’din in-nota,

il-parti fil-kawża ma titlobx esklużivament li l-qorti tikkonstata l-invalidità parzjali jew totali tal-kuntratti ta’ kreditu msemmija fl-ewwel domanda, iżda titlob ukoll li l-qorti tapplika l-konsegwenza ġuridika tal-invalidità totali,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(b)      in-nota (rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba) li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu biss jekk, f’din in-nota,

il-parti fil-kawża ma titlobx li l-qorti, minbarra l-konstatazzjoni tal-invalidità totali ta’ kuntratti konklużi bħala konsumatur bħal dawk imsemmija fl-ewwel domanda, tapplika, fost il-konsegwenzi ġuridiċi tal-invalidità totali,

dik tal-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante il-konklużjoni tal-kuntratt filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut partikolari?

(c)      in-nota (rikors, nota emendatorja tar-rikors jew eċċezzjoni ta’ invalidità invokata bħala difiża (kontra kundanna tal-konsumatur), modifika ta’ tali eċċezzjoni, kontrotalba, jew modifika ta’ tali talba) li għandha tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kontenzjuża minn parti fil-kawża (rikorrent jew konvenut) li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur kif imsemmi fl-ewwel domanda, tista’ tiġi eżaminata u tkun ammissibbli fuq il-mertu

biss jekk tkun tinkludi bilanċ tal-kontijiet (iddefinit mir-regoli tad-dritt nazzjonali) estremament ikkumplikat minn perspettiva matematikali, li jrid isir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ta’ konverżjoni f’HUF, tal-perijodu bejn il-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali u d-data tal-preżentata tar-rikors,

bilanċ li jkun jinkludi deskrizzjoni fid-dettall entrata b’entrata, aritmetikament verifikabbli, u juri l-arretrati mensili dovuti previsti mill-kuntratt, il-pagamenti mensili mħallsa mir-rikorrent, l-arretrati mensili stabbiliti mingħajr kunsiderazzjoni tal-klawżola invalida, kif ukoll id-differenza bejn dawn il-valuri, b’indikazzjoni fil-forma tal-ammont totali tas-somma li hija dovuta mill-parti fil-kawża li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu bħala konsumatur, kif imsemmi fl-ewwel domanda, lill-istabbiliment finanzjarju, jew possibbilment, l-eċċess li huwa ħallsu,

filwaqt li l-partijiet fil-kawża għajr il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu bħala konsumaturi, kif ukoll partijiet fil-kawża li, matul l-istess perijodu, ikkonkludew bħala konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li ma jaqgħux taħt l-imsemmi tip ta’ kuntratt, ma humiex marbuta jippreżentaw nota b’dan il-kontenut?

3)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni […] elenkati fl-ewwel domanda għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li l-ksur tagħhom, minħabba r-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet supplimentari msemmija iktar ’il fuq (fl-ewwel u fit-tieni domanda),

jikkostitwixxi fl-istess waqt ksur tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-[Karta], anki fid-dawl tal-fatt […] li,

skont is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C-448/98, EU:C:2000:663, punt 23) u tal-10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et (C-357/10 sa C-359/10, EU:C:2012:283, punt 28), kif ukoll skont id-digriet tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C-92/14, EU:C:2014:2051, punt 39), id-dritt tal-Unjoni […] fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi applikat mill-qrati nazzjonali wkoll f’sitwazzjonijiet li ma għandhomx elementi transkonfinali, jiġifieri f’sitwazzjonijiet purament nazzjonali, jew għandu jitqies li jkun hemm sitwazzjoni transkonfinali bis-sempliċi fatt li l-kuntratti ta’ kreditu msemmija fl-ewwel domanda preliminari huma kuntratti ta’ kreditu ‘ibbażati fuq valuti barranin’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

28      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li la d-Direttiva 2008/48 imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha u lanqas id-Direttiva 87/102 li kienet tippreċediha u li, skont l-informazzjoni disponibbli fil-proċess, hija rilevanti ratione temporis fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, ma japplikaw għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 2(2)(a) tal-ewwel direttiva jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu ggarantiti b’ipoteka, b’garanzija simili oħra użata normalment fi Stat Membru fuq proprjetà immobbli, jew bi dritt marbut ma’ proprjetà immobbli, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 2(1)(a) tat-tieni direttiva jipprevedi li din ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu intiżi prinċipalment li jippermettu l-akkwist jew iż-żamma ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq art jew fuq bini eżistenti jew ippjanat. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa ggarantit b’ipoteka u ġie konkluż bil-għan li tiġi akkwistata residenza.

29      Mill-banda l-oħra, id-Direttiva 93/13 tikkonċerna l-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Għaldaqstant, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha tingħata interpretazzjoni tagħha, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tagħha, li jistabbilixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

30      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżiti proċedurali speċifiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija li jkun fihom klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju u/jew klawżola li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ emenda unilaterali.

31      Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess kundizzjonijiet, jekk ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

32      Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur, il-qrati nazzjonali huma meħtieġa biss li ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma jkollhiex effetti vinkolanti fir-rigward tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 huwa li jistabbilixxi mill-ġdid l-ekwilibriju bejn il-partijiet, filwaqt li jżomm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt b’mod ġenerali, u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31).

33      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-korpi amministrattivi jkollhom mezzi adegwati u effikaċi sabiex ikunu jistgħu jwaqqfu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari speċifikat li, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 66).

35      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet b’dan il-mod, f’diversi okkażjonijiet u filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni iżda li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li jipprevedu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bħal dik prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju.

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, japplikaw regoli partikolari għall-grupp ta’ konsumaturi li kkonkludew, ma’ istituzzjoni finanzjarja u matul perijodu partikolari, kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija li jinkludi klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(1) u/jew fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi DH 1, fejn skont dawn id-dispożizzjonijiet l-ewwel waħda minn dawn il-klawżoli għandha titqies li hija inġusta u nulla filwaqt li t-tieni waħda hija preżunta li hija inġusta.

38      Skont l-Artikolu 37(1) tal-Liġi DH 2, it-talbiet li għandhom jitressqu mill-konsumatur fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja kontenzjuża mressqa kontra kuntratt li jinkludi ż-żewġ klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi DH 1, ikunu jistgħu jiġu eżaminati u jkunu jistgħu jintlaqgħu fuq il-mertu biss jekk, l-ewwel nett, min issellef jitlob ukoll l-applikazzjoni tal-konsegwenza legali tal-invalidità, it-tieni nett, min issellef ma jitlobx li tiġi applikata, minn fost il-konsegwenzi legali tal-invalidità totali, il-konsegwenza li tikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni u, it-tielet nett, min issellef jippreżenta bilanċ tal-kontijiet li jinkludi l-ammonti mitluba inġustament.

39      Skont il-qorti tar-rinviju, dawn it-tliet kundizzjonijiet ma japplikawx għal rikorsi li jikkonċernaw kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi li ma fihomx klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju jew dwar il-possibbiltà ta’ emenda unilaterali. Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dawn il-każijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 239/A(1) tal-Kodiċi Ċivili preċedenti u l-Artikolu 6:108 tal-Kodiċi Ċivili, ma jeżiġux li r-rikorrent jindika l-konsegwenzi legali li jkun qiegħed jitlob lill-qorti nazzjonali torbot ma’ eventwali invalidità parzjali jew totali tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, u lanqas ma jeżiġu li r-rikorrent jikkwantifika l-pretensjonijiet tiegħu fil-forma ta’ bilanċ tal-kontijiet bħal dak rikjest mill-modalitajiet kontenzjużi.

40      Peress li, skont id-dritt nazzjonali, il-konsumatur għandu josserva kundizzjonijiet partikolari fil-kuntest ta’ tilwima li taqa’ taħt l-Artikolu 37 tal-Liġi DH 2 sabiex din it-tilwima tkun ammissibbli u sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikseb deċiżjoni dwar il-mertu, il-qorti tar-rinviju talbet lil dan tal-aħħar jikkompleta r-rikors tiegħu skont din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-proċedura applikabbli għall-każijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma tissuġġettax lil konsumatur għal tali rekwiżiti.

41      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex ikun magħruf jekk dawn iż-żewġ proċeduri jirregolawx sitwazzjonijiet simili, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha konoxxenza diretta tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika n-natura simili tar-rikorsi kkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C-567/13, EU:C:2015:88, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li n-natura simili tagħhom ġiet stabbilita, għandu jiġi eżaminat jekk il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi bbażati fuq id-Direttiva 93/13, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex inqas favorevoli minn dawk tar-rikorsi bbażati esklużivament fuq id-dritt nazzjonali.

43      Kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti proċedurali supplimentari fuq il-konsumatur li jkun qiegħed jislet id-drittijiet tiegħu mid-dritt tal-Unjoni ma timplikax, fiha nfisha, li l-imsemmija modalitajiet proċedurali huma inqas favorevoli għalih. Fil-fatt, is-sitwazzjoni għandha tiġi analizzata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali kkonċernati fil-proċedura inkwistjoni b’mod ġenerali, l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet quddiem l-istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi DH 1 jirriżulta li l-leġiżlatur Ungeriż għandu l-intenzjoni jikklassifika bħala inġusti żewġ tipi ta’ klawżoli li jinsabu fil-parti l-kbira tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u konklużi bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, fejn waħda minn dawn il-klawżoli tikkonċerna d-differenza fir-rata tal-kambju u l-oħra tinkludi possibbiltà ta’ emenda unilaterali. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ungeriż, sabiex tiġi kkalkolata, skont ir-rata tal-kambju uffiċjali ffissata mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija korrispondenti, il-parti żejda tal-pagamenti magħmula mill-konsumatur minħabba n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, l-istituzzjoni finanzjarja għandha tipprepara bilanċ tal-kontijiet, li l-konsumatur jista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta.

45      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minħabba n-numru kbir ta’ kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija konklużi mal-konsumaturi fl-Ungerija, li fihom iż-żewġ klawżoli msemmija fil-punt preċedenti, il-leġiżlatur nazzjonali, bl-adozzjoni b’mod partikolari tal-Liġi DH 2, kellu l-intenzjoni li jqassar u li jissemplifika l-proċedura li kellha tiġi segwita quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, fil-kawżi simili li ma jikkonċernawx drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, il-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ klawżola inġusta waħda jew iktar ma tkunx biżżejjed, waħedha, sabiex twassal għal soluzzjoni definittiva tat-tilwima, sa fejn proċedura oħra tkun meħtieġa jekk il-konsumatur ikun jixtieq li l-qorti nazzjonali tiddetermina l-konsegwenzi legali tal-invalidità parzjali jew totali tal-kuntratt inkwistjoni u tiffissa l-ammonti eventwalment imħallsa indebitament.

46      Barra minn hekk, mill-Artikolu 38(6) tal-Liġi DH 2 jirriżulta li l-bilanċ tal-kontijiet stabbilit mill-istituzzjoni finanzjarja jsir definittiv jekk il-konsumatur ma jikkontestahx. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, ma huwiex il-kompitu tal-konsumatur li jikkalkola l-parti żejda tal-pagamenti magħmula, ħlief fil-każ li l-konsumatur jinvoka l-invalidità ta’ klawżoli oħra allegatament inġusti għajr iż-żewġ klawżoli msemmija minn din il-liġi. F’tali każ, il-konsumatur ikun meħtieġ jispeċifika l-ammont li fil-fehma tiegħu jkun ħallas indebitament minħabba l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli l-oħra.

47      Issa, tali rekwiżit li, skont il-Gvern Ungeriż, huwa biss espressjoni speċifika tar-regola ġenerali applikabbli fid-dritt ċivili proċedurali, li tipprevedi li talba għandha tkun speċifikata u kkwantifikata, ma jidhirx li huwa inqas favorevoli mir-regoli applikabbli għar-rikorsi simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħhom fis-sistema implimentata mil-leġiżlatur Ungeriż intiża li jinqatgħu fi żmien raġonevoli numru kbir ħafna ta’ kawżi marbuta ma’ kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija li jkun fihom klawżoli abbużivi, ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu kklassifikati bħala li huma inqas favorevoli minn dawk dwar ir-rikorsi simili li ma jikkonċernawx drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju hija meħtieġa twettaq, tali rekwiżiti ma jistgħux jitqiesu li huma inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza.

49      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi osservat li l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-protezzjoni għandha tapplika kemm fuq il-livell tal-identifikazzjoni tal-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u kemm fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali marbuta ma’ tali kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C-169/14, EU:C:2014:2099, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 47). B’hekk, il-fatt li proċedura partikolari tipprevedi ċerti rekwiżiti proċedurali li l-konsumatur ikollu josserva sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu ma jfissirx li, minħabba f’hekk, il-konsumatur ma jibbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 93/13 tirrikjedi, fit-tilwim bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, intervent pożittiv, estern għall-partijiet fil-kuntratt, mill-qorti nazzjonali adita b’tali tilwim, l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tipprekludix, bħala prinċipju, li l-qorti adita tistieden lill-konsumatur jipproduċi ċerti elementi insostenn tal-pretensjonijiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C-32/14, EU:C:2015:637, punt 62).

51      Għalkemm huwa minnu li r-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jeħtieġu sforz supplimentari min-naħa tal-konsumatur, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn ir-regoli, sa fejn huma intiżi li jħaffu l-ammont ta’ xogħol tas-sistema ġudizzjarja, huma reazzjoni, minħabba l-volum tal-kawżi inkwistjoni, għal sitwazzjoni eċċezzjonali u jsegwu interess ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Bħala tali, l-imsemmija regoli jistgħu jipprevalu fuq l-interessi partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C-567/13, EU:C:2015:88, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), sakemm ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom.

52      F’dan il-każ, fid-dawl tal-għan li jitħaffef l-ammont ta’ xogħol tas-sistema ġudizzjarja, ma jidhirx, għalkemm dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li r-regoli li jobbligaw lill-konsumatur jippreżenta talba kkwantifikata li tikkonsisti, minn tal-inqas parzjalment, f’bilanċ tal-kontijiet diġà stabbilit mill-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata, u jispeċifika l-konsegwenza legali li jkun qiegħed jitlob lill-qorti nazzjonali tapplika fil-każ li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni, jew ċerti klawżoli tiegħu, ikunu invalidi, tant huma kumplessi u jinkludu rekwiżiti li tant huma onerużi li dawn ir-regoli jaffettwaw b’mod sproporzjonat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur.

53      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-impossibbiltà għall-konsumatur li jitlob lill-qorti tordna l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, sa fejn l-Artikolu 37 tal-Liġi DH 2 jipprevedi li l-konstatazzjoni tal-invalidità tal-kuntratti ta’ self koperti mil-Liġi DH 1 tista’ tintalab biss jekk fl-istess ħin jintalab li l-kuntratt jiġi ddikjarat li huwa validu jew li għandu effett sal-jum tal-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, hijiex kuntrarja għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, f’tali ċirkustanzi, jistax jitqies, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fl-imsemmi kuntratt tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li fiha kien ikun il-konsumatur fl-assenza ta’ dawn il-klawżoli inġusti, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għal dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżoli inġusti.

54      F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ERSTE Bank u l-Gvern Ungeriż iddikjaraw, matul is-seduta, li l-konsumatur huwa f’pożizzjoni, matul il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 37 tal-Liġi DH 2, li mhux biss jitlob ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament minħabba l-applikazzjoni, mill-istituzzjoni finanzjarja, taż-żewġ klawżoli speċifiċi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tal-Liġi DH 1, iżda wkoll li jikseb kumpens għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni, fir-rigward tiegħu, ta’ klawżoli oħra eventwalment inġusti. Jekk dan huwa l-każ, jew jekk jeżisti rimedju proċedurali effettiv ieħor disponibbli għall-konsumatur li jippermetti li jintalab il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament taħt l-imsemmija klawżoli oħra, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa permezz tad-Direttiva 93/13 ma tipprekludix regoli proċedurali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżiti proċedurali speċifiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija li jkun fihom klawżola dwar id-differenza fir-rata tal-kambju u/jew klawżola li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ emenda unilaterali, bil-kundizzjoni li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli inklużi f’tali kuntratt tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ dawn il-klawżoli abbużivi.

 Fuq it-tielet domanda

56      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li ma jkunux jinvolvu element transkonfinali.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet ta’ moviment ma japplikawx f’sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom ikunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar dawn il-libertajiet ta’ moviment iżda l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza, fl-Istati Membri, qasam tad-dritt speċifiku. Għaldaqstant, ir-regoli li jinsabu fl-imsemmija leġiżlazzjoni japplikaw irrispettivament min-natura purament interna tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59      Minn dan isegwi li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li ma jkunux jinvolvu element transkonfinali.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżiti proċedurali speċifiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati minn konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija li jkun fihom klawżola li tistipula differenza bejn ir-rata tal-kambju applikabbli għar-rilaxx tas-self u dik applikabbli għar-rimbors tiegħu u/jew klawżola li tistipula possibbiltà ta’ emenda unilaterali li tippermetti lil min isellef iżid l-interessi, it-tariffi u l-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’tali kuntratt tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ dawn il-klawżoli abbużivi.

2)      Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet li ma jkunux jinvolvu element transkonfinali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.