Language of document : ECLI:EU:C:2023:241

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑23 ta’ Marzu 2023 (1)

Kawża C11/22

Est Wind Power OÜ

vs

AS Elering

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiv ta’ Tallinn, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 – Punt 19(44), u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 tal-punt 126 – Kostruzzjoni ta’ park eoliku – Kunċett ta’ ‘awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment’ – Kunċett ta’ ‘bidu tax-xogħolijiet’”






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 19(44), u tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 fil-punt 126 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (iktar ’il-quddiem il-“Linji Gwida tal‑2014”) (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanija Est Wind Power OÜ (iktar ’il-quddiem l-“EWP”), produttur ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u AS Elering, l-awtorità Estonjana responsabbli għall-għoti ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, dwar il-legalità ta’ opinjoni maħruġa minn din tal-aħħar fejn ikkonstatat li l-progress ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ park eoliku mwettaq minn EWP ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil din il-kumpannija tikseb, għall-kostruzzjoni ta’ dan il-park eoliku, għajnuna għall-enerġija rinnovabbli fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna stabbilita mir-Repubblika tal-Estonja.

3.        Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi tal-ewwel u tat-tmien domanda preliminari, li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “bidu tax-xogħolijiet” u ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” imsemmija, rispettivament, l-ewwel, fil-punt 19(44), u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 tal-punt 126 tal-Linji Gwida tal‑2014 u t-tieni, fil-premessa 42 tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2017 dwar Tibdil għall-Iskema ta’ Għajnuna Estonjana għal Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli u għall-Koġenerazzjoni (għajnuna mill-Istat SA.47354) (3) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2017”, u li t-tnejn li huma jikkostitwixxu kundizzjonijiet sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlLinji Gwida tal2014

4.        Il-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014 jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“‘bidu tax-xogħlijiet’ tfisser jew il-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment, jew l-ewwel impenn sod biex ikun ordnat tagħmir jew impenn li jagħmel l-investiment irriversibbli, ikun liema jkun l-ewwel wieħed f’termini ta’ żmien. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet preparatorji, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji preliminari dwar il-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala bidu tax-xogħlijiet […]”

5.        Il-punt 50 ta’ dawn il-linji gwida jippreċiżaw:

“Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax effett tal-inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet kollha fejn ix-xogħol fuq il-proġett kien diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali. F’tali każijiet fejn il-benefiċjarju jibda jimplimenta proġett qabel ma japplika għall-għajnuna, kwalunkwe għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dak il-proġett ma tiġix ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern.”

6.        Il-punt 126 ta’dawn il-linji gwida jipprovdi b’mod partikolari:

“[…]

Mil‑1 ta’ Jannar 2017, japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin.

L-għajnuna tingħata fi proċess ta’ offerti kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji […]”

7.        Skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 dwar il-punt 126 ta’ dawn il-linji gwida:

“Installazzjonijiet li bdew jaħdmu qabel l‑1 ta’ Jannar 2017 u li kienu rċevew konferma tal-għajnuna mill-Istat Membru qabel dik id-data jistgħu jingħataw għajnuna fuq il-bażi tal-iskema fis-seħħ fiż-żmien tal-konferma.”

 Id‑deċiżjoni tal‑2017

8.        Il-premessi 42 sa 44 tad-deċiżjoni tal‑2017 huma fformulati kif ġej:

“(42)      In-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 tal-[Linji tal-Linji Gwida tal-2014] tista’ titqies bħala traspożizzjoni tal-prinċipju legali tal-aspettattivi leġittimi u tirrigwarda mill-qrib ir-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna mill-Istat. F’termini konkreti, dan ifisser li l-produtturi li l-proġett tagħhom kien, fl‑1 ta’ Jannar 2017, fi stadju ta’ żvilupp b’tali mod li deher probabbli ħafna li dan kien ser jitlesta għandhom jiġu kkunsidrati bħala produtturi eżistenti mill-organizzazzjonijiet li jagħtu l-għajnuna, sabiex huma jiksbu l-għajnuna abbażi tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti (aspettattivi leġittimi). Dan jeħtieġ, bħala minimu, li l-iżviluppaturi jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni mill-Istat meħtieġa biex iwettqu l-proġett u li jkollhom legalment id-dritt jużaw l-art li fuqha ser jitwettaq il-proġett.

(43)      Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘bidu tax-xogħolijiet’ fil-punt 19(44) tal-[Linji Gwida tal‑2014] tipprovdi iktar dettalji f’dan ir-rigward. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 tal-[Linji Gwida tal‑2014] għandha għalhekk tinqara u tiġi interpretata mill-organizzazzjonijiet li jagħtu l-għajnuna b’tali mod li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element. Il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri ta’ għajnuna permezz tal-organizzazzjonijiet kompetenti tagħhom.

(44)      Fil-każ li l-organizzazzjoni li tagħti l-għajnuna tqis li x-xogħol fuq proġett partikolari beda, fis-sens tal-punt 19(44) tal-[Linji Gwida tal‑2014], qabel l‑1 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni tqis li din l-evalwazzjoni tikkonċerna dak il-proġett bħala tali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt Estonjan

9.        L-Artikolu 59 tal-elektrituruseadus (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku) (Riigi Teataja tat‑30 ta’ Ġunju 2020, iktar ’il quddiem l-(“ELTS”), intitolat “Għajnuna”, fil-verżjoni fis-seħħ sal‑31 ta’ Ottubru 2021, kien jipprovdi:

“(1)      Il-produttur għandu jkun intitolat li jikseb mingħand l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-għajnuna msemmija f’dan l-artikolu: (1) għall-produzzjoni tal-elettriku, sakemm ikun uża tagħmir għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli b’kapaċità netta li ma taqbiżx il‑125 MW;

[…]

(2)      L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jagħti l-għajnuna tiegħu meta mitlub mill-produttur:

[…]

(21)      L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE], li tingħata skont il-Linji Gwida tal‑[2014], u abbażi tad-deċiżjoni tal‑[2017].

(22)      L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għall-enerġija prodotta minn tagħmir ta’ ġenerazzjoni b’kapaċità elettrika ta’ mill-inqas 1 MW tista’ tintalab minn produttur li, fir-rigward tal-proġett ta’ investiment relatat ma’ dak it-tagħmir ta’ ġenerazzjoni, jkun beda x-xogħlijiet sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2016 wara li jkun wettaq mill-inqas wieħed mill-modi li ġejjin:

1)      jkun beda l-produzzjoni tal-elettriku;

2)      jkunu beda ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-imsemmi proġett ta’ investiment;

3)      ikun ħa impenn sod li jiġi ordnat tagħmir għal kostruzzjoni ta’ faċilità ta’ produzzjoni;

4)      ikun ħa kull impenn ieħor li jagħmel dan il-proġett ta’ investiment irriversibbli, ħlief l-akkwist tal-art li fuqha tkun tinsab il-faċilità ta’ produzzjoni, il-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet u l-preparazzjonijiet, li ma jkunux parti mill-impenji li jagħmlu l-proġett ta’ investiment irriversibbli.

(23)      Fejn il-produttur jitlob opinjoni lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni dwar il-konformità tiegħu mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 22 ta’ dan l-artikolu, din l-opinjoni għandha tinħareġ fi żmien 90 jum minn meta jirċievi dik it-talba.

[…]”

 Ilfatti talkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

10.      Sabiex issir l-installazzjoni ta’ park eoliku magħmul minn 28 turbina tar-riħ, b’kapaċità totali ta’ 64.4 MW, f’Päite-Vaivina, fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Toila (l-Estonja), EWP ħadet il-passi li ġejjin: fis‑27 ta’ April 2004, din il-kumpannija kkonkludiet ftehim ta’ abbonamenti mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni Elering u abbażi ta’ dan ħallset spejjeż ta’ konnessjoni li jammontaw għal EUR 522 813.93; matul is-sena 2008, EWP installat arbli li jkejlu r-riħ u ġarrbet spiża ta’ EUR 212 002.15; permezz ta’ kuntratt tal‑11 ta’ Mejju 2010, EWP akkwistat drittijiet fuq 28 biċċa art għal kostruzzjoni tal-park eoliku propost.

11.      Fid‑19 ta’ Jannar 2016, l-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Toila ppubblikat il-kundizzjonijiet għad-disinn tal-park eoliku u fl‑4 ta’ Frar 2016, EWP talbet il-ħruġ ta’ permess ta’ kostruzzjoni. Fl‑20 ta’ April 2016, il-Ministeru għad-Difiża rrifjuta l-approvazzjoni tal-proġett tal-kostruzzjoni tal-park eoliku u permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ April 2016, l-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Toila rrifjuta li toħroġ il-permess għal kostruzzjoni meħtieġ. Wara dan ir-rifjut, EWP ippreżentat rikorsi kontra dawk id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda.

12.      Fid‑29 ta’ Settembru 2020, l-EWP għamlet talba lil Elering għal opinjoni skont l-Artikolu 59(2)3 tal-ELTS, dwar il-konformità tal-proġett ta’ investiment propost mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 59(2)2 ta’ din il-liġi. Fl-opinjoni tagħha tat‑13 ta’ April 2021, Elering ikkunsidrat li dan il-proġett ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, EWP ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “produttur eżistenti” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

13.      Fit‑13 ta’ Mejju 2021, EWP ippreżentat rikors quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) il-qorti tar-rinviju, għall-annullament tal-opinjoni inkwistjoni u talbitha tordna lil Elering teżamina mill-ġdid it-talba tagħha.

14.      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija talbet, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, opinjoni lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (4), dwar l-interpretazzjoni tal-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 u, b’mod partikolari, dwar il-kunċett ta’ “produttur eżistenti” li jinsab fiha.

15.      Il-Kummissjoni wieġbet, permezz ta’ opinjoni tas‑17 ta’ Jannar 2020, li l-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi li, sal‑1 ta’ Jannar 2017, “l-iżviluppaturi jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni mill-Istat meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-proġett u li jkollhom legalment id-dritt jużaw l-art li fuqha ser jitwettaq il-proġett”. Hija żiedet tgħid li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, flimkien ma’ waħda mit-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014, kellhom jiġu ssodisfatti sabiex l-impriża tkun tista’ titqies bħala “produttur eżistenti” u b’hekk tibbenefika minn għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont id-Deċiżjoni tal‑2017.

16.      Fid-dawl ta’ din l-opinjoni, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li għandu jiġi kkjarifikat iktar il-kunċetti ta’ “bidu tax-xogħolijiet”, ta’ “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment”, ta’ “kull impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli ” u ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” imsemmija fil-punti 19(44), u fil-punt 126 tal-Linji Gwida tal‑2014, kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw għal amministrazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà li proġett ta’ investiment ikun tlesta.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-ewwel alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett ‘bidu tax-xogħlijiet’ mogħtija fil-punt 19(44) [tal-Linji Gwida tal‑2014), jiġifieri ‘il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni [marbuta mal-]investiment’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għall-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta ma’ kwalunkwe proġett ta’ investiment jew bħala li jirreferu biss għall-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment li ser jipproduċi enerġija rinnovabbli?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-ewwel alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett ‘bidu tax-xogħlijiet’ mogħtija fil-punt 19(44) [tal-Linji Gwida tal‑2014], jiġifieri ‘l-bidu tax- xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun ikkonstatat il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta ma’ proġett ta’ investiment, din l-awtorità għandha, konformement mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tevalwa wkoll l-istadju li fih ikun wasal il-proġett ta’ investiment u l-probabbiltà li dan il-proġett jitlesta?

3)      Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: ċirkustanzi oġġettivi oħra, bħalma huma proċeduri pendenti li jipprekludu t-tkomplija tal-proġett ta’ investiment, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-istadju li fih ikun wasal il-proġett ta’ investiment?

4)      Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa rilevanti li, fil-punti 61 u 68 tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar [(C‑349/17, EU:C:2019:172)], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonstatat li l-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le effett ta’ inċentiv ma tistax titqies li hija kriterju ċar u faċilment applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali għaliex il-verifika tal-eżistenza ta’ dan l-effett teħtieġ li jitwettqu, każ b’każ, evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bil-konsegwenza li tali kriterju ma jkunx konformi mar-rekwiżit li l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ eżenzjoni għandhom ikunu ċari u faċilment applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali?

5)      Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 fil-punt 126 [tal-Linji Gwida tal‑2014], ikkunsidrata flimkien mal-punt 19(44) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità nazzjonali ma hijiex meħtieġa twettaq evalwazzjoni ekonomika tal-proġett ta’ investiment, każ b’każ, meta teżamina l-kriterju tal-bidu tax-xogħlijiet?

6)      Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-aħħar alternattiva prevista taħt id-definizzjoni tal-kunċett ‘bidu tax-xogħlijiet’ mogħtija fil-punt 19(44), [tal-Linji Gwida tal‑2014], jiġifieri ‘impenn [ieħor] li jagħmel l-investiment irriversibbli’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kwalunkwe impenn ieħor, ħlief għax-xiri tal-art u xogħlijiet preparatorji (bħalma hija l-kisba ta’ permessi), jagħmel l-investiment irriversibbli, irrispettivament min-nefqa marbuta mal-impenn?

7)      Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-kunċett ta’ ‘bidu tax-xogħlijiet’ previst fil-punt 19(44) [tal-Linji Gwida tal‑2014] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżistenza ta’ dritt ta’ użu fuq l-art miżmum mill-produttur tal-enerġija u l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment huma kundizzjonijiet essenzjali għall-bidu tax-xogħlijiet?

8)      Fil-każ li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: il-kunċett ta’ ‘awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment’ għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt nazzjonali, u din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun biss l-awtorizzazzjoni li abbażi tagħha jitwettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni marbut mal-proġett ta’ investiment?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn EWP, Elering, il-Gvern Estonjan kif ukoll mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn il-partijiet għamlu l-osservazzjonijiet orali fis-seduta li saret fit‑12 ta’ Jannar 2023.

 Analiżi

 Fuq lammissibbiltà talewwel sitt domandi preliminari

19.      Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel sitt domandi preliminari.

20.      Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tar-risposti li għandhom jingħataw għas-seba’ u t-tmien domanda preliminari, l-ewwel sas-sitt domanda preliminari huma inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, irrelevanti.

21.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, il-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 tirrikjedi li, sabiex produttur jitqies li huwa “produttur eżistenti” sal‑1 ta’ Jannar 2017, huwa jrid ikun kiseb mill-Istat, l-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-proġett u jkollu wkoll legalment id-dritt li juża l-art li fuqha jkun ser jitwettaq il-proġett. Madankollu, hija tqis li dan ma huwiex il-każ ineżami, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li EWP ma kellhiex, f’din id-data, l-awtorizzazzjoni neċessarja mill-awtoritajiet Estonjani sabiex tipproċedi bil-kostruzzjoni tal-park eoliku inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, minn dan isegwi li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni tal‑2017 ma hijiex sodisfatta, b’tali mod li l-ewwel sas-sitt domanda preliminari huma mingħajr rilevanza.

22.      Filwaqt li għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li l-“awtorizzazzjoni mill-Istat [neċessarja għall-implimentazzjoni tal-proġett]” hija waħda mill-kundizzjonijiet preliminari neċessarji sabiex investitur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “produttur eżistenti” sabiex jirċievi għajnuna taħt l-iskema Estonjana ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li la d-Deċiżjoni tal‑2017 u lanqas il-Linji Gwida tal‑2014 ma jiddefinixxu dan it-terminu jew jipprovdu xi kjarifika dwar it-tip ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat” neċessarja (għalhekk saret it-talba tal-qorti tar-rinviju għal kjarifika tat-tip ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa, li hija s-suġġett tas-seba’ u t-tmien domanda preliminari).

23.      Għalhekk, sa fejn il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat” hija s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet konfliġġenti bejn il-partijiet, mingħajr ma ġiet deċiża definittivament, inqis li l-ewwel sas-sitt domanda dwar id-definizzjoni tal-kriterju prinċipali għall-għoti ta’ għajnuna jibqgħu rilevanti u li l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq ilmertu

 Osservazzjonijiet preliminari

24.      Permezz tat-tmien domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Linji Gwida tal‑2014 sabiex tiddetermina jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni Elering, kellhiex raġun tirrifjuta li tirrikonoxxi lil EWP bħala “produttur eżistenti” fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 2016, status li kieku kien jippermettilha tibbenefika minn għajnuna taħt skema ta’ għajnuna preċedenti li ġiet sostitwita fl‑1 ta’ Jannar 2017.

25.      Wieħed għandu jiftakar, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni tal‑2017 kienet tipprevedi li, mill‑1 ta’ Jannar 2017, l-għajnuna lill-produtturi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-Estonja tingħata wara proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, ġiet prevista deroga mill-iskema Estonjana, sa fejn l-obbligu li tintuża proċedura ta’ sejħa għall-offerti għall-għoti ta’ tali għajnuna ma japplikax għal dak li jikkonċerna “[l-i]nstallazzjonijiet li bdew jaħdmu qabel l‑1 ta’ Jannar 2017 u li kienu rċevew konferma tal-għajnuna mill-Istat Membru qabel dik id-data”.

26.      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq preċiżament tikseb kjarifika dwar il-portata ta’ din id-deroga.

27.      Qabel nipproċedi b’eżaminazzjoni ta’ dawn id-domandi, inqis li huwa neċessarju, fid-dawl tar-rilevanza tad-domandi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwarhom, li tittieħed pożizzjoni fuq il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida tal‑2014 u n-natura vinkolanti tagħhom f’dan il-każ, li ġie diskuss matul is-seduta.

28.      F’dan ir-rigward, wieħed għandu jiftakar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija tkun biħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri (5).

29.      Skont ġurisprudenza stabbilita oħra, il-linji gwida adottati permezz ta’ avviżi mill-Kummissjoni, huma fil-prinċipju ristretti li jorbtu lil din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha u ma jistgħux joħolqu obbligi legali indipendenti fuq l-Istati Membri (6). Għalhekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni biss għandhom effett vinkolanti fuq l-Istati Membri, li min naħa tagħhom huma meħtieġa jiżguraw il-konformità magħhom.

30.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li d-Deċiżjoni tal‑2017 hija bbażata fuq il-Linji Gwida tal‑2014 u tirreferi espressament għalihom, u dan jagħtihom natura vinkolanti. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet elenkati fil-Linji Gwida tal‑2014, li huma riprodotti u meqjusa bħala kriterji ta’ kompatibbiltà fid-Deċiżjoni tal‑2017 jagħmlu għalhekk parti integrali minn din tal-aħħar, b’tali mod li l-Kummissjoni teżiġi konformità mir-Repubblika tal-Estonja (7).

31.      Barra minn hekk, kemm mid-deċiżjoni tal‑2017 kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Estonjan jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika tal-Estonja allinjat l-iskema tagħha ta’ għajnuna mill-Istat mal-qafas stabbilit fil-Linji Gwida tal‑2014 b’mod li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni jkunu, jekk mhux identiċi, mill-inqas konsistenti mal-Linji Gwida tal‑2014 (8). Għalhekk, billi jinnotifika pjan ta’ għajnuna mill-Istat skont il-Linji Gwida, Stat Membru jkun qed “jiżgura” li l-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna hekk notifikata hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE, sa fejn dawn il-Linji Gwida għandhom l-effett ta’ limitazzjoni fuq il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha (9).

32.      Jekk jitqies, barra minn hekk, f’dan il-każ, li d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida identifikati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal‑2017, bħala kriterji għall-awtorizzazzjoni għal-għajnuna ma għandhomx effett vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Estonja, dan ikun ifisser, fil-każ ineżami, li jitqies li din ma hijiex marbuta bid-Deċiżjoni tal‑2017, u għalhekk tista’ taħrab mill-obbligi riżultanti minnha, soluzzjoni li evidentement ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

33.      Barra minn hekk, inqis ukoll li l-fatt li, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju ma rreferietx (direttament) għall-premessi tad-Deċiżjoni tal‑2017 li jirreferu għad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal‑2014, iżda pjuttost irreferiet għal dawn tal-aħħar, ma huwiex tali li jqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq lewwel domanda preliminari

34.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandha tiġi interpretata l-ewwel sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidu tax- xogħlijiet” previst fil-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014, jiġifieri il-“bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment”.

35.      B’mod iktar speċifiku, fid-dawl tal-fatt li EWP diġà installat arbli tal-kejl u l-konnessjonijiet neċessarji, l-ewwel domanda għandha l-għan li tivverifika jekk tali xogħlijiet jikkostitwixxux “il-bidu tax-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kif targumenta EWP, jew jekk dan il-kunċett jirreferix biss għall-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq installazzjonijiet li jipproduċu enerġija minn sorsi rinnovabbli u, għaldaqstant, f’dan il-każ, turbini tar-riħ, kif jargumentaw Elering u l-Gvern Estonjan (10).

36.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014 u li ġiet riprodotta fil-premessa 36 tad-Deċiżjoni tal‑2017 ma tippermettix li jiġi identifikat it-tip ta’ xogħlijiet koperti mit-terminu “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-investiment” jew li jiġi stabbilit limitu abbażi tal-ispejjeż, li meta jinqabeż ix-xogħlijiet mibdija għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna.

37.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet”, kif jirriżulta mill-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017, jippermetti li jiġi ddeterminat jekk l-iżviluppatur jistax jitqies bħala “produttur eżistenti” ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fid-data tal‑1 ta’ Jannar 2017. Għalhekk, skont din il-premessa, sabiex l-iżviluppatur ikun jista’ jitqies bħala “produttur eżistenti”, kien hemm bżonn li f’dik id-data l-proġett kien “fi stadju ta’ żvilupp b’tali mod li deher probabbli ħafna (11) li dan kien ser jitlesta”. L-istess premessa tiddikjara li investitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jiġi kklassifikat bħala “produttur eżistenti” għandu jikseb l-għajnuna fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-“prinċipju tal-aspettattivi leġittimi” (12).

38.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-iskema Estonjana ta’ għajnuna mill-Istat hija intiża li tiżgura li kategorija speċifika biss ta’ produtturi tista’ tiġi kklassifikata bħala “produtturi eżistenti” sabiex tibbenefika, permezz ta’ deroga, minn għajnuna abbażi tal-iskema antika, mingħajr ma tkun suġġetta għal sistema ta’ sejħa għal offerti ġdida, deroga li barra minn hekk, tikkontribwixxi sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-iskema ta’ għajnuna l-qadima għal dik il-ġdida (13).

39.      Mill-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 jirriżulta wkoll li l-għan tal-emendi li saru mir-Repubblika tal-Estonja għall-iskema tagħha ta’ għajnuna mill-Istat (u li ġew approvati mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni), inklużi l-bidliet relatati mal-kunċett ta’ “produttur eżistenti”, kienu speċifikament immirati sabiex jassimilaw mal-produtturi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli diġà eżistenti fis-suq, ċerta kategorija ta’ produtturi li d-dħul tagħhom fis-suq kien probabbli ħafna minħabba l-istat tal-progress tax-xogħlijiet (diġà mwettaq) kif ukoll il-garanziji diġà miksuba mill-awtoritajiet nazzjonali f’dan ir-rigward.

40.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni sostnuta minn EWP li tgħid li s-sempliċi fatt li bdiet ix-xogħlijiet relatati mal-proġett ta’ investiment tagħha huwa biżżejjed biex tikkwalifika bħala “produttur eżistenti” sabiex tirċievi l-għajnuna skont id-Deċiżjoni tal‑2017.

41.      Għalkemm ma huwiex ikkontestat li x-xogħlijiet imwettqa mill-EWP jikkostitwixxu, fil-fatt, wieħed mill-istadji neċessarji għall-kostruzzjoni u l-operat tal-park eoliku propost, xorta jibqa’ l-fatt li l-interpretazzjoni mressqa minn din il-kumpannija hija diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, kif stabbiliti fid-deċiżjoni tal‑2017.

42.      L-ewwel, l-interpretazzjoni sostnuta mill-EWP twassal għal twessiegħ tal-kunċett ta’ “produttur eżistenti” li ma huwiex sostnut minn din id-deċiżjoni peress li dan ifisser li l-produtturi diġà attivi fis-suq (u dawk li d-dħul tagħhom fis-suq huwa imminenti) jiġu trattati bħala produtturi li x-xogħol tagħhom jinsab fi stadju bikri u li għalihom ma hemm l-ebda garanzija (fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 2016) li l-proġett ser jitlesta. L-interpretazzjoni mogħtija minn EWP tippermetti li kull produttur jkun jista’ jitlob għajnuna mill-Istat irrispettivament min-natura tax-xogħol imwettaq u l-investiment li diġà sar.

43.      It-tieni, kif ġie stabbilit fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex biżżejjed li x-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni tal-park eoliku jkunu sempliċement inbdew, iżda hemm bżonn li l-istadju tal-progress tagħhom ikun tali li l-investiment isir irriversibbli b’mod li jkun hemm probabbiltà kbira li x-xogħlijiet jitwettqu.

44.      Fil-fehma tiegħi, dan ifisser li l-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet” jippresupponi mhux biss li l-atti preparatorji kollha jkunu twettqu (inkluż il-kisba ta’ permess ta’ bini), iżda wkoll li kien hemm evalwazzjoni tal-ammont ta’ spejjeż maħruġa, l-investimenti mwettqa u l-impenji magħmula fir-rigward tal-ispiża totali tal-proġett. Għalkemm EWP tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula minn Elering dwar il-proporzjon tal-ispiża tax-xogħlijiet li hija wettqet fir-rigward tal-ispiża totali tal-proġett inkwistjoni, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li l-kostruzzjoni tat-turbini tar-riħ (li, f’dan il-każ, lanqas biss bdiet) tirrappreżenta l-parti l-iktar sinjifikattiva tal-ispiża totali ta’ dan il-proġett (14).

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (u b’mod partikolari l-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017), jiena tal-fehma li l-kunċett ta’ “bidu tax-xogħol ta’ kostruzzjoni marbut mal-investiment” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, f’dan il-każ, il-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku.

46.      It-tielet, wieħed għandu jiftakar li mid-definizzjoni ta’ “bidu tax-xogħolijiet” fil-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014 huma esklużi “x-xogħlijiet preparatorji […] u t-twettiq ta’ studji preliminari dwar il-fattibbiltà”.

47.      Mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjonijiet fattwali li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel f’dan ir-rigward, jidher li l-karatteristiċi u l-għanijiet ta’ installazzjoni bħall-arbli li jkejlu r-riħ (u l-proċeduri meħuda minn EWP sabiex tagħmel il-konnessjonijiet neċessarji), huma pjuttost simili għal “studju preliminari dwar il-fattibbiltà” li jippermetti lill-investitur ikkonċernat jiddetermina jekk il-post magħżul huwiex adatt għall-kostruzzjoni ta’ park eoliku, qabel ma jipproċedi bix-xogħol meħtieġ għat-twettiq ta’ dan l-investiment (15).

48.      Għaldaqstant, dak li ntqal iktar ’il fuq jidher li jindika li, fid-data tal‑1 ta’ Jannar 2017, il-proġett ta’ EWP ma kienx fi stadju ta’ żvilupp b’tali mod li deher probabbli ħafna li dan kien ser jitlesta u li kellu jibbenefika mill-għajnuna abbażi tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017.

49.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fis-sens li r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu interpretati, b’mod partikolari l-ewwel sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet” previst fil-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014, jiġifieri l-“bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatat mal-investiment”, fis-sens li l-espressjoni “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” ma tistax tirreferi għall-bidu ta’ kwalunkwe xogħol ta’ kostruzzjoni relatat ma’ proġett ta’ investiment, iżda biss għall-bidu tax-xogħlijiet ta’ installazzjonijiet ta’ turbini tar-riħ li jipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

 Fuq ittmien domanda preliminari

50.      Permezz tat-tmien domanda tagħha, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk il-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” għandux jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Dik il-qorti titlob ukoll kjarifika dwar it-tip ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa għall-kostruzzjoni ta’ park eoliku. B’mod iktar speċifiku, anki jekk il-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014 ma jispeċifikax it-tip ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa, il-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 jirrikjedi li “l-iżviluppaturi jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni mill-Istat meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-proġett” (16).

51.      Għandu jiġi rrilevat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kontenut li għandu jiġi attribwit lill-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat”. Fil-fatt, minn naħa, Elering, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jqisu li l-awtorizzazzjoni mill-Istat tippreżupponi permess ta’ bini, jiġifieri awtorizzazzjoni li tagħti direttament id-dritt li jinbena l-park eoliku. Min-naħa l-oħra, EWP tqis li din mhux bilfors għandha tkun l-awtorizzazzjoni finali maħruġa għall-bini tal-partijiet kollha tal-proġett u li, f’dan il-każ, il-kriterju relatat mal-awtorizzazzjoni mill-Istat huwa diġà sodisfatt bl-eżistenza tal-pjan ġenerali ta’ żvilupp urban, li jinkludi l-park eoliku.

52.      Fl-assenza ta’ dettalji dwar it-tip ta’ awtorizzazzjoni meħtieġa fid-Deċiżjoni tal‑2017 u ta’ armonizzazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat mill-bidu nett li l-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-liġi nazzjonali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (17). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tosserva d-Deċiżjoni tal‑2017 (18).

53.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kisba tal-awtorizzazzjoni mill-Istat hija waħda mill-kundizzjonijiet sabiex investitur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “ produttur eżistenti” u jibbenefika abbażi ta’ dan mill-għajnuna antika mill-Istat peress li l-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni normalment tiġi qabel l-okkorrenza ta’ avveniment relatat mat-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014.

54.      B’mod iktar speċifiku, il-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 tirrikjedi li sal‑1 ta’ Jannar 2017 il-produttur irid ikun kiseb l-awtorizzazzjoni mill-Istat meħtieġa għall-proġett (u li għandu jkollu d-dritt legali li juża l-art li fuqha jkun ser jitwettaq il-proġett). Barra minn hekk, mir-rabta stabbilita f’din il-premessa mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jirriżulta li l-awtorizzazzjonijiet mill-Istat għandhom jinkisbu b’tali mod li tinħoloq aspettattiva leġittima li l-proġett ta’ investiment ser jitwettaq. Fi kliem ieħor, il-proġett inkwistjoni għandu jkun fi stadju tali li jidher probabbli ħafna li dan ikun ser jitlesta, filwaqt li jitqiesu kemm il-progress tax-xogħlijiet kif ukoll il-garanziji miksuba mill-awtoritajiet pubbliċi f’dan ir-rigward.

55.      Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, skont id-dritt nazzjonali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tfassil tal-park eoliku ta’ EWP kinux issodisfatti sad-data tal‑31 ta’ Diċembru 2016 u, b’mod partikolari, jekk il-pjan urban ippubblikat mill-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Toila fid‑19 ta’ Jannar 2016 jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit jekk EWP kinitx kisbet l-“awtorizzazzjoni mill-Istat” meħtieġa fis-sens tal-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017.

56.      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm il-pjan urbanistiku ppermetta li l-proġett jitwettaq billi jiġu stabbiliti wħud mill-parametri tiegħu, dan il-pjan jikkostitwixxi sempliċement dokument ta’ portata ġenerali li, fih innifsu, ma jippermettix il-kostruzzjoni ta’ park eoliku. Fil-fatt, awtorizzazzjonijiet addizzjonali, inkluż il-permess tal-kostruzzjoni, jidhru wkoll li huma meħtieġa għall-kostruzzjoni tad-diversi strutturi li jiffurmaw il-park eoliku, inkluż, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ (19).

57.      Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta stabbilita fil-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 bejn il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u l-awtorizzazzjoni tal-Istat meħtieġa, jiena naqbel mal-opinjoni ta’ Elering u tal-Gvern Estonjan, jiġifieri li l-ebda aspettattiva leġittima fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ proġett ta’ investiment ma tista’ tirriżulta fil-konfront ta’ impriża sakemm ir-rekwiżiti kollha li joħorġu mil-liġi domestika ma jiġux issodisfatti. Fil-fatt, hija biss sitwazzjoni legalment miksuba u li tista’ taqa’ taħt il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Konsegwentement, dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat meta sitwazzjoni legali ma tkunx stabbilita b’mod definittiv jew meta xi wħud biss mill-kundizzjonijiet legali meħtieġa jiġu ssodisfatti filwaqt li oħrajn ma jkunux. Barra minn hekk, dan il-prinċipju ma jipproteġixxix is-sempliċi possibbiltà jew prospett li jinkiseb dritt fil-futur, b’mod partikolari meta dan jibqa’ suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk (peress li l-pjan għall-użu tal-art jista’ jippermetti sussegwentement il-kisba tal-permess ta’ kostruzzjoni għalkemm ikun soġġett għall-kisba ta’ permessi oħra).

58.      Madankollu, il-fatt li, skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fl‑20 ta’ April 2016, il-Ministeru għad-Difiża rrifjuta li japprova l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ park eoliku u li b’digriet tas‑26 ta’ April 2016, l-Amministrazzjoni Muniċipali ta’ Toila rrifjutat li toħroġ il-permess tal-bini, jidher li jindika li mhux l-awtorizzazzjonijiet mill-Istat kollha meħtieġa fis-sens tal-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 kienu disponibbli (u li huma ma setgħux fi kwalunkwe każ ikunu disponibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rifjut imsemmi iktar ’il fuq) qabel il‑31 ta’ Diċembru 2016.

59.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jien nipproponi li r-risposta għat-tmien domanda tkun fis-sens li l-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” għandu jiġi ddefinit fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, fil-każ li l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ investiment ikun jeħtieġ l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jeħtieġu permess ta’ bini, l-“awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” tista’ tkun biss permess ta’ bini, jiġifieri, awtorizzazzjoni finali li taħtha jitwettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni.

 Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula minn Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) kif ġej:

1)      Il-punt 19(44) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ewwel sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet”, jiġifieri l-“bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatat mal-investiment”, ma tkoprix il-bidu tax-xogħlijiet kollha ta’ kostruzzjoni marbuta ma’ proġett ta’ investiment, ikunu liema jkunu, iżda sempliċement il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-installazzjonijiet ta’ turbini tar-riħ li jipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

2)      Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

-      il-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” għandu jiġi ddefinit fid-dawl tad-dritt nazzjonali, filwaqt li jkun konformi mad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat adottati mill-Kummissjoni Ewropea.

-      fil-każ li l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ investiment tkun teħtieġ l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jeħtieġu permess ta’ bini, l-“awtorizzazzjoni mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment” tista’ tkun biss permess ta’ bini, jiġifieri, awtorizzazzjoni finali li taħtha jitwettaq ix-xogħol ta’ kostruzzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2014, C 200, p. 1.


3      ĠU 2018, C 121, p. 7.


4      Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 2015, 248, p. 9).


5      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 37 sa 39).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40) u tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 30).


7      Ta’ min jinnota, f’dan ir-rigward, li kemm il-possibbiltà li tiġi prevista deroga mis-sistema l-ġdida ta’ sejħiet għall-offerti (deskritta fil-premessi 34 u 35 tad-Deċiżjoni tal‑2017) kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat (iddefiniti fil-premessi 36 sa 44 tad-Deċiżjoni tal‑2017) huma bbażati fuq il-Linji Gwida tal‑2014.


8      Ara, bħala eżempju, il-premessa 37 tad-Deċiżjoni tal‑2017 li fiha l-Kummissjoni tikkonstata li d-definizzjoni tat-terminu “produttur eżistenti” prevista fid-dritt Estonjan hija konformi mal-kunċett ta’ “bidu tax-xogħlijiet” stabbilita fil-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014.


9      Għalkemm dan ma huwiex il-każ hawnhekk, ta’ min jinnota li l-Istati Membri jżommu l-għażla li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx (jew ma jissodisfawx kompletament) il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida mingħajr ma dan ifisser neċessarjament li l-Kummissjoni ma tawtorizzax tali proġetti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 43), kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 31)


10      Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tidher li hija simili għal dik difiża minn dawn iż-żewġ partijiet, għalkemm dan ma joħroġx ċar mill-osservazzjonijiet orali tagħha, peress li waqt is-seduta, din l-istituzzjoni prinċipalment iffukat b’mod iktar astratt fuq il-kriterji għall-għoti ta’ għajnuna stabbiliti fid-Deċiżjoni tal‑2017 mingħajr ma tat deċiżjoni speċifika dwar din il-kawża. Barra minn hekk, għar-raġunijiet miġjuba fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub dwar din il-kwistjoni.


11      Enfasi miżjuda minni.


12      Ara l-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017.


13      Ara l-premessi 34, 35 u 40 tad-Deċiżjoni tal‑2017.


14      F’dan ir-rigward, Elering stmat li l-kostruzzjoni u l-installazzjoni tat-turbini tar-riħ jammontaw għal kważi 80 % tal-ispiża totali tal-proġett.


15      F’dan il-każ, dan jimplika, li l-investitur ikkonċernat jidentifika l-pożizzjoni ġeografika ppreferuta filwaqt li jqis il-karatteristiċi morfoloġiċi tal-post magħżul u l-kundizzjonijiet tat-temp relatati mal-kostruzzjoni ta’ park eoliku. Madankollu, fil-prinċipju, dan l-eżerċizzju jassumi li investitur jesplora diversi postijiet, permezz tal-installazzjoni ta’ arbli tal-kejl sabiex ikun jista’ jistabbilixxi l-post ideali għall-kostruzzjoni ta’ park eoliku, kif ukoll il-potenzjal tar-riħ ta’ post magħżul mingħajr ma neċessarjament dan ifisser li se jinbena park eoliku f’kull wieħed mill-postijiet li fihom inizjalment dawn l-arbli kienu installati. Għalhekk, l-ispejjeż imġarrba minn EWP għandhom pjuttost jiġu ttrattati bħala spejjeż ġenerali kurrenti, u mhux bħala spejjeż (irriversibbli) relatati mal-infrastruttura tal-park eoliku.


16      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tiddeċiedi dwar din id-domanda biss jekk tqis li s-seba’ domanda preliminari għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Tali risposta tidher li tirriżulta direttament mit-test tad-Deċiżjoni tal‑2017. F’dan ir-rigward, mill-punt 19(44) tal-Linji Gwida tal‑2014 jirriżulta li x-xiri tal-art u l-kisba tal-“awtorizzazzjoni mill-Istat” jagħmlu parti mill-preparazzjonijiet u l-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal‑2017 teżiġi b’mod inekwivoku li l-investitur għandu jkollu d-dritt li juża l-art u li jkollu l-“awtorizzazzjoni mill-Istat” sabiex jiġi kklassifikat bħala “produttur eżistenti”.


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic (C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 64).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:981, punt 26) kif ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Veejaam u Espo (C‑470/20, EU:C:2022:430, punt 24).


19      Dan il-fattur jidher ukoll li huwa kkonfermat mill-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali u b’mod partikolari mir-rifjut tal-Ministeru għad-Difiża li japprova l-proġetti ta’ kostruzzjoni tal-park eoliku, u minn dak tal-amministrazzjoni muniċipali ta’ Toila li kellha toħroġ il-permess ta’ bini mitlub minn EWP.