Language of document : ECLI:EU:C:2023:852

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

9 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Il-punt 2 tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘residenza irregolari’ – Direttiva 2013/32/UE – Applikant għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 9(1) – Dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni – Deċiżjoni ta’ ritorn adottata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”

Fil-Kawża C‑257/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ April 2022, fil-proċedura

CD

vs

Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u D. Gratsias, Imħallef,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, A. Katsimerou u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), moqrija flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CD, ċittadin Alġerin, u l-Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky (il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika Ċeka, Servizz tal-Politika tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Intern”) dwar deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mir-Ředitelství služby cizinecké policie (id-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2008/115

3        Skont il-premessi 9 u 12 tad-Direttiva 2008/115:

“(9)      Skond id-[Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168)], ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta’ l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta’ soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.

[...]

(12)      Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. [...] Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b'konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f'deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-punti 2 u 4 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)      ‘soġġorn illegali’: tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 (tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)) jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[...]

4)       ‘deċiżjoni ta’ ritorn’: tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta jimplimentaw l-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.

7        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

 Direttiva 2013/32/UE

8        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.”

9        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu”, jgħid li:

“(1)      Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ din id-Direttiva jista’, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, ikun ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari biss jekk:

a)      l-applikant ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż; jew

b)      l-applikant ikun/tkun persuna apolida u kien/kienet, preċedentement, abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

u ma ppreżenta/ppreżentat l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha fis-sens tal-kwalifika tiegħu/tagħha bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE. [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)].

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali regoli u modalitajiet ulterjuri għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu.”

10      L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu”, jipprevedi:

“(1)      L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti, konformement mal-Anness I, l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali.

2.      L-Istati Membri għandhom jirrivedu regolarment is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu taħt dan l-Artikolu.

[...]”

 Iddritt Ċek

11      L-Artikolu 120a(1)(b) taż-zákon č.  326/1999 Sb., o pobytu cizinchebna území České republiky a o změně některých zákonssel (il-Liġi Nru 326/1999 dwar ir-Residenza tal-Barranin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka u li temenda l-liġijiet l-oħra), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin”), tipprovdi:

“Fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija amministrattiva skont l-Artikoli 119 u 120, il-pulizija hija obbligata titlob opinjoni vinkolanti mill-Ministeru dwar il-possibbiltà għall-barrani li jitlaq mit-territorju (Artikolu 179); dan ma japplikax

[...]

b)      jekk il-barrani jkun ġej minn pajjiż ta’ oriġini sigur fis-sens ta’ dispożizzjoni legali oħra u ma jkunx semma ċirkustanzi li jistabbilixxu li jista’ jkun espost għal riskju reali fis-sens tal-Artikolu 179. 

[...]”

12      Skont l-Artikolu 179(1) u (2) tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin:

“1.      It-tneħħija mit-territorju ta’ barrani ma hijiex possibbli meta jkun hemm biża’ leġittima li l-barrani jkun f’perikolu reali jekk jintbagħat lura lejn l-Istat li tiegħu huwa ċittadin jew, jekk ikun mingħajr stat, lejn l-Istat tal-aħħar residenza permanenti tiegħu.

(2)      Perikolu reali fis-sens ta’ din il-liġi jfisser ritorn bi ksur tal-Artikolu 3 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”)].”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

13      Fit‑30 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin Alġerin, ippreżenta ruħu f’ċentru ta’ detenzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fejn ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Peress li kien jirrisjedi fit-territorju Ċek mingħajr permess ta’ residenza jew dokument tal-ivvjaġġar validu, il-pulizija bdiet, fit‑8 ta’ Ottubru 2021, proċedura amministrattiva ta’ tneħħija fir-rigward tiegħu.

14      Matul is-smigħ tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali afferma li l-Alġerija ma kienx pajjiż sigur u li, b’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Istat ma kinux f’pożizzjoni li jipproteġu liċ-ċittadini Alġerini. Huwa indika li kien mhedded b’mewt mill-familja tal-vittma ta’ ġlieda li matulha kien xhud ta’ qtil. Huwa sostna li, għalkemm qorti Alġerina ġġudikatu innoċenti, minħabba l-biża’ ta’ din it-theddida, huwa ma setax jirritorna d-dar tiegħu matul il-ġurnata, iżda kellu jistenna l-lejl għal dan.

15      Permezz tad-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni, adottata fit‑12 ta’ Ottubru 2021, id-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin ordna t-tneħħija amministrattiva tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u stabbilixxa perijodu ta’ sena li matulu kellu jiġi rrifjutat lilu d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri.

16      Id-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin qies li ma kienx hemm raġunijiet li jipprekludu t-tneħħija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mit-territorju Ċek, peress li ma kienx hemm biża’ leġittima ta’ perikolu reali fil-pajjiż ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 179(1) u (2) tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin.

17      F’dan ir-rigward, id-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin ikkonstata li l-Alġerija kienet tinsab fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri stabbilita mill-vyhláška č. 328/2015 Sb., kterou se provádí zákon o azylu a zákon č. 221/2003 Sb., o dočasné ochraně cizincssel (id-Digriet Nru 328/2015 li Jimplimenta l-Liġi dwar l-Ażil u l-Liġi Nru 221/2003 dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-Barranin), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 328/2015”).

18      Peress li r-rikors amministrattiv tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni ġie miċħud mill-Ministeru għall-Intern permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2021, dan ir-rikorrent adixxa l-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), il-qorti tar-rinviju. Quddiem din tal-aħħar, huwa jsostni, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw il-fatt li l-Alġerija hija pajjiż ta’ oriġini sigur, skont id-Digriet Nru 328/2015, filwaqt li fil-fatt kellha ssir evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tiegħu.

19      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li, sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tiksirx il-prinċipju ta’ non-refoulement, Stat Membru, minn naħa, japplika, fil-kuntest tas-sistema ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment, prevista mid-Direttiva 2008/115, il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur”, previst fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2013/32, u, min-naħa l-oħra, jinterpreta dan il-prinċipju ta’ non-refoulement bħala li jkopri biss il-projbizzjoni tat-trattamenti ħżiena.

20      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur”, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li dan ma jidhirx fid-Direttiva 2008/115, l-użu tiegħu fil-kuntest tal-proċedura tar-ritorn iwassal għal simplifikazzjonijiet proċedurali għall-pulizija, peress li din hija eżentata mill-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fil-pajjiż ta’ destinazzjoni fil-każ partikolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mibgħut lura. Madankollu, l-użu ta’ dan il-kunċett ipoġġi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat f’sitwazzjoni iktar diffiċli, peress li huwa jkun obbligat jikkonfuta l-preżunzjoni li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huwa ta’ natura sigura.

21      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-refoulement, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 19(2) tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu lil dan il-prinċipju portata iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 179(2) tal-Liġi dwar ir-Residenza għall-Barranin, li tillimita din il-portata għall-projbizzjoni tat-trattamenti ħżiena.

22      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, skont l-Artikolu 37(2) tad-Direttiva 2013/32, li teżamina regolarment is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri konformement ma’ dan l-artikolu. Għalhekk, fil-fehma tagħha, tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk, erba’ snin wara l-pubblikazzjoni tas-sorsi li fuqhom kienet ibbażata l-indikazzjoni tal-Alġerija bħala pajjiż ta’ oriġini sigur u tliet snin wara li l-istess pajjiż kien imsemmi fid-Digriet Nru 328/2015, il-konklużjoni dwar in-natura sigura tal-Alġerija tibqax iġġustifikata.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(2) u (3) u l-aħħar parti tal-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2008/115], moqrija flimkien mal-Artikolu 2, mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 19(2) tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 6 tad-[Direttiva 2008/115] timplikax ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement, jipprekludu l-użu tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur fis-sens tal-Artikoli 36 u 37 tad-[Direttiva 2013/32], applikat flimkien mad-definizzjoni restrittiva tal-prinċipju ta’ non-refoulement li tkopri biss il-projbizzjoni tat-trattamenti ħżiena fis-sens tal-Artikolu 4 tal- [Karta] u tal-Artikolu 3 tal-[KEDB]?”

 Fuq iddomanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikolu 2, l-Artikolu 4 l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju ta’ non-refoulement jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru meta dan iċ-ċittadin isostni quddiem l-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar li huwa jġarrab, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, theddid għal ħajtu min-naħa ta’ individwi u jekk tali Stat Membru jistax jirrikorri għall-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur”, fis-sens tal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2013/32, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju f’tali ċirkustanzi.

25      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea esprimiet id-dubji tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. B’mod partikolari, hija osservat li mill-proċess nazzjonali jidher li jirriżulta li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx ġiet eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ tneħħija, f’liema każ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2008/115 bl-ebda mod ma kellhom jiġu applikati f’dan il-każ. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni, ir-rikorrent sostna, b’mod partikolari, li proċedura ta’ tneħħija kienet inbdiet b’mod żbaljat fil-konfront tiegħu, meta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kienet għadha ma ġietx eżaminata.

26      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit‑30 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem ir-Repubblika Ċeka u li, fit‑12 ta’ Ottubru 2021, id-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin adotta, fil-konfront tiegħu, id-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul.

27      Wara żewġ talbiet għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis‑26 ta’ Jannar u fl‑1 ta’ Marzu 2023, ibbażati fuq l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, b’mod partikolari, minn naħa, li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2021, il-Ministeru għall-Intern ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiemha kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni, dan ir-rikorrent sostna, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, huwa ma kellux ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ tneħħija.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tingħata deċiżjoni dwar kwistjoni rrinvijata għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss, b’mod partikolari, jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, EU:C:2019:2, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ ritorn ġiet adottata mid-Direttorat tal-Pulizija għall-Barranin fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija adita b’kawża li s-suġġett tagħha huwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni u d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2008/115 u 2013/32 li huma rilevanti fir-rigward ta’ motivi ta’ illegalità tal-imsemmija deċiżjoni li huma, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, invokati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Ma jirriżultax b’mod manifest mill-proċess mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew li l-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija ta’ natura ipotetika.

30      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, id-domanda magħmula ma hijiex inammissibbli.

31      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża li tkun qiegħda tisma’, sew jekk il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment jew le meta għamlet id-domanda tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Aviva, C‑605/15, EU:C:2017:718, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, għandha tiġi indirizzata, preliminarjament, il-kwistjoni tal-applikabbiltà stess tad-Direttiva 2008/115 f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

33      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-ordni ta’ tluq mit-territorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “deċiżjoni ta’ ritorn”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, jiġifieri deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jiddikjara illegali r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u li jimponi jew jiddikjara obbligu ta’ ritorn.

34      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. Fir-rigward b’mod partikolari tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jieħdu tali deċiżjoni fil-konfront ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju tagħhom.

35      Sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni ta’ ritorn tistax tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz matul il-perijodu bejn il-preżentata minnu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni, għandu jiġi eżaminat, għaldaqstant, jekk tali ċittadin ikunx, matul dan il-perijodu, qiegħed jirrisjedi b’mod irregolari, fis-sens tad-Direttiva 2008/115 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 38).

36      F’dan ir-rigward, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza irregolari”, li jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih ikun, minħabba dan il-fatt biss, jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Madankollu, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru li fih ikun ippreżenta din l-applikazzjoni, għall-finijiet biss tal-proċedura, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiċħad l-imsemmija applikazzjoni. Għalkemm dan id-dritt li jibqa’ f’dan it-territorju ma jikkostitwixxix, skont it-termini espliċiti ta’ din id-dispożizzjoni, dritt għal permess ta’ residenza, madankollu, b’mod partikolari, mill-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-imsemmi dritt jipprekludi li r-residenza ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali tiġi kklassifikata bħala “irregolari”, fis-sens ta’ din id-direttiva, matul il-perijodu bejn il-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiddeċiedi dwarha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna lill-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, id-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jibqa’ fl-Istat Membru fejn huwa ppreżenta din l-applikazzjoni, previst f’din id-dispożizzjoni, jintemm bl-adozzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiċħad l-imsemmija applikazzjoni. Fl-assenza ta’ dritt jew ta’ permess ta’ residenza mogħti lil dan l-applikant fuq bażi legali oħra, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115, li jippermetti lill-applikant li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha bħala konsegwenza li, mill-adozzjoni tagħha, dan l-applikant ma jkunx jissodisfa iktar dawn il-kundizzjonijiet, b’tali mod li r-residenza tiegħu ssir irregolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 41).

39      Konsegwentement, peress li, matul il-perijodu bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiddeċiedi dwarha, l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni li wieħed jibqa’ teskludi l-irregolarità tar-residenza tal-applikant u għalhekk l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 fil-konfront tiegħu, deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah ma tistax tiġi adottata matul dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 46, 58 u 59).

40      Għall-kuntrarju, sa miċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew b’mod kumulattiv ma’ din fl-istess att amministrattiv, deċiżjoni ta’ ritorn tista’, fil-prinċipju, tiġi adottata kontra l-persuna kkonċernata (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 59).

41      Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 33 sa 40 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li, fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha l-għan li tneħħi ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba n-natura irregolari tar-residenza tiegħu qabel l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, dan il-fatt jiġġustifika li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li quddiemha tiġi ppreżentata, minn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tista’ tadotta tali deċiżjoni ta’ ritorn wara t-tressiq ta’ din l-applikazzjoni, iżda qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza dwarha.

42      Ċertament, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessa 12 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li din tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, għalkemm ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari, huma awtorizzati jibqgħu legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn huma għad ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ tneħħija. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perijodu bejn il-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza li tiddeċiedi dwarha jipprekludi li, matul dan il-perijodu, ir-residenza tal-persuna kkonċernata tiġi kklassifikata bħala “irregolari”, fis-sens tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 46 u 47). F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ ritorn tkun relatata mal-perijodu li matulu dan l-applikant kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, qabel il-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 33 sa 42 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk tad-Direttiva 2008/115, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, fiċ-ċirkustanzi deskritti f’dan l-istess punt ta’ din is-sentenza u jekk huwiex possibbli għal dan l-Istat Membru li jirrikorri għall-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini sigur”, fis-sens tal-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2013/32, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fil-każ ta’ adozzjoni ta’ tali deċiżjoni.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-premessa 9 ta’ din id-direttiva u flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara l-preżentata minnu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar din l-applikazzjoni, u dan irrispettivament mill-perijodu ta’ residenza msemmi fl-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn.

 Fuq lispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1) u l-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-premessa 9 ta’ din id-direttiva u flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara l-preżentata minnu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar din l-applikazzjoni, u dan irrispettivament mill-perijodu ta’ residenza msemmi fl-imsemmija deċiżjoni ta’ ritorn.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.