Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2013 – ZZ et vs BEI

(Kawża F-43/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Annullament tad-deċiżjonijiet li jidhru fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju għax-xahar ta’ Frar 2013, li jiffissaw l-aġġustament annwali tas-salarji sa 1.8% għas-sena 2013 u l-annullament tad-dikjarazzjonijiet tas-salarju suċċessivi. Min-naħa l-oħra, it-talba sussegwenti li l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tad-danni materjali u morali allegatament subiti.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2013, deċiżjoni li tiffissa l-aġġustament annwali tas-salarji sa 1.8% għas-sena 2013 u, għalhekk, tannulla d-deċiżjonijiet simili li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju suċċessivi u,

sa fejn hemm bżonn, tannulla żewġ noti ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fil-5 ta’ Frar 2013 u fil-15 ta’ Frar 2013;

tikkundanna lill-konvenut iħallas lil kull wieħed mir-rikorrenti, bħala kumpens għad-danni materjali (i) il-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-implementazzjoni tal-aġġustament annwali għall-2013, jiġifieri żieda ta’ 1.8%, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013; (ii) il-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-konsegwenzi tal-implementazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 1.8% għall-2013 fuq l-ammont tas-salarji li ser jitħallsu minn Jannar 2014; (iii) l-interessi moratorji fuq il-bilanċ tas-salarji dovuti sal-ħlas komplet tas-somom dovuti, ir-rati tal-interessi moratorji li għandhom jiġu applikati għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, b’żieda ta’ tliet punti u (iv) id-danni minħabba t-telf tas-setgħa tal-infiq; fejn it-totalità ta’ dan id-dannu materjali hija evalwat, provviżorjament, għal kull wieħed mir-rikorrenti, għal EUR 30 000;

tikkundanna lill-konvenut iħallas EUR 1 000 lil kull wieħed mir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni morali;

tikkundanna lil BEI għall-ispejjeż.