Language of document : ECLI:EU:T:2022:778

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Imballaġġ tal-ikel intiż għall-bejgħ bl-imnut – Deċiżjoni li temenda l-ammont ta’ multa – Modalitajiet tal-kalkolu tal-multa – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal‑2006 – Limitu massimu tal-multa – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Kapaċità kontributtiva”

Fil-Kawża T‑130/21,

CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, stabbilita f’Reggio d’Emilie (l-Italja),

Coopbox Group SpA, stabbilita f’Bibbiano (l-Italja),

Coopbox Eastern s.r.o., stabbilita f’Nové Mesto nad Váhom (is-Slovakkja),

irrappreżentati minn E. Cucchiara u E. Rocchi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u T. Baumé, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta, matul deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, M. J. Costeira, M. Kancheva, P. Zilgalvis (Relatur) u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat id-digriet tat‑22 ta’ Lulju 2021, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑130/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:488),

wara s-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox Group SpA u Coopbox Eastern s.r.o., jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas‑17 ta’ Diċembru 2020, C(2020) 8940 finali, (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”) li tissostitwixxi l-multi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2015) 4336 finali tal‑24 ta’ Ġunju 2015 relatata mal-proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39563 – L-ippakkjar tal-ikel bl-imnut) (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni tal‑2015”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti huma kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp CCPL attivi, b’mod partikolari, fis-settur tal-imballaġġ tal-ikel.

3        CCPL hija kooperattiva li għandha, permezz ta’ CCPL SpA, ishma f’kumpanniji operattivi, fosthom Coopbox Group u Coopbox Eastern.

4        Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni tal‑2015, li permezz tagħha hija kkonstatat li kumpanniji attivi fis-settur tal-ippakkjar tal-ikel intiż għall-bejgħ bl-imnut kienu, matul il-perijodu bejn l‑2000 u l‑2008, ipparteċipaw f’ħames ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Volum 2, p. 205), multi għal ammont totali ta’ EUR 33 694 000, b’mod partikolari, fuq ir-rikorrenti u fuq żewġ kumpanniji oħra li kienu jagħmlu parti fiż-żmien tal-grupp CCPL.

5        L-ammont finali ta’ dawn il-multi ġie ffissat wara l-għoti tal-ħames kumpanniji kkonċernati, skont il-paragrafu 35 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal‑2006”), ta’ tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont finali tal-multi li l-Kummissjoni kellha timponi fuqhom, fid-dawl tal-kapaċità kontributtiva mnaqqsa tagħhom.

6        Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2015, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15 R, EU:T:2015:1012), il-President tal-Qorti Ġenerali ssospenda l-obbligu li tiġi kkostitwita favur il-Kummissjoni garanzija bankarja sabiex jiġi evitat l-irkupru immedjat tal-multi li kienu ġew imposti fuq il-ħames kumpanniji kkonċernati, bil-kundizzjoni, minn naħa, li huma jħallsu lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 5 miljun kif ukoll id-dħul kollu ġġenerat mit-trasferiment previst ta’ ċerti ishma u, min-naħa l-oħra, li huma jippreżentaw bil-miktub lil din tal-aħħar, it-tliet xhur kollha sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll f’kull avveniment li jista’ jkollu influwenza fuq il-kapaċità futura tagħhom li jħallsu l-multi imposti, rapport iddettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar inkluż fil-ftehim ta’ ristrutturar tad-dejn konklużi mal-kredituri tagħhom (minn hawn ’il quddiem il-“pjan ta’ ristrutturar”) [Anness A.27] u fuq l-ammont ta’ dħul mill-bejgħ tal-assi tagħhom kemm fl-eżekuzzjoni kif ukoll “barra” dan il-pjan.

7        CCPL, li aġixxiet f’isem il-ħames kumpanniji kkonċernati, għamlet ħlasijiet provviżorji lill-Kummissjoni għal ammont totali ta’ EUR 5 942 000.

8        Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ħames kumpanniji kkonċernati mogħtija minħabba l-inkapaċità kontributtiva, id-Deċiżjoni tal‑2015 kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, hija annullat l-Artikolu 2(1)(f) sa (h), (2)(d) u (e), u (4)(c) u (d) ta’ din id-deċiżjoni.

9        Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni informat lil CCPL b’mod partikolari bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multi fuq il-kumpanniji kkonċernati tal-grupp tagħha u stiednet lil dawn tal-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

10      Fl‑20 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw appell mis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500).

11      Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, il-kumpanniji kkonċernati talbu lill-Kummissjoni teżamina l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tagħhom, skont il-paragrafu 35 tal-Linji gwida tal‑2006, bil-għan li jitnaqqas l-ammont tal-multi li hija setgħet tapplika fi tmiem il-proċedura pendenti. Sabiex tevalwa din it-talba, il-Kummissjoni indirizzat lill-grupp CCPL talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-imsemmi grupp ta’ segwitu għalihom.

12      Fis‑7 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500), irrimborsat lil CCPL l-ammont ta’ EUR 5 942 084 li din tal-aħħar kienet ittrasferixxiet lilha bħala ħlas provviżorju.

13      Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija, essenzjalment, ċaħdet it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi inkwistjoni bbażata fuq assenza ta’ kapaċità kontributtiva ppreżentata mir-rikorrenti u imponiet fuqhom multi li jammontaw għal total ta’ EUR 9 441 000.

14      Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, CCPL et vs Il-Kummissjoni (C‑706/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:45), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-appellanti bħala manifestament inammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod partikolari li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, il-motivi u l-argumenti miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500), fil-kuntest ta’ eventwali rikors ġdid kontra d-deċiżjoni li kellha tiġi adottata wara l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Qorti Ġenerali (digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, CCPL et vs Il-Kummissjoni, C‑706/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:45, punt 26).

15      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Lulju 2021, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑130/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:488), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u rriżerva l-ispejjeż.

 Ittalbiet talpartijiet

16      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-multi li ġew imposti fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

18      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

19      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tielet motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data pprovduta mill-grupp CCPL insostenn tal-assenza ta’ kapaċità kontributtiva tagħha.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni u fuq ksur talArtikolu 23(2) tarRegolament Nru 1/2003

20      Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-kumpannija omm tal-grupp CCPL minħabba l-aġir tal-kumpanniji tal-grupp CCPL u, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-preżunzjoni li CCPL eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tar-responsabbiltà tal-kumpannija omm tal-grupp CCPL minħabba l-aġir tal-kumpanniji ta’ dan il-grupp

21      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, peress li ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom ir-responsabbiltà tal-aġir ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern ġiet imputata lil CCPL.

22      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

23      Hemm lok li jitfakkar li, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni għall-miżura sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra, EU:C:2003:473, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, meta deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni tkun ġiet emendata permezz ta’ deċiżjoni li tipprevedi espliċitament li din tikkostitwixxi deċiżjoni li temenda din id-deċiżjoni, il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda hija estensjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑180/16 P, EU:C:2017:520, punt 22).

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni inizjali tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li temenda, sakemm din ma tkunx ġiet affettwata minn sentenza ta’ annullament u li ma hijiex kontradetta mill-formulazzjoni tad-deċiżjoni li temenda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2016, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑404/12, EU:T:2016:18, punt 95).

26      F’dan il-każ, mit-titolu u mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta espliċitament li din tikkostitwixxi deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni tal‑2015 fir-rigward tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

27      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jimponi għalhekk multi fuq ir-rikorrenti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2015.

28      Barra minn hekk, ma huwiex allegat li l-elementi tad-deċiżjoni tal‑2015 minbarra dawk relatati mal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti ġew affettwati mis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500), jew li hija kontradetta mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ CCPL minħabba ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-grupp CCPL, li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv.

29      Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha tinqara fid-dawl tad-Deċiżjoni tal‑2015 f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ CCPL minħabba ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-grupp CCPL.

30      Fil-premessa 848 tad-deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni kkonstatat li CCPL kienet il-kumpannija li teżerċita kontroll tal-grupp CCPL matul it-tul kollu tal-ksur inkwistjoni u li l-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tagħha f’entità waħda jew iktar, fosthom Coopbox Group, li pparteċipat direttament fil-ksur kienet ta’ 100 % sat‑18 ta’ April 2006, imbagħad ta’ 93.864 % bejn it‑18 ta’ April 2006 u t-tmiem tal-imsemmi ksur.

31      Fil-premessa 849 tad-deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni qieset li sehem ta’ 93.864 % kien suffiċjenti sabiex jiġi preżunt li kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Hija ppreċiżat ukoll li għalkemm, għaliha, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti kienet suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-entitajiet ikkonċernati, din il-preżunzjoni kienet imsaħħa mill-analiżi tar-rabtiet legali, personali u ekonomiċi eżistenti bejn l-entitajiet li jagħmlu parti mill-impriża kkonċernata, imwettqa fil-premessi 850 sa 855 tal-istess deċiżjoni.

32      Issa, dawn l-elementi huma ta’ natura li jippermettu lir-rikorrenti jifhmu l-evalwazzjoni li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata r-responsabbiltà ta’ CCPL minħabba ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-grupp CCPL u lill-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-fondatezza ta’ dawn il-motivi.

33      L-argument tar-rikorrenti dwar motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ CCPL minħabba ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-grupp CCPL għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-preżunzjoni li CCPL eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL

34      Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq il-preżunzjoni li CCPL kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

36      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u fuq l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi meta, jew intenzjonalment jew b’negliġenza jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jkopri kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, ikkunsidrat f’dan il-kuntest, kellu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika tkun ikkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, li, meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal tali ksur (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra dan, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, minkejja li jkollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni, C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija omm ikollha direttament jew indirettament it-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament tali influwenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital ta’ sussidjarja tkun miżmuma mill-kumpannija omm tagħha sabiex ikun jista’ jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija parent hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija omm, li fuqha jaqa’ l-kompitu li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti sabiex turi li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni, C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Sakemm ma tiġix ikkonfutata, tali preżunzjoni timplika, għaldaqstant, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha jitqies li huwa stabbilit u huwa l-bażi li fuqha l-Kummissjoni żżomm lil din tal-ewwel responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkollha għalfejn tipproduċi kwalunkwe prova addizzjonali. L-implimentazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti b’hekk ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija omm (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni, C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata li tibbaża ruħha esklużivament fuq l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija omm, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tali provi mal-imsemmija preżunzjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni, C‑595/18 P, EU:C:2021:73, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-premessa 846 tad-deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni indikat li, sabiex tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lil CCPL bħala kumpannija omm, hija kienet użat il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tgħid li CCPL kienet eżerċitat influwenza determinanti matul il-perijodu (jew il-perijodi) fejn tal-inqas entità direttament involuta fil-ksur kienet kompletament (jew kważi kompletament) ikkontrollata minn din il-kumpannija omm.

43      Kif tfakkar fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni kkonstatat li CCPL kienet il-kumpannija li teżerċita kontroll tal-grupp CCPL matul it-tul kollu tal-ksur u li l-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tagħha f’waħda jew f’diversi entitajiet ta’ dan il-grupp parteċipanti direttament fil-ksur kienet suffiċjenti sabiex jiġi preżunt li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, għalkemm, għaliha, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti kienet suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-entitajiet ikkonċernati, din il-preżunzjoni kienet imsaħħa mill-analiżi tar-rabtiet ġuridiċi, personali u ekonomiċi eżistenti bejn l-entitajiet li jagħmlu parti mill-impriża kkonċernata.

44      Fost l-elementi li juru r-rabtiet ġuridiċi, personali u ekonomiċi eżistenti bejn l-entitajiet li jagħmlu parti mill-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni semmiet b’mod partikolari li CCPL setgħet taħtar il-membri kollha tal-bord tad-diretturi, kif ukoll l-amministratur delegat ta’ CCPL SpA, li CCPL kienet tapprova l-baġit ta’ CCPL SpA u kienet tiddetermina b’mod espliċitu r-responsabbiltajiet tal-amministraturi, li l-bord tad-diretturi ta’ CCPL SpA kellu tal-iktar setgħat ta’ ġestjoni ordinarji tal-impriża u kien jaħtar president, responsabbli biex jiżgura l-orjentazzjoni strateġika tal-kumpanija billi jiżgura l-eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi, li l-ftehim tal-azzjonisti jirrikonoxxi b’mod espliċitu li CCPL kellha sehem ta’ kontroll f’CCPL SpA, li l-interessi minoritarji tal-azzjonisti ma gawdewx minn ebda drittijiet speċjali u li s-6.14 % li jifdal tal-kapital ta’ CCPL SpA kien miżmum mill-azzjonisti li kienu proprjetarji ta’ CCPL stess. Hija rrilevat ukoll li l-istess mudell ta’ impriża kien jgħodd għal Coopbox Group.

45      F’dan il-kuntest, fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni qieset li Coopbox Group u CCPL kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw, mit‑18 ta’ Ġunju 2002 sas‑17 ta’ Diċembru 2007, fi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit minn diversi atti ta’ ksur distinti, relatati ma’ kontenituri tal-polistiren intiżi għas-settur tal-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut u li jkopru t-territorju tal-Italja.

46      Fl-Artikolu 1.4 tad-Deċiżjoni tal‑2015, il-Kummissjoni qieset li CCPL, mit‑8 ta’ Diċembru 2004 sal‑24 ta’ Settembru 2007, u Coopbox Eastern, mill‑5 ta’ Novembru 2004 sal‑24 ta’ Settembru 2007, kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit minn diversi ksur distinti, relatati ma’ kontenituri tal-polistiren intiżi għas-settur tal-ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut u li jkopru t-territorju tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija, tal-Polonja u tas-Slovakkja.

47      Fuq din il-bażi, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tal‑2015, multa ta’ EUR 4 627 000 in solidum fuq Coopbox Group u CCPL, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1.2 tad-deċiżjoni tal‑2015, multa ta’ EUR 4 010 000 fuq CCPL u, għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1.4 tad-deċiżjoni tal‑2015, multa ta’ EUR 789 000 flimkien u in solidum fuq Coopbox Eastern, u fuq CCPL, kif ukoll multa ta’ EUR 15000 fuq Coopbox Eastern.

48      Hija għalhekk żammet lil CCPL responsabbli matul it-tul kollu tal-ksur minħabba, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta tagħha f’entità waħda jew iktar tal-grupp CCPL.

49      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imputat lil CCPL prattiki implementati minn Coopbox Group u minn Coopbox Eastern, li CCPL għandha permezz ta’ CCPL SpA, mingħajr ma kkonstatat ksur fir-rigward ta’ CCPL SpA.

50      Madankollu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 iktar ’il fuq jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija omm, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.

51      F’tali sitwazzjoni, peress li l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija omm mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, ma hijiex neċessarjament relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-ewwel waħda fl-imsemmi ksur, li jippermettu lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija omm, iżda huwa l-fatt li l-kumpanniji kkonċernati jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 88).

52      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-preżunzjoni msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq tapplika wkoll meta l-kumpannija omm iżżomm il-kapital tas-sussidjarja tagħha, mhux direttament, iżda permezz ta’ kumpanniji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 86; tat‑8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punti 48 u 49, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, GEA Group vs Il-Kummissjoni, T‑45/10, mhux ippubblikata, EU:T:2015:507, punt 142).

53      Għalhekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà tal-aġir tas-sussidjarji miżmuma indirettament minn kumpannija omm lil din il-kumpannija, anki mingħajr ma tikkonstata ksur fir-rigward tal-kumpanniji intermedjarji.

54      Fil-fatt, il-fatt li tali sussidjarji huma miżmuma permezz ta’ kumpannija li lilha ma huwa imputat l-ebda ksur ma jikkonfutax il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv, mill-kumpannija omm, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta tagħha f’dawn is-sussidjarji, ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarji.

55      Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li hija unità ekonomika kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, li għandha twieġeb għal dan il-ksur.

56      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax għalhekk jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali sa fejn CCPL inżammet responsabbli għal ksur li hija ma wettqitx u li ma ġietx imputata lill-entità li permezz tagħha hija kellha l-entità li wettqet il-ksur.

57      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni imputat lil CCPL prattiki implimentati minn Coopbox Group u minn Coopbox Eastern, li CCPL għandha permezz ta’ CCPL SpA, mingħajr ma kkonstatat ksur fir-rigward ta’ CCPL SpA.

58      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ CCPL għall-aġir tal-kumpanniji tal-grupp CCPL ma kinitx applikabbli, peress li CCPL kellha biss sehem ta’ 93.864 % f’CCPL SpA mit‑18 ta’ April 2006 sat-tmiem tal-perijodu tal-ksur.

59      Madankollu, il-kumpannija omm li żżomm kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha tinsab, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ proprjetarju esklużiv, fir-rigward tas-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, fid-dawl tal-konnessjonijiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jorbtuha ma’ din is-sussidjarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tapplika fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni l-istess sistema probatorja, jiġifieri li tirrikorri għall-preżunzjoni li din il-kumpannija omm għamlet użu effettiv mis-setgħa tagħha li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Ċertament, ma huwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, l-azzjonisti minoritarji jista’ jkollhom, fir-rigward tal-kumpannija sussidjarja, drittijiet li jippermettu li titpoġġa f’dubju l-analoġija msemmija hawn fuq.

60      Issa, minn naħa, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha ta’ 93.864 % fil-kapital ta’ CCPL SpA, CCPL kellha, matul il-perijodu bejn it‑18 ta’ April 2006 u tmiem il-perijodu tal-ksur, kważi l-kapital kollu ta’ CCPL SpA. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jallegawx u, a fortiori, ma jurux li l-azzjonisti minoritarji kellhom, fir-rigward ta’ CCPL SpA, drittijiet li jippermettu li tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv, minn CCPL, ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja.

61      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni użat il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ CCPL għall-aġir tal-kumpanniji tal-grupp CCPL matul il-perijodu li matulu CCPL kellha biss sehem ta’ 93.864 % f’CCPL SpA.

62      Fit-tielet lok, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ CCPL għall-aġir tal-kumpanniji tal-grupp CCPL sa fejn, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal‑2015, is-sehem ta’ CCPL fil-kapital ta’ CCPL SpA kien għadu tnaqqas għal madwar 90 % għandu jiġi miċħud.

63      Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni li tippermetti li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija omm tagħha timplika li r-responsabbiltà tal-kumpannija omm tirriżulta mill-aġir tas-sussidjarja tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur, b’tali mod li l-ammont tal-parteċipazzjoni tal-kumpannija omm fis-sussidjarja tagħha fid-data tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur hija irrilevanti.

64      Fir-raba’ lok, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ CCPL fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL peress li hija kienet ibbażat ruħha kemm fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kif ukoll fuq sensiela ta’ elementi.

65      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, l-implimentazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija omm.

66      Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija omm, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tali elementi mal-imsemmija preżunzjoni.

67      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni rrilevat diversi elementi intiżi sabiex isaħħu l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ CCPL fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL ma kienx jimponi fuqha oneru tal-prova ogħla milli kieku hija llimitat ruħha li tuża l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

68      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti kellha tiġi kkonfutata, peress li CCPL ma kinitx teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL, mhux biss għall-perijodu li fih hija kellha l-kapital azzjonarju kollu tal-entitajiet tal-grupp CCPL involuti fil-ksur, iżda wkoll meta l-parteċipazzjoni ta’ CCPL kienet inqas minn 100 %.

69      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jindikaw li CCPL waqqfet kull attività ta’ ġestjoni fis-settur tal-pakketti tal-ikel u tat lill-kumpanniji tal-grupp CCPL responsabbli minn dan is-settur awtonomija kompleta fil-qasam tal-produzzjoni u fil-qasam kummerċjali, industrijali u tal-ġestjoni. Huma jindikaw ukoll, essenzjalment, li l-amministratur delegat ta’ Coopbox Group jiddefinixxi b’indipendenza sħiħa l-politiki ta’ ġestjoni kummerċjali u strateġika tal-kumpannija.

70      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiddikjaraw li CCPL hija kumpannija kooperattiva li taġixxi prinċipalment bħala azzjonista u li għandha ishma fil-kumpanniji operattivi permezz ta’ CCPL SpA, li r-rwol tagħha ta’ subholding ma jinkludi ebda involviment fil-ġestjoni operazzjonali u kurrenti tal-kumpanniji li hija tikkontrolla, u li CCPL ma għandha l-ebda rwol attiv fil-ġestjoni kurrenti tal-kumpanniji tal-grupp CCPL.

71      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li CCPL kienet il-kumpannija li teżerċita kontroll ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw f’sitt setturi ta’ attività differenti, li la Coopbox Group u lanqas ebda waħda mill-kumpanniji l-oħra implikati fil-ksur inkwistjoni qatt ma informaw lil CCPL dwar l-attivitajiet illegali, u lanqas aġixxew bl-awtorizzazzjoni minn qabel tagħha.

72      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ebda wieħed mit-tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ CCPL li kienu simultanjament membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji tal-grupp CCPL ma eżerċita funzjoni operazzjonali fi ħdan dawn tal-aħħar jew ipparteċipa, direttament jew indirettament, fil-laqgħat mal-impriżi kompetituri.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti, kumpannija omm għandha, fil-kuntest ta’ rikorsi diretti kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, tissottometti għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni kull prova relatata mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha u s-sussidjarja tagħha b’tali mod li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-indipendenza operattiva ma tipprovax, fiha nnifisha, li sussidjarja tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti mill-kumpannija omm tagħha. Id-diviżjoni tal-kompiti bejn is-sussidjarji u l-kumpanniji omm tagħhom, u b’mod partikolari l-fatt li t-tmexxija operattiva tiġi fdata lid-diretturi lokali ta’ sussidjarja, hija prattika abitwali tal-impriżi ta’ daqs kbir u komposti minn numru kbir ta’ sussidjarji miżmuma, ultimament, mill-istess kumpannija li teżerċita kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2014, RWE u RWE Dea vs Il-Kummissjoni, T‑543/08, EU:T:2014:627, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Barra minn hekk, il-fatt li CCPL SpA ma kinitx tagħti istruzzjonijiet lil CCPL SpA, lil Coopbox Group u lanqas lil Coopbox Eastern dwar l-akkordji inkwistjoni jew li hija ma kellhiex għarfien tal-imsemmija akkordji ma huwiex, bħala tali, skont il-ġurisprudenza, ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il-Kummissjoni, C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678, punti 59 u 60).

76      Minn dan isegwi li l-affermazzjonijiet, li barra minn hekk ma humiex issostanzjati, li CCPL temmet kull attività ta’ ġestjoni fis-settur tal-ippakkjar tal-ikel u tat lill-kumpanniji tal-grupp CCPL responsabbli minn dan is-settur awtonomija kompleta, mingħajr ma hija jew CCPL SpA għandhom ebda rwol attiv fil-ġestjoni kurrenti ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern, ma jistgħux jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

77      It-tieni, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tqis li r-rappreżentazzjoni tal-kumpannija omm fil-korpi ta’ tmexxija tas-sussidjarja tagħha tikkostitwixxi prova rilevanti tal-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Socitrel u Companhia Previdente vs Il-Kummissjoni, T‑413/10 u T‑414/10, EU:T:2015:500, punt 213 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ rwol operattiv tat-tliet membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ CCPL li kienu kontemporanjament membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji tal-grupp CCPL għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

79      Għall-istess raġuni, l-argument li l-ebda wieħed mid-dokumenti inklużi fil-fajl ta’ din il-proċedura ma jinkludi informazzjoni dwar l-involviment ta’ dawn il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ CCPL fl-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ xi waħda mill-kumpanniji tal-grupp CCPL għandu wkoll jiġi miċħud.

80      It-tielet, meta kumpannija omm tista’ titqies li hija responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja, anki meta jkun hemm numru kbir ta’ kumpanniji operattivi fi grupp (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-fatt li CCPL kienet il-kumpannija ewlenija ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw f’sitt setturi ta’ attività differenti ma jipprekludix li jiġi imputat lilha l-ksur ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern.

81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-elementi mressqa mir-rikorrenti, bħala tali, ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni li CCPL kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpanniji tal-grupp CCPL.

82      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv ma hijiex fondata u l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali

83      Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, ta’ individwalizzazzjoni u ta’ gradazzjoni tal-multi, ta’ razzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Kummissjoni applikat b’mod separat, għal kull ksur, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ iffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u sa fejn dan il-metodu ta’ applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ wassal lill-Kummissjoni sabiex timponilhom multi ferm ogħla mill-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati l-oħra.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

85      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-limitu massimu ta’ 10 % b’mod separat għal kull ksur, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għal kull impriża li tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma taqbiżx 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha mwettaq matul is-sena kummerċjali preċedenti.

86      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ ċertu aġir illegali bħala li jikkostitwixxu ksur wieħed jew l-istess ksur, jew li jikkostitwixxu għadd ta’ ksur distint ma hijiex, fil-prinċipju, mingħajr konsegwenzi fuq is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ għadd ta’ ksur distint tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ għadd ta’ multi distinti, kull darba fil-limiti ffissati fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri mhux iktar minn 10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena finanzjarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑27/10, EU:T:2014:59, punt 230 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Apparti dan, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata, f’deċiżjoni waħda, żewġ każijiet ta’ ksur distinti u timponi żewġ multi fejn l-ammont totali jaqbeż il-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-ammont ta’ kull multa ma jaqbiżx l-imsemmi limitu. Fil-fatt, huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni tal-imsemmi limitu ta’ 10 %, li ksur differenti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu ssanzjonati fi proċedura unika jew fi proċeduri separati, fi żminijiet differenti, peress li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika għal kull ksur tal-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑27/10, EU:T:2014:59, punti 231 sa 232).

88      Peress li l-applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % b’mod separat għal kull ksur hija konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif interpretat mill-ġurisprudenza, dan l-argument tar-rikorrenti ma huwiex ta’ natura li juri li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità, ta’ individwalizzazzjoni u ta’ gradazzjoni tal-multa, ta’ razzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

89      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-proporzjon tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, li huwa nettament ikbar minn dak tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra kkonċernati, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma jmurx kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament li, b’applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi previst fil-Linji Gwida tal‑2006, impriża li tiġi imposta fuqha multa, tkun tirrappreżenta proporzjon tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha li huwa ogħla minn dak irrappreżentat mill-multi imposti rispettivament fuq kull waħda mill-impriżi l-oħra. Fil-fatt, huwa inerenti għal dan il-metodu ta’ kalkolu, li ma huwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati, li jkun hemm differenzi bejn dawn l-impriżi fir-rigward tar-relazzjoni bejn dan id-dħul mill-bejgħ u l-ammont tal-multi imposti fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 64).

90      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, tiżgura, fil-każ fejn tali multi huma imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li d-differenza fil-perċentwali li tirrappreżenta l-multa fid-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġġustifika li l-Kummissjoni titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu li hija stess iffissat. Fil-fatt, dan ikun ta’ benefiċċju għal ċerti impriżi abbażi ta’ kriterju li huwa mingħajr rilevanza fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      L-eżistenza ta’ diverġenzi allegati bejn, minn naħa, ir-relazzjoni bejn il-multi imposti fuq ir-rikorrenti u d-dħul mill-bejgħ totali tagħhom u, min-naħa l-oħra, dik bejn il-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra kkonċernati u d-dħul mill-bejgħ tagħhom għalhekk ma tistax turi li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

93      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-ammont baxx tal-multa imposta fuq il-kumpanniji tal-grupp Vitembal fid-deċiżjoni tal‑2015 juri li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jallegawx li l-Kummissjoni applikat metodi ta’ kalkolu differenti għall-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, l-uniku element imressaq mir-rikorrenti, li jikkonċerna l-ammont totali tal-multi imposti fuq l-entitajiet ikkonċernati meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ totali rispettiv tagħhom, huwa, kif ġie indikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-allegata diskriminazzjoni. Peress li r-rikorrenti ma invokaw ebda element ieħor dwar iċ-ċirkustanzi fattwali u legali li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, għandu jiġi kkonstatat li huma baqgħu ma wrewx li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji l-oħra kkonċernati, b’mod partikolari l-kumpanniji tal-grupp Vitembal, kienet paragunabbli mas-sitwazzjoni tagħhom stess, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud.

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’mod separat, għal kull ksur, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ iffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

96      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni talkapaċità kontributtiva tarrikorrenti

97      Ir-rikorrenti jinvokaw insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità kontributtiva tagħhom u jikkritikaw lil din tal-aħħar bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ta’ din il-kapaċità kontributtiva.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006 jipprovdi, taħt it-titolu “Kapaċità kontributtiva”:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi tal-provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-preżenti [l]inji gwida, jipperikolaw b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal li ttellef l-assi tagħha mill-valur kollu.”

100    Skont ġurisprudenza stabbilita, billi adottat regoli ta’ kondotta bħal-linji gwida u billi stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma ssib ruħha li qed twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Barra minn hekk, skont il-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006, tnaqqis tal-multa jista’ jingħata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u taħt il-kundizzjonijiet li huma ddefiniti f’dawn il-linji gwida. B’hekk, minn naħa, għandu jintwera li l-multa imposta “tippreġudika irrimedjabbilment il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha”. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ “kuntest ekonomiku u soċjali partikolari” għandha wkoll tiġi stabbilita. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ġew stabbiliti minn qabel mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 288).

102    Fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ kundizzjonijiet, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma hijiex, bħala regola, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-qagħda finanzjarja ta’ defiċit ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li huma l-inqas adatti għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 289 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Fil-fatt, li kieku kellu jkun hekk, ikun hemm ir-riskju li dawn l-impriżi jingħataw vantaġġ għad-detriment ta’ impriżi oħra iktar effiċjenti u mmexxija aħjar. B’dan il-fatt, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ qagħda finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata ma hijiex biżżejjed sabiex issir talba li titlob lill-Kummissjoni tikkunsidra n-nuqqas tal-kapaċità kontributtiva tagħha sabiex tagħti tnaqqis ta’ multa (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 290).

104    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li miżura adottata minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew l-istralċ ta’ impriża partikolari ma huwiex prekluż, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm tali tranżazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti, madankollu dan ma jfissirx li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati mill-impriża wkoll jitilfu l-valur tagħhom (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li hija s-sempliċi ipoteżi ta’ telf tal-valur tal-elementi personali, materjali jew immaterjali rrappreżentati minn impriża, fi kliem ieħor, tal-attiv tagħha, li tista’ tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni, waqt l-iffissar tal-ammont tal-multa, tittieħed inkunsiderazzjoni, l-eventwalità tal-falliment jew tal-likwidazzjoni tagħha, wara l-impożizzjoni ta’ din il-multa (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 292 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fil-fatt, l-istralċ ta’ kumpannija mhux neċessarjament jimplika t-tmiem tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tibqa’ teżisti bħala tali, kemm fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija, u kemm fil-każ ta’ rkupru globali tal-elementi tal-assi tagħha minn entità oħra. Tali rkupru jista’ jintervjeni jew permezz ta’ xiri mill-ġdid volontarju, jew inkella minn bejgħ forzat tal-assi tal-kumpannija bit-tkomplija tal-operat (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 293).

107    Għalhekk ir-riferiment li sar, fil-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006, għall-privatizzazzjoni tal-assi tal-impriża kkonċernata tal-valur kollu għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn l-irkupru tal-impriża fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 106, jidher improbabbli, jew saħansitra impossibbli. F’tali ipoteżi, l-elementi li jiffurmaw l-assi ta’ din l-impriża jiġu offruti għall-bejgħ separatament u huwa probabbli li ħafna minnhom ma jinxtrawx jew, aħjar, jinbiegħu bi prezz imnaqqas ħafna (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Fir-rigward tat-tieni grupp ta’ kundizzjonijiet, relatati mal-eżistenza ta’ kuntest ekonomiku u soċjali partikolari, dan jirreferi, skont il-ġurisprudenza, għall-konsegwenzi li l-pagament tal-multa jista’ jġib miegħu, b’mod partikolari fil-livell ta’ żieda tal-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni tas-setturi ekonomiċi ’l fuq jew ’l isfel tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 295 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija preċedentament jiġu ssodisfatti, l-impożizzjoni ta’ multa li tista’ tikkawża t-tmiem ta’ impriża tkun kuntrarja għall-għan segwit mill-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006. L-applikazzjoni tal-imsemmi punt għall-impriżi kkonċernati tikkostitwixxi, b’dan il-mod, applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-sanzjonijiet tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Westfälische Drahtindustrie et vs Il-Kummissjoni, T‑393/10, EU:T:2015:515, punt 296 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

111    F’dan il-każ, fil-punt 3.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li wettqet analiżi ekonomika u finanzjarja tal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti u tal-effett ta’ multa eventwali fuq il-vijabbiltà ekonomika tagħhom, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 90 tal-imsemmija deċiżjoni, li, minkejja l-indizji dgħajfa ta’ solvenza u ta’ profittabbiltà tal-grupp CCPL u d-daqs tal-ammont totali tal-multi kontenzjużi meta mqabbla mad-daqs tal-grupp, l-imsemmi grupp kellu likwidità suffiċjenti sabiex iħallas l-ammont totali tal-imsemmija multi u li l-probabbiltà li l-vijabbiltà ekonomika ta’ dan il-grupp huwa fih innifsu mhedded kien baxx.

112    Insostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ likwidità suffiċjenti, il-Kummissjoni indikat qabelxejn, fil-premessa 90(a) tad-deċiżjoni kkontestata li, matul is-snin 2018 u 2019, il-grupp CCPL kien ippreżenta bilanċi ta’ likwidità sinjifikattivi, li kienu jammontaw rispettivament għal EUR 18.6 miljun u għal EUR 22.8 miljun. Fil-premessa 90(b) tal-imsemmija deċiżjoni, hija esponiet li l-bilanċ medju tal-assi likwidi tal-imsemmi grupp għall-perijodu 2014–2018, jiġifieri madwar 11.6 % tad-dħul mill-bejgħ annwali medju ta’ dan il-grupp, kien jikkostitwixxi indizju tajjeb li jippermetti li jiġi dedott li l-livell ta’ likwidità kien suffiċjenti sabiex jiġu onorati l-impenji u l-ispejjeż għal żmien qasir, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività u jiġu evitati nuqqasijiet temporanji ta’ likwidità. Fil-premessa 90(c) ta’ din id-deċiżjoni, hija indikat li l-istess konklużjoni setgħet tinsilet billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-proporzjon tal-bilanċ tal-likwidità/bejgħ. Fil-premessa 90(d) tal-istess deċiżjoni, hija rrilevat li, peress li l-likwidità kienet ta’ spiss miżmuma mill-kumpanniji holding tal-grupp inkwistjoni, li prattikament ma kellhomx persunal u kienu jiksbu dħul mill-bejgħ baxx ħafna, huwa improbabbli li l-ħlas tal-multa permezz ta’ likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp jikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika taż-żewġ kumpanniji prinċipali tal-operat tal-grupp. Fil-premessa 90(e) tad-deċiżjoni kkontestata, hija enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet tagħha u fir-risposti tagħha, CCPL ma kienet semmiet l-ebda bżonn speċifiku ta’ likwidità sabiex tiffaċċja d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19 u lanqas sabiex issegwi l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023. Fl-aħħar nett, fil-premessa 90(f) tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li, minkejja li kienet espliċitament talbet lil CCPL tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kapaċità ta’ dan il-grupp li juża riżorsi finanzjarji sabiex iħallas il-multi, hija la rrispondiet u lanqas indikat ir-raġuni għalfejn hija ma setgħetx tuża l-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp għal dan il-ħlas. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żiedet li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont ta’ EUR 5 942 084 li hija kienet irrimborsat lil CCPL fis‑7 ta’ Ottubru 2019, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:500).

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

113    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix motivazzjoni tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kapital nett negattiv tagħhom, tan-natura suffiċjenti tal-likwidità tal-grupp CCPL minkejja d-debiti kbar tiegħu, tal-effett tad-data prospettiva pprovduta fuq Coopbox Group u fuq Coopbox Eastern fil-qasam tal-likwidità u lanqas tal-analiżi mwettqa mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għall-ħames talba għal informazzjoni dwar in-natura sostenibbli tal-multa.

114    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

115    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-elementi ta’ dritt rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi evalwat fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, imfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni mmotivat b’mod ċar u inekwivoku l-konstatazzjoni li r-rikorrenti ma kinux urew li huma ma setgħux jużaw il-likwidità tal-grupp CCPL sabiex iħallsu l-multi mingħajr ma jikkontestaw il-vijabbiltà tagħhom. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-data prospettiva dwar il-likwidità ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern tirriżulta, min-naħa tagħha, mill-premessi 86 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirriproduċu parzjalment l-elementi prodotti mir-rikorrenti fir-risposta tagħhom għall-ħames talba għal informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu ġenerali li tiddeċiedi, fl-imsemmija deċiżjoni, fuq id-dokumenti kollha jew fuq l-informazzjoni kollha li hija talbet lill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva.

117    Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti ma hijiex ivvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti.

119    Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti

120    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 102 sa 107 iktar ’il fuq, sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tagħhom, huma r-rikorrenti li għandhom juru li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, il-ħlas tal-multi ta’ ammont totali ta’ EUR 9 441 000 jipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tagħhom u jwassal sabiex l-assi tagħhom jiġu mċaħħda minn kull valur.

121    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 90(a), (e) u (f) tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom huma ma pprovdewx id-data prospettiva mitluba għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023, li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-likwidità disponibbli fl‑2018 u fl‑2019, u li l-grupp CCPL ma indikax għalfejn ma setax juża l-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp sabiex iħallas il-multa, huma fattwalment żbaljati.

122    Qabel kollox, ir-rikorrenti jfakkru l-kontenut tal-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li CCPL ma semmiet l-ebda bżonn speċifiku ta’ likwidità sabiex tiffaċċja d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, u lanqas sabiex issegwi l-pjan ta’ ristrutturazzjoni għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023.

123    Sussegwentement, ir-rikorrenti jaffermaw li pprovdew id-data prospettiva sal‑2023 għal Coopbox Group u Coopbox Eastern, li l-bejgħ tagħhom kien jirrappreżenta 94 % tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat għas-sena finanzjarja 2019, li l-Kummissjoni ma analizzatx.

124    Huma jżidu, essenzjalment, li ebda data prospettiva ma kienet disponibbli għall-grupp CCPL kollu fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari peress li l-kumpanniji l-oħra tal-grupp ma kinux joperaw iktar fis-suq u kienu sempliċement iċedu l-assi tagħhom u jużaw is-somom miksuba u dawk iddistribwiti sabiex jirrimborsaw id-djun tagħhom fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

125    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jfakkru l-kontenut tal-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li l-grupp CCPL la rrisponda u lanqas indika għaliex ma setax juża l-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp sabiex iħallas il-multa.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jirrikonoxxu li huma pprovdew biss, matul il-proċedura amministrattiva, id-data prospettiva għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023 għal Coopbox Group u Coopbox Eastern, sa fejn id-data prospettiva għall-grupp CCPL kollu ma kinitx disponibbli jew rilevanti.

128    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux ipprovdew id-data prospettiva kkonsolidata mitluba għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023.

129    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-data ta’ previżjoni għall-grupp CCPL kollu ma kinitx rilevanti, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kapaċità kontributtiva ta’ grupp ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-entitajiet kollha ta’ dan il-grupp sa fejn ir-riżorsi ta’ dawn l-entitajiet kollha jistgħu jintużaw sabiex jiġu indirizzati multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2013, Rubinetteria Cisal vs Il-Kummissjoni, T‑368/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:460, punt 118, u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Italmobiliare et vs Il-Kummissjoni, T‑523/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:499, punti 180 sa 182).

130    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, fl-aħħar tas-sena 2019, 96 % tal-likwidità tal-grupp CCPL kienet tinsab barra minn Coopbox Group u Coopbox Eastern.

131    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-data prospettiva dwar il-kumpanniji tal-grupp minbarra Coopbox Group u Coopbox Eastern, b’mod partikolari d-data dwar it-trasferiment tal-attiv, kienet rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kapaċità kontributtiva tal-grupp CCPL.

132    Għall-istess raġuni, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-riżorsi ta’ CCPL SpA ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kapaċità kontributtiva tal-grupp CCPL sa fejn din il-kumpannija ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

133    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li mit-tweġibiet tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni jirriżulta li r-riżorsi finanzjarji tal-grupp CCPL ma setgħux jiġu mmobilizzati sabiex titħallas il-multa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-risposta tar-rikorrenti, tal‑31 ta’ Lulju 2020, għall-ħames talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-Anness A.22 u msemmija mir-rikorrenti, sempliċement tippreżenta l-istat tad-dejn bankarju u tal-attiv nett tagħhom, kif ukoll evalwazzjoni tal-profittabbiltà, tal-kapitalizzazzjoni, tas-solvenza u tal-likwidità tal-grupp CCPL, mingħajr ma tippreżenta r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti kienu jqisu li l-likwidità u r-riżorsi tal-grupp CCPL ma setgħux jiġu affettwati mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-multi.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjoni, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li l-grupp CCPL ma indikax għaliex ma setax juża l-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp sabiex iħallas il-multa hija fattwalment żbaljata.

135    L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati billi indikat fl-imsemmija deċiżjoni li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew id-data prospettiva kkonsolidata mitluba għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023 u li l-grupp CCPL ma kienx indika għalfejn ma setax juża l-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp sabiex iħallas il-multa għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

136    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-bilanċi ta’ likwidità tal-grupp CCPL għas-snin finanzjarji 2018 u 2019 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-djun tagħha u l-indisponibbiltà ta’ dawn il-likwidità għal finijiet oħra minbarra r-rimbors tad-djun tagħha impost mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, filwaqt li dawn l-elementi li juru livell ta’ passiv ħafna ogħla minn dak tal-assi kienu ġew ippreżentati fid-dettall matul il-proċedura amministrattiva.

137    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bilanċ medju tal-likwidità ta’ bejn l‑2014 u l‑2018 huwa wkoll żbaljat, peress li dawn il-likwidità ma kinux jirrappreżentaw fondi immedjatament u liberament użati u li kellhom jiġu allokati għar-rimbors tad-djun tagħhom minħabba l-obbligi tagħhom taħt il-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

138    Għall-istess raġuni, ir-rikorrenti jindikaw ukoll li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata sa fejn din hija bbażata fuq il-proporzjon tal-bilanċ tal-likwidità/bejgħ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ likwidità li tippermetti li l-multi jitħallsu.

139    Fil-fatt, il-grupp CCPL issa jinkludi biss kumpanniji holding jew subholding li ma joperawx fis-suq, kumpanniji oħra mingħajr attività u impenjati biss fit-trasferiment tal-proprjetajiet immobbli rispettivi tagħhom, li jipproduċu likwidità kważi esklużivament billi jittrasferixxu l-assi tagħhom b’eżekuzzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, u biss żewġ kumpanniji operativi (Coopbox Group u Coopbox Eastern), li huma l-uniċi li jiġġeneraw fondi operattivi li jirriżultaw minn attività normali ta’ bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi lil klijenti terzi.

140    Minn naħa, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-likwidità ġġenerata mit-trasferimenti ta’ assi ma hijiex disponibbli, peress li dawn huma intiżi sabiex jirrimborsaw id-dejn b’eżekuzzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u li dawk li kellhom il-kumpanniji operattivi kienu jammontaw biss għal EUR 1.4 miljun.

141    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-proporzjon tal-bilanċ tal-likwidità/bejgħ ma jippermettix li tiġi evalwata l-kapaċità li tissodisfa bżonnijiet ta’ likwidità, peress li l-likwidità tiddependi mill-possibbiltà konkreta ta’ trasferiment tal-assi residwi, mill-obbligu li talloka kważi t-trasferiment kollu lill-pjan ta’ ristrutturazzjoni u min-numru żgħir kif ukoll min-nuqqas ta’ attrazzjoni tal-assi li għadhom trasferibbli.

142    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 135 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċewx id-data ta’ previżjoni kkonsolidata mitluba għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023 u ma indikawx għalfejn huma ma setgħux jużaw il-likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp sabiex iħallsu l-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ħadet inkunsiderazzjoni l-bilanċi ta’ likwidità tal-grupp CCPL għas-snin finanzjarji 2018 u 2019 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-djun tagħha u l-indisponibbiltà ta’ dawn il-likwidità għal finijiet oħra għajr ir-rimbors tad-dejn impost mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

145    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala prinċipju, obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ defiċit ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq.

146    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-preżenza ta’ elementi li juru livell ta’ passiv ħafna ogħla minn dak tal-assi ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex turi li l-impożizzjoni ta’ multi tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriżi kkonċernati u tista’ ċċaħħad lill-assi tal-impriżi kkonċernati minn kull valur fis-sens tal-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006.

147    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-livell tad-dejn tar-rikorrenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità kontributtiva tagħhom.

148    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-possibbiltà li jintużaw, sabiex titħallas il-multa, ir-riżorsi kollha li baqgħu barra l-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li jinkludi EUR 5 942 084 mogħtija mill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, id-dħul mill-bejgħ ta’ Erzelli Energia Srl (evalwat fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata għal EUR 1.4 miljun), u tal-bejgħ tal-ishma ta’ Refincoop Srl waqt l-eventwali trasferiment ta’ kumpannija.

149    Fil-fatt, essenzjalment, dawn ir-riżorsi li baqgħu barra mill-pjan huma l-uniċi somom disponibbli sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern, billi tippermettilhom jagħmlu investimenti fid-dawl tal-assenza ta’ sorsi ta’ finanzjament alternattivi.

150    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-uniċi assi likwidi li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, evalwati għall-perijodu ta’ bejn l‑2020 u l‑2023 għal EUR 1.8 miljun, kienu dawk iġġenerati miż-żewġ uniċi kumpanniji operattivi tal-grupp CCPL, jiġifieri Coopbox Group u Coopbox Eastern, li kellhom kapaċità limitata ħafna sabiex jiġġeneraw flussi ta’ likwidità li jistgħu jiġu affettwati għal finijiet oħra għajr il-ġestjoni tal-operat. Ir-rikorrenti jindikaw f’dan ir-rigward li l-assi likwidi ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern ma humiex biżżejjed sabiex ikopru l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni kurrenti tagħhom.

151    Skont ir-rikorrenti, il-ħlas tal-multi, b’mod partikolari permezz tal-użu tar-riżorsi mhux koperti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, jipprekludi lil dawn il-kumpanniji milli jħallsu ċerti spejjeż operattivi indispensabbli, iżda wkoll milli jagħmlu investimenti neċessarji għall-modernizzazzjoni tal-fabbriki tagħhom, għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tagħhom u għas-sopravivenza tagħhom.

152    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessa 90(d) tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li huwa improbabbli li l-ħlas tal-multa permezz ta’ likwidità disponibbli fil-livell tal-grupp jikkomprometti l-vijabbiltà ekonomika taż-żewġ kumpanniji operattivi prinċipali tal-grupp.

153    L-ewwel, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-likwidità tal‑31 ta’ Diċembru 2019 tirrappreżenta bilkemm wieħed minn sitta tal-uniku dejn finanzjarju li miegħu għandu jiżdied dejn mhux finanzjarju, inklużi d-djun dovuti lill-fornituri.

154    It-tieni, ir-rikorrenti jfakkru li kważi l-grupp CCPL kollu huwa kompost minn kumpanniji li ma għadhomx attivi fis-suq, ma jiġġenerawx dħul u jiddedikaw il-likwidità żgħira ħafna residwa tagħhom għall-kwistjonijiet kurrenti fid-dawl tat-tlestija tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

155    It-tielet, il-fatt li ż-żewġ kumpanniji operattivi (Coopbox Group u Coopbox Eastern) għandhom dejn finanzjarju iktar minn għaxar darbiet ogħla mill-valur tal-likwidità tagħhom, li ma humiex biżżejjed sabiex ikopru l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni kurrenti, irendi neċessarju l-konsum ta’ likwidità min-naħa ta’ CCPL, b’tali mod li l-assenjazzjoni tal-likwidità tal-kumpanniji holding għall-ħlas tal-multa tkun neċessarjament ta’ ħsara għall-profittabbiltà ta’ Coopbox Group u ta’ Coopbox Eastern.

156    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

157    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 iktar ’il fuq, sabiex jingħata tnaqqis tal-multa skont il-punt 35 tal-Linji Gwida tal‑2006, għandu jintwera li l-multa imposta tipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex l-assi tagħha jiġu mċaħħda minn kull valur.

158    Peress li tnaqqis tal-multa jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan li tiġi evitata li tiġi pperikolata b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u li l-assi tagħha jiġu mċaħħda minn kull valur, l-intenzjoni li jsiru investimenti intiżi sabiex jiżviluppaw il-kumpanniji operattivi tal-grupp CCPL jew pagamenti intiżi sabiex ma jippreġudikawx il-vijabbiltà ekonomika tagħhom ma tistax, bħala prinċipju, tiġġustifika tali tnaqqis.

159    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma allegawx li tali investimenti kienu indispensabbli għall-funzjonament tagħhom u li ma setgħux jiġu ddiversifikati mingħajr ma dan irrimedjabbilment jipperikola l-vijabbiltà ekonomika tal-kumpanniji kkonċernati. L-istess japplika għall-ħlasijiet imwettqa sabiex ma ssirx ħsara għall-profittabbiltà tal-impriżi kkonċernati.

160    Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar in-neċessità li jiġu allokati r-riżorsi mhux koperti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni għat-twettiq ta’ investimenti favur Coopbox Group u Coopbox Eastern sabiex jiġi żgurat il-funzjonament jew il-profittabbiltà tagħhom għandu jiġi miċħud.

161    Bl-istess mod, l-argumenti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapital operatorju nett negattiv tal-grupp CCPL, billi qieset li l-provvista ta’ EUR 16.4 miljun prevista fil-baġit tal‑2018 sabiex jitħallsu l-multi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala likwidità ġdida, jew fuq l-effett iktar qawwi tal-multi fuq id-dħul mill-bejgħ tagħhom f’valur relattiv meta mqabbla mal-multi imposti fid-Deċiżjoni tal‑2015, għandhom jiġu miċħuda.

162    Fil-fatt, l-elementi identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq, bħall-bilanċi ta’ flus għall‑2018 u l‑2019 rispettivament, li jammontaw għal EUR 18.6 miljun u għal EUR 22.8 miljun rispettivament, il-bilanċ medju tal-likwidità għall-perijodu 2014 sa 2018, jiġifieri madwar 11.6 % tad-dħul mill-bejgħ annwali medju tal-grupp, li ma humiex ikkontestati b’mod utli mir-rikorrenti, jikkostitwixxu, hekk kif qieset il-Kummissjoni, indikatur tajjeb sabiex jiġi dedott li l-livell ta’ likwidità kien biżżejjed biex jiġu onorati l-impenji u l-ispejjeż għal żmien qasir, tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat u jiġu evitati nuqqasijiet temporanji ta’ likwidità.

163    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, wara li ġew informati mill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida li timponilhom multi, ir-rikorrenti rċevew, fis‑7 ta’ Ottubru 2019, is-somma ta’ EUR 5 942 084 bħala rimbors tas-somma li huma kienu ħallsu provviżorjament b’eżekuzzjoni tad-digriet tal‑15 ta’ Diċembru 2015, CCPL et vs Il-Kummissjoni (T‑522/15 R, EU:T:2015:1012). Minn dan jirriżulta li l-ammont addizzjonali li għandu jitħallas sabiex tintlaħaq is-somma totali tal-multi inkwistjoni jammonta għal inqas minn EUR 3.5 miljun.

164    Fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-grupp CCPL, u b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ riżorsi mhux koperti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li ma huwiex utilment ikkontestat mir-rikorrenti, l-argumenti ta’ dawn tal-aħħar ma humiex ta’ natura li juru li l-ħlas tal-multi seta’ jipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tal-grupp CCPL.

165    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-likwidità ġġenerata minn Coopbox Group u Coopbox Eastern ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni kurrenti tagħhom ma hijiex issostanzjata biżżejjed, b’tali mod li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita mill-Qorti Ġenerali.

166    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti baqgħu ma urewx li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni, il-ħlas tal-multi ta’ ammont totali ta’ EUR 9 441 000 jipperikola b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tagħhom u jwassal sabiex l-assi tagħhom jiġu mċaħħda minn kull valur.

167    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

168    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali twettaq kalkolu ġdid tal-ammont tal-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata skont il-kapaċità kontributtiva reali tagħhom.

169    Madankollu, sa fejn l-argumenti invokati mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv tagħhom ma urewx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas ma invokaw żvilupp sostanzjali tas-sitwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari dak ekonomiku, wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma hemmx lok, għall-Qorti Ġenerali, li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

 Fuq lispejjeż

170    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CCPL - Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox Group SpA u Coopbox Eastern s.r.o. għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Costeira

Kancheva

Zilgalvis

 

      Dimitrakopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.