Language of document : ECLI:EU:F:2008:27

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

6 ta’ Marzu 2008

Kawża F-55/07

Giuseppe Tiralongo

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Ex membru tal-persunal temporanju – Rikors – Rikors għad-danni – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu G. Tiralongo jitlob, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu danni bħala kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab u li jirriżulta minn sensiela ta’ aġir illegali li l-Kummissjoni saret ħatja tiegħu fil-kuntest tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Motivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li jidher li huwa manifestament inammissibbli, hija regola ta’ proċedura applikabbli, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għall-kawżi kollha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma japplikax fir-rigward ta’ regoli tad-dritt li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, iqis li rikors huwa manifestament inammissibbli u li għandhom ikunu applikabbli biss ir-regoli applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 26)

2.      L-uffiċjal li naqas milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regoli tal-Persunal, rikors għal annullament ta’ att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma għandux, permezz ta’ talba għad-dannu kkawżat minn dan l-att, kemm jekk l-imsemmi dannu huwa ta’ natura materjali jew inkella morali, jikkumpensa għal din l-omissjoni u b’dan il-mod igawdi minn termini ġodda tar-rikors.

(ara l-punti 31, 33, 40 u 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑27/90, Ġabra p. II‑35, punt 38; 13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 46; 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il‑Kummissjoni, T‑147/04, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑771, punt 48