Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2024 – LA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-4/24)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: LA (rappreżentant: M. Velardo, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2023, li permezz tagħha r-rikorrenti ma ġietx inkluża fil-lista ta’ riżerva għall-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19, peress li kisbet marka insuffiċjenti fit-test MCQ (testijiet ta’ eliminazzjoni b’għażla multipla);

tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2023, li tiċħad it-talba għal eżami mill-ġdid tal-esklużjoni mill-kompetizzjoni EPSO/AD/371/19;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-22 ta’ Ottubru 2023, li tiċħad impliċitament l-appell amministrattiv ippreżentat skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) tat-22 ta’ Ġunju 2023, wara s-skiet min-naħa tal-istituzzjoni għal erba’ xhur mid-data tal-preżentata tal-appell intern;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati, ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Ksur tal-aspettattivi leġittimi, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju relatat ta’ ugwaljanza tal-partijiet fil-kawża (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħames u tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

____________