Language of document : ECLI:EU:C:2017:13

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-12 ta’ Jannar 2017 (1)

Kawża C‑617/15

Hummel Holding A/S

vs

Nike Inc.

Nike Retail B.V.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ġurisdizzjoni estiża għall-Unjoni Ewropea kollha – actor sequitur forum rei – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ skont l‑Artikolu 97(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark kontra impriża li għandha s-sede tagħha barra mill-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni bbażata fuq is-sede f’Stat Membru tas-sussidjarja ġuridikament indipendenti tal-impriża fl-Istat terz”






1.        It-trade marks Ewropej jeħtieġu protezzjoni effettiva madwar l-Unjoni Ewropea (2).

2.        Din tista’ tinkiseb billi l-qrati jingħataw permess jagħtu rimedji ta’ natura panEwropea, li jkopru ksur tat-trade mark li ma jseħħx biss fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti iżda wkoll fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE (3). Il-leġiżlatura tal-UE pprevediet rimedju komprensiv ta’ dan it-tip(4), iżda tagħti l-ġurisdizzjoni estiża meħtieġa (5) esklużivament lil qorti li tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”). Dan jieħu preċedenza fuq ir-regoli ġurisdizzjonali iktar ġenerali tar-Regolament Nru 207/2009 u dawk tar-Regolament “Brussell I” (7) (8).

3.        L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja), li taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala qorti tat-trade marks Komunitarji, tistaqsi jekk għandhiex tali ġurisdizzjoni komprensiva ta’ dan it-tip għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni mressqa minn kumpannija Daniża kontra konvenuta mill-Istati Uniti. Skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qrati għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali jekk konvenut, li ma għandux id-domiċilju tiegħu fl-UE, għandu stabbiliment fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti. Peress li l-konvenut mill-Istati Uniti għandu sottosussidjarja fil-Ġermanja, tqum il-kwistjoni dwar jekk dik l-entità hijiex “stabbiliment” għall-finijiet tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 207/2009

4.        Il-premessa 16 tiddikjara li:

“Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità, li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-Uffiċċju u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks Komunitarji ma jiġix imxejjen. Hemm id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks Komunitarji, ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.”

5.        L-Artikolu 97 huwa intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali” u fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi li:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 94, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

2. Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.”

6.        L-Artikolu 98 huwa intitolat “Il-firxa tal-ġurisdizzjoni”; il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“1. Qorti ta’ trade marks Komunitarji li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

(a)      atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(b)      atti li jaqgħu taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3), mwettqa fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.”

B.      Ir-Regolament Brussell I

7.        Il-premessi 11 u 12 jiddikjaraw:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

8.        Is-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali” tal-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni” jinkludi l-Artikoli 2 sa 4, li fl-ewwel paragrafu tagħhom jipprovdu:

“Artikolu 2

1. Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

“Artikolu 4

1. Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

II.    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.        Hummel Holdings A/S, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija produttur ta’ prodotti għall-isports u ħwejjeġ għall-isports u għar-rikreazzjoni u għandha s-sede tagħha fid-Danimarka. Hummel fetħet kawża fil-Ġermanja quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali, Düsseldorf, il-Ġermanja) kontra żewġ konvenuti fil-grupp Nike għall-bejgħ ta’ oġġetti ta’ ħwejjeġ għall-isports allegatament bi ksur tat-trade mark figurattiva internazzjonali tagħha Nru 943057, li kienet ġiet irreġistrata wkoll biex ikollha effett fl-Unjoni Ewropea għal prodotti fil-klassi 25.

10.      L-ewwel konvenuta, Nike Inc., hija l-kumpannija holding prinċipali tal-grupp Nike u għandha s-sede tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika.

11.      It-tieni konvenuta Nike Retail B.V. tappartjeni għal dak il-grupp u għandha d-domiċilju tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Nike Retail topera s-sit internet www.nike.com/de, li fuqu jiġu rreklamati u offerti prodotti NIKE bl-Ingliż u bil-Ġermaniż għall-bejgħ fil-Ġermanja kif ukoll f’pajjiżi oħra.

12.      Ħafna mill-vjolazzjonijiet tat-trade mark tar-rikorrenti huma allegati li seħħew fil-Ġermanja. Fil-Ġermanja l-prodotti jistgħu jiġu ordnati online permezz tas-sit internet ta’ Nike Retail’s jew permezz ta’ negozjanti indipendenti li ma humiex parti mill-Grupp Nike u li huma stess jordnaw dawn il-prodotti mingħand Nike Retail. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ qabel il-bejgħ u dawk wara l-bejgħ huma pprovduti minn Nike Deutschland GmbH. Din il-kumpannija ma tbigħx prodotti NIKE iżda tipprovdi assistenza lill-klijenti bit-telefon jew b’posta elettronika meta dawn ikunu qegħdin jordnawhom, u taġixxi wkoll bħala aġent ta’ Nike Retail għal kuntratti konklużi ma’ negozjanti. Fir-rigward tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ, Nike Deutschland tittratta kwistjonijiet dwar skambji jew ilmenti, u tipprovdi assistenza lin-negozjanti fir-reklamar u fl-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kuntratti.

13.      Nike Deutschland GmbH għandha s-sede tagħha fi Frankfurt am Main u ma hijiex parti fil-kawża prinċipali. Din hija madankollu sottosussidjarja tal-ewwel konvenuta Nike Inc, u l-preżenza tagħha fil-Ġermanja hija ċentrali għall-argument tar-rikorrenti dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi.

14.      Quddiem il-Landgericht Düsseldorf, ir-rikorrenti talbet (I) ordni li tipprojbixxi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-reklamar, l-offerta għall-bejgħ u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati jew li dawn il-prodotti jitħallew jitqiegħdu fis-suq, u (II) ordnijiet ta’ żvelar inkluż ta’ kopji ta’ fatturi, u ordnijiet ta’ rtirar miċ-ċirkulazzjoni u fir-rigward tal-qerda tal-prodotti kkonċernati, u fl-aħħar nett (III) dikjarazzjoni ta’ dritt għal kumpens.

15.      Fir-rigward tal-ewwel konvenuta, ir-rikorrenti fittxet dawn l-ordnijiet (1) fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, u alternattivament, (2) fir-rigward tat-territorju tal-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fir-rigward tat-tieni konvenuta, is-suġġett tar-rikors kien jaqa’ biss taħt it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Id-digriet tar-rinviju jikkonċerna biss l-ewwel talba għal rimedju.

16.      Il-Landgericht Düsseldorf, fuq il-bażi li Nike Deutschland GmbH kellha titqies bħala stabbiliment tal-ewwel konvenuta, li b’hekk tinħoloq rabta bejn il-konvenuta mill-Istati Uniti u l-Ġermanja, sostniet li hija kellha ġurisdizzjoni internazzjonali, kif ukoll fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni Ewropea kollu. Madankollu, hija ċaħdet il-kawża fuq il-mertu. Fl-appell mir-rikorrenti quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf, il-konvenuti jkomplu jsostnu li l-qrati Ġermaniżi ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward tal-ewwel forma ta’ rimedju mfittex.

17.      Huwa f’dak il-kuntest li l-Oberlandesgericht Düsseldorf għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“Taħt liema kundizzjonijiet kumpannija ġuridikament indipendenti, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, li hija sottosussidjarja ta’ impriża li ma għandhiex hija stess is-sede tagħha fl-Unjoni, għandha titqies li hija ‘stabbiliment’ ta’ din l-impriża fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009?”

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti u miż-żewġ konvenuti, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet kollha minbarra l-Gvern Taljan ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fis-6 ta’ Ottubru 2016.

III. Evalwazzjoni

A.      Introduzzjoni

19.      Qabelxejn, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont ir-Regolament Nru 207/2009, “[i]l-qrati tat-trade marks Komunitarji” biss, li huma qrati nazzjonali magħżula b’mod speċifiku u mogħtija din il-funzjoni (9), jistgħu jiddeċiedu dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni (10). Il-Landgericht Düsseldorf u l-Oberlandesgericht Düsseldorf kienu ġew maħtura bħala tali mill-Gvern Ġermaniż (11).

20.      Madankollu, mhux il-qrati tat-trade marks Komunitarji kollha jistgħu jagħtu r-rimedji fl-Unjoni kollha (12) mitlub mir-rikorrenti f’din il-kawża.

21.      Il-fatt li qorti tat-trade marks Komunitarji partikolari jkollha jew ma jkollhiex din is-setgħa komprensiva, jiddependi minn jekk tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 (13). F’dak il-każ biss qorti tat-trade marks Komunitarji għandu jkollha “ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri” (14).

22.      Għaldaqstant, filwaqt li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li vjolazzjoni li seħħet fil-Ġermanja tikkostitwixxi bażi ġurisdizzjonali għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni tat-trade mark Komunitarja fil-Ġermanja skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (15), din id-dispożizzjoni tista’ sservi biss ta’ bażi għal ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti kompetenti (16). Din ma hijiex bażi suffiċjenti biex jingħata r-rimedju mitlub mir-rikorrenti, li l-effetti tiegħu jmorru lil hinn mit-territorju Ġermaniż. Għal dan, ġurisdizzjoni trid tkun neċessarjament ibbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 (17).

23.      Kif diġà semmejt, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi tali bażi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali jekk l-Istat terz konvenut ikollu stabbiliment fl-Istat Membru tal-qorti kompetenti (18). Għaldaqstant, l-Oberlandesgericht Düsseldorf tfittex kjarifika dwar il-kundizzjonijiet li fihom Nike Deutschland, bis-sede tagħha fil-Ġermanja, tista’ tiġi kkaratterizzata bħala stabbiliment ta’ Nike Inc.

B.      Kunċett ta’ “stabbiliment”

24.      L-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li proċedimenti ta’ vjolazzjoni fi kwistjonijiet ta’ trade marks Komunitarji “għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.”

1.      Definizzjoni awtonoma

25.      L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi indirizzata hija jekk it-terminu “stabbiliment” għandux, bħal ma l-Kummissjoni semmiet waqt is-sottomissjonijiet orali, tifsira awtonoma estiża tal-UE jew jekk għandux jitħalla f’idejn il-qorti nazzjonali biex tiddeterminah fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali tagħha (19).

26.      Din l-aħħar soluzzjoni jista’ jkun li hija ssuġġerita mill-fatt li t-terminu “domiċilju”, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Brussell I (20) għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-kwistjoni titressaq quddiem qorti. Madankollu bl-istess mod, l-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I jipprovdi definizzjoni awtonoma ta’ domiċilju għall-kumpanniji u għall-assoċjazzjonijiet (21).

27.      Bħala regola ġenerali, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu (22). Barra minn hekk, tifsira estiża għall-UE ta’ “stabbiliment” hija konsistenti mal-għan tal-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 biex tinħoloq bażi uniformi għall-ġurisdizzjoni estiża għall-Unjoni Ewropea komprensiva. Għaldaqstant, l-approċċ li ttieħed f’dawn il-konklużjonijiet huwa li trid tiġi pprovduta interpretazzjoni awtonoma mill-Qorti tal-Ġustizzja (23).

2.      “Stabbiliment” skont ir-Regolament Nru 207/2009

28.      Għalkemm ġew inklużi xi definizzjonijiet statutorji fir-Regolament Nru 207/2009 (24), il-leġiżlatura ma pprovdietx definizzjoni għat-terminu “stabbiliment”.

29.      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, kien għad ma kellhiex l-opportunità (25) li tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas tat-terminu “stabbiliment” kif użat f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 207/2009 (26).

30.      Minħabba li l-materjal leġiżlattiv (27) ma jipprovdi l-ebda gwida, it-terminu “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 bilfors li jrid jiġi ddeterminat bl-użu ta’ sorsi li jmorru lil hinn mir-Regolament Nru 207/2009.

31.      Prima facie, ir-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (28) jidher li huwa sors tajjeb ta’ dan it-tip. Fl-Artikolu 2(h) tiegħu, huwa jipprovdi definizzjoni statutorja (29) tat-terminu “stabbiliment”, inter alia għall-kuntest ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

32.      Madankollu f’dan il-kuntest, din id-definizzjoni la tista’ tiġi applikata direttament u lanqas użata bħala analoġija. Din hija mogħtija unikament “[g]ħall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament”. L-għan ta’ rbit mal-istabbiliment fir-Regolament dwar l-insolvenza huwa pjuttost differenti mill-kuntest tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009: ġurisdizzjoni bbażata fuq l-istabbiliment taħt ir-Regolament dwar l-insolvenza hija operattiva biss fil-kuntest ta’ proċeduri sekondarji li ma humiex ibbażati fuq iċ-ċentru ta’ interess prinċipali tad-debitur; minbarra dan, id-deċiżjonijiet mogħtija f’dawn il-proċeduri għandhom effett limitat (30). Bil-kontra, l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jorbot mal-istabbiliment sabiex tiġi identifikata ġurisdizzjoni ċentrali sabiex jingħataw sentenzi b’ġurisdizzjoni b’effett estiż.

3.      “Stabbiliment” fis-sens tar-Regolament Brussell I

33.      Sors naturali għal gwida fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni dwar ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 huwa, madankollu, ir-Regolament Brussell I, peress li dan l-istrument legali jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali Ir-Regolament Brussell I japplika għall-proċedimenti relatati mat-trade marks Komunitarji (31), sakemm speċifikat mod ieħor fir-Regolament Nru 207/2009. Bl-istrument predeċessur tiegħu (il-Konvenzjoni ta’ Brussell) imur lura sal-1968, ir-Regolament Brussell I jipprovdi qafas kunċettwali minn żmien twil, u wieħed li wkoll jispeċifika regoli dwar ġurisdizzjoni iktar reċenti li jinsabu f’regolamenti speċifiċi bħar-Regolament Nru 207/2009.

34.      Ir-Regolament Brussell I fid-dispożizzjonijiet ġenerali tiegħu jipprovdi xi definizzjonijiet statutorji (32), iżda ma jiddefinixxix it-terminu “stabbiliment”.

35.      Madankollu, ir-Regolament Brussell I juża t-terminu “stabbiliment” bħala fattur ta’ konnessjoni għal ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 5(5) u 18.

36.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Taljan sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-verżjoni Taljana tat-terminu “stabbiliment” kif użat fir-Regolament Brussell I (“sede d’attività”) ma hijiex identika għal dik użata fl-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 (“stabile organizzazzione”). Madankollu, fid-dawl tal-konnessjoni fil-qrib bejn iż-żewġ strumenti legali li hija stabbilita b’riferiment speċifiku għar-Regolament Brussell I fil-premessa 16 u fl-Artikoli 97 u 94 tar-Regolament Nru 207/2009, id-diverġenza lingwistika f’verżjoni lingwistika waħda ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirreferi għar-Regolament Brussell I, li huwa l-istrument legali klassiku dwar ġurisdizzjoni internazzjonali.

37.      Bħal ma rrilevaw il-partijiet fil-proċedura preliminari kif ukoll il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni tas-sens tat-terminu “stabbiliment” tat lok għal ġurisprudenza b’saħħitha fil-kuntest tar-Regolament Brussell I.

a)      L‑Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I

38.      L-ewwel dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, kienet l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I (33), li skontha “[ġ]urisdizzjoni speċjali” (34) tkun “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni li toriġina mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post li fih jkunu jinstabu l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment”.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għall-ewwel darba fl-1976 fis-sentenza tagħha De Bloos li fiha hija sostniet li “wieħed mill-elementi essenzjali li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ fergħa jew ta’ aġenzija huwa l-issuġġettar għad-direzzjoni u għall-kontroll tal-kumpannija omm” u li l-kunċett ta’ stabbiliment huwa “bbażat fuq l-istess elementi essenzjali bħal dawk ta’ fergħa jew ta’ aġenzija” (35).

40.      Fis-sentenza tagħha Somafer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “b’kunsiderazzjoni lejn il-kunċetti previsti li jagħtu l-possibbiltà li ssir deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni, l-interpretazzjoni tagħhom għandha tippermetti li tiġi żvelata mingħajr diffikultà r-rabta partikolari li tiġġustifika din l-eċċezzjoni” (36), filwaqt li żiedet “li din ir-rabta speċjali tikkonċerna, fl-ewwel lok, is-sinjali materjali li jippermettu faċilment li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza tal-fergħa, tal-aġenzija jew tal-istabbiliment u, fit-tieni lok, ir-relazzjoni li teżisti bejn l-entità hekk lokalizzata u s-suġġett tal-kawża ppreżentata kontra l-kumpannija omm”.

41.      Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ kull stabbiliment ieħor jimplika ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern bħala l-estensjoni ta’ kumpannija ommi, li għandha tmexxija u hija materjalment mgħammra b’mod li tista’ twettaq kummerċ ma’ terzi, b’tali mod li dawn, filwaqt li jkunu jafu li rabta legali eventwali ser isseħħ mal-kumpannija omm li l-uffiċċju rreġistrat tagħha qiegħed f’pajjiż barrani, huma eżentati milli jindirizzaw direttament ruħhom lil din, u jistgħu jikkonkludu negozju fiċ-ċentru operattiv li jikkostitwixxi l-estensjoni tagħha”.

42.      Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li minbarra dan huwa neċessarju li s-suġġett tat-tilwima jikkonċerna l-operat tal-fergħa, tal-aġenzija jew ta’ kull stabbiliment ieħor” u li “dan il-kunċett ta’ operat jinkludi, minn naħa, it-tilwimiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li jirrigwardaw il-ġestjoni hekk imsejħa tal-aġenzija, tal-fergħa jew tal-istabbiliment stess, bħal dawk li jirrigwardaw il-kiri tal-immobbli fejn dawn l-entitajiet ikunu stabbiliti jew għar-reklutaġġ fuq il-post tal-persunal li jaħdem hemm” (37).

43.      Fl-aħħar nett, fis-sentenzi Blanckaert & Willems u SAR Schotte, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fergħa, aġenzija jew stabbiliment “għandha tidher f’għajnejn terzi b’mod faċilment identifikabbli bħala estensjoni ta’ kumpannija omm” (38) u li “r-rabta ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-ġurisdizzjoni li hija msejħa li tisma’ l-kawża hija evalwata […] ukoll abbażi tal-mod kif dawn iż-żewġ impriżi jġibu ruħhom fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom u kif jippreżentaw ruħhom fir-rigward ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” (39).

b)      Artikolu 18(2) tar-Regolament Brussell I

44.      F’deċiżjoni iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti interpretazzjoni tal-istess kunċetti fil-kuntest tal-Artikolu 18 tar-Regolament Brussell I, li jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu li “[m]eta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan ta’ l-aħħar li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjega għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, huwa meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru”.

45.      Fis-sentenza Mahamdia, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-preċedenti msemmija iktar ’il fuq li jikkonċernaw l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I, identifikat żewġ kriterji bħala deċiżivi għall-ħolqien ta’ rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti kompetenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “[f]l-ewwel lok, il-kunċett ta’ ‘fergħa’, ta’ ‘aġenzija’ u ta’ ‘xi stabbiliment ieħor’ jipresupponu l-eżistenza ta’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali [kumpannija omm]. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ terzi li huma b’hekk eżenti milli jindirizzaw direttament lis-sede prinċipali […]. Fit-tieni lok, il-kwistjoni għandha tikkonċerna kemm l-atti li jirrigwardaw l-operat ta’ dawn l-entitajiet, kemm tal-impenji meħuda minn dawn f’isem is-sede prinċipali, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu eżegwiti fl-Istat fejn huma jinsabu” (40).

46.      Is-sentenza Mahamdia kienet tikkonċerna kawża fil-qasam tal-impjiegi mressqa minn xufier impjegat minn ambaxxata tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija kontra dak l-Istat. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “għandu jingħad li ambaxxata tista’ tiġi assimilata ma’ ċentru operattiv li jimmanifesta ruħu fit-tul esternament u li jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza tal-Istat minn fejn toriġina” (41).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk żiedet aspett partikolari għar-rabta bejn il-“kumpannija omm” u l-istabbiliment, jiġifieri identifikazzjoni u rappreżentazzjoni. Dan jikkorrispondi mal-funzjonijiet differenti li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Brussell I għandu, meta mqabbel mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Brussell I: l-Artikolu 18(2) jikkonċerna s-sitwazzjoni speċjali li fiha konvenut ma jkollux domiċilju fl-UE u, billi mbagħad jintrabat mal-istabbiliment tiegħu, iqis dak l-istabbiliment bħala element ta’ sostituzzjoni għall-assenza ta’ domiċilju billi jsostni li l-konvenut għandu jkun “meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru”. Jekk din hija kwistjoni ta’ sostituzzjoni, l-identifikazzjoni hija l-element ċentrali.

c)      Sintesi

48.      It-tnejn li huma, l-Artikoli 5(5) u 18(2) tar-Regolament Brussell I, jippermettu lir-rikorrenti tippreżenta rikors kontra konvenuta fil-post li ma huwiex id-domiċilju tagħha, iżda li fih għandha stabbiliment.

49.      Madankollu, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jeħtieġu, lil hinn mis-sempliċi eżistenza ta’ stabbiliment, li t-tilwima tkun oriġinat “mill-operazzjonijiet tal-istabbiliment”. B’hekk, skont dawn ir-regoli, l-istabbiliment fih innifsu ma huwiex suffiċjenti biex tiġi kkostitwita r-rabta mal-Istat tal-qorti kompetenti, iżda huwa meħtieġ element addizzjonali. It-tieni miż-żewġ kriterji, li ġew żviluppati fil-ġurisprudenza tar-Regolament Brussell I deskritta iktar ’il fuq, jirreferi esklużivament għal dak l-element addizzjonali.

50.      Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma fihiex dan it-tieni element, iżda pjuttost tillimita ruħha li tagħti ġurisdizzjoni lill-Istat Membru li fih konvenut għandu stabbiliment. Għalhekk, it-tieni kriterju tat-test b’żewġ partijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikoli 5 u 18 tar-Regolament Brussell I jista’ jiġi injorat f’dan il-kuntest.

4.      “Stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009

51.      L-ewwel kriterju, li għalhekk huwa l-uniku wieħed rilevanti għall-analiżi tiegħi, fih żewġ elementi li jindikaw karatteristiċi li huma indipendenti mill-azzjoni partikolari li fiha ssir ir-rabta mal-istabbiliment. Dawn jitfgħu dawl fuq l-essenza tal-kunċett ta’ stabbiliment innifsu. Dawn il-karatteristiċi huma (a) ċentru operattiv, li (b) jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ kumpannija omm.

a)      Ċentru operattiv

52.      Fir-rigward taċ-“ċentru operattiv” bħala l-ewwel karatteristika, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ulterjorment li l-istabbiliment irid ikollu tmexxija u jkun materjalment mgħammar b’mod li jista’ jinnegozja ma’ teżi, sabiex b’hekk ma jkollhomx għalfejn jindirizzaw lilhom infushom direttament mal-kumpannija omm (42). Mingħajr ma jsir riferiment għall-kuntest partikolari ta’ kuntratti, wieħed jista’ jiddeduċi li hija meħtieġa ċerta attività operattiva u li hija neċessarja ċerta preżenza reali u stabbli bħalma huwa mmanifestat mill-persunal u mit-tagħmir materjali fuq il-post. Ċertament, huwa meħtieġ livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà; il-preżenza biss ta’ oġġetti u kontijiet bankarji ma hijiex suffiċjenti biex jiġi kkostitwit “stabbiliment” (43). Minbarra dan, il-ġurisprudenza Brussell II b’mod ċar teħtieġ tmexxija fuq livell lokali.

53.      L-element ta’ preżenza reali u operattiva f’dan il-każ huwa ssodisfatt b’mod evidenti, fejn Nike Deutschland GmbH hija kumpannija lokali li fil-fatt twettaq servizzi ta’ qabel u ta’ wara l-bejgħ għal konsumaturi ta’ Nike fil-Ġermanja. Nike Deutschland hija GmbH ġuridikament indipendenti sa fejn l-element ta’ tmexxija lokali huwa ssodisfatt.

b)      Manifestazzjoni fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ kumpannija omm

54.      Madankollu, dak li l-konvenuti jikkontestaw f’din il-kawża, huwa jekk fil-fatt hemmx rabta suffiċjenti bejn Nike Deutschland u l-ewwel konvenuta. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dik ir-rabta hija stabbilita billi “[timmanifesta ruħha] fit-tul lejn l-estern, bħall-estensjoni ta’ sede prinċipali [kumpannija omm]” (44). Dan jissuġġerixxi ċertu livell ta’ dipendenza u sottomissjoni min-naħa tal-istabbiliment.

55.      Il-konvenuti f’dan il-kuntest jagħmlu żewġ oġġezzjonijiet.

1)      Indipendenza legali tal-istabbiliment

56.      L-ewwel nett, il-konvenuti jissuġġerixxu li, għal raġunijiet formali, Nike Deutschland ma tistax tkun stabbiliment ta’ soċjetà oħra peress li hija kumpannija ġuridikament indipendenti u, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, jeħtieġ li jittieħed approċċ formali.

57.      Madankollu, bħalma deher iktar ’il fuq, teżisti ġurisprudenza stabbilita (45) li entità ġuridikament indipendenti tista’ tiġi kklassifikata bħala stabbiliment. Fil-kawża SAR Schotte (46), l-istabbiliment ikkonċernat kien inkorporat ukoll bħala GmbH Ġermaniża.

58.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Mahamdia (47) fejn huwa sostna li huwa stabbilit li l-kunċetti ta’ “fergħa”, “aġenzija” u “stabbiliment” essenzjalment jirreferu għal entitajiet mingħajr personalità ġuridika. Madankollu din l-affermazzjoni kienet obiter dictrum, peress li l-kawża Mahamdia kienet tikkonċerna ambaxxata mingħajr personalità ġuridika separata. L-istess japplika għall-Opinjoni 1/03 tal-Qorti tal-Ġustizzja (48) li l-Avukat Ġenerali Mengozzi jirreferi għaliha. L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ma ddiskutietx l-indipendenza ġuridika iżda pjuttost żiedet l-attribut “mingħajr personalità ġuridika” colorandi causa, fil-kuntest ta’ regoli “għall-fergħat, għall-aġenziji jew għall-istabbilimenti l-oħra” inġenerali. Il‑kwistjoni dwar jekk entità li għandha personalità ġuridika tistax tiġi kklassifikata bħala stabbiliment ta’ impriża oħra ma kinitx inkwistjoni hemmhekk.

59.      Min-naħa l-oħra, jekk kelli nfittex definizzjonijiet f’kuntesti oħrajn, tista’ tiġi stabbilita konferma, fejn jingħad b’mod ċar li “l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, [ma hijiex] il-fattur determinanti dwar dan” (49).

60.      Għalhekk, f’dan il-kuntest, ma hemm l-ebda raġuni għal devjazzjoni mill-ġurisprudenza rilevanti li ilha stabbilita ċċitata iktar ’il fuq.

61.      L-approċċ formali, ġeneralment meħud fi proċedura ċivili, li l-konvenuti jirreferu għalih, ma jipprekludix il-perspettiva ekonomika adottata hawnhekk dwar jekk konvenut għandux stabbiliment fi Stat jew le. L-istabbiliment ma huwiex parti fil-proċedura iżda jservi sempliċement bħala rabta bejn il-konvenut u ċertu territorju. L-argument li l-istabbiliment innifsu ma jistax jintrabat mis-sentenza mal-kumpannija parent tiegħu huwa irrilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-post ta’ ċerta sussidjarja jistax jistabbilixxi rabta bejn il-konvenut u ċertu Stat u l-qrati tiegħu(50). Minflok, dak li huwa deċiżiv huwa jekk sussidjarja tistax titqies bħala bażi tal-kumpannija konvenuta li minnha din tal-aħħar tista’ tiddefendi l-interessi tagħha.

2)      Il-kontroll tal-konvenuta fuq l-istabbiliment

62.      It-tieni nett, Nike Deutschland ma għandhiex l-istess diretturi bħall-ewwel konvenuta (51). Il-konvenuti għaldaqstant jargumentaw li kwalunkwe kontroll li Nike Inc. għandha fuq Nike Deutschland jista’ jkun dgħajjef u mhux immedjatament trasparenti lil terzi. Dan l-argument iqajjem il-kwistjoni sa fejn id-“direzzjoni u l-kontroll tal-kumpannija omm” (52) għandha tiġi estiża u kif dan jista’ jiġi aċċertat, kwistjoni li teħtieġ li titqies fl-isfond tal-importanza kbira tal-prevedibbiltà (53) fi kwistjonijiet ġurisdizzjonali.

63.      B’ħarsa lura lejn il-ġurisprudenza stabbilita, madankollu, jidher ċar li l-kontroll effettiv ma huwiex inkwistjoni, iżda iktar il-perċezzjoni ta’ terzi (54) fl-Istat fejn jinsab l-istabbiliment. Jeħtieġ li dawn ikollhom l-impressjoni li l-entità tappartjeni lill-kumpannija parent, jiġifieri li, “filwaqt li jafu li rabta legali eventwali ser tiġi stabbilita mal-kumpannija omm, li s-sede tagħha hija f’pajjiż ieħor, huma eżentati milli jindirizzaw direttament lilha, u jistgħu jikkonkludu negozju fiċ-ċentru operattiv li kkostitwixxa l-estensjoni” (55). L-evalwazzjoni għandha ssir ukoll “abbażi tal-mod kif dawn iż-żewġ impriżi jġibu ruħhom fir-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom u kif jippreżentaw ruħhom fir-rigward ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” (56). Għalkemm is-sempliċi preżenza simbolika ma hijiex biżżejjed, dak li huwa deċiżiv huwa, li din “[t]ikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza” tal-kumpannija omm “minn fejn toriġina” (57).

64.      F’din il-kawża, Nike Deutschland hija ppreżentata bħala l-kuntatt Ġermaniż li għandu jintuża fir-rigward tal-prodotti NIKE (58) u din tifforma, billi tipprovdi servizzi ta’ qabel u ta’ wara l-bejgħ, parti rilevanti tal-organizzazzjoni tal-bejgħ integrata sew fl-istruttura operattiva tal-grupp. Minkejja li hija stess ma taġixxix bħala bejjiegħ, din għandha funzjoni essenzjali fi ħdan il-ġestjoni tal-bejgħ u hija parti integrali tal-organizzazzjoni tal-bejgħ u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Nike fil-Ġermanja. Element essenzjali ta’ din l-integrazzjoni huwa l-użu prominenti tal-isem “Nike” u wkoll il-fatt li l-isem tas-sussidjarja Ġermaniża ma fih l-ebda restrizzjoni għal ċerti kompiti jew negozji, iżda sempliċement iżid l-isem tal-pajjiż mal-isem kummerċjali kumplessiv. L-identità tal-ismijiet kienet fattur rilevanti wkoll fil-kawża SAR Schotte (59).

65.      L‑evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi teħtieġ li ssir mill-perspettiva tal-ambjent nazzjonali fl-Istat tal-qorti kompetenti. Huwa għalhekk li l-qorti nazzjonali hija fl-aħjar pożizzjoni biex taċċerta jekk is-sussidjarja tippreżentax lilha nnifisha bħala stazzjonament marbut sew mal-konvenut jew le. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu vverifikati. Il-fatturi materjali meqjusa għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-karatterizzazzjoni bħala stabbiliment iridu jkunu aċċertabbli minn terzi (60). Dawn kellhom isiru pubbliċi jew tal-inqas ikunu biżżejjed aċċessibbli sabiex terzi jkunu jafu dwarhom (61); data interna dwar il-kontroll effettiv fi ħdan il-grupp ma hijiex rilevanti għal dan (62).

66.      Il-konvenuti jargumentaw li sa fejn sempliċi preżunzjoni li entità hija stabbiliment tista’ tkun il-bażi ta’ ġurisdizzjoni, ir-rikorrent kien bilfors ibbaża ruħu fuq din il-preżunzjoni (element suġġettiv). Il-konvenuti jsostnu li dan huwa prinċipju ġenerali ta’ dritt, li japplika biss meta l-parti li tinvokah jistħoqqilha protezzjoni(63).

67.      Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti. L‑Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi huwa marbut mal-istabbiliment tal-konvenuta, ma huwiex intiż li jipproteġi l-interessi tar-rikorrenti iżda dawk tal-konvenuta(64). Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat ukoll li kriterji oġġettivi huma neċessarji sabiex tinħoloq l-impressjoni ta’ kontroll tal-konvenuta fuq l-entità li hija potenzjalment stabbiliment. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel element ta’ ċentru operattiv ta’ negozju reali għadu meħtieġ. Għalhekk, bl-approċċ meħud hawnhekk, l-istabbiliment qatt ma huwa għal kollox fittizju.

68.      F’dan l-isfond, iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà (65) huma żgurati, mill-perspettiva tar-rikorrenti kif ukoll tal-konvenuta. F’din il-kawża, Nike Inc., l-ewwel konvenuta, li hija l-kumpannija omm tal-Grupp Nike, tinsab fil-pożizzjoni li tagħmel dikjarazzjonijiet ċari u tikkoreġi impressjonijiet ħżiena. Huwa għalhekk għar-riskju ta’ Nike Inc li tiċċara l-konnessjonijiet legali u kummerċjali bejnha u l-istabbiliment intiż billi tagħti messaġġi pubbliċi espliċiti, jew billi tirristruttura l-organizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha jew billi tirrestrinġi l-użu tal-isem kummerċjali tagħha mis-sussidjarja Ġermaniża, fil-każ li ma tkunx tixtieq tkun suġġetta għall-ġurisdizzjoni Ġermaniża komprensiva skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

c)      Ma huwa meħtieġ l-ebda element ieħor

69.      Minkejja li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jeħtieġx b’mod espliċitu li t-tilwima tkun oriġinat “mill-operazzjonijiet tal-istabbiliment” (66), fil-fehma tal-konvenuti(67), madankollu ċertu involviment tal-istabbiliment fl-aġir li jikkostitwixxi delitt li għalih il-konvenuta tressqet quddiem il-qorti, jeħtieġ li jeżisti (68).

1)      Din ma hijiex “bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni”

70.      Il-premessa 12 tar-Regolament Brussell I tista’ tkun il-bażi tal-affermazzjoni li lil hinn mis-sempliċi preżenza ta’ stabbiliment, huwa meħtieġ element ieħor. Il-premessa 12 tiddikjara li “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

71.      Sabiex jiġi aċċertat jekk l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxix “bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni” ta’ dan it-tip, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lir-raġunament li fuqu hija bbażata r-regola, in-natura tagħha u l-funzjoni tat-terminu “stabbiliment” fi ħdan norma usa’.

72.      L-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 jelenka kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru, li l-qrati tiegħu għandhom jiġu fdati li jagħtu, b’sentenza waħda, protezzjoni effettiva tat-trade marks Komunitarji fl-Unjoni Ewropea kollha (69).

73.      Sabiex għall-inqas Stat Membru wieħed jiġi pprovdut bil-qrati kompetenti għal kull sitwazzjoni, il-leġiżlatura bniet fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (70) “sellum ta’ rabta” għal ġurisdizzjoni internazzjonali li jistabbilixxi ordni ġerarkika komposta minn diversi punti ta’ rabta. Wieħed minn dawn il-punti ta’ rabta huwa l-“istabbiliment” tal-konvenut.

74.      Is-sellum ta’ rabta għal ġurisdizzjoni internazzjonali għandu total ta’ ħames tarġiet, bl-ewwel waħda hija d-domiċilju fl-UE tal-konvenut, u t-tieni waħda hija l-istabbiliment fl-UE tal-konvenut (71). It-tielet waħda hija d-domiċilju fl-UE tar-rikorrenti, u r-raba’ waħda hija l-istabbiliment fl-UE tar-rikorrenti (72). Fl-aħħar nett, is-sede tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tista’ tiddetermina l-qorti kompetenti (73).

75.      “Stabbiliment” jibda japplika mit-tieni livell ta’ rabta. Dan huwa applikabbli biss jekk il-konvenut ma għandux domiċilju fi ħdan l-UE, peress li dan huwa l-ewwel pass. B’hekk, id-domiċilju jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-fattur ta’ konnessjoni primarju għal ġurisdizzjoni, filwaqt li l-istabbiliment huwa sekondarju.

76.      Taħt is-sistema ġenerali stabbilita mir-Regolament Brussell I, li fiha d-domiċilju fl-UE tal-konvenut huwa wkoll il-punt ta’ rabta primarju (74), id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għal konvenuti minn Stat terz titħalla f’idejn il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-qorti kompetenti (75). Dan ma jkunx mixtieq taħt il-ġurisdizzjoni panEwropea estiża tar-Regolament Nru 207/2009. Il-protezzjoni ta’ trade mark uniformi fl-Unjoni kollha f’sentenza waħda permezz ta’ ġurisdizzjoni komprensiva teħtieġ bażi uniformi ta’ ġurisdizzjoni. Huwa għalhekk li skont ir-Regolament Nru 207/2009, ir-regoli dwar ġurisdizzjoni ġenerali pprovduti mir-Regolament Brussell I kienu ddikjarati inapplikabbli fir-Regolament Nru 207/2009 (76) u ġew issostitwiti mis-sellum awtonomu ta’ rabta speċifiku fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009.

77.      Fir-rigward tan-natura tal-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jidher li din tikkostitwixxi regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni ġenerali pjuttost milli regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali. Din ma toħloqx “bażi alternattiva” ta’ ġurisdizzjoni (77) iżda tiddefinixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali għall-finijiet tar-Regolament Nru 207/2009, u b’hekk tissostitwixxi r-regoli ġenerali li inkella jkunu applikabbli. “Stabbiliment” fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix bażi ta’ ġurisdizzjoni “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut”(78). Pjuttost, dan japplika “minflok id-domiċilju tal-konvenut”, meta dan id-domiċilju ma jkunx disponibbli. Għalhekk dan jitqies aħjar bħala sostituzzjoni milli bħala “alternattiva”.

78.      Konsegwentement, ma huwa meħtieġ l-ebda element ieħor.

2)      Interpretazzjoni wiesgħa fid-dawl ta’ “actor sequitur forum rei”

79.      Barra minn hekk ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi segwita l-fehma tal-konvenuti li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod strett. Dan ikun meħtieġ biss għal ġurisdizzjonijiet speċjali, peress li dawn huma eċċezzjonijiet minquxa mir-regola ġenerali (79).

80.      It-terminu “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 pjuttost għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Dan ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għar-regola ġenerali iżda pjuttost jimplementaha. Din ir-regola ġenerali hija stabbilita fil-premessa 11 tar-Regolament Brussell I, li tiddikjara “r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom […] jiġu stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa”.

81.      L-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 bir-rabta primarja tiegħu mad-domiċilju tal-konvenut, li hija sostnuta bir-rabta sekondarja mal-istabbiliment tiegħu, jimplementa eżattament dak il-prinċipju, li huwa (għal kawżi ċivili ġenerali) kkodifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I u li jsegwi r-regola “actor sequitur forum rei”(80).

82.      Dan il-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni huwa mfassal biex jipproteġi l-interessi proċedurali tal-konvenut, li ma huwiex meqjus biss bħala li huwa fiżikament eqreb għall-post tad-domiċilju tiegħu iżda anki iktar familjari mal-lingwa u mal-liġijiet proċedurali u sostantivi ta’ dak il-pajjiż. Għalkemm dan ma huwiex prinċipju universali, din ir-regola li ilha stabbilita, ispirata mill-approċċi Ewropej kontinentali, hija bażika u tipika għar-regoli ġurisdizzjonali Ewropej (81).

83.      Dan il-prinċipju jiffavorixxi b’mod ċar l-interessi ġurisdizzjonali tal-konvenuta fuq dawk tar-rikorrenti. Fis-sentenza Dumez France SA vs Hessische Landesbank (82) il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell bħala l-istrument predeċessur tar-Regolament Brussell I (83), irreferiet ukoll għal “ostilità tal-Konvenzjoni lejn l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti tad-domiċilju tar-rikorrenti” (84).

84.      Is-sellum ta’ rabta li l-leġiżlatura bniet fl-Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa konformi perfettament ma’ dan l-approċċ ġenerali fil-proċedura ċivili Ewropea, peress li ma hemm ebda tarġa li torbot ġurisdizzjoni mad-domiċilju jew mal-istabbiliment tar-rikorrenti qabel ma jiġi żgurat li l-konvenut ma għandu l-ebda konnessjoni rilevanti ma’ wieħed mill-Istati Membri - konnessjoni li, fl-assenza ta’ domiċilju, tista’ tkun l-istabbiliment tiegħu.

85.      Il-funzjoni doppja ta’ din ir-rabta sekondarja mal-istabbiliment tal-konvenut hija li tipprovdi għall-inqas ċerta protezzjoni lil dik il-parti billi tintrabat ma’ post fejn il-konvenut jitqies li għandu ċerta preżenza minima, minkejja li din ma tammontax għal preżenza fuq skala sħiħa, li domiċilju (85) biss ikun jista’ jipprovdi. B’hekk “stabbiliment” bħala fattur ta’ konnessjoni f’dan il-kuntest iservi (1) bħala l-aħħar istanza tal-għoti ta’ effett lill-prinċipju li ġurisdizzjoni tintrabat mal-post tal-konvenut, u fl-istess ħin (2) bħala limitu li jipprevjeni bidla wisq ta’ malajr għall-post tar-rikorrenti.

86.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, u b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ “stabbiliment” fih, id-definizzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant se tinfluwenza jekk jitteħidx it-tielet pass, inqas ippreferut, li jmiss fuq is-sellum, punt fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali se tiċċaqlaq minn Stat Membru b’konnessjoni mal-konvenut lejn waħda b’konnessjoni mar-rikorrenti. Din hija ċaqliqa li jeħtieġ li tiġi evitata jekk possibbli. Bejn dawn iż-żewġ passi hemm ix-xiżma kunċettwali ċentrali deskritta iktar ’il fuq. B’hekk hija meħtieġa interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “stabbiliment” sabiex jingħata effett lill-prinċipju ċentrali ta’ “actor sequitur forum rei”.

3)      Stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed

87.      L-interpretazzjoni wiesgħa li ġiet issuġġerita hawnhekk tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-konvenut jitqies li għandu iktar minn stabbiliment wieħed fi ħdan l-UE. F’din il-kawża, x’aktarx mhux Nike Deutschland biss iżda anki Nike Retail se tiġi kklassifikata bħala stabbiliment.

88.      Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-istabbilimenti kollha humiex fuq l-istess livell jew jekk wieħed minnhom biss jistax iservi bħala fattur ta’ konnessjoni skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Bħalma indikaw il-konvenuti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Nike Retail hija l-istabbiliment prinċipali tal-organizzazzjoni Nike fl-Ewropa. B’hekk, jekk ġurisdizzjoni internazzjonali setgħet tintrabat biss mal-post tal-istabbiliment prinċipali, l-Oberlandesgericht Düsseldorf ma setgħetx toħroġ ir-rimedju panEwropew, li ġie mitlub. Dan seta’ jsir biss minn qorti Olandiża.

89.      Madankollu, minflok ma jipprevedi rabta mal-“istabbiliment prinċipali” (86), l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jitkellem sempliċement dwar “[il]-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut […] għandu stabbiliment” (87). Minbarra dan, “stabbiliment prinċipali” diġà jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “domiċilju ta’ kumpannija”(88). Ma jagħmilx sens li jkun hemm żewġ kategoriji fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, bi “domiċilju” li huwa primarju u “stabbiliment” li huwa sekondarju, jekk “stabbiliment” kien jinkludi biss l-istabbiliment prinċipali(89).

90.      Għaldaqstant, kwalunkwe stabbiliment fi Stat Membru jista’ jservi bħala fattur ta’ konnessjoni biex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan jikkorrispondi mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li, fil-kuntest ta’ domiċilju ta’ kumpanniji, kumpannija tista’ jkollha iktar minn domiċilju wieħed (90). F’tali każijiet ta’ ġurisdizzjoni alternattiva, skont il-prinċipji ġenerali ta’ proċedura ċivili, l-għażla bejn diversi qrati kompetenti għandha titħalla f’idejn ir-rikorrenti.

91.      Madankollu, fid-dawl tal-għan li jiġi limitat in-numru ta’ qrati kompetenti fil-kawżi tat-trade marks Komunitarji (91), li huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni internazzjonali estiża (92), il-prospett ta’ pluralità ta’ Stati Membri li l-qrati tagħhom jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni jista’ jintuża bħala kontroargument kontra l-interpretazzjoni wiesgħa ta’ “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

92.      Il-fatt li ġurisdizzjoni estiża fuq Nike Inc. tista’ tiġi eżerċitata minn qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja joħloq riskju ta’ forum shopping, minkejja li wieħed limitat. Madankollu se jiġu evitati (93) deċiżjonijiet inkonsistenti bil-mekkaniżmi tar-Regolament Brussell I, b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament dwar lis pendens (94), li japplikaw ukoll skont ir-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, din is-sitwazzjoni għandha tiġi aċċettata għall-valur ogħla li tintlaqa’ l-idea tal-protezzjoni proċedurali tal-konvenut li hija żgurata bl-għoti ta’ tifsira usa’ ta’ “stabbiliment” skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

93.      Il-protezzjoni legali mogħtija lill-konvenut billi l-ġurisdizzjoni tintrabat mal-istabbiliment tiegħu, tabilħaqq, ma hijiex b’saħħitha daqs il-protezzjoni li tintlaħaq billi tintrabat mad-domiċilju tiegħu, fejn il-konvenut għandu l-panoplija sħiħa tar-riżorsi tiegħu. Madankollu meta l-konvenut ma jkollux domiċilju fl-Unjoni Ewropea, protezzjoni minima bażika f’tilwima bbażata fuq ġurisdizzjoni estiża hija pprovduta permezz tal-istabbilimenti tiegħu fl-Istati Membri.

IV.    Konklużjoni

94.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

F’ċirkustanzi bħal dawk li taw lok għall-proċedura fil-kawża prinċipali, kumpannija ġuridikament indipendenti, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li hija sottosussidjarja ta’ impriża li ma għandhiex hija stess is-sede tagħha fl-Unjoni għandha titqies li hija “stabbiliment” ta’ din l-impriża fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009 L 78, p. 1), jekk din is-sottosussidjarja ġuridikament indipendenti hija ċentru operattiv li, fl-Istat Membru fejn tinsab, timmanifesta ruħha fit-tul lejn l-estern, bħala l-estensjoni tal-kumpannija omm ibbażata fi Stat terz.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-kunċett li huwa l-bażi tad-dritt dwar il-proprjetà intellettwali huwa, tradizzjonalment, dak ta’ “Schutzlandprinzip” (prinċipju tal-pajjiż ta’ protezzjoni), li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li dritt ta’ proprjetà intellettwali huwa dritt territorjali li jista’ jiġi invokat fil-pajjiż li stabbilixxih u li huwa applikabbli fit-territorju tiegħu, ara Oliver Ruhl, Gemeinschaftsgeschmacksmuster. Kommentar, it-2 ed. 2010, Artikolu 82(4).


3      Fir-rigward ta’ dan ara l-ewwel sentenza tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009.


4 Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009, deċiżjonijiet “għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu tal-Komunità”. Il-parti operattiva ta’ din is-sentenza għalhekk tista’ tirreferi għat-territorju sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikonoxximent u infurzar transkonfinali madankollu għadu suġġett għar-regoli ġenerali, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) No 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Brussell I) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) jew ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (Brussell Ia) (ĠU 2012 L 351, p. 1). Il-Qorti tal-Ġustizzja iktar speċifikament interpretat dan l-effett fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (Kawża C‑235/09, EU:C:2011:238).


5 Ara l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009.


6      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja. Dan ir-regolament ġie emendat mir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji). Il-bidliet sostantivi li ġabet l-emenda ma humiex rilevanti għal din il-kawża. Madankollu saret modernizzazzjoni terminoloġika sa fejn it-terminu “trade mark Komunitarja” minn issa ’l quddiem ġie ssostitwit bi “trademark tal-Unjoni Ewropea”. Skont l-Artikolu 4 tiegħu, ir-regolament irriformulat daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016.


7      Għall-kawżi mressqa quddiem il-qrati mill-10 ta’ Jannar 2015, huwa applikabbli r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (Brussell Ia) (ĠU 2012, L 351, p. 1), ara l-Artikolu 81(2) tiegħu. Peress li l-kawża prinċipali tressqet fl-2013, ir-Regolament Brussell I huwa applikabbli. Madankollu għandu jiġi nnotat li anki skont l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 207/2009, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I japplikaw ukoll f’kull mument fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009.


8      Dan l-istrument legali jipprovdi wkoll ir-regoli ġurisdizzjonali applikabbli għall-kawżi mressqa relatati mat-trade marks Komunitarji, ara pereżempju t-tieni sentenza tal-premessa 16 u l-Artikoli 94(1) u 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.


9      Ara l-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 207/2009.


10      Ara l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009. It-tilwimiet relatati ma’ vjolazzjoni u validità jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom (ara wkoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009). Dawn il-qrati huma l-uniċi li jistgħu jikkunsidraw trade mark Komunitarja bħala invalida; skont l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 207/2009 il-qorti nazzjonali f’kawża, mhux bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009, relatata ma’ trade mark Komunitarja għandha tqis din it-trade mark bħala valida.


11      Ara l-Artikolu 95(1) moqri flimkien mal-Verordnung tal-10 ta’ Ottubru 1996 (Regolament tal-10 ta’ Ottubru 1996) GV NW 1996, 428 (Landgericht Düsseldorf) u § 125 e (2) DE-MarkenG (liġi Ġermaniża dwar it-trade marks) (Oberlandesgericht Düsseldorf).


12      Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.


13      Ara l-Artikolu 98(2) moqri flimkien mal-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 207/2009.


14      Ara l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.


15      B’hekk, in casu, din tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għaż-żewġ talbiet l-oħra mressqa mir-rikorrenti kontra l-konvenuti.


16      Ara l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009.


17      Ara l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009.


18      Ara t-tieni parti tal-alternattiva prevista fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li l-partijiet ma qablux dwar għażla tal-qrati kompetenti, l-Oberlandesgericht Düsseldorf ma tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 97(4) tar-Regolament Nru 207/2009. L-Artikolu 97(2) jew (3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax jipprovdi bażi għal ġurisdizzjoni sakemm dan ma jkunx previst mill-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.


19      Din il-kwistjoni ġiet diskussa fir-rigward tat-terminu “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 5, Numru 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fis-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78 EU:C:1978:205, punti 3 sa 7).


20      Din ir-regola ma nbidlitx taħt ir-Regolament Brussell Ia, ara l-Artikolu 62 tiegħu.


21      Ara wkoll it-tieni sentenza tal-premessa 11 tar-Regolament Brussell I. Skont l-Artikolu 97(1), moqri flimkien mal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa stess moqri flimkien mal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Brussell I, “domiċilju” fil-kuntest tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 b’hekk għandu jiġi ddefinit bħala “[l]-post fejn hi jkollha (a) is-sede statutorja, jew (b) iċ-ċentru amministrattiv, jew (ċ) il-post prinċipali tan-negozju”.


22      Ara pereżempju s-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1982, Corman (64/81 EU:C:1982:5, punt 8); is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia (C‑316/05 EU:C:2012:739, punt 21); is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak (C‑116/11 EU:C:2012:739, punt 49).


23      Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11 EU:C:2012:491, punt 42), li fiha l-Qorti qieset li l-kunċetti ġuridiċi ta’ “fergħa, aġenzija jew stabbiliment” li jinsabu fl-Artikolu 18 tar-Regolament Brussell I “għandhom ikunu interpretati b’mod awtonomu li b’hekk ikun komuni għall-Istati kollha”, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 5, Nru 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78 EU:C:1978:205, punt 7 et seq).


24      Ara, pereżempju, l-Artikoli 1 (“It-trade mark Komunitarja”), 2 (“Uffiċċju”) u 95 (“Il-qrati tat-trade marks Komunitarji”).


25      It-test preċedentement applikabbli, jiġifieri l-Artikolu 93(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, ukoll ma kienx suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318) tittratta l-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94.


26      L-istess japplika għall-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 207/2009, dispożizzjoni li l-Kummissjoni semmiet fl-osservazzjonijiet tagħha, peress li tuża wkoll it-terminu “stabbiliment” fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trade mark Komunitarja, bil-kuntest partikolari madankollu jkun ir-rappreżentazzjoni quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern. L-Artikolu 92(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi: “[…] persuni naturali jew ġuridiċi li m’għandhom la domiċilju u lanqas post prinċipali ta’ kummerċ jew stabbiliment reali u effettiv industrijali jew kummerċjali ġewwa l-Kommunità għandhom jiġu rappreżentati quddiem l-Uffiċċju […]”.


27      Fil-proposta għal regolament tal-Kunsill (KEE) dwar it-trade marks Komunitarji ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-25 ta’ Novembru 1980 (COM (80)635) minflok “stabbiliment” tuża t-terminu “post tan-negozju”, fejn tipprevedi fl-ewwel u r-raba’ sentenzi tal-Artikolu 74(1): “Kawżi għal vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu jew, jekk huwa ma għandu l-ebda residenza abitwali fil-Komunità, li fih għandu post tan-negozju […]. Il-qorti li tittressaq l-azzjoni quddiemha għandu jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-atti tal-allegata vjolazzjoni li jkunu twettqu fi kwalunkwe Stat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-ewwel verżjoni tar-regolament dwar it-trade marks Komunitarji li daħlet fis-seħħ kienet ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993. Dan l-istrument fl-Artikolu 93(1) tiegħu minflok “residenza abitwali” u “post tan-negozju” diġà uża t-termini “domiċilju” u “stabbiliment”, li l-verżjoni aġġornata u kkonsolidata tar-Regolament Nru 207/2009 applikabbli f’din il-kawża għadha tuża fl-Artikolu 97(1) tiegħu. Sa fejn jista’ jidher, la d-definizzjonijiet u lanqas l-ispjegazzjonijiet fir-rigward tat-terminoloġija ma huma disponibbli.


28 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).


29 L‑Artikolu 2(h) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza jipprovdi li: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament: ‘stabbiliment’ għandu jfisser xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti.”


30 Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ insolvenza.


31      Ara l-premessa 16 u l-Artikoli 94(1) u 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Din hija r-raġuni għaliex anki jekk, kif isostnu l-konvenuti ir-Regolament Nru 207/2009 u l-lex specialis, bl-ebda mod ma jieħdu preċedenza b’mod ġenerali fuq ir-Regolament Brussell I.


32      Ara d-definizzjoni tat-termini “domiċilju” u “sede statutorja” ta’ kumpanniji fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I.


33      Iktar preċiżament, it-test li ppreċedih, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kienet applikabbli fil-parti l-kbira tas-sentenzi iktar ’l isfel. Il-premessa 19 tar-Regolament Brussell I tħeġġeġ in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità bejn dawn iż-żewġ strumenti ġuridiċi.


34      Ara t-titolu tas-Sezzjoni 2 tar-Regolament Brussell I, li l-Artikolu 5 jifforma parti minnha.


35      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punti 20 u 21).


36      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 11).


37      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punti 12 u 13).


38      Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 12).


39      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).


40      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).


41      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 50).


42      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12); sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 11) u s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).


43      Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 62) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Burgo Group (EU:C:2014:2158, punt 31) dwar ir-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza. Dan ir-regolament jiddefinixxi t-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 2(h) tiegħu. Minkejja li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni huwa limitat b’mod espliċitu għal dan ir-regolament (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), b’mod li din id-definizzjoni ma tistax tiġi applikata direttament hawnhekk, din xorta waħda tista’ tipprovdi elementi li għandhom jitqiesu meta noqrob lejn id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett f’kuntesti oħra u għalhekk ta’ natura li jkollha effett indirett.


44      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 11); is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 10); sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems (139/80, EU:C:1981:70, punt 12); u s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).


45      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 15), u, fil-kuntest tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 48 u 49), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 4(1)(a) ta’ dik id-direttiva, kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Burgo Group (C‑327/13, EU:C:2014:2158, punt 32), dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(h) tar-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza.


46      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 15).


47      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:309, punt 43), li jagħmlu riferiment għall-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 150).


48      Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 150).


49 Ara l-premessa 19 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


50 L‑Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il‑Ġermanja), fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012 – I-20 U 175 paragrafu 47 tosserva, li l-kumpannija omm għandha rabta mal-Istat fejn is-sussidjarja tagħha ġuridikament indipendenti għandha s-sede tagħha, tal-inqas sa fejn is-sussidjarja tagħha hija suġġetta għall-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat. F’din is-sentenza, l-Oberlandesgericht tinterpreta t-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, li għandu dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha hija identika għall-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u li ssegwi l-istess skop, bħala li tinkludi wkoll kumpanniji indipendenti.


51      Madankollu dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 13) li fiha ż-żewġ kumpanniji kellhom l-istess isem u l-istess tmexxija.


52      Meħtieġa skont is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punt 20).


53      Ara l-premessa 11 tar-Regolament Brussell I.


54      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12).


55      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 12).


56      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).


57      Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 50), dwar ambaxxata fir-rigward tal-Istat li tirrappreżenta.


58      Ara l-indikazzjonijiet fuq is-sit internet tal-grupp Nike www.nike.com u anki fit-termini tal-kundizzjonijiet ġenerali bil-Ġermaniż, aċċessibbli fuq is-sit internet.


59      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte (218/86, EU:C:1987:536, punt 16).


60      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49) li tikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur skont ir-regolament relatat mal-proċeduri ta’ insolvenza.


61      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Interedil (C‑396/09, EU:C:2011:671, punt 49).


62      Il-gvern Taljan jirreferi għall-interpretazzjoni stabbilita sew ta’ “stabbiliment” fil-kuntest ta’ tassazzjoni internazzjonali. Il-liġi dwar it-taxxa lanqas ma tħares lejn formalitajiet, iżda tikkunsidra s-sussidjarja bħala indipendenti biss jekk topera taħt l-organizzazzjoni awtonoma, f’isimha stess u bir-riskju tagħha stess. Madankollu, dawn huma elementi li, minkejja li jistgħu jiġu evalwati minn awtorità tat-taxxa, jibqgħu ġeneralment mhux magħrufa mill-pubbliku.


63 Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-konvenuti jirreferu għal Leible, St. u Müller, M., “Der Begriff der Niederlassung im Sinne von Art. 82, Abs. 1 Alt. 2 GGV und Art. 97 Abs. 1 Alt. 2 GMV”, dans Wettbewerb in Recht und Praxis, 2013, 1, 9.


64 Ara f’iktar dettall il-punti 81 u 85 iktar ’l isfel. Ikun iktar ta’ benefiċċju għall-konvenut li jippreżumi li ma kien hemm ebda stabbiliment tal-konvenuta skont l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għaliex f’dak il-każ, taħt l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Nru 207/2009, id-domiċilju tar-rikorrenti jkun deċiżiv għal ġurisdizzjoni internazzjonali (ara l-punt 83).


65      Premessa 11 tar-Regolament Brussell I tfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.


66      Ara f’dan ir-rigward il-punt 50 iktar ’il fuq.


67 Minbarra dan, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri, Düsseldorf, il‑Ġermanja) fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Jannar 2012 ‑ I-20 U 175 – filwaqt li interpretat it-terminu “stabbiliment” fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament dwar id-disinji Komunitarji- li għandu test identiku u ratio analogu bħall-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tidher li ssostni li xi parteċipazzjoni tal-istabbiliment hija meħtieġa u li normalment din hija ssodisfatta bl-attivitajiet ta’ bejgħ tas-sussidjarja.


68      Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, madankollu, li l-kwistjoni, li qegħdin nittrattaw hawnhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ liġi sostantiva jew ta’ mertu, pereżempju li żżomm lis-sussidjarja responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi delitt imwettaq mill-kumpannija omm jew bil-kontra, li timputa responsabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi delitt tal-istabbiliment lill-kumpannija omm. Minflok, din hija kwistjoni proċedurali.


69      Skont l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.


70      Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni kkodifikati fl-Artikolu 97(4) tar-Regolament Nru 207/2009 moqri flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Brussell I huma min-natura tagħhom esklużivi u b’hekk jistgħu jitqiesu bħala addizzjonali, jew anki pass iktar dominanti fuq dak is-sellum li jantiċipa l-oħrajn kollha. F’din il-kawża dan il-pass jista’, madankollu, jinqabeż peress li l-konvenuta tikkontesta l-ġurisdizzjoni invokata mir-rikorrenti.


71      It-tnejn imsemmija fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009.


72      It-tnejn imsemmija fl-Artikolu 97(2) tar-Regolament Nru 207/2009.


73      Artikolu 97(3) tar-Regolament Nru 207/2009.


74      Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I.


75      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell I. Għal kritika ta’ din l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ara, pereżempju, Alex Mills, “Private International Law and EU External Relations: Think local act global, or think global act local?”, ICLQ Vol. 65, 2016, pp. 541-571. Il‑kritika tirriżulta essenzjalment mill-fatt li d-deċiżjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn ir-regoli ta’ dritt nazzjonali fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, minkejja l-fatt li għandhom natura eċċessiva, minkejja kollox jibbenefikaw mir-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ssimplifikati previsti mir-Regolament Brussell I.


76      Ara l-Artikolu 94(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-riferiment fih għall-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament Brussell I.


77      Madankollu l-ġurisdizzjonijiet speċjali jeżistu wkoll taħt ir-Regolament Nru 207/2009, ara pereżempju l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.


78 Premessa 12 tar-Regolament Brussell I.


79      Ara pereżempju s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, EU:C:1978:205, punt 8), iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 40 li tittratta l-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I, li jikkostitwixxi r-regola ġenerali.


80 Ara pereżempju s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 35); is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 52), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża A (C‑112/13, EU:C:2014:207, punt 37).


81      Ara Andrew Bell, “Forum Shopping and venue in transnational litigation”, Oxford 2003, Nri 3.60 ss., li joħloq kuntrast bejn il-prinċipju ta’ “actor sequitur forum rei” stabbilit bil-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 bil-filosofija ċentrali tiegħu tkun l-adegwatezza prima facie tat-tfittix tal-konvenut bil-qorti fil-post ta’ domiċilju tiegħu u bl-għeruq tiegħu fil-patrimonju legali komuni tal-partijiet – Ewropej kontinentali – oriġinali għall-Konvenzjoni ta’ Brussell (Nru 3.66). Bell isejjaħ il-prinċipju ta’ “actor sequitur forum rei” bħala l-“Grundnorm” tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.


82      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 16).


83      Fir-rigward tar-rilevanza tal-ġurisprudenza mogħtija dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell għar-regolament, ara l-premessa 19 tar-Regolament Brussell I.


84      Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehmann Hutton (C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 17).


85      Id-domiċilju huwa ddefinit fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I bħala, għall-kumpanniji u l-persuni ġuridiċi, il-post fejn għandhom is-sede statutorja, iċ-ċentru amministrattiv jew il-post prinċipali tan-negozju.


86      Peress li l-leġiżlaturi tar-Regolament Nru 207/2009 kienu familjari sew mar-Regolament Brussell I, li fil-Artikolu 60(1)(ċ) juża t-terminu “[l]-post prinċipali tan-negozju”, huwa kellu jkun konxju ta’ dik il-possibbiltà li jispeċifika liema stabbiliment għandu jkun deċiżiv, kieku kellu l-intenzjoni li jagħżel wieħed minn diversi stabbilimenti. Barra minn hekk anki l-leġiżlatura tar-Regolament Nru 207/2009 nnifisha tuża t-terminu “post prinċipali ta’ kummerċ” fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament Nru 207/2009.


87      Enfasi miżjuda minni.


88 Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I.


89 Ara Leible, St./Müller, M., ‘Der Begriff der Niederlassung im Sinne von Art. 82 Abs. 1 Alt. 2 GGV und Art. 97 Ab. 1 Alt. 2 GMV’, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2013, 1, 4.


90      Ara d-definizzjoni wiesgħa ta’ “domiċilju” ta’ kumpannija fl-Artikolu 60 tar-Regolament Brussell I (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna, punt 85). Ara wkoll ir-Rapport ta’ Schlosser Nru 79.


91      Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009 (“numru kemm jista’ jkun limitat”).


92      Din hija waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-ġerarkija stretta li tipprevedi r-rabta fl-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009.


93      Fir-rigward ta’ dan l-għan ara l-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009.


94      Ara s-Sezzjoni 9 tar-Regolament Brussell I magħmula mill-Artikoli 27 sa 29. Fil-kuntest ta’ diversi, il-punt 75 tar-Rapport Schlosser jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet dwar lis pendens u azzjonijiet relatati sabiex jiġu solvuti l-problemi li jistgħu jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni.