Language of document : ECLI:EU:C:2017:390

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

18 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 97(1) – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Proċedimenti ta’ vjolazzjoni mressqa kontra kumpannija stabbilita fi Stat terz – Sottosussidjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’”

Fil-Kawża C‑617/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Hummel Holding A/S

vs

Nike Inc.,

Nike Retail B.V.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Hummel Holding A/S, minn T. Bösling, avukat,

–        għal Nike Retail BV u Nike Inc., minn B. Führmeyer u F. Klein, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hummel Holding A/S u Nike Inc. u s-sussidjarja tagħha, Nike Retail BV, rigward l-allegata vjolazzjoni, minn dawn tal-aħħar, ta’ trade mark internazzjonali ta’ Hummel Holding, li tipproduċi effetti fl-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

3        Il-premessi 11 sa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jistabbilixxu:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)      B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’ regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jinqara kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

 Ir-Regolament Nru 207/2009

6        Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Madankollu, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa eżaminat fir-rigward tar-Regolament Nru 207/2009 kif kien fis-seħħ qabel din l-emenda.

7        Il-premessi 15 sa 17 tar-Regolament Nru 207/2009 jiddikjaraw:

“(15)      Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] l-Istati Membri għandhom jinnominaw, wara li jikkunsidraw is-sistema nazzjonali tagħhom, numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni u tal-validità tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea].

(16)      Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu [tal-Unjoni], li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-[Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)] u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marksi [tal-Unjoni Ewropea] ma jiġix imxejjen. Hemm id-disposizzjonijiet tar-Regolament [Nru 44/2001] li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks [tal-Unjoni Ewropea], ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.

(17)      Deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u trade marks nazzjonali paralleli. Għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-metodi ta’ kif għandu jinkiseb dan l-objettiv għandhom jinstabu ir-regoli proċedurali nazzjonali, li mhumiex preġudikati minn dan ir-Regolament, waqt li meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu xierqa dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati tar-Regolament [Nru 44/2001].”

8        L‑Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001]”, jidher fit-Titolu X tiegħu, li jinkludi r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni u mal-proċedura f’kawżi mressqa li jirrigwardaw it-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.      Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u l-applikazzjonijiet għal trade marks [tal-Unjoni Ewropea], kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u trade marks nazzjonali.

2.      F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 96:

a)      l-Artikoli 2 u 4, il-punti 1, 3, 4 u 5 tal-Artikolu 5u l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 44/2001] ma japplikawx;

b)      l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 97(4) ta’ dan ir-Regolament;

c)      id-dispożizzjonijiet ta l-Kapitolu II tar-Regolament [Nru 44/2001] li huma applikabbli għal persuni domiċiljati fi Stat Membu għandhom ikunu applikabbli wkoll għal persuni li m’għandhomx domiċilju f’ebda Stat Membru iżda li għandhom stabbiliment hemmhekk.”

9        L-Artikolu 95(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, minn issa msejjħa ‘Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]’, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

10      L‑Artikolu 96 tal-istess regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni fuq vjolazzjoni u validità”, jipprovdi:

“Il-qrati tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

a)      kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea];

[…]”

11      L-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001] applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 94, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

2.      Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.

3.      Jekk la l-konvenut u l-anqas l-attur mhuma hekk domiċiljati u lanqas m’għandhom tali stabbiliment, dawn il-proċedimenti għandhom jinġiebu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-[EUIPO]għandu s-sede tiegħu.

[…]

5.      Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea], jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida, jew fejn jitwettaq att li jaqa’ taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3).”

12      L-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-firxa tal-ġurisdizzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Qorti ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

a)      atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Hummel Holding hija impriża stabbilita fid-Danimarka li tipproduċi artikoli għall-isport, ħwejjeġ għall-isport u għar-rikreazzjoni, kif ukoll żraben għall-isport u għar-rikreazzjoni. Din hija proprjetarja tat-trade mark figurattiva internazzjonali rreġistrata bin-numru 943057 u li tipproduċi effetti fl-Unjoni għal prodotti fil-klassi 25, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li tikkorrispondi mad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, xedd tas-saqajn u xedd ir-ras”.

14      Nike, li għandha s-sede tagħha fl-Istati Uniti, hija l-kumpannija holding prinċipali tal-grupp Nike, li tikkummerċjalizza artikoli għall-isport fid-dinja kollha. Nike Retail, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, tappartjeni wkoll għal dan il-grupp. Din tal-aħħar topera s-sit internet li fih il-prodotti ta’ Nike huma ppreżentati u proposti, b’mod partikolari b’destinazzjoni lejn il-Ġermanja. Minbarra l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom online f’dan is-sit internet, il-prodotti ta’ Nike jinbiegħu fil-Ġermanja bl-intermedju ta’ negozjanti indipendenti li jfornixxu ruħhom mingħand Nike Retail. Il-kumpanniji tal-grupp Nike ma joperawx direttament minn ħwienet li fihom isir bejgħ bil-gross jew bl-imnut fil-Ġermanja.

15      Nike Deutschland GmbH, li s-sede tagħha tinsab fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja) u li ma hijiex parti fil-kawża prinċipali, hija, skont l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), sussidjarja ta’ Nike Retail. Nike Deutschland ma għandhiex sit internet proprju u ma tqassamx merkanzija lil konsumaturi finali jew lil intermedjarji. Min-naħa l-oħra, hija tinnegozja l-kuntratti bejn l-intermedjarji u Nike Retail u toffri l-assistenza tagħha lil din l-aħħar kumpannija għar-reklamar u għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Nike Deutschland tiżgura wkoll is-servizz ta’ wara l-bejgħ mal-konsumaturi finali.

16      Hummel Holding tikkunsidra li ċerti prodotti ta’ Nike, b’mod partikolari xorts tal-basketball, jikkostitwixxu vjolazzjoni fil-konfront tat-trade mark imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza u ssostni li l-parti l-kbira tal-vjolazzjonijiet seħħew fil-Ġermanja. Hija ppreżentat, kontra Nike u Nike Retail, rikors quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il‑Ġermanja), li ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni peress li Nike Deutschland kienet tikkostitwixxi stabbiliment ta’ Nike, filwaqt li ċaħdet ir-rikors fuq il-mertu. Hummel Holding ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17      Hummel Holding titlob il-waqfien tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, tar-reklamar, tal-offerta, tat-tqegħid fis-suq u tal-kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, minn naħa, f’dak li jikkonċerna t-territorju tal-Unjoni (sussidjarjament, it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) f’dak li jikkonċerna Nike, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dak li jikkonċerna Nike Retail.

18      Nike u Nike Retail eċċepixxew in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi.

19      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi sabiex jiddeċiedu dwar r-rikors, fir-rigward tal-Unjoni kollha, li huwa ppreżentat kontra l-kumpanniji tal-grupp Nike, tista’ tirriżulta biss mill-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tirrileva madankollu li l-portata tal-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ ta’ sussidjarji u ta’ sottosussidjarji indipendenti, hija kontroversjali u ma kinitx ġiet ikkjarifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Taħt liema kundizzjonijiet kumpannija ġuridikament indipendenti, stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, li hija sottosussidjarja ta’ impriża li ma għandhiex hija stess is-sede tagħha fl-Unjoni, għandha titqies li hija ‘stabbiliment’ ta’ din l-impriża fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-[Regolament Nru 207/2009]?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpannija legalment indipendenti stabbilita fi Stat Membru, li hija sottosussidjarja ta’ impriża prinċipali li ma għandhiex is-sede tagħha fl-Unjoni, tikkostitwixxi “stabbiliment” ta’ din l-impriża prinċipali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

22      Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11; tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 14, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 45).

23      Dan huwa l-każ tal-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament u dan ma jinkludi ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat is-sens tiegħu.

24      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li huma espressament intiżi fih, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għall-proċeduri li jikkonċernaw it-trade marks tal-Unjoni Ewropew u l-applikazzjonijiet għal tali trade marks, hekk kif jirriżulta speċifikament mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll mill-Artikolu 94 u mill-Artikolu 97(1) tiegħu.

25      F’dan ir-rigward, minkejja li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, bħall-Artikolu 5(5) tiegħu u l-Artikolu 18(2) tiegħu jirreferu huma wkoll għall-kunċett ta’ “stabbiliment”, b’tali mod li ma għandux jiġi eskluż li t-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jista’, sa ċertu punt, ikun rilevanti sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax madankollu jiġi kkunsidrat li dan il-kunċett għandu neċessarjament ikollu l-istess portata, skont jekk jintużax fil-kuntest ta’ wieħed jew ta’ ieħor minn dawn iż-żewġ regolamenti.

26      Fil-fatt, minkejja l-prinċipju tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għall-kawżi mressqa li jirrigwardaw trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari tar-regoli msemmija fl-Artikolu 4 tiegħu u fl-Artikolu 5(1) tiegħu, għall-proċeduri li jirriżultaw minn kawżi mressqa u minn talbiet imsemmija fl-Artikolu 96 tar-Regolament 207/2009, hija eskluża skont l-Artikolu 94(2) ta’ dan l-aħħar regolament. Fid-dawl ta’ din l-esklużjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, previsti fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex jiddeċiedu kawżi mressqa u talbiet imsemmija fl-Artikolu 96 tiegħu, tirriżulta mir-regoli previsti direttament minn dan ir-regolament, li għandhom in-natura ta’ lex specialis meta pparagunati mar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 26 u 27).

27      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u r-Regolament Nru 207/2009, min-naħa l-oħra, huma intiżi li jilħqu għanijiet li ma humiex identiċi. Għalhekk, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż, skont il-premessi 12 u 13 tiegħu, sabiex jikkompleta d-domiċilju tal-konvenut permezz ta’ ġurisdizzjonijiet awtorizzati oħra minħabba r-rabta fil-qrib bejn il-qorti u t-tilwima jew sabiex tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew, fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konsum u ta’ xogħol, sabiex tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli huma r-regoli ġenerali.

28      Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 207/2009 għandu bħala għan, skont il-premessi 15 sa 17 tiegħu, li jsaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u li jiġu evitati d-deċiżjonijiet kontradittorji tal-qrati kif ukoll ksur tan-natura unitarja ta’ dawn it-trade marks, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li jipproduċu effett u li japplikaw għall-Unjoni kollha.

29      Fl-aħħar nett għandhom ukoll jiġu ddeterminati l-elementi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, mhux biss kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tagħha.

30      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tinkludix preċiżazzjoni dwar il-kunċett ta’ “stabbiliment”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu. Madankollu minn dan jirriżulta li konvenut, li ma għandux domiċilju fi ħdan l-Unjoni, jista’ jkollu fih stabbiliment wieħed jew iktar, li a priori jidher jissuġġerixxi li, f’dan l-aħħar każ, il-qrati tal-Istati Membri differenti li fit-territorju tagħhom jinsabu tali stabbilimenti jistgħu wkoll jiġu aditi.

31      Fir-rigward tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni fi ħdan l-Unjoni għat-tilwimiet kollha fil-qasam ta’ vjolazzjoni u ta’ validità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu, li jinkludi diversi elementi dwar ġurisdizzjoni internazzjonali, jelenka, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, il-kriterji suċċessivi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 98(1)(a) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fit-territorju kollu tagħha.

32      L‑Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi prinċipalment, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk dan ma huwiex iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu stabbiliment. Huwa biss jekk il-konvenut ma jkollux la domiċilju u lanqas stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni li l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedu rispettivament, sussidjarjament, ġurisdizzjoni favur il-qrati tad-domiċilju jew tal-istabbiliment tar-rikorrent u, sussidjarjament, ġurisdizzjoni favur qrati tal-Istat Membru li fih l-EUIPO għandu s-sede tiegħu.

33      Fir-rigward tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, dan jistabbilixxi, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni favur qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-fatt ta’ vjolazzjoni twettaq jew teżisti theddida li jitwettaq, ipoteżi li fiha tali qorti madankollu għandha, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009, ġurisdizzjoni limitata fit-territorju tal-Istat Membru li tinsab fiha.

34      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-territorju tal-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment ta’ kumpannija li ma għandhiex is-sede tagħha fi ħdan l-Unjoni, mhux talli ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut, li tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 moqri fid-dawl tal-premessa 11 ta’ dan tal-aħħar, iżda pjuttost jirrappreżenta l-implementazzjoni tagħha, sabiex hija meħtieġa interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett.

35      Fil-fatt, in-natura ta’ prinċipju ġenerali li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għandha, li hija l-espressjoni tal-prinċipju actor sequitur forum rei, hija spjegata mill-fatt li hija tippermetti lill-konvenut li jiddefendi ruħu, bħala prinċipju, iktar faċilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 35, u tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 52). Issa, dan huwa l-każ, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta parti jkollha tiddefendi ruħha quddiem il-qrati ta’ Stat li fih hija għandha stabbiliment u li fir-rigward tiegħu hija tinsab għalhekk f’sitwazzjoni ta’ ħafna iktar prossimità.

36      Barra minn hekk din l-interpretazzjoni ma tippreġudikax l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, peress li d-deċiżjonijiet tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li għandhom ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jipproduċu effett u japplikaw fl-Unjoni kollha.

37      Tal interpretazzjoni wiesgħa twassal li jiġi kkunsidrat li huma meħtieġa sinjali materjali li jippermettu faċilment li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eżistenza tirrikjedi, għalhekk, forma ta’ preżenza reali u stabbli, li minnha tiġi eżerċitata attività kummerċjali, u li hija mmanifestata bil-preżenza ta’ persunal kif ukoll tagħmir materjali. Minbarra dan, dan l-istabbiliment għandu jimmanifesta ruħu fit-tul lejn l-estern, bħala l-estenzjoni ta’ impriża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punt 11; tat-18 ta’ Marzu 1981, Blanckaert & Willems, 139/80, EU:C:1981:70, punt 12; tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte, 218/86, EU:C:1987:536, punt 10, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48).

38      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-istabbiliment, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ kumpannija li s-sede tagħha hija stabbilita barra mill-Unjoin ikollux personalità ġuridika jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd, C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 54). Għalhekk, it-terzi għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq id-dehra maħluqa mill-istabbiliment li jaġixxi bħala estensjoni tal-impriża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987, SAR Schotte, 218/86, EU:C:1987:536, punt 15).

39      Iċ-ċirkustanza li l-kumpannija stabbilita fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu huma aditi hija sottosussidjarja tal-kumpannija li s-sede tagħha hija stabbilita barra mill-Unjoni u mhux sussidjarja diretta tagħha hija wkoll irrilevanti, dejjem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti.

40      Barra minn hekk, bħala prinċipju, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-istabbiliment hekk iddeterminat kienx ipparteċipa jew le għall-vjolazzjoni allegata. Fil-fatt, tali rekwiżit, li ma huwiex previst fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009, barra minn hekk ma huwiex konċiljabbli man-neċessità ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “stabbiliment” infakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

41      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi risposta li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija legalment indipendenti, stabbilita fi Stat Membru, li hija sottosussidjarja ta’ impriża prinċipali li ma għandhiex is-sede tagħha fl-Unjoni, tikkostitwixxi “stabbiliment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din l-impriża prinċipali, peress li din is-sussidjarja hija ċentru ta’ operazzjonijiet li, fl-Istat Membru fejn hija tinsab, għandha forma ta’ preżenza reali u stabbli, li minnha tiġi eżerċitata attività kummerċjali, u li hija mmanifestata fit-tul lejn l-estern, bħala l-estensjoni ta’ din l-impriża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

LArtikolu 97(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija legalment indipendenti, stabbilita fi Stat Membru, li hija sottosussidjarja ta’ impriża prinċipali li ma għandhiex is-sede tagħha fl-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi “stabbiliment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ din l-impriża prinċipali, peress li din is-sussidjarja hija ċentru ta’ operazzjonijiet li, fl-Istat Membru fejn hija tinsab, għandha forma ta’ preżenza reali u stabbli, li minnha tiġi eżerċitata attività kummerċjali, u li hija mmanifestata fit-tul lejn l-estern, bħala l-estensjoni ta’ din l-impriża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.