Language of document : ECLI:EU:T:2006:64

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

23 ta’ Frar 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Kontroll ta' operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni ta' impriżi – Artikoli 2, 3 u 8 tar-Regolament Nru 4064/89/KEE − Kunċett ta’ konċentrazzjoni – Ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti − Awtorizzazzjoni suġġetta għall-ħarsien ta’ ċerti impenji – Prinċipju ta' proporzjonalità"

Fil-kawża T-282/02,

Cementbouw Handel & Industrie BV, stabbilita f’Le Cruquius (l-Olanda), irrappreżentata minn W. Knibbeler, O. Brouwer u P. Kreijger, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment minn A. Nijenhuis, K. Wiedner u W. Mölls, wara minn Nijenhuis, É. Gippini Fournier u A. Whelan, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/756/KE, tas-26 ta' Ġunju 2002, rigward proċedura skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/M.2650 − Haniel/Cementbouw/JV [CVK]) (ĠU 2003, L 282, p. 1, rettifika fil-ĠU 2003, L 285, p. 52),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla Estiża),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh, P. Mengozzi, I. Wiszniewska-Białecka u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Lulju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Jannar 2002 l-impriża Franz Haniel & Cie GmbH (iktar ’il quddiem "Haniel") u r-rikorrenti nnotifikaw lill-Kummissjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 395, p. 1, ippubblikat mill-ġdid, wara rettifiki, fil-ĠU 1990, L 257, p. 13), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997, operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Skond din in-notifika, fl-1999, Haniel u r-rikorrenti kisbu l-kontroll konġunt, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(b), tar-Regolament Nru 4064/89, ta’ l-impriża Olandiża Coöperatieve Verkoop- en Produktievereniging van Kalkzandsteenproducenten (iktar ’il quddiem "CVK") u tal-ħdax-il impriża membri tagħha permezz ta’ kuntratt u xiri ta’ ishma tal-kumpannija miżmumin mill-kumpannija Ġermaniża RAG AG (iktar ’il quddiem "RAG").

2        Haniel hija holding Ġermaniża ddiversifikata li, fis-settur tal-materjal għal bini, tipproduċi u tbiegħ materjal għal bini ta’ ħitan bħal briks tar-ramel u l-ġir (sand-lime), konkrit poruż (aerated concrete) u konkrit lest għall-użu (ready-mixed). Haniel teżerċita l-attivitajiet tagħha essenzjalment fil-Ġermanja. Fir-rigward ta' l-Olanda, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, Haniel kellha ishma f’diversi impriżi li jipproduċu briks tar-ramel u l-ġir, u li huma membri ta’ CVK.

3        Ir-rikorrenti, li qabel kienet parti mill-grupp Olandiż NBM Amstelland BV, teżerċita l-attivitajiet tagħha fl-Olanda fis-suq tal-materjal għal bini u, b’mod iktar ġenerali, fis-swieq tal-bini, tal-loġistika u tal-kummerċ tal-materja prima. Fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/756/KE, rigward proċedura skond ir-Regolament Nru 4064/89, li tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE [Kawża COMP/M.2650 – Haniel/Cementbouw/JV (CVK)] (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-rikorrenti kienet miżmuma minn CVC Capital Partners Group Ltd, kumpannija ta’ investiment (investment group).

4        CVK ilha teżisti mill-1947 u fil-bidu kienet inkarigata mill-bejgħ tal-produzzjoni ta’ l-impriżi membri tagħha, jiġifieri l-produtturi Olandiżi ta’ briks tar-ramel u l-ġir. Fl-1989, CVK ġiet mibdula f’kooperattiva skond id-dritt Olandiż, bl-iskop li tiġi mtejjba l-kollaborazzjoni bejn il-membri tagħha.

5        Qabel ma saret l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, ħamsa mill-ħdax-il impriża membri ta’ CVK – Kalkzandsteenfabriek De Hazelaar BV (iktar ’il quddiem "De Hazelaar"), Kalkzandsteenindustrie Loevestein BV (iktar ’il quddiem "Loevestein"), Steenfabriek Boudewijn BV (iktar ’il quddiem "Boudewijn"), Kalkzandsteenfabriek Hoogdonk BV (iktar ’il quddiem "Hoogdonk") u Kalkzandsteenfabriek Rijsbergen BV (iktar ’il quddiem "Rijsbergen") – kienu sussidjarji ta’ Haniel. Tliet stabbilimenti ta' briks tar-ramel u l-ġir– Kalkzandsteenfabriek Harderwijk BV (iktar ’il quddiem "Harderwijk"), Kalkzandsteenfabriek Roelfsema BV (iktar ’il quddiem "Roelfsema") u Kalkzandsteenfabriek Bergumermeer BV (iktar ’il quddiem "Bergumermeer") – kienu sussidjarji tar-rikorrenti, filwaqt li żewġ produtturi – Anker Kalkzandsteenfabriek BV (iktar ’il quddiem "Anker") u Vogelenzang Fabriek van Bouwmaterialen BV (iktar ‘il quddiem "Vogelenzang") – kienu sussidjarji ta’ RAG. Fl-aħħar nett, produttur, l-impriża Van Herwaarden Hillegom BV (iktar ’il quddiem "Van Herwaarden"), kienet, konġuntament, miżmuma minn Haniel ([kunfidenzjali]%),(1) tar-rikorrenti ([kunfidenzjali]%) u minn RAG ([kunfidenzjali]%).

6        Fl-1998, Nederlandse Mededingingsautoriteit (l-awtorità Olandiża kompetenti għall-kompetizzjoni; iktar ’il quddiem l-"NMa") irċeviet notifika ta’ proġett ta’ konċentrazzjoni li bih CVK kien biħsiebha tikseb il-kontroll ta' l-impriżi tagħha. Il-kontroll kellu jiġi ttrasferit fil-kuntest tal-konklużjoni ta' kuntratt ta’ pooling kif ukoll permezz ta’ emenda ta' l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK. Fit-23 ta’ April 1998 NMa ddeċidiet li tibda ’l hekk imsejħa proċedura tat-"tieni fażi". B'deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, NMa kkonkludiet il-proċedura tat-tieni fażi u awtorizzat il-proġett in kwistjoni.

7        Qabel ma seħħet din l-operazzjoni, RAG iddeċidiet li tbiegħ lil Haniel u lir-rikorrenti l-ishma tagħha li hija kellha fl-impriżi membri ta’ CVK. F’Marzu 1999 il-partijiet ikkomunikaw l-intenzjonijiet tagħhom lil NMa. Din ta’ l-aħħar, b’ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, infurmat lil dawn bil-fatt li l-bejgħ previst ma kienx jikkostitwixxi operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-artikolu 27 tal-wet van 22 mei 1997 houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging (Mededingingswet) (liġi tat-22 ta’ Mejju 1997 li tistabbilixxi regoli ġodda fir-rigward tal-kompetizzjoni ekonomika) (Stb. 1997, Nru 242), sakemm l-operazzjoni awtorizzata bid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru tkun ġiet implementata mhux iktar tard mill-mument ta' l-imsemmi bejgħ.

8        Fid-9 ta’ Awwissu 1999 CVK u l-impriżi membri tagħha kkonkludew il-kuntratt ta’ pooling imsemmi fil-punt 6 iktar ’il fuq. L-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK ġew emendati fl-istess jum sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ pooling (dawn iż-żewġ operazzjonijiet huma indikati iktar ’il quddiem bħala "l-ewwel grupp ta’ operazzjonijiet"). Dejjem f'dak il-jum, RAG, biegħet l-ishma li hija kellha fi tliet impriżi membri ta’ CVK (Anker, Vogelenzang u Van Herwaarden) lil Haniel u lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-"tranżazzjoni RAG"), li kienu kkonkludew kuntratt ta’ kollaborazzjoni li jirregola l-kollaborazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ CVK (dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet, kkunsidrati flimkien, huma msejħa iktar ’il quddiem t-"tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet").

9        Wara li saret taf bl-operazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 waqt l-eżami ta' żewġ operazzjonijiet oħra ta' konċentrazzjoni nnotifikati minn Haniel (Kawżi COMP/M.2495 – Haniel/Fels u COMP/M.2568 – Haniel/Ytong), il-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2001, indikat lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra parteċipanti li l-operazzjoni kellha tiġi nnotifikata lilha skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89.

10      Kif ġie osservat fil-punt 1 iktar ’il fuq, fl-24 ta’ Jannar 2002 Haniel u r-rikorrenti nnotifikaw l-operazzjoni skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4064/89.

11      Fil-25 ta’ Frar 2002 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skond l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 4064/89, filwaqt li kkunsidrat li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ‘il quddiem il-"Ftehim ŻEE").

12      Fil-25 ta’ April 2002 il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-partijiet li kienu għamlu n-notifika. Ir-rikorrenti wieġbet għal din b’ittra tat-13 ta’ Mejju 2002.

13      Fis-16 ta’ Mejju 2002 il-Kummissjoni semgħet lill-partijiet ikkonċernati.

14      Wara l-ewwel abbozz ta’ impenji ppreżentat fit-28 ta’ Mejju 2002 li ġie mequs bħala insuffiċjenti mill-Kummissjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-problema li hija kienet ikkonstatat fil-qasam tal-kompetizzjoni, Haniel u r-rikorrenti ppreżentaw l-impenji definittivi fil-5 ta’ Ġunju 2002.

15      Fis-26 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha hija kkunsidrat li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet kompatibbli mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE (l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), taħt il-kundizzjoni ta' l-osservanza kompleta, min-naħa ta’ Haniel u tar-rikorrenti, ta’ l-impenji indikati fil-punti 27, 28, 32 sa 35 u 40 ta’ l-anness ta' l-imsemmija deċiżjoni (l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata) u taħt il-kundizzjoni li huma josservaw fis-sħiħ l-impenji l-oħra ta’ l-anness (l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fost l-impenji msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jinsab, b’mod partikolari, ix-xoljiment ta’ CVK fi żmien [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Ottubru 2003, u d-data kunfidenzjali tagħha tħalliet barra (ĠU L 282, p. 1, rettifika fil-ĠU L 285, p. 52).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors bis-saħħa ta’ l-Artikolu 230 KE.

17      Skond l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li nstemgħu l-partijiet skond l-Artikolu 51 ta' l-imsemmi Regolament, iddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

18      Fuq rapport ta’ l-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub ċerti domandi u jipprovdu ċertu dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma' dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

19      It-trattazzjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2005.

20      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, tliet motivi biex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni fl-eżami tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 3 u 8(2), tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll fuq il-prinċipju ta' proporzjonalità.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni fl-eżami ta' l-operazzjonijiet in kwistjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

23      Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-inkompetenza tal-Kummissjoni fl-eżami ta' l-operazzjonijiet RAG minħabba n-nuqqas ta’ bidla tal-kontroll ta’ CVK. It-tieni parti tirrigwarda l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddeskrivi bħala konċentrazzjoni waħda żewġ operazzjonijiet distinti u l-ineżistenza, f’dan il-każ, ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89. It-tielet parti tirrigwarda l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex teżamina t-teħid ta' kontroll minn CVK ta' l-impriżi membri tagħha, minħabba l-awtorizzazzjoni tagħha min-naħa ta' NMa.

 Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex teżamina t-tranżazzjoni RAG minħabba n-nuqqas ta’ bidla fil-kontroll ta’ CVK

 L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti, skond ir-Regolament Nru 4064/89, biex teżamina t-tranżazzjoni RAG, inkwantu din l-operazzjoni ma wasslitx għall-istabbiliment ta' kontroll konġunt ta’ CVK minn Haniel u minn RAG.

25      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, qabel it-tranżazzjoni RAG, kienet teżisti l-possibbilità ta’ maġġoranzi varjabbli fi ħdan il-laqgħat tal-membri ta’ CVK.

26      Qabel kollox, ir-rikorrenti tikkunsidra li din l-affermazzjoni hija sorprendenti għaliex id-deċiżjonijiet ta’ l-NMa tat-23 ta’ April u ta' l-20 ta’ Ottubru 1998 bl-ebda mod ma jsemmu din il-possibbiltà.

27      Imbagħad, ir-rikorrenti hija sorpriża li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi tal-kwistjoni jekk, konkretament, kienx hemm il-possibbiltà ta’ maġġoranza varjabbli fi ħdan il-laqgħat tal-membri ta’ CVK qabel it-tranżazzjoni RAG. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li kien hemm maġġoranzi varjabbli qabel din it-tranżazzjoni mingħajr ma tipprovdi l-iċken element ta’ prova dwar in-nuqqas ta' interessi komuni b'saħħithom ta’ l-azzjonisti jew in-nuqqas ta’ maġġoranza stabbli, skond il-punt 35 tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89 (ĠU 1988, C 66, p.5). Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li, qabel it-tranżazzjoni RAG, kien hemm sitwazzjoni ta’ "nuqqas ta’ kontroll" ta’ CVK. Ir-rikorrenti tippreċiża li kienet il-Kummissjoni li kellha turi n-nuqqas ta’ kontroll qabel it-tranżazzjoni RAG, fid-dawl ta' l-interess komuni qawwi li kien hemm bejn l-"azzjonisti" ta’ CVK qabel din it-tranżazzjoni, partikolarment fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ pooling.

28      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-allegati drittijiet ta’ veto li, skond id-deċiżjoni kkontestata, hija għandha flimkien ma’ Haniel ma jagħtux lok għal kontroll konġunt ta’ CVK, li hija entità ekonomika indipendenti.

29      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni llimitat ruħha li biex tippresuponi l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ veto tar-rikorrenti u ta’ Haniel fi ħdan il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK.

30      B'hekk, qabel kollox, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni injorat il-garanziji li r-rikorrenti u Haniel taw lil NMa fil-kuntest tan-notifika ta’ l-abbozz tal-kuntratt ta’ pooling li ġie approvat fid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998. Dawn il-garanziji kienu jipprovdu, minn naħa, li l-kunsill ta' amministrazzjoni ta’ CVK kellu jkun kompost esklużivament minn rappreżentanti ta’ l-impriżi membri ta’ CVK jew minn persuni indipendenti u li ma seta' jinkludi l-ebda rappreżentant tal-kumpanniji li kienu parti minn grupp li kienet tifforma parti minnu l-kumpannija prinċipali ta’ membru wieħed jew iżjed membri ta’ CVK. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ CVK, dan kellu jkun kompost minn maġġoranza ta’ membri indipendenti. Skond ir-rikorrenti, dawn ir-regoli jiggarantixxu li la r-rikorrenti u lanqas Haniel ma jkunu jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi ta’ CVK.

31      Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li, skond il-kodiċi ċivili Olandiż, il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kooperattiva, bħal CVK, għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom fl-uniku interess ta’ l-impriża u mhux f'dak ta’ l-azzjonisti tagħha. Għaldaqstant, skond dak li tallega r-rikorrenti, la hi u lanqas Haniel ma setgħu, fid-dritt jew fil-fatt, jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK. Minn dan jirriżulta li, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, li taċċetta l-garanziji offerti minnha u minn Haniel, nisslet aspettattiva leġittima min-naħa tagħha, meta kienet il-Kummissjoni li kellha turi konkretament li Haniel u r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ CVK.

32      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni konkluż bejn ir-rikorrenti u Haniel, l-għeluq ta’ tliet stabbilimenti ta' briks tar-ramel u l-ġir, membri ta’ CVK, u ċerti dokumenti għal użu intern ta’ Haniel kienu elementi li juru l-kontroll konġunt li r-rikorrenti u Haniel kellhom fuq CVK. Fir-rigward tal-kuntratt ta’ kooperazzjoni konkluż bejn Haniel u r-rikorrenti, din ta’ l-aħħar tindika li d-dispożizzjonijiet imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw biss l-użu ta’ [kunfidenzjali], fatt li ma jistax awtomatikament jitqies li jimplika deċiżjonijiet strateġiċi ta’ CVK. Fir-rigward ta' l-għeluq ta’ tliet impriżi membri ta’ CVK, ir-rikorrenti tfakkar li ma kien ġie konkluż l-ebda ftehim bejnha u bejn Haniel f’dan ir-rigward, u li, wara li ġie ffirmat il-ftehim ta’ pooling, kienet CVK li fuq il-bażi ta' l-analiżi kummerċjali tagħha stess, iddeċidiet li teffettwa dan l-għeluq. Fir-rigward tad-dokumenti għal użu intern ta’ Haniel, ir-rikorrenti ssostni li billi ġiet awtorizzata li tara dawk id-dokumenti, hija tista’ tafferma li dawn ma jurux l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ kontroll konġunt għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, iżda juru interessi soġġettivi u irrilevanti ta’ Haniel fil-każ in kwistjoni.

33      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata taħt tliet aspetti: qabel kollox, fir-rigward ta' l-allegata eżistenza ta’ bidla fil-koalizzjonijiet fi ħdan CVK qabel it-tranżazzjoni RAG, partikolarment billi ma ssemmewx ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni adottat pożizzjoni differenti minn dik adottata minn NMa; imbagħad, fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-garanziji offruti minnha nfisha u minn Haniel lil NMa mhumiex biżżejjed biex jeliminaw il-possibbiltà ta’ kontroll konġunt u, fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-ftehim ta’ kooperazzjoni bejnha u bejn Haniel, l-għeluq ta’ ċerti impriżi ta' produzzjoni ta' briks tar-ramel u l-ġir u d-dokumenti għal użu intern ta’ Haniel jindikaw kontroll konġunt ta’ CVK.

34      Il-Kummissjoni tfakkar, preliminarjament, li fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma kkunsidratx it-tranżazzjoni RAG bħala operazzjoni distinta. Il-kuntratt ta’ pooling, jiġifieri t-teħid ta’ kontroll min-naħa ta’ CVK ta’ l-impriżi membri tagħha, u t-tranżazzjoni RAG, jiġifieri t-teħid ta’ kontroll minn Haniel u mir-rikorrenti ta’ CVK, permezz ta’ l-akkwist ta’ l-ishma tal-kumpannija li qabel kienu miżmuma minn RAG fil-kapital tal-kumpanniji membri ta’ CVK, jikkostitwixxu l-istess operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

35      Fil-kunsiderazzjoni ta' dan, il-Kummissjoni tirribatti, qabel kollox, li, bħala regola ġenerali, meta żewġ azzjonisti għandhom bejniethom partijiet ugwali tad-drittijiet ta' vot ta’ impriża, din is-sitwazzjoni, deskritta fil-punt 20 tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kunċett ta’ konċentrazzjoni, iċċitata hawn fuq fil-punt 27, tagħtihom dritt ta’ veto u, għaldaqstant, il-kontroll konġunt ta’ l-impriża. F’dan il-każ, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, la r-rikorrenti, la Haniel, u lanqas RAG ma kellhom dritt ta’ veto. Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li, minkejja li mhuwiex eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, azzjonisti – minoritarji – li m’għandhomx dritt ta’ veto jistgħu jeżerċitaw kontroll konġunt de facto fuq impriża, ir-rikorrenti ma sostnietx fir-rikors tagħha li kienu jeżistu interessi komuni qawwija bejn it-tliet azzjonisti ċċitati qabel ma twettqet l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva wkoll li t-tentattiv ta’ argumentazzjoni f’dan is-sens, abbozzat mir-rikorrenti fir-replika tagħha, li jgħid li kien hemm interessi komuni ta’ dan it-tip, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntratt ta’ pooling, ma jqisx il-fatt li dan ta’ l-aħħar huwa parti integrali mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u għaldaqstant mhuwiex rilevanti għall-perijodu qabel id-9 ta’ Awwissu 1999. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li t-tliet azzjonisti kellhom interessi differenti u għandu jiġu presuppost li, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, kien hemm il-possibbiltà ta' maġġoranzi varjabbli fi ħdan CVK.

36      Imbagħad, fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li ġiet injorata d-deċiżjoni ta’ l-NMa ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 u tal-garanziji offruti lilha mir-rikorrenti u minn Haniel, il-Kummissjoni tenfasizza li l-NMa eżaminat operazzjoni oħra ta’ konċentrazzjoni fid-dawl ta' regoli ġuridiċi oħra. Minn naħa, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata lil NMa ma ġietx implementata bħala tali u operazzjoni oħra ta’ konċentrazzjoni – li tinkludi l-ewwel u t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet –, li kellha tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skond ir-Regolament Nru 4064/89, ġiet konkluża fid-9 ta’ Awwissu 1999. Min-naħa l-oħra, NMa evalwat il-kunċett ta’ kontroll fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni Olandiż, filwaqt li l-Kummissjoni għamlet dan fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89. B'hekk, skond dak li tgħid il-Kummissjoni, minkejja li l-kwistjoni tal-maġġoranzi varjabbli ma kinitx rilevanti għal NMa, bl-applikazzjoni, minflok, tar-Regolament Nru 4064/89 għal operazzjoni oħra ta’ konċentrazzjoni, hija stess tat importanza lil dawn il-maġġoranzi varjabbli, billi qieset li l-fatt li huma saru possibbli wara l-operazzjoni kien jeskludi kull kontroll konġunt preċedenti ta' CVK. Il-garanziji msemmija mir-rikorrenti ma jibdlux din il-konklużjoni, inkwantu huma intiżi biss sabiex jillimitaw il-possibbiltà għall-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fl-ambitu ta’ l-"azzjonisti finali" ta’ CVK li jipparteċipaw fil-korpi ta' direzzjoni tagħha. Il-membri ta’ dawn il-korpi huma madankollu maħtura mil-laqgħa tal-membri ta’ CVK, wara li jkunu nnominati mid-diretturi ta' dawn ta' l-aħħar, li huma nnominati, min-naħa tagħhom, mill-azzjonisti rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li ma tantx huwa probabbli li l-membri tal-korpi ta' direzzjoni ta’ CVK jaġixxu mingħajr ma jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjoni finali rigward il-ħatra jew it-tneħħija tagħhom, jiġifieri ir-rikorrenti u Haniel, fil-kwalità tagħhom ta' "azzjonisti finali".

37      Barra minn dan, il-Kummissjoni enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili Olandiż ma jibdlux il-konklużjoni li r-rikorrenti u Haniel għandhom il-kontroll konġunt ta’ CVK. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa li, jekk huwa minnu li, fid-dritt Olandiż, id-deċiżjonijiet tal-korpi ta' direzzjoni ta’ impriża għandhom jiġu adottati fl-interess ta' din ta' l-aħħar, l-interess ta' l-azzjonisti huwa dejjem fattur li għandu jkun ikkunsidrat sabiex jiġi stabbilit x'inhu fl-interess ta' l-impriża. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tosserva li r-relazzjonijiet bejn CVK u r-rikorrenti huma simili għal dawk bejn kumpannija sussidjarja u l-kumpannija prinċipali tagħha; safejn id-dritt tal-kumpanniji Olandiż jobbliga lill-kumpanniji sussidjarji li jsegwu l-istruzzjonijiet tal-kumpannija prinċipali, dan għandu jgħodd ukoll fil-każ meta żewġ impriżi, ir-rikorrenti u Haniel, jikkontrollaw flimkien impriża komuni.

38      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-kuntratt ta’ kooperazzjoni, l-għeluq ta’ tliet impriżi membri ta’ CVK u d-dokumenti interni ta’ Haniel jikkostitwixxu elementi li juru l-kontroll konġunt eżerċitat mir-rikorrenti u minn Haniel fuq CVK. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li dawn l-elementi jservu biss biex juru l-eżistenza tal-kontroll konġunt, kif jidher fil-premessi 13 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ammettiet wara kollox ir-rikorrenti fir-replika tagħha. Għaldaqstant, id-drittijiet ta’ veto tar-rikorrenti u ta’ Haniel fuq il-ħatra tal-korpi ta' amministrazzjoni ta’ CVK huma biżżejjed minnhom infushom biex juru l-kontroll konġunt tagħhom ta’ CVK. F'kull każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ewwel żewġ elementi juru effettivament il-possibbiltà li r-rikorrenti u Haniel jintervjenu fl-attivitajiet u fid-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ CVK. Fir-rigward tad-dokumenti interni ta’ Haniel, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn jikkorroboraw l-argument tagħha li Haniel u r-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jassumu flimkien il-kontroll ta’ CVK.

39      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata suffiċjentement.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

40      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, bl-isem "Tifsira ta’ konċentrazzjoni",

“1. Konċentrazzjoni għandha tiġi meqjusa li teżisti meta:

a)       żewġ impriżi jew iktar li qabel kienu indipendenti jingħaqdu,

jew

b)       persuna jew persuni li jkunu diġà qed jikkontrollaw mill-inqas impriża waħda, jew

         impriża jew impriżi,

jiksbu, kemm jekk b'xiri ta' titoli jew assi, b'kuntratt jew b'xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta' impriża waħda jew iktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi.

2. [...]

Il-ħolqien ta' intrapriża bejn tnejn jew iktar li tħaddem fuq bażi fit-tul il-funzjonijiet kollha ta' entità ekonomika awtonoma, tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 (b).

3.      Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, kontroll għandu jkun magħmul minn drittijiet, kuntratti jew kull mezzi oħra li, jew separatament jew flimkien u f'kunsiderazzjoni tal-fatti jew tal-liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà ta' tħaddim ta' influwenza deċisiva lil xi impriża, b'mod partikolari permezz ta':

a)       il-pussess jew id-dritt għall-użu ta' l-assi kollha jew ta' xi parti minnhom ta' l-impriża;

b)      drittijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċisiva lill-kompożizzjoni, votazzjoni jew deċiżjonijiet [tal-korpi] ta' impriża.

4.      Kontroll jinkiseb minn persuni jew impriżi li:

a)      ikollhom id-drittijiet jew ikunu intitolati għal drittijiet skond il-kuntratti konċernati

b)      waqt li ma jkollhomx drittijiet bħal dawn jew li ma jkunux intitolati għal drittijiet skond dawn il-kuntratti, għandhom is-setgħa jeżerċitaw id-drittijiet li joħorġu minnhom

[...]".

41      Għalhekk operazzjoni ta’ konċentrazzjoni sseħħ, b’mod partikolari, permezz tat-teħid tal-kontroll ta’ impriża waħda jew iżjed, minn impriża li taġixxi weħidha, jew minn żewġ impriżi jew iżjed li jaġixxu flimkien, peress li, indipendentement mill-forma tat-teħid tal-kontroll, din ta’ l-aħħar, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi ta’ kull każ partikolari, għandha tipprovdi l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-attività ta’ l-impriża akkwistata li tiġi minn drittijiet, minn kuntratti jew minn kull mezz ieħor.

42      Kif ippreċiżat il-Kummissjoni fil-punt 19 tal-komunikazzjoni tagħha fuq il-kunċett ta’ konċentrazzjoni, iċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, riprodott, essenzjalment, mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux ikkontestat mir-rikorrenti, hemm kontroll konġunt meta żewġ impriżi jew iżjed jew persuni jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq impriża oħra, jiġifieri għandhom il-possibbiltà li jimpedixxu deċiżjonijiet li jiddeterminaw id-direzzjoni strateġika kummerċjali ta' l-impriża. B’hekk, il-kontroll konġunt jippermetti li jkun hemm sitwazzjoni ta’ ostakolu minħabba s-setgħa ta’ żewġ impriżi jew iżjed li jirrifjutaw id-deċiżjonijiet strateġiċi proposti. Għaldaqstant dawn l-azzjonisti għandhom neċessarjament jiftiehmu fuq linja ta’ azzjoni komuni biex tiġi ddeterminata d-direzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ impriża komuni.

43      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fil-premessi 15 sa 17, tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

"15.      Billi xtraw l-ishma ta’ RAG, Haniel u Cementbouw kisbu l-kontroll konġunt ta’ CVK. L-ishma indiretti rispettivi tagħhom ta’ 50 % f’CVK jippermettu lil Haniel u Cementbouw li jeżerċitaw drittijiet ta’ veto fil-laqgħa tal-membri ta’ CVK (ledenvergadering). Dawn id-drittijiet ġew imnissla bl-irtirar ta’ RAG, li l-preżenza tagħha fil-laqgħa għamlet possibbli l-maġġoranzi varjabbli u għaldaqstant eskludiet il-possibbiltà tal-kontroll tal-laqgħa mill-azzjonisti.

16.      Il-laqgħa tal-membri tiddeċiedi l-kompożizzjoni tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK, jiġifieri, tal-kunsill ta' amministrazzjoni (Raad van Bestuur) u tal-kunsill ta' sorveljanza (Raad van Commissarissen). L-artikoli ta’ assoċjazzjoni u l-ftehim ta’ pooling jimponulha restrizzjonijiet fuq il-ħatriet fil-laqgħa, inkwantu l-ebda membru tal-kunsill ta' amministrazzjoni, u minoranza biss mill-membri tal-kunsill ta’ sorveljanza, jistgħu kontemporanjament jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan il-kumpanniji ta’ l-azzjonisti tal-membri ta’ CVK.

17.      L-għażla tal-kompożizzjoni tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kumpannija hija deċiżjoni strateġika essenzjali. Dritt ta’ veto fuq tali deċiżjoni tagħti għaldaqstant lid-detentur, fis-sens tar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-kontroll fuq il-kumpannija, f'dan il-każ CVK, billi l-membri ta' dawn il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet jieħdu in kunsiderazzjoni l-opinjonijiet ta' dawk li għandhom drittijiet ta' veto kontra d-deċiżjonijiet tagħhom".

44      Fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika wkoll dan li ġej:

"19.      Il-kisba tal-kontroll ta’ CVK minn Haniel u Cementbouw tidher ukoll mill-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż minn dawn l-impriżi fil-kuntest tal-ftehim tal-pooling. Dan jirregola diversi aspetti tal-kooperazzjoni tagħhom f’CVK (premessa 11). ċerti deċiżjonijiet strateġiċi adottati mid-direttorat tal-kumpannija ta' CVK wara l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni in kwistjoni − partikolarment l-għeluq ta’ tlieta mill-ħdax-il fabbrika li tipproduċi briks tar-ramel u l-ġir − kienu diġà ġew diskussi fid-dettall minn Haniel u Cementbouw qabel l-operazzjoni u għaldaqstant, il-partijiet ibbażaw ruħhom manifestament fuq dawn id-deċiżjonijiet għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ pooling. B'mod ġenerali, id-dokumenti mfassla bl-intenzjoni tad-direttorat tal-grupp Haniel għall-finijiet ta' deċiżjoni interna rigward din l-operazzjoni juru li, f'kull każ skond Haniel, il-ftehim ta’ pooling jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jikkontrollaw flimkien lil CVK".

45      Mis-siltiet iċċitati tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni sabet li kien hemm teħid ta' kontroll ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u mir-rikorrenti, indipendentement mill-kwistjoni, imqajma fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, jekk kienx hemm fil-każ in kwistjoni operazzjoni waħda jew iżjed ta’ konċentrazzjoni. Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni tosserva, fin-noti tagħha li hija ma ddeċidietx esklużivament, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq it-tranżazzjoni RAG, iżda fuq operazzjoni ta' konċentrazzjoni li tinkludi l-ewwel u t-tieni gruppi ta’ tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, madankollu għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex jiġi stabbilit it-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK minn Haniel u mir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet.

46      Għandu jiġi ppreċiżat li, essenzjalment, ir-rikorrenti tagħti x’tifhem inizjalment, li qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, u partikolarment qabel it-tranżazzjoni RAG, kien hemm kontroll konġunt ta’ CVK eżerċitat mit-tliet azzjonisti tagħha, jiġifieri r-rikorrenti, Haniel u RAG − kif timplika l-allegazzjoni tagħha dwar l-"interess komuni qawwi li kien hemm bejn l-azzjonisti ta’ CVK" (ara punt 27, iktar ’il fuq), tat-tip indikat fil-punti 30 sa 35 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kunċett ta’ konċentrazzjoni msemmi iktar ’il fuq − u tilmenta li l-Kummissjoni ma pprovatx "in-nuqqas ta’ interessi komuni" lill-azzjonisti ta’ CVK qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, qabel il-konstatazzjoni ta’ "teħid ta’ kontroll" ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u tar-rikorrenti. Imbagħad, ir-rikorrenti sostniet li l-garanziji offruti lil NMa, fil-kuntest tan-notifika tal-proġett ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kunsill ta' amministrazzjoni u tal-kunsill ta’ sorveljanza ta’ CVK jeskludu kull kontroll konġunt ta’ din ta’ l-aħħar, jiġifieri n-nuqqas ta’ drittijiet ta’ veto ta’ Haniel u tar-rikorrenti fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ l-impriża.

47      L-eżami li ġej jirrigwarda għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li kien hemm kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tat-tliet azzjonisti tagħha qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa, fit-tieni lok, jekk, kif huwa sostnut fid-deċiżjoni kkontestata, it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, partikolarment it-tranżazzjoni RAG, wassalx għat-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u r-rikorrenti. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti rigward l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f'dak li għandu x'jaqsam mat-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK.

–       Fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ kontroll konġunt ta’ CVK qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet

48      Għandu jiġi osservat li l-konstatazzjoni, magħmula fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-preżenza ta’ RAG fil-laqgħa tal-membri ta’ CVK ippermettiet maġġoranzi varjabbli u eskludiet it-teħid eventwali ta’ kontroll ta’ l-impriżi membri min-naħa ta’ l-azzjonisti, hija bbażata neċessarjament fuq l-interpretazzjoni tad-data relatata mat-tqassim tal-kapital tal-kumpannija u tad-drittijiet ta' vot korrispondenti li jinsabu fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

49      Din id-data, riprodotta iktar ’il quddiem, tirrappreżenta s-sehem, f’punti perċentwali, li kull waħda mill-11-il impriża membru ta’ CVK għandha fil-kapital tal-kumpannija ta’ din ta’ l-aħħar − u d-drittijiet ta' vot konnessi magħhom − skond l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK.

–      De Hazelaar          [kunfidenzjali] %

–      Loevestein          [kunfidenzjali] %

–      Boudewijn          [kunfidenzjali] %

–      Hoogdonk          [kunfidenzjali] %

–      Rijsbergen          [kunfidenzjali] %

–      Harderwijk          [kunfidenzjali] %

–      Roelfsema          [kunfidenzjali] %

–      Bergumermeer          [kunfidenzjali] %

–      Anker                   [kunfidenzjali] %

–      Vogelenzang          [kunfidenzjali] %

–      Van Herwaarden [kunfidenzjali] %

50      Għandu jiġi mfakkar li, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, Haniel kienet proprjetarja ta’ l-ewwel ħames impriżi msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet il-kumpannija prinċipali ta’ Harderwijk, ta’ Roelfsema u ta’ Bergumermeer, filwaqt li RAG kellha Anker u Vogelenzang. Fir-rigward ta' l-impriża Van Herwaarden, Haniel kellha [kunfidenzjali] % tal-kapital tal-kumpannija tagħha, ir-rikorrenti [kunfidenzjali] % u RAG [kunfidenzjali] %.

51      Għalhekk, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, Haniel kellha indirettament [bejn 40 u 45] (2)% tal-kapital tal-kumpannija ta’ CVK ([kunfidenzjali] % li jikkorrispondi għas-sehem konġunt ta’ l-ewwel ħames impriżi + [kunfidenzjali] % li jikkorrispondi għas-sehem tagħha ta’ [kunfidenzjali] % f’Van Herwaarden), filwaqt li r-rikorrenti u RAG kellhom rispettivament [bejn 40 u 45] % ([kunfidenzjali] % li jikkorrespondi għas-sehem konġunt tat-tliet kumpanniji sussidjarji tagħha + [kunfidenzjali] % li jikkorrispondi għas-sehem tagħha ta’ [kunfidenzjali] % f’Van Herwaarden) u [bejn 15 u 20] % ([kunfidenzjali] % li jikkorrispondi għas-sehem konġunt taż-żewġ kumpanniji sussidjarji tagħha + [kunfidenzjali] % li jikkorrispondi għas-sehem tagħha ta' [kunfidenzjali] % f'Van Herwaarden).

52      Fid-dawl tal-metodi ta' vot fil-kuntest tal-laqgħa tal-membri ta’ CVK, irriżulta, bħala regola ġenerali li, kieku RAG kienet żammet l-ishma tagħha f’CVK, l-ebda wieħed mit-tliet azzjonisti ta’ CVK ma kien ikollu l-possibbiltà li jimpedixxi l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ din il-laqgħa, partikolarment dik tad-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ CVK.

53      Din il-konstatazzjoni mhijiex affettwata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li kien hemm interessi komuni qawwija bejn l-azzjonisti, simili għal dawk indikati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha fuq il-kunċett ta’ konċentrazzjoni msemmi iktar ’il fuq, b'tali mod li kien jeżisti, fil-fatt, kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tat-tliet azzjonisti qabel din it-tranżazzjoni.

54      Għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 30 tal-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni esponiet li, anki fin-nuqqas ta’ drittijiet speċifiċi ta’ veto, żewġ impriżi jew iżjed li jiksbu ishma minoritarji f’impriża oħra jistgħu jiksbu l-kontroll konġunt tagħha. Minn din il-komunikazzjoni jirriżulta li każ bħal dan jippresupponi ftehim mill-qrib bejn dawn l-azzjonisti minoritarji li jiġi minn ftehim ġuridikament vinkolanti jew minn ċirkustanzi ta’ fatt. Skond il-komunikazzjoni, l-istrument ġuridiku sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju konġunt ta' drittijiet ta' vot jista’ jieħu diversi forom, bħal holding jew ftehim li bih l-azzjonisti jimpenjaw ruħhom li jaġixxu b’mod uniformi ("pooling agreement"). Rigward iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li juru azzjoni miftiehma, id-dikjarazzjoni, fil-punt 32, tindika li, b’mod għal kollox eċċezzjonali, azzjoni bħal din ta’ l-azzjonisti minoritarji tista’ tiġi pprovata meta jeżistu bejniethom interessi komuni daqstant qawwija li jimpedixxu l-oppożizzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta' vot tagħhom fil-kuntest ta’ l-impriża komuni.

55      Il-komunikazzjoni tippreċiża, minn naħa, li l-akkwist ta’ ishma minoritarji f’impriża komuni li teżisti diġà, il-pre-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-azzjonisti minoritarji jew il-kisba ta’ ishma permezz ta’ azzjoni miftiehma tista’ tindika interess komuni ta’ din in-natura. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ twaqqif ta’ impriża ġdida komuni, fil-kisba ta’ ishma minoritarji f'impriża li teżisti diġà, huwa iktar probabbli li l-impriżi fondatriċi jsegwu, deliberatament, politika komuni, partikolarment meta kull impriża fondatriċi tipprovdi lill-impriża komuni kontribut indispensabbli għat-tħaddim tagħha (teknoloġiji speċifiċi, know-how speċjalizzat, kuntratti ta' provvista, eċċ). Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni, fil-punt 35, tosserva li, fin-nuqqas ta’ interessi komuni qawwija bħal dawk deskritti iktar ’il fuq, il-varjabbiltà ta’ l-alleanzi bejn l-azzjonisti minoritarji normalment teskludi l-eżistenza ta’ kontroll konġunt. Meta fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet il-maġġoranza ma tkunx stabbli, u din tista’ tiġi rrappreżentata kull darba minn kwalunkwe mill-kumbinazzjonijiet possibbli tal-voti bejn l-azzjonisti minoritarji, ma jistax jiġi preżunt li dawn l-azzjonisti se jikkontrollaw flimkien l-impriża mmirata.

56      Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet ġenerali fuq l-eżistenza ta’ interessi komuni magħmula mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tagħha fuq il-kunċett ta’ konċentrazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, iżda ssostni li, f'dan il-każ, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, it-tliet azzjonisti kellhom diġà tali interessi, fis-sens ta' din il-komunikazzjoni.

57      Għandu jiġi osservat li, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda element ta’ prova biex issostni b’mod konkret l-affermazzjoni tagħha. Mill-iktar, hija tindika li dawn l-interessi komuni huma bbażati fuq il-kuntratt ta’ pooling, jiġifieri fuq waħda mit-tranżazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa stabbilit li l-kuntratt ta’ pooling ġie konkluż biss fid-9 ta’ Awwissu 1999, jiġifieri fl-istess jum tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan il-kuntratt ma jistax jikkostitwixxi l-bażi tal-prova ta' l-eżistenza ta’ interessi komuni bejn it-tliet azzjonisti, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, li jippermetti li jiġi stabbilit jekk kinitx teżisti, f’dak iż-żmien, il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ l-impriża CVK. Il-fatt li l-abbozz ta' kuntratt ta’ pooling ġie nnotifikat lil NMa ma jaffettwa bl-ebda mod din l-affermazzjoni, għaliex il-possibbiltà, li tirriżulta mill-imsemmi kuntratt, għar-rikorrenti u għal Haniel, li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi ta' CVK ma kinitx effettiva qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet.

58      Fil-fatt għandu jiġi osservat li, jekk l-influwenza deċiżiva, fis-sens ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 4064/89, m’għandhiex neċessarjament tiġi eżerċitata biex tkun teżisti, min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm kontroll fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament, il-possibbiltà li tiġi eżerċitata din l-influwenza għandha tkun effettiva. Is-sempliċi fatt li l-abbozz tal-kuntratt ta’ pooling kien ġie innotifikat lil NMa ma jippruvax li t-tliet azzjonisti kienu kisbu permezz ta' din in-notifika l-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq CVK, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet.

59      Għalhekk, bil-kontra dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi ilmentat li l-Kummissjoni, f'dan il-każ, ma wrietx in-nuqqas ta’ interessi komuni qawwija bejn l-azzjonisti minoritarji ta’ l-impriża komuni CVK qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, għaliex, anki quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi l-elementi ta’ prova li fuqhom huma bbażati l-allegati interessi komuni.

60      Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjonijiet tat-23 ta’ April u ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 ta’ NMa ma semmewx l-eventwalità ta’ bidla ta’ l-għaqdiet bejn l-azzjonisti u kkunsidraw lil CVK bħala entità ekonomika awtonoma mhijiex effettiva.

61      Fil-fatt, minn naħa, anki jekk jiġi suppost li d-deċiżjonijiet ta’ NMa jistgħu jiġu mressqa kontra l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li NMa ddeċidiet, f’dawn id-deċiżjonijiet, fuq il-kwistjoni jekk l-operazzjoni prevista, li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ pooling, kinitx tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tad-dritt Olandiż. Għaldaqstant, NMa ma kinitx mistiedna tiddeċiedi fuq it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, li ma kellhiex konjizzjoni tagħhom meta adottat d-deċiżjonijiet imsemmija. F'kull każ, NMa, minbarra li ma semmietx il-bidliet ta' koalizzjoni, ma tindikax, fid-deċiżjoni finali tagħha ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, li kien jeżisti kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tat-tliet azzjonisti, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, argument li r-rikorrenti tressaq fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv.

62      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti hija żbaljata fir-rigward tal-kunċett ta’ l-entità ekonomika awtonoma. Il-fatt li impriża komuni tista’ tkun impriża għall-finijiet u l-effetti kollha, u għaldaqstant, mil-lat funzjonali, awtonoma ekonomikament ma jfissirx li hija ma tgawdix awtonomija f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha. Konklużjoni fis-sens oppost twassal għal sitwazzjoni fejn qatt ma jkun hemm kontroll konġunt fuq "impriża komuni" ladarba hija tkun ekonomikament awtonoma. Il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 4064/89 – biex jista’ jiġi kkunsidrat li l-ħolqien ta’ impriża komuni, jiġifieri kkontrollata minn żewġ impriżi jew iżjed, twettaq konċentrazzjoni – li tgħid li din l-impriża komuni għandha "teżerċita fit-tul il-funzjonijiet kollha ta' entità ekonomika awtonoma" turi li dan mhuwiex il-każ.

63      Konsegwentement, fuq il-bażi ta’ data li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u ta’ l-elementi tal-proċess disponibbli fil-mument ta’ l-adozzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, ir-rikorrenti ma wrietx li kien hemm kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tat-tliet azzjonisti tagħha qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet u li l-Kummissjoni kienet, inġustament, injorat l-eżistenza tagħhom.

64      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet implikatx it-teħid ta’ kontroll ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u tar-rikorrenti, billi tagħtihom dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ CVK.

–        Fuq it-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u tar-rikorrenti fil-mument tal-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet

65      Qabel xejn, huwa stabbilit li, permezz tat-tranżazzjoni RAG, Haniel u r-rikorrenti ħadu l-kontroll konġunt ta’ tliet impriżi Anker, Vogelenzang u Van Herwaarden, kollha membri ta’ CVK. Din l-operazzjoni, ikkostitwita mill-akkwist ta’ l-ishma, rispettivament esklużivi u minoritarji, ta’ RAG f’dawn l-impriżi, tikkostitwixxi operazzjoni ta’ konċentrazzjoni minnha nfisha. Il-kuntratt ta’ bejgħ jinvolvi, minbarra dan, klawsoli restrittivi tipikament marbuta tipikament ma’ l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, bħal klawsola li ma jkunx hemm kompetizzjoni, li RAG impenjat ruħha fir-rigward tagħha għall-impriżi kollha tal-grupp tagħha, fis-suq Olandiż tal-produzzjoni ta’ materjali għal bini ta’ ħitan ta' appoġġ.

66      Għandu jiġi osservat li, fid-dawl tat-tqassim tal-kapital tal-kumpannija ta’ CVK bejn il-membri tagħha, li jinsab fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, Haniel u r-rikorrenti, bl-akkwist, minn naħa, kull waħda [kunfidenzjali] % ta’ l-ishma soċjali ta’ Anker u ta’ Vogelenzang u bi ftehim, minn naħa l-oħra għall-akkwist, mir-rikorrenti, ta’ [kunfidenzjali] % li RAG kellha fil-kapital tal-kumpannija ta’ Van Herwaarden, akkwistaw, kull waħda indirettament, 50 % mill-kapital tal-kumpannija CVK.

67      Bħala regola ġenerali, iż-żamma fl-istess livell tal-kapital tal-kumpannija u tad-drittijiet ta' vot konnessi miegħu f’CVK tippermetti lil kull wieħed mill-azzjonisti li jimpedixxi d-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ l-impriża komuni, bħal dawk relatati mal-ħatra tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ l-impriża komuni, li huma l-kunsill ta' amministrazzjoni u l-kunsill ta’ sorveljanza. Sabiex tiġi evitata tali sitwazzjoni ta’ ostakolu fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ l-impriża komuni, l-azzjonisti għandhom għaldaqstant jikkooperaw bejniethom b’mod permanenti.

68      F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-garanziji mogħtija lil NMa fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK jeskludu d-dritt ta' veto għal kull wieħed mill-azzjonisti fuq dawn id-deċiżjonijiet. Hija tqis, fit-tieni lok, li l-kodiċi ċivili Olandiż jimponi fuq il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK li jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom fl-uniku interess ta’ din ta’ l-aħħar u mhux f'dak ta' l-azzjonisti. Fit-tielet lok, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-kuntratt ta’ kooperazzjoni konkluż minnha ma’ Haniel u l-eżempji l-oħra, li jinsabu fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriflettu l-eżistenza ta’ kontroll konġunt ta’ CVK.

69      Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

70      Fir-rigward ta' l-ewwel allegazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, skond l-Artikoli 9 u 12 ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK, kif emendati, adottati fid-9 ta’ Awwissu 1999, kull membru tal-kunsill ta' amministrazjoni u tal-kunsill ta’ sorveljanza huwa magħżul fil-laqgħa ġenerali tal-membri. Dawn l-artikoli, b'mod konformi mal-garanziji mogħtija lil NMa, jipprovdu ċerti restrizzjonijiet dwar il-persuni li jistgħu jagħmlu parti mill-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet. B’hekk, fir-rigward tal-kunsill ta' amministrazzjoni, l-Artikolu 9(1) ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jipprovdi li dan il-korp għandu jkun ikkostitwit biss minn rappreżentanti tal-membri ta’ CVK jew minn persuni indipendenti u ma għandux jinkludi rappreżentanti ta' gruppi ta’ kumpanniji li hija parti minnhom il-kumpannija prinċipali ta’ wieħed jew iżjed mill-membri ta’ CVK. Fir-rigward tal-kunsill ta’ sorveljanza, l-Artikolu 12(2) ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jindika li l-maġġoranza tal-membri ta’ dan il-korp, inkluż il-president tiegħu, hija kkostitwita minn rappreżentanti ta’ membri jew persuni indipendenti, u minoranza ta’ membri tista’ tkun ikkostitwita minn rappreżentanti ta’ gruppi ta’ kumpanniji li hija parti minnu l-kumpannija prinċipali ta’ wieħed jew iżjed mill-membri ta’ CVK.

71      Billi dan it-tip ta' restrizzjoni jirrigwarda biss l-għażla tal-persuni li jipparteċipaw fil-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta' CVK, ma tistax tiġi eskluża għal kollox il-possibbiltà li l-azzjonisti tal-membri ta’ CVK jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq din ta’ l-aħħar.

72      Ċertament, għandu jiġi ammess li l-azzjonisti ta’ l-impriżi membri ta’ CVK mhumiex direttament detenturi tad-drittijiet ta' vot fil-laqgħa ġenerali ta’ CVK, li huma eżerċitati mill-membri stess. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 3(1)(b) ta’ Regolament Nru 4064/89 jippreċiża li l-kontroll jista’ jinkiseb "direttament jew indirettament" minn persuna waħda jew iżjed, filwaqt li l-Artikolu 3(4)(b), ta’ l-istess regolament jammetti li l-kontroll jista’ jinżamm minn persuni li, minkejja li mhumiex detenturi tad-drittijiet jew benefiċjarji tal-kuntratti, għandhom is-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minnhom. Minn naħa, billi l-kumpanniji kummerċjali huma konformi fi kwalunkwe każ mad-deċiżjonijiet ta’ l-azzjonisti esklużivi, maġġoritarji tagħhom, jew jeżerċitaw il-kontroll konġunt tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, billi l-kumpanniji membri ta’ CVK huma kollha kumpanniji sussidjarji miżmuma b’titolu esklużiv jew b'mod konġunt mir-rikorrenti u minn Haniel, isegwi neċessarjament li l-ħatra fil-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK tippresupponi l-ftehim taż-żewġ azzjonisti. Fin-nuqqas ta' dan, il-membri ma jistgħux jaħtru l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK u l-impriża komuni ma tkunx f'pożizzjoni li taħdem.

73      Il-fatt li rappreżentanti tal-kumpanniji prinċipali ma jistgħux ikunu parti mill-kunsill ta' amministrazzjoni ta’ CVK jew li jistgħu jirrappreżentaw biss minoranza fi ħdan il-kunsill ta’ sorveljanza ta’ din l-impriża m’għandhiex konsegwenzi fuq il-fatt li huma l-membri ta’ CVK li jiddeċiedu l-kompożizzjoni tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet u, permezz ta’ dawn il-membri, iż-żewġ azzjonisti tagħhom.

74      Minbarra dan għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kompożizzjoni taż-żewġ korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK, mhuwiex eskluż li l-persuni kollha li jiffurmaw parti minn dawn il-korpi jeżerċitaw huma nfushom xi funzjonijiet f’dawn il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ l-impriżi membri ta’ CVK, kif tippermetti l-formula alternattiva ta' l-Artikoli 9 u 12 ta' l-artikoli ta' assoċjazzjoni ta’ CVK, li tgħid li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta' CVK "għandhom ikunu komposti biss mill-membri ta’ CVK jew minn persuni indipendenti". Jekk hekk ikun il-każ, dawn ir-rappreżentanti, fil-funzjonijiet tagħhom fi ħdan l-impriżi membri ta’ CVK, għandhom jinħatru mill-azzjonisti tal-membri ta’ CVK u għandhom, neċessarjament, fil-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ CVK, jieħdu in kunsiderazzjoni l-opinjoni ta’ dawn l-azzjonisti.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma ġabet l-ebda element tali li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li mhijiex eskluża għal kollox il-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq CVK minn Haniel u mir-rikorrenti, wara l-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tressaq kontra l-Kummissjoni allegata aspettattiva leġittima bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kontroll li ġiet adottata minn NMa b'applikazzjoni tal-liġi Olandiża tal-kompetizzjoni.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li jintalab il-ħarsien ta’ l-aspettattiva leġittima jippresupponi s-sodisfazzjoni ta’ tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, bla kundizzjoni u li jaqblu, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-partijiet ikkonċernati mill-amministrazzjoni Komunitarja. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2005, T‑347/03, Branco vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑2555, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, biżżejjed jiġi osservat li r-rikorrenti ma rċeviet l-ebda assigurazzjoni preċiża min-naħa ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja li l-Kummissjoni, jekk jiġi ammess li hija kienet legalment ġġustifikata li tintrabat b’dan il-mod, kienet ser tevalwa l-kunċett ta’ kontroll, skond ir-Regolament Nru 4064/89, bl-istess mod bħal NMa fid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, bis-saħħa tal-liġi Olandiża fuq il-kompetizzjoni. Barra minn dan, ir-rikorrenti lanqas ma rċeviet assigurazzjonijiet preċiżi min-naħa ta’ NMa, partikolarment fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 1999 iċċitata fil-punt 7 iktar ’il fuq, li il-Kummissjoni aċċettat u skond il-kundizzjonijiet ta’ liema l-Kummissjoni tadotta pożizzjoni identika għal dik li tinsab fl-ittra msemmija, wara li ġie konkluż it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet. F'kull każ, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti rċeviet assigurazzjonijiet ta' dan it-tip, dawn ma setgħux inisslu aspettattivi ġġustifikati għaliha, għaliex skond l-argument imsemmi qabel, assigurazzjonijiet ta’ dan it-tip ma ġewx ibbażati fuq evalwazzjoni li hija konformi ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89.

79      Lanqas ma huwa iktar konvinċenti t-tieni argument ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kodiċi ċivili Olandiż. Fil-fatt, kif issostni r-rikorrenti, għalkemm il-kodiċi ċivili jipprovdi li d-deċiżjonijiet ta’ kumpannija kooperattiva għandhom jiġu adottati fl-interess ta’ din il-kumpannija, jibqa' l-fatt li huma l-persuni li għandhom, direttament jew indirettament, id-drittijiet ta' vot f’dik il-kumpannija li għandhom is-setgħa li jadottaw dawk id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili Olandiż ma jqiegħdux fid-dubju l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva ta’ Haniel u tar-rikorrenti fuq CVK wara l-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ operazzjonijiet.

80      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet allegazzjoni, kif ammettiet ir-rikorrenti fir-replika tagħha, il-kuntratt ta’ kooperazzjoni li hija kkonkludiet ma’ Haniel, l-għeluq ta’ tliet impriżi membri ta’ CVK u ċerti dokumenti interni ta’ Haniel, li għalihom tirriferi l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkostitwux il-parti essenzjali tal-motivazzjoni legali tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-kontroll konġunt ta’ CVK – li tiffoka fuq l-eżistenza tad-drittijiet ta’ veto favur Haniel u r-rikorrenti –, iżda jgħinu biex jispjegawha. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jissupponi li, kif issostni r-rikorrenti, dawn l-eżempji ma jurux l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq CVK – minn fejn tiġi l-possibbiltà ta’ l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ veto, ikkonstatata qabel fil-premessi 13 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata u analizzata hawn fuq – u li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta' dawn l-elementi ppreżentati bħala eżempju, dan ma jwassalx madankollu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-prinċipju tal-possibbiltà ta’ influwenza deċiżiva fuq CVK jibqa' validu.

81      Sussidjarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-għeluq tat-tliet impriżi membri ta’ CVK (Boudewijn, Bergumermeer u Vogelenzang), li r-rikorrenti ma tikkontestax serjament li jikkostitwixxi deċiżjoni strateġika, juri suffiċjentement it-teħid ta’ kontroll ta’ CVK minn Haniel u mir-rikorrenti.

82      Fil-fatt, fir-rigward b'mod partikolari ta' l-impriża Vogelenzang –li qabel it-tranżazzjoni RAG, kienet kumpannija sussidjarja ta’ din ta’ l-aħħar – wara l-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, la Haniel u lanqas ir-rikorrenti ma setgħu jiddeċiedu waħedhom dwar l-għeluq ta’ din l-impriża, li l-ishma tal-kumpannija tagħha huma miżmumin f'partijiet ugwali miż-żewġ azzjonisti tagħha. Barra minn dan, fl-ebda fażi tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħet ir-rikorrenti ssostni l-allegazzjoni li tgħid li kienet CVK, fuq il-bażi tal-politika kummerċjali tagħha, li ddeċidiet l-għeluq ta’ din l-impriża. Minn dan jirriżulta li Haniel u r-rikorrenti biss setgħu jiddeċiedu dwar l-għeluq ta’ l-impriża Vogelenzang.

83      Għal dawn il-motivi kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li, bil-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, Haniel u r-rikorrenti ħadu l-kontroll konġunt ta’ CVK, fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89.

–       Fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni ma kinitx suffiċjenti

84      Ir-rikorrenti tqajjem tliet ilmenti rigward l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata f'dak li għandu x'jaqsam mal-konstatazzjoni tat-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK minn Haniel u mir-rikorrenti nfisha (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

85      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura ta’ l-att ikkonċernat u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, b’tali mod li, minn naħa, tipprovdi lill-persuni kkonċernati b'indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk dik l-att huwiex fondat jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b'difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha, u min-naħa l-oħra, biex il-qorti tal-Komunità tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-legalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, T‑251/00, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑4825, punt 155, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, minkejja l-motivazzjoni impliċita tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta’ kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tat-tliet azzjonisti tagħha, qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet u, b’mod partikolari, tat-tranżazzjoni RAG, id-deċiżjoni kkontestata setgħet tiftiehem fil-kuntest li fih ġiet adottata, partikolarment fuq il-bażi tad-data li tinsab fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK u tal-kuntratti konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999. Kif turi l-analiżi magħmula hawn fuq, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt lanqas ma tostakola l-istħarriġ ta' legalità magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

87      Ir-rikorrenti lanqas ma tista' tilmenta li l-Kummissjoni ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-garanziji offruti lil NMa ma kinux biżżejjed. Fil-fatt, mill-premessi 25 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet għaliex ma setgħetx testendi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' kontroll, adottat minn NMa, partikolarment fid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Ottubru 1998, fuq il-bażi tal-liġi Olandiża dwar il-kompetizzjoni, għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 4064/89, li għaliha hija kompetenti l-Kummissjoni, taħt il-kundizzjoni ta' l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja, bl-esklużjoni tal-qrati nazzjonali. Dawn l-ispjegazzjonijiet kienu, minnhom infushom, suffiċjenti. Barra minn dan, lanqas ma ġie ostakolat l-istħarriġ ta' legalità fuq din il-kwistjoni, kif juru l-argumenti preċedenti.

88      L-istess konklużjoni timponi ruħha fir-rigward ta’ l-eżempji li juru l-eżistenza ta’ kontroll konġunt imsemmija fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata. Minkejja li l-motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija, fuq dan il-punt, konċiża, ir-rikorrenti setgħet tifhem tajjeb ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex temmen li dawn l-elementi setgħu jirriflettu l-eżistenza ta’ kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa tar-rikorrenti stess u ta’ Haniel, mingħajr ma jiġi ostakolat l-istħarriġ ġudizzjarju.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti bbażati fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

90      Għaldaqstant l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddeskrivi bħala konċentrazzjoni unika żewġ tranżazzjonijiet u fuq l-ineżistenza, f’dan il-każ, ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

 L-argumenti tal-partijiet

91      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-teħid ta’ kontroll minn CVK ta' impriżi membri tagħha, permezz tal-konklużjoni ta' kuntratt ta' pooling, minn naħa, u t-tranżazzjoni RAG, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu l-istess operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni, minħabba l-interdipendenza tagħhom mil-lat temporali u ekonomiku. Skond in-noti tar-rikorrenti, ir-Regolament Nru 4064/89 ma kien jagħti lill-Kummissjoni l-ebda kompetenza ġenerali biex tiddeċiedi li żewġ tranżazzjonijiet distinti għandhom jiġu kkunsidrati bħala konċentrazzjoni waħda.

92      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li huwa biss it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2), tar-Regolament Nru 4064/89 – li jawtorizza, f’ċerti kundizzjonijiet, lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed bħal konċentrazzjoni waħda għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati li jakkwistaw ishma ta’ impriża waħda jew iżjed – li jirriferi għal sitwazzjoni bħal din. Madankollu, ir-rikorrenti tenfasizza li din id-dispożizzjoni mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Minn naħa, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89 huwa intiż biex jiġi evitat li xi impriżi jevitaw l-applikazzjoni ta' l-imsemmi Regolament billi jaqsam artifiċjalment operazzjoni f’diversi tranżazzjonijiet b’tali mod li din l-operazzjoni taqa’ taħt il-limiti ta' dħul mill-bejgħ previsti minn dan ir-Regolament. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda element ta’ prova li jindika li r-rikorrenti jew Haniel ippruvaw jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tosserva li, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2), tar-Regolament Nru 4064/89 mhuwiex direttament applikabbli f’dan il-każ. F'kull każ, ir-rikorrenti ssostni li l-limiti attwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni nfisha fil-Green Paper fuq l-eżami tar-Regolament Nru 4064/89 [COM (2001) 745 def.] u fil-proposta tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ĠU 2003, C 20, p. 4), ippreżentata mill-Kummissjoni u intiża biex temenda l-imsemmi Regolament.

93      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li, anki jekk wieħed jassumi li r-Regolament Nru 4064/89 jattribwixxi lill-Kummissjoni l-kompetenza biex tiddeskrivi tranżazzjonijiet multipli bħala konċentrazzjoni waħda, il-Kummissjoni ma sostnietx suffiċjentement l-evalwazzjoni tagħha li, f’dan il-każ, hemm interdipendenza bejn iż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet in kwistjoni b'tali mod li għandhom jiġu kkunsidrati bħala konċentrazzjoni waħda.

94      Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-ewwel u t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet ġew konklużi fl-istess jum − fid-9 ta’ Awwissu 1999 − quddiem l-istess nutar m’għandux importanza partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-interdipendenza tagħhom. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li hija kienet diġà indikat lill-Kummissjoni li kemm il-pooling tal-profitti u tat-telf fi ħdan CVK, li jinvolvi diversi operazzjonijiet tekniċi kummerċjali ta’ portata kbira, kif ukoll diversi studji ekoloġiċi, kienu dewmu l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pooling sad-9 ta’ Awwissu 1999.

95      Barra minn dan, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pooling kienet ġiet suġġetta għat-twettiq tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, b’mod partikolari t-tranżazzjoni RAG. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tfakkar, qabel kollox, li l-kuntratt ta’ pooling kien ġie nnotifikat lil NMa fis-26 ta’ Frar 1998, ċirkustanza li timplika li l-intenzjoni li jiġi konkluż dan il-kuntratt kienet preċiża biżżejjed, mingħajr, f'dak iż-żmien, ma kienet taf bil-bejgħ ta’ l-ishma tal-kumpannija ta’ RAG fl-impriżi membri ta’ CVK u, konsegwentement, hija rilevanti fir-rigward ta' l-interdipendenza taż-żewġ tranżazzjonijiet. Imbagħad, ir-rikorrenti tenfasizza li ma jeżisti l-ebda ftehim kuntrattwali vinkolanti jew ta’ tip ieħor li jorbot iż-żewġ tranżazzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li lanqas ma għandha tiġi kkunsidrata bħala rilevanti l-opinjoni ta’ Haniel li tgħid li teżisti interdipendenza bejn it-tranżazzjonijiet, safejn il-Kummissjoni, biex tevalwa din l-interdipendenza, għandha tibbaża ruħha fuq fatti u mhux fuq evalwazzjonijiet soġġettivi ta’ waħda mill-partijiet u safejn, fid-dawl tal-kuntest li fih tidħol din il-kawża, Haniel seta’ jkollha interess li jkun hemm ix-xoljiment ta’ CVK, kif mitlub fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tar-rikorrenti, hemm għalhekk żewġ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni distinti.

96      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-argument dwar il-kompetenza ġenerali tal-Kummissjoni biex tittratta diversi tranżazzjonijiet bħala konċentrazzjoni waħda, il-Kummissjoni tirribatti li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kunċett ta’ konċentrazzjoni, ma jeskludix li konċentrazzjoni tista’ tkopri iktar minn operazzjoni waħda. Fil-fatt, konċentrazzjoni tista’ tikkonsisti, f’sitwazzjoni ekonomika, f’operazzjoni waħda jew iżjed. Skond il-Kummissjoni, il-prattika tagħha kif tieħu d-deċiżjonijiet turi diversi eżempji f’dan is-sens.

97      Barra minn dan, skond il-Kummissjoni, mhijiex rilevanti r-referenza li ssir mir-rikorrenti għat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2), tar-Regolament Nru 4064/89. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ biex jiġi ddeterminat jekk operazzjoni ta’ konċentrazzjoni hijiex ta’ dimensjoni Komunitarja jew le u hija intiża biex timpedixxi lill-impriżi milli jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 billi jaqsmu l-operazzjonijiet tagħhom f’diversi operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni distinti, magħmulin matul perijodu ta’ sentejn u li individwalment ma jilħqux il-limitu tad-dħul mill-bejgħ. Rigward il-kunċett ta’ konċentrazzjoni, dan jaqa’ taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll ir-referenza li r-rikorrenti tagħmel għall-Green Paper ċċitata iktar ’il fuq u għall-proposta tal-Kummissjoni intiża biex tibdel ir-Regolament Nru 4064/89. Skond il-Kummissjoni, għalkemm il-Green Paper kienet ipproponiet li testendi l-kompetenza tal-Kummissjoni għal xi tipi partikolari ta’ tranżazzjonijiet, hija kkonfermat id-definizzjoni ġenerali u wiesa' tal-kunċett ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni kienet biss intiża biex tiċċara l-prattika deċiżjonali eżistenti.

99      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ l-ilment magħmul fil-konfront tagħha li hija ma wrietx biżżejjed l-interdipendenza bejn iż-żewġ tranżazzjonijiet prinċipali in kwistjoni.

100    Skond il-Kummissjoni, tliet elementi, ikkunsidrati globalment, jippermettu li jiġi konkluż li hemm din l-interdipendenza, kif intwera mill-premessi 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

101    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, u minkejja li hija mmoderat il-pożizzjoni tagħha fis-seduta, ir-rikorrenti tikkontesta, fl-ewwel lok, il-kompetenza ġenerali tal-Kummissjoni biex tiddeskrivi bħala konċentrazzjoni waħda diversi tranżazzjonijiet, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija żbaljata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta' Awwissu 1999 kienu interdipendenti u kienu jikkostitwixxu kumpless wieħed mil-lat ekonomiku.

–       Fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiddeskrivi diversi tranżazzjonijiet bħala konċentrazzjoni waħda, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

102    Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 4064/89, ikun hemm operazzjoni ta’ konċentrazzjoni meta żewġ impriżi jew iktar li qabel kienu indipendenti jingħaqdu [Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 4064/89], jew persuna jew persuni li jkunu diġà qed jikkontrollaw almenu impriża waħda jew iżjed jiksbu, kemm jekk b'xiri ta' titoli jew assi, b'kuntratt jew b'xi mezz ieħor, kontroll dirett jew indirett ta' impriża waħda jew iktar jew xi partijiet minn dawn l-impriżi [Artikolu 3(1)(b), tar-Regolament Nru 4064/89].

103    Filwaqt li l-Artikolu 3(1)(a), tar-Regolament Nru 4064/89 jikkwalifika bħala operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fenomenu relattivament sempliċi u identifikabbli − dak ta’ l-għaqda ta’ żewġ impriżi jew iżjed li qabel kienu indipendenti −, din id-dispożizzjoni, fil-parti (b), hija intiża sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet l-oħra kollha fejn impriża waħda jew iżjed jiksbu l-kontroll ta’ impriża waħda jew iżjed jew ta' partijiet minnha/minnhom.

104    Din id-definizzjoni ġenerali u teleoloġika ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni − peress li r-riżultat huwa l-kontroll ta’ impriża waħda jew iżjed − timplika li huwa irrilevanti jekk it-teħid, dirett jew indirett, ta’ dan il-kontroll kienx sar fi stadju wieħed, tnejn jew iktar permezz ta’ operazzjoni waħda, tnejn jew iżjed sakemm ir-riżultat milħuq jikkostitwixxi operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni.

105    Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li l-partijiet, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’konċentrazzjoni, jipproponu li jikkonkludu żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed jew li jkunu diġà kkonkludewhom qabel n-notifika tagħhom. Hija l-Kummissjoni, f'kull każ, li għandha tevalwa jekk dawk it-tranżazzjonijiet humiex ta’ natura unitarja b’tali mod li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89.

106    Evalwazzjoni ta’ dan it-tip hija intiża biex tidentifika, skond iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għal każ in kwistjoni u għall-finijiet li tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ekonomika wara l-operazzjonijiet, il-finalità ekonomika segwita mill-partijiet, billi jiġi eżaminat, fil-preżenza ta’ diversi tranżazzjonijiet ġuridikament distinti, jekk l-impriżi kkonċernati kinux disposti li jikkonkludu kull tranżazzjoni meħuda b’mod iżolat jew jekk, minflok, kull tranżazzjoni tikkostitwixxix biss element ta’ operazzjoni iktar kumplessa, li mingħajrha hija ma kinitx tiġi konkluża mill-partijiet.

107    Fi kliem ieħor, sabiex tiġi stabbilita n-natura unitarja tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni, f'kull każ in kwistjoni għandu jiġi evalwat jekk dawn l-operazzjonijiet humiex interdipendenti b’mod li waħda ma tistax titwettaq mingħajr l-oħra.

108    Din l-evalwazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-impriżi li jinnotifikaw operazzjoni ta’ konċentrazzjoni l-benefiċċju taċ-ċertezza legali għat-tranżazzjonijiet kollha li jagħmlu l-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, jippermettu lill-Kummissjoni li teżerċita kontroll effikaċi fuq l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jistgħu jostakolaw b’mod sinjifikanti kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu. Dawn iż-żewġ skopijiet jikkostitwixxu wkoll l-oġġettiv prinċipali tar-Regolament Nru 4064/89 (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1997, T‑290/94, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑2137, punt 109; id-digriet tal-president tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Diċembru 1994, T‑322/94 R, Union Carbide vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑1159, punt 36; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, T‑3/93, Air France vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑121, punt 48).

109    Minn dan isegwi li operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 4064/89, tista’ titwettaq ukoll fil-preżenza ta’ pluralità ta’ tranżazzjonijiet ġuridiċi formalment distinti meta dawk it-tranżazzjonijiet ikunu interdipendenti b'tali mod li ma jitwettqux mingħajr l-oħrajn u li r-riżultat tagħhom jikkonsisti fl-għoti lil impriża waħda jew iżjed tal-kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iżjed differenti.

110    Din l-evalwazzjoni mhijiex affettwata mid-diversi argumenti mqajma mir-rikorrenti.

111    Fl-ewwel lok, rigward l-allegazzjoni bbażata fuq it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li, peress li huwa l-uniku wieħed li jirreferi espliċitament għat-tranżazzjonijiet multipli u peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li din id-dipożizzjoni mhijiex direttament applikabbli f’dan il-każ, iċaħħad lill-Kummissjoni mill-kompetenza li tiddeskrivi bħala konċentrazzjoni waħda, fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed, din għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

112    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4064/89, bit-titolu "Kalkolu tal-valur tal-bejgħ" jipprovdi:

"1.      Il-valur totali tal-bejgħ fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) għandu jkun jikkonsisti fl-ammonti miksuba mill-impriżi konċernati fis-sena finanzjarja ta' qabel mill-bejgħ ta' prodotti u l-għoti ta' servizzi li jagħmlu parti mill-attivitajiet ordinarji ta' l-impriżi wara t-tnaqqis ta' skonti fuq bejgħ u ta' taxxa fuq valur miżjud u taxxi oħra direttament relatati mal-bejgħ. Il-valur tal-bejgħ totali ta' impriża kkonċernata m'għandux jinkludi l-bejgħ ta' prodotti jew l-għoti ta' servizzi bejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 4.

[...]

2.      B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-konċentrazzjoni tkun tikkonsisti fit-teħid ta' partijiet, kemm jekk ikunu kkostitwiti bħala entitajiet legali u kemm le, ta' impriża waħda jew iktar, il-valur tal-bejgħ biss li għandu x'jaqsam mal-partijiet li jkunu s-suġġett tat-tranżazzjoni għandu jitqies fir-rigward tal-bejjiegħ jew bejjiegħa.

Madankollu, żewġ tranżazzjonijiet jew iktar fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu li jseħħu fl-ewwel perijodu ta' sentejn bejn l-istess persuni jew impriżi għandhom jitqiesu bħala l-istess konċentrazzjoni waħda li tkun inħolqot fid-data ta' l-aħħar tranżazzjoni.

[...]".

113    Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija tirregola kwistjoni differenti minn dik imsemmija mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89.

114    Filwaqt li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ "operazzjoni ta’ konċentrazzjoni" u jiddefinixxi biss, b’mod ġenerali u materjali, xi tfisser "konċentrazzjoni", din id-dispożizzjoni ma tirregolax il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni fuq l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1999, T‑22/97, Kesko vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑3775, punt 138). Fost l-operazzjonijiet li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, l-operazzjonijiet hekk imsejħa ta' "dimensjoni Komunitarja" biss, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, ħlief jekk ma jiġix ipprovdut mod ieħor fir-Regolament imsemmi. Għaldaqstant, il-fatt li operazzjoni tissodisfa d-definizzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 ma jwassalx neċessarjament għall-konklużjoni li hija tidħol fil-kamp tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni; huwa meħtieġ, ukoll, li din l-operazzjoni tkun ta’ "dimensjoni Komunitarja".

115    Jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89 li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li, fil-kuntest tal-missjoni li ġiet mogħtija lilha fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni tintervjeni biss jekk l-operazzjoni proposta, jew diġà mwettqa, tilħaq ċertu daqs ekonomiku jew estensjoni ġeografika, jiġifieri "dimensjoni Komunitarja". Barra minn dan, mill-istruttura ġenerali ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jippreċiża l-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bid-definizzjoni, b’mod partikolari, tad-dħul mill-bejgħ tal-parteċipanti f’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni li għandu jiġi kkunsidrat għall-istabbiliment tad-"dimensjoni Komunitarja", skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4064/89.

116    B’hekk, mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li, fil-kuntest ta' l-akkwist ta' partijiet minn impriża, għall-evalwazzjoni tad-dimensjoni ta' l-operazzjoni in kwistjoni għandu jitqies biss id-dħul mill-bejgħ li jirriferi għal dawk il-partijiet ta' l-impriża effettivament miksuba (is-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 108, punt 103).

117    Din l-evalwazzjoni tinkludi wkoll l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89, b'tali mod li, meta l-akkwist ta' partijiet ta' impriża waħda jew iżjed iseħħ f'diversi tranżazzjonijiet matul perijodu ta' sentejn, bejn l-istess persuni jew impriżi, id-dħul mill-bejgħ għandu jirriferi għal dawn il-partijiet miksuba, ikkunsidrati flimkien.

118    Ir-raġuni għaliex iddaħħal it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89 − li l-analiżi tiegħu hija komuni għall-partijiet f’din il-kawża − hija biex jiġi evitat li l-istess impriżi jew l-istess persuni jaqsmu artifiċjalment operazzjoni f'diversi bejgħ parzjali ta’ l-assi, f’intervalli ta’ żmien, bl-iskop li jevitaw il-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 4064/89 li jiddeterminaw il-kompetenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

119    Konsegwentement, il-fatt li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jippermetti lill-Kummissjoni li tikkunsidra żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed bħala tali li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi kkonċernati sabiex jimpedixxi li tiġi evitata l-kompetenza li r-Regolament jagħtiha ma jfissirx li dik id-dispożizzjoni, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, iċċaħħad lill-Kummissjoni mid-dritt li tiddetermina, fil-bidu, b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Regolament, jekk diversi tranżazzjonijiet li ġew innotifikati lilha jwasslux għal konċentrazzjoni waħda jew jekk, bil-kontra, dawn it-tranżazzjonijiet għandhomx jiġu kkunsidrati bħala pluralità ta’ konċentrazzjonijiet.

120    Jekk jirriżulta mill-eżami magħmul mill-Kummissjoni li żewġ tranżazzjonijiet innotifikati lilha mhumiex interdipendenti, dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu evalwati individwalment. Jekk waħda u/jew l-oħra ma jkollhiex dimensjoni Komunitarja, il-Kummissjoni ma teżerċitax il-kompetenza tagħha biex tevalwa waħda jew l-oħra. Jekk minn dan l-eżami jirriżulta li t-tranżazzjonijiet jippreżentaw natura unitarja li tippermetti li jiġu kkunsidrati bħala konċentrazzjoni unika, b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-operazzjoni hekk identifikata hijiex ta’ dimensjoni Komunitarja, biex tiġi stabbilita l-kompetenza tagħha u għall-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ l-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

121    F'kull każ, l-applikazzjoni f’każ partikolari ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 la għandha l-iskop u lanqas l-effett li tippermetti li ssir konklużjoni fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li teżamina l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni identifikati, iżda li jiġi vverifikat jekk it-tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ notifika humiex operazzjoni waħda jew iżjed ta’ konċentrazzjoni.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 4064/89 m’għandux konsegwenzi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 li jippermetti lill-Kummissjoni li teżamina jekk it-tranżazzjonijiet in kwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minħabba n-natura unitarja tagħhom.

123    Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 4064/89, ammettiet l-inkompetenza tagħha li tiddeskrivi bħala operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 żewġ tranżazzjonijiet jew iżjed, biżżejjed jingħad li, anki jekk dan ikun il-każ, pożizzjoni bħal din tal-Kummissjoni ma tippreġudikax l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 adottata iktar ’il fuq mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

124    Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tiddeskrivi diversi tranżazzjonijiet bħala konċentrazzjoni waħda, b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-interdipendenza tat-tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999

125    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li, f'dan il-każ, l-ewwel u t-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta' Awwissu 1999, imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 8, kienu interdipendenti b'tali mod li kienu jikkostitwixxu kumpless wieħed mil-lat ekonomiku.

126    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

"20.      [...] Dawn id-diversi operazzjonijiet seħħew fi żmien qasir ta' żmien u huma ekonomikament marbuta fil-qrib bejniethom. L-atti legali li wasslu lil Haniel u Cementbouw għat-teħid tal-kontroll fuq CVK u dawk li wasslu lil CVK għat-teħid tal-kontroll ta’ ħdax-il kumpannija li jagħmlu l-briks tar-ramel u l-ġir ġew stabbiliti fl-istess jum (id-9 ta’ Awwissu 1999) u ġew irreġistrati min-nutar f’dokument wieħed. Barra minn dan, kienet l-intenzjoni tal-partijiet li jorbtu ż-żewġ akkwisti ta’ kontroll, b'tali mod li wieħed ma jkunx jista' jseħħ mingħajr l-ieħor. Il-konklużjoni tal-kuntratti, li ntbagħtu lil NMa, ġiet posposta sakemm jingħalqu n-negozjati fuq it-trasferiment ta’ l-ishma ta’ RAG. Din id-deċiżjoni ttieħdet sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni x-xewqa li esprimiet sadattant RAG li tirtira minn CVK, peress li din ta' l-aħħar ma baqgħetx lesta li tipparteċipa fl-istruttura ġdida proposta għall-impriża CVK. Għaldaqstant, anki ekonomikament, iż-żewġ akkwisti ta’ kontroll għandhom jiġu kkunsidrati bħala operazzjoni waħda. Anki jekk wieħed jippresupponi li dawn huma żewġ operazzjonijiet distinti, separati fiż-żmien b’"mument loġiku", huma tant jiddependu minn xulxin li għandhom jitqiesu bħala operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni.

21.      Haniel stqarret li hija ta' l-istess opinjoni fil-kummenti tagħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta. Min-naħa l-oħra, Cementbouw ipproponiet li, jekk l-irtirar ta’ RAG jiġi kkunsidrat bħala teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK minn Haniel u Cementbouw − fatt ikkontestat minn Cementbouw − il-kompetenza tal-Kummissjoni testendi biss, f'kull każ, għal dan it-teħid. Hija tqis li t-teħid ta’ kontroll minn CVK ta' l-impriżi membri tagħha jikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, konċentrazzjoni ġuridakament distinta. Fil-fehma tagħha, ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li l-kuntratt ta’ pooling u [t-tranżazzjoni RAG] ġew konklużi fl-istess jum li huma jikkostitwixxu proċedura ġuridika jew ekonomika waħda; huma biss id-diffikultajiet prattiċi li ma kinux deskritti iktar fid-dettall li kienu jipprekludu l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ pooling immedjatament wara l-awtorizzazzjoni ta’ NMa fl-20 ta’ Ottubru 1999. It-teħid ta’ kontroll ta’ l-istabbilimenti tal-membri, madankollu, ġie illegalizzat bid-deċiżjoni adottata minn NMa fl-20 ta’ Ottubru 1998, b'tali mod li l-eżami tal-Kummissjoni f'din il-kawża fl-ebda każ ma jista' jkopri din l-operazzjoni.

22.      Il-Kummissjoni ma tistax taqbel ma' l-argument ta’ Cementbouw. Il-kuntratti kollha konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999 jikkostitwixxu operazzjoni waħda ekonomika, għaliex kellhom l-effett li jibdlu organizzazzjoni kummerċjali komuni magħmula minn 11-il impriża li jagħmlu briks tar-ramel u l-ġir, li sa dakinhar kienu ġuridikament awtonomi, u li kienu proprjetà ta' tliet kumpanniji fondatriċi differenti f'impriża għall-finijiet u l-effetti kollha kkontrollata min Haniel u Cementbouw flimkien. Haniel ikkonfermat diversi drabi li għall-partijiet involuti fl-operazzjoni tad-9 ta' Awwissu 1999, Haniel, Cementbouw u RAG, dawn il-kuntratti kollha kienu interdipendenti u kienu jikkostitwixxu, ekonomikament, kumpless wieħed. Meta ġiet mistoqsija fuq dan is-suġġett, Cementbouw lanqas ma tat spjegazzjoni konvinċenti fuq ir-raġuni li għaliha l-implementazzjoni tad-deċiżjoni awtorizzata minn NMa ġiet posposta għal iktar minn disa' xhur u ġiet implementata biss meta RAG irtirat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tassumi li RAG ma kinitx lesta li tieħu sehem fl-implementazzjoni tal-kuntratt tal-pooling bħala azzjonista indiretta f’CVK.

23.      Ċertament, mil-lat formali, RAG ikkonkludiet il-kuntratt ta’ pooling qabel ma twettaq il-bejgħ ta’ l-ishma tagħha lil Haniel u Cementbouw. Mill-fatt li l-istess nutar irreġistra uffiċjalment il-kuntratt ta’ pooling u t-tibdil fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni minnufih qabel il-konstatazzjoni bil-miktub tal-bejgħ ta’ l-ishma ta’ RAG fl-istess laqgħa, u fassal dokument wieħed għal dak l-iskop, jirriżulta li wieħed jista' iqis, mill-iktar ma' l-ewwel daqqa t'għajn u minn perspettiva formalistika, li RAG kienet involuta fl-implementazzjoni ta’ l-istruttura CVK awtorizzata minn NMa. Dan il-mod purament formali sabiex titqies is-sitwazzjoni ma jistax ikun deċiżiv sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni jekk operazzjoni ekonomika waħda jew iżjed jikkostitwux konċentrazzjoni li għandha tkun ivverifikata skond ir-regolament fuq il-konċentrazzjonijiet. Bl-istess mod, [it-tieni paragrafu ta'] l-Artikolu 5(2) tar-regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li mhuwiex direttament applikabbli f'dan il-każ, juri li għandu jintuża approċċ ekonomiku. Għaldaqstant wieħed għandu jassumi li l-kuntratti kollha konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999 jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda, li permezz tagħha CVK ħadet il-kontroll ta’ l-impriżi membri tagħha, u fl-istess ħin Haniel u Cementbouw ħadu l-kontroll ta’ CVK".

127    Mill-motivi ċċitati tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeċidiet li kien hemm l-interdipendenza tat-tranżazzjonijiet fuq il-bażi tat-tliet fatturi li ġejjin: l-interdipendenza ekonomika, il-konklużjoni kontemporanja tat-tranżazzjonijiet quddiem l-istess uffiċjal ta’ l-istat ċivili u l-konferma min-naħa ta’ Haniel ta’ l-interdipendenza tat-tranżazzjonijiet.

128    Huwa stabbilit li r-rikorrenti ma tikkontestax li t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet (tranżazzjoni RAG u kuntratt ta’ kooperazzjoni bejn Haniel u r-rikorrenti) huwa suġġett għat-twettiq ta' l-ewwel grupp. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet ma kienx jiġi konkluż fin-nuqqas ta' l-ewwel wieħed.

129    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat, żbaljatament, li l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet kien dipendenti fuq it-tieni. Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-mument tan-notifika lil NMa, fi Frar 1998, bl-abbozz ta' kuntratt ta’ pooling bejn CVK u l-impriżi membri tagħha, RAG kellha ishma fi tlieta mill-impriżi membri. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dan l-element biex issostni li, f’dak il-mument, hija ma kinitx taf li RAG kellha l-intenzjoni li tneħħi l-ishma tagħha f’dawn l-impriżi, fatt li juri li l-ewwel grupp ta' tranżazzjonijiet, li fih huwa inkluż il-kuntratt ta' pooling, huwa operazzjoni ta’ konċentrazzjoni awtonoma. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ l-operazzjonijiet kollha, fid-9 ta’ Awwissu 1999, il-kuntratt li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni RAG ppreċiża li l-partijiet kienu ffirmawh wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ pooling bejn CVK u l-impriżi membri, bl-iskop ta’ konformità, almenu formalment, mal-pożizzjoni ta’ NMa, esposta fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 1999 li tgħid li, biex it-tranżazzjoni RAG ma tiġix kkunsidrata konċentrazzjoni, fis-sens tal-liġi Olandiża fuq il-kompetizzjoni, il-kuntratt ta’ pooling bejn CVK u l-impriżi membri tagħha kellu jiġi konkluż fid-data tat-tranżazzjoni RAG.

130    Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

131    Fl-ewwel lok, jekk huwa minnu li jeħtieġ jiġi ammess li l-ebda element tal-proċess ma jista’ jikkontradixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija ma kinitx taf, fil-mument tan-notifika ta’ NMa bil-proġett ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, fi Frar ta’ l-1998, li RAG kellha l-intenzjoni li tbiegħ l-ishma tagħha fi tlieta mill-impriżi membri ta' CVK, jibqa' l-fatt li din l-operazzjoni ġiet konkluża biss fid-9 ta' Awwissu 1999, jiġifieri fl-istess jum tal-konklużjoni tat-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet. F'dik id-data mhux biss kien ċar li RAG kienet iddeċidiet li tbiegħ lil Haniel u lir-rikorrenti l-ishma tagħha fl-impriżi membri ta’ CVK, iżda, barra minn hekk, l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet għadda minn tibdil konsiderevoli minħabba l-konklużjoni, fl-istess jum, tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, fosthom, b’mod partikolari, it-tranżazzjoni RAG, li fiha Haniel u r-rikorrenti assumew il-kontroll konġunt ta’ CVK.

132    Quddiem sitwazzjoni bħal din, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tistħarreġ dwar ir-raġunijiet li għalihom l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet ma ġiex konkluż qabel id-9 ta’ Awwissu, kif hija għamlet fil-proċedura amministrattiva u, mill-ġdid, fin-nuqqas ta’ risposta sodisfaċenti mill-partijiet, fil-motivi ċċitati tad-deċiżjoni kkontestata.

133    Fil-fatt, jekk, b’mod ġenerali, is-simultanjetà tal-konklużjoni ta’ diversi tranżazzjonijiet mhijiex neċessarjament determinanti biex tidentifika l-interdipendenza tagħhom, f’dan il-każ, min-naħa l-oħra, ir-rinviju tal-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet għall-mument tal-konklużjoni tat-tieni hija fattur importanti inkwantu hija tista’ tfisser li RAG mhijiex lesta li tipparteċipa fl-ewwel grupp u li, biex dan il-grupp ta’ tranżazzjonijiet ikun jista’ jiġi konkluż, dan kellu neċessarjament jiġi suġġett għall-irtirar ta’ RAG mill-kapital tal-kumpannija ta’ CVK jew, fi kliem ieħor, għall-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet.

134    Biex jiġi spjegat ir-rinviju tal-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet għall-mument tal-konklużjoni tat-tieni grupp, ir-rikorrenti tinvoka, fin-noti tagħha, id-diffikultajiet tekniċi u kummerċjali marbuta mal-pooling tat-telf u tal-qligħ fost l-impriżi membri. Fir-replika r-rikorrenti ssemmi wkoll li kellhom isiru diversi studji ekoloġiċi u li l-btajjel tas-sajf fis-settur tal-bini dewwmu wkoll din il-konklużjoni.

135    Madankollu, dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu adottati biex jispjegaw ir-rinviju b'iktar minn disa’ xhur mill-awtorizzazzjoni ta’ NMa ta’ deċiżjoni daqstant importanti bħal dik intiża għall-konklużjoni sabiex jingħaqdu l-attivitajiet kollha ta’ l-impriżi membri ta’ CVK fi ħdan struttura komuni.

136    Minn naħa, rigward l-allegati studji ekoloġiċi u l-btajjel tas-sajf li kkawżaw id-dewmien tal-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, dawn huma ġustifikazzjonijiet li ġew biss imqajma mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika, u ma ġewx sostnuti.

137    Min-naħa l-oħra, rigward l-allegazzjoni relatata mad-diffikultajiet tekniċi u kummerċjali marbuta mal-pooling tat-telf u tal-qligħ ta’ l-impriżi membri ta’ CVK, għandu jiġi osservat li, minbarra li din l-allegazzjoni baqgħet ma ġietx sostnuta, l-importanza ta' din il-ġustifikazzjoni tidher imnaqqsa konsiderevolment mill-elementi tal-proċess infushom. Fil-fatt, għandu jiġi osservat – u dan mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li ġiet mistoqsija speċifikament fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta – li, anki fil-mument tal-konklużjoni tal-kumpless tat-tranżazzjonijiet, fid-9 ta’ Awwissu 1999, il-kuntratt ta’ kooperazzjoni bejn Haniel u r-rikorrenti wera li l-pooling tal-kontijiet u tal-fondi ta’ l-impriżi membri ta’ CVK ma kienx is-suġġett ta’ regolamentazzjoni mitmuma, b'mod partikolari għall-impriżi li qabel kienu proprjetà ta’ RAG. Jekk din il-kwistjoni kienet daqstant importanti li kienet teżiġi r-rinviju tal-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, hija kellha ċertament tiġġustifika r-rinviju tal-konklużjoni ta' dan il-kuntratt wara l-jum tad-9 ta’ Awwissu nnifsu. Dan ċertament ma kienx il-każ, għar-raġuni nfisha li tali rinviju, jiġifieri wara l-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, kien jikkostitwixxi indizju sinjifikanti tad-dipendenza ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet fil-konfront tat-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet.

138    Billi r-rikorrenti ma ressqitx motivi oħrajn, għandu jiġi kkonstatat li l-element li kien jikkundizzjona l-konklużjoni ta' l-ewwel grupp ta' tranżazzjonijiet kien il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, jiġifieri l-irtirar ta’ RAG mill-kapital tal-kumpannija ta’ CVK.

139    Fit-tieni lok, il-fatt li l-kuntratt li ffinalizza l-konklużjoni tat-tranżazzjoni RAG isemmi l-konklużjoni preċedenti tal-kuntratt ta’ pooling ma jistax iwassal sabiex tiġi ammessa l-awtonomija ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet fil-konfront tat-tieni u lanqas, konsegwentement, sabiex jiġi kkonstatat żball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

140    Huwa minnu li, bil-kontra ta' dak li indikat il-Kummissjoni fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, in-nutar li quddiemu ġew konklużi l-kuntratti ma fassalx protokoll wieħed.

141    Madankollu dan l-iżball mhuwiex tali li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Fil-fatt, f’dan il-każ, dan l-iżball ma jistax inaqqas l-importanza tal-kunsiderazzjoni fondamentali li l-kuntratti ġew konklużi fl-istess jum minħabba l-fatt li RAG ma kinitx lesta li taqbel għall-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet indipendentement mill-konklużjoni tat-tieni grupp, li kienet ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-ewwel wieħed. Mil-lat ta’ l-evalwazzjoni ekonomika ta’ l-interdipendenza bejn it-tranżazzjonijiet, il-fatt li l-ewwel grupp ġie qabel l-ieħor bi ftit minuti jew b'xi sigħat huwa irrilevanti.

143    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ma tistax tressaq kontra l-Kummissjoni l-fatt li hija kellha aspettattiva leġittima mill-ittra ta’ NMa tas-26 ta’ Marzu 1999, fejn ġie suġġerit dan il-metodu ta’ implementazzjoni taż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet biex it-tieni grupp ta’ operazzjonijiet, inkluża t-tranżazzjoni RAG, ma jkunx jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-liġi Olandiża fuq il-kompetizzjoni.

144    Mingħajr il-ħtieġa li jitqies ir-raġunament magħmul minn NMa f’din l-ittra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qatt ma rċeviet assigurazzjonijiet preċiżi li l-operazzjoni li tinkludi ż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet toħroġ mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u mill-kompetenza tal-Kummissjoni. Safejn il-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar mhijiex limitata għall-operazzjonijiet li jiġu nnotifikati lilha minn qabel (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, T‑310/00, MCI vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑3253, punt 93), kienu l-partijiet, jekk riedu jibbenefikaw miċ-ċertezza legali konnessa mad-deċiżjonijiet tagħha ta’ approvazzjoni, li kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li tiġi konkluża l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999. Dan ma kienx il-każ.

145    Fit-tielet lok, minkejja li hija ssostni li l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet huwa operazzjoni ta’ konċentrazzjoni awtonoma, ir-rikorrenti ma spjegatx għal liema skop u loġika ekonomika t-tliet azzjonisti kellhom jippermettu li l-impriżi membri ta’ CVK jingħaqdu f’entità ekonomika waħda mmexxija minn CVK mingħajr ma dawn l-azzjonijisti jkunu jistgħu jieħdu l-kontroll ta' din l-impriża, meta l-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet kienet tagħmel sens ekonomikament ladarba, minħabba l-irtirar ta’ RAG mill-kapital tal-kumpannija ta’ CVK, Haniel u r-rikorrenti ħadu l-kontroll konġunt ta’ CVK.

146    Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li mill-kuntratt ta’ kooperazzjoni bejn Haniel u r-rikorrenti jirriżulta li t-tnejn ikkunsidraw li kienet preferibbli għaqda fid-dritt ta’ l-impriżi membri u ta' CVK f’waħda u kienu se jqisu bis-serjetà l-possibbiltà ta’ din l-għaqda b'mod li CVK kienet tiġi ttrasformata f’impriża waħda, miżmuma b’mod konġunt minn Haniel u mir-rikorrenti. Dan il-fatt jikkorrobora t-teżi tal-Kummissjoni billi juri li l-ewwel grupp ta' tranżazzjonijiet ma kienx fil-fatt ħlief fażi ta' operazzjoni iktar wiesgħa, mingħajr awtonomija effettiva.

147    Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, l-analiżi tal-Kummissjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li, waqt il-proċedura amministrattiva, Haniel sostniet li t-tranżazzjonijiet kienu interdipendenti, affermazzjoni miġjuba fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti. Huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, il-pożizzjoni li ġiet difiża minn kull parti li wettqet notifikazzjoni hija soġġettiva u tirrifletti neċessarjament dawn l-interessi. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, fl-interess li tistabbilixxi r-realtà ekonomika ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, għandha tirrinunzja l-ispjegazzjonijiet tal-partijiet li jagħtuha l-possibbiltà li tidentifika l-finalità ekonomika effettivament segwita minnhom fil-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni. Minkejja li l-ispjegazzjonijiet mhux ikkontestati minn waħda mill-partijiet li wettqu notifikazzjoni ma jistgħux ikunu minnhom infushom determinanti, il-Kummissjoni għandha, bħal f’dan il-każ, tkun tista' tibbaża ruħha fuqhom meta huma jippermettulha li ssostni l-elementi ta’ evalwazzjoni li fuqhom hija bbażata l-analiżi tagħha.

148    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet in kwistjoni kienu interdipendenti b’mod li kienu jikkostitwixxu flimkien operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu tar-Regolament Nru 4064/89.

149    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li teżamina t-teħid ta’ kontroll minn CVK fuq l-impriżi membri tagħha, minħabba l-awtorizzazzjoni tagħha min-naħa ta’ NMa

 L-argumenti tal-partijiet

150    Fil-kuntest ta' din il-parti tal-motiv ir-rikorrenti tikkunsidra, minn naħa, li anki jekk wieħed jassumi li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex teżamina, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, it-tranżazzjoni RAG, hija ma tistax teżamina t-teħid ta’ kontroll minn CVK ta’ l-impriżi membri tagħha permezz tal-kuntratt ta’ pooling inkwantu din l-operazzjoni diġà ġiet awtorizzata minn NMa.

151    In sostenn tat-teżi tagħha r-rikorrenti tindika qabel kollox li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma teżisti l-ebda differenza bejn l-operazzjoni hekk kif ġiet innotifikata lilha, u mbagħad approvata minn NMa fl-20 ta’ Ottubru 1998, u l-operazzjoni finalment konkluża fid-9 ta’ Awwissu 1999. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-operazzjoni ma kellhiex dimensjoni Komunitarja u ma kkontestatx uffiċjalment id-deċiżjoni ta’ NMa, kif kellha tagħmel skond l-Artikoli 226 KE u 228 KE, fatt li nissel aspettattiva leġittima fir-rikorrenti. Imbagħad ir-rikorrenti tikkunsidra li ma tantx huwa konvinċenti l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni ta’ NMa mhijiex rilevanti għaliex hija bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan ifisser, skond ir-rikorrenti, li jiġi injorat il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża fuq il-kompetizzjoni ġejjin minn dawk tad-dritt Komunitarju u għandhom jiġu interpretati f’konformità miegħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-insinwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-partijiet kkonċernati ma rrispettawx il-garanziji li kienu offrew lil NMa biex din ta’ l-aħħar tawtorizza l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni. Fil-fehma tagħha, din l-insinwazzjoni ma kinitx fondata.

152    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu li tispjega għaliex ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ NMa kienet żbaljata.

153    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti kollha u ssostni li hija la kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89, u lanqas naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

154    Fl-ewwel lok, kif ġie affermat fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-ewwel u t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet imsemmija fil-premessa 8 iktar ’il fuq, kienu jikkostitwixxu operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni skond ir-Regolament Nru 4064/89.

155    Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni mogħtija minn NMa għat-twettiq ta' l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet ċertament ma kinitx tippermetti lill-partijiet li jwettqu l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni konkluża fid-9 ta’ Awwissu 1999. Minħabba d-dimensjoni Komunitarja ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mwettqa permezz tat-totalità tat-tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999, evalwazzjoni li tinsab fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma ġietx kkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet għalhekk l-unika awtorità kompetenti biex teżaminaha u, jekk ikun xieraq, tawtorizzaha.

156    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax effettivament tinvoka aspettattiva leġittima bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-awtorizzazzjoni mogħtija minn NMa għat-twettiq ta' l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet.

157    L-awtorizzazzjoni mogħtija minn NMa għat-twettiq ta' l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Olandiża fuq il-kompetizzjoni bl-ebda mod ma tikkostitwixxi dritt, fil-konfront tal-Kummissjoni, għall-ħarsien ta’ l-aspettattiva leġittima, peress li din l-awtorizzazzjoni fil-fatt ma toħroġx mill-amministrazzjoni Komunitarja skond id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri b'mod partikolari l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89 (ara f’dan is-sens is-sentenza Branco vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 77, punt 102). F'kull każ, l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet ma ġiex konkluż fl-istess kundizzjonijiet li fihom ġie nnotifikat lil NMa. Il-posponiment tal-konklużjoni tiegħu għall-jum meta ġie konkluż imbagħad it-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet ġab bidla konsiderevoli fl-elementi ta’ fatt u ta' dritt li fuqhom kienet ibbażat ruħha NMa biex tawtorizza l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet ipproġettati. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, permezz ta' l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 il-partijiet mhux biss wettqu operazzjoni ta’ għaqda ta’ fatt bejn il-membri ta’ CVK u din ta’ l-aħħar, iżda ħolqu wkoll impriża komuni għall-finijiet u l-effetti kollha kkontrollata b’mod konġunt minn Haniel u r-rikorrenti. Finalment, NMa awtorizzat it-twettiq ta' grupp ta’ tranżazzjonijiet li fil-fatt ma twettaqx f’dik il-forma.

158    Minħabba n-natura unitarja tagħhom, iż-żewġ gruppi ta’ tranżazzjonijiet ma jistgħux jiġu mifruda, u għalhekk il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi biss fuq l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni intiża b’mod globali, minħabba d-dimensjoni Komunitarja tagħha.

159    Għandu jingħad ukoll li dan ma jfissirx li jiġi injorat il-qsim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, kif previst mir-Regolament Nru 4064/89.

160    Huwa minnu li r-riżultat li l-aġir tal-Kummissjoni jista’ jwassal għalih, jista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, ifisser li tranżazzjoni, minkejja li ma tissodisfax il-kriterji tad-dimensjoni Komunitarja fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89, dan xorta jkun applikabbli minħabba l-interdipendenza ma’ tranżazzjoni oħra jew oħrajn.

161    Madankollu, f’dan il-każ huwa artifiċjali li jitqies li l-ewwel tranżazzjoni hija ekonomikament awtonoma.

162    Fit-tielet lok, ma japplikax l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tibda proċedura għal nuqqas minn obbligu skond l-Artikolu 226 KE. L-ewwelnett, mill-ebda element fil-proċess ma jirriżulta li l-Kummissjoni kkontestat il-kompetenza ta’ NMa biex tiddeċiedi, bid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 adottata fuq il-bażi tal-liġi nazzjonali, fuq l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet, b’mod li din id-deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi nuqqas ta’ ħarsien tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Gvern ta’ l-Olanda. Bil-kontra, il-Kummissjoni ammettiet din il-kompetenza u enfasizzat diversi drabi li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex x’taqsam ma' l-istess operazzjoni ta’ konċentrazzjoni minħabba l-posponiment tal-konklużjoni ta’ l-ewwel grupp ta’ tranżazzjonijiet fil-jum tal-konklużjoni tat-tieni grupp ta' tranżazzjonijiet, jiġifieri fid-9 ta’ Awwissu 1999. It-tieni nett, fid-dawl tal-marġni ta' diskrezzjoni li għandha fl-użu tar-riżorsi proprji u għall-azzjoni tagħha stess, xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni li tibda proċedura skond l-Artikolu 226 KE kontra Stat Membru li adotta deċiżjoni rigward l-evalwazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja.

163    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, dwar l-ilmenti l-oħrajn tar-rikorrenti msemmijin iktar ’il fuq fil-punt 151, rigward, minn naħa, ix-xebh bejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża u dawk tar-Regolament Nru 4069/89 u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-garanziji offruti lil NMa mill-partijiet li wettqu notifika, dawn, miċħudin fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv (ara iktar ’il fuq, punti 70 sa 78), bl-ebda mod ma jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandha titwarrab l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tispjega għaliex id-deċiżjoni ta’ NMa, adottata fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kienet allegatament żbaljata.

164    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll dan il-motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni relatati mal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4069/89

165    Il-motiv eżaminat huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK. It-tieni parti hija bbażata fuq in-nuqqas li tintwera rabta ta' kawżalità bejn l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u l-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti allegata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK.

 L-argumenti tal-partijiet

166    Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ ħames fatturi li wassluha sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK fis-suq Olandiż tal-materjali għal bini ta’ ħitan ta' appoġġ (iktar ’il quddiem is-"suq in kwistjoni").

167    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat ir-rwol li għandhom il-materjali f’kompetizzjoni mal-briks tar-ramel u l-ġir għal bini ta’ ħitan ta' appoġġ.

168    Minn naħa, ir-rikorrenti tqis li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-punt 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li CVK hija l-unika produttriċi u fornitur ta’ briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda tinjora l-fatt li l-prodotti li għandhom bażi tar-ramel u l-ġir huma importati mill-Ġermanja u li, skond l-istess deċiżjoni kkontestata, ma jeżistix suq ta’ briks tar-ramel u l-ġir.

169    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jistax jitqies li s-settur tal-konkrit jagħmel pressjoni qawwija kompetittiva fuq CVK. Ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni kkomunikata minn terzi dwar l-istabbilità tal-sehem fis-suq tal-konkrit fis-suq tal-materjali tal-bini ta’ ħitan ma tistax, minnha nnfisha, twassal għal tali konklużjoni. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni la għamlet eżami ta’ l-evoluzzjoni progressiva ta’ l-ishma fis-suq biex tistabbilixxi l-pressjoni kompetittiva eżatta eżerċitata fuq CVK, u lanqas ma qieset id-daqs tas-settur tal-konkrit u l-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi importanti ta’ l-operatturi attivi f’dan is-settur. Dawn l-elementi, fil-fehma tar-rikorrenti, iġiegħlu lil CVK li tqis is-settur tal-konkrit biex tistabbilixxi l-aġir tagħha fis-suq in kwistjoni. Fl-aħħar nett, għall-evalwazzjoni tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mis-settur tal-konkrit mogħti fil-post, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika tagħha, li għandu jiġi kkunsidrat s-sehem fis-suq tal-konkrit mogħti fil-post fis-suq in kwistjoni ([minn 10 sa 15]%) u mhux biss dak li għandu l-ikbar produttur kompetittiv tal-konkrit mogħti fil-post ([bejn 2 u 5]%).

170    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessi 99 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hemm ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq in kwistjoni. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni, skond dak li ssostni r-rikorrenti, kellha teżamina t-totalità ta’ l-ispejjeż u ta’ l-ostakoli l-oħra potenzjali għal dak li jirrigwarda t-totalità tal-prodotti li jikkompetu mal-briks tar-ramel u l-ġir. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni essenzjalment illimitat l-analiżi tagħha għall-ispejjeż ta’ investiment u għall-perijodi twal meħtieġa għall-bini u t-tħaddim ta’ fabbriki ta’ produzzjoni ta’ briks tar-ramel u l-ġir. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li t-termini ta' żmien u l-ħtieġa ta’ tagħmir jistgħu jikkostitwixxu ostakli reali għad-dħul fis-suq, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4069/89, b'mod partikolari jekk is-swieq tal-kapitali jaħdmu b’mod effikaċi. Barra minn dan, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod ċar l-ispejjeż li sostnew produtturi oħrajn ta’ materjali għal bini kieku kellhom jissostitwixxu parti mill-produzzjoni tagħhom b’materjali li jikkompetu mal-briks tar-ramel u l-ġir, anki jekk hija, fir-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, kienet osservat li l-konkrit seta’ jiġi prodott għal diversi użi, inkluż il-bini ta’ ħitan, eżattament bħall-materjali l-oħrajn bħal ġebel, il-ġibs u l-injam. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li s-sempliċi fatt li, kif jidher fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm kapaċità żejda fil-produzzjoni ta’ briks tar-ramel u l-ġir, jrendi l-aċċess għas-suq inqas interessanti, mhuwiex biżżejjed biex din il-kapaċità żejda tiġi deskritta bħala ostakolu għad-dħul fis-suq in kwistjoni.

171    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkontesta diversi elementi ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni żviluppata fid-deċiżjoni kkontestata li la d-distributuri ta' materjali tal-bini u lanqas l-imprendituri ma għandhom setgħa ta’ xiri li tista' tikkumpensa għall-pożizzjoni dominanti ta’ CVK fuq il-livell ta’ l-offerta.

172    Fir-rigward tas-setgħa ta' xiri tad-distributuri, ir-rikorrenti tfakkar li dawn jagħmlu parti minn gruppi internazzjonali jew huma kkostitwiti f’kooperattivi ta’ xiri, sitwazzjoni li tagħtihom pożizzjoni ta’ forza fil-konfront ta’ CVK. Ir-rikorrenti żżid li l-fatt, indikat fil-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħames distributuri prinċipali bl-ingrossa ta’ materjali tal-bini fl-Olanda jirrappreżentaw kważi [bejn 60 u 80] % tal-bejgħ ta’ CVK, li minnu [bejn 20 u 30] % għall-ikbar fosthom, turi biċ-ċar li d-distributuri bl-ingrossa għandhom setgħa ta’ xiri rilevanti u, bl-eċċezzjoni tal-konkrit mogħti fil-post, jistgħu jduru fuq prodotti li jistgħu jissostitwixxu l-briks tar-ramel u l-ġir. Barra minn dan, skond ir-rikorrenti, l-impossibbiltà, għad-distributuri bl-ingrossa, li joffru għall-bejgħ il-konkrit mogħti fil-post jinkoraġġixxi lil dawn biex jiksbu minn CVK prezzijiet u kundizzjonijiet li jippermettulhom li jikkompetu ma’ produtturi ta' konkrit. Fil-fatt, ir-rikorrenti tosserva li d-distributuri bl-ingrossa jistgħu wkoll jimpurtaw materjali magħmula minn briks tar-ramel u l-ġir mill-Ġermanja.

173    Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn CVK, id-distributuri bl-ingrossa u l-imprendituri, ir-rikorrenti tikkontesta diversi evalwazzjonjiet magħmula fil-premessi 75 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tikkontradixxi b’dan il-mod l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li CVK hija, ġeneralment, infurmata tajjeb fuq l-identità ta’ l-utenti u d-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, partikolarment permezz ta’ aċċess għall-pjanti tal-periti, għal dak li jirrigwarda kunsinni ta’ materjali għal bini li jirrappreżentaw nofs id-dħul mill-bejgħ tagħha. Barra minn dan, minkejja li r-rikorrenti tammetti li CVK tforni direttament ċerti impriżi ta' bini, hija tikkontesta li CVK tista’ tkun taf bid-destinazzjoni tal-prodotti pprovduti, anki meta hija kienet taf bil-ħxuna tal-prodotti bbażati fuq briks tar-ramel u l-ġir pprovduti. Barra minn dan, ir-rikorrenti osservat li t-tnaqqis fil-prezz mogħti minn CVK lid-distributuri bl-ingrossa, skond il-bejgħ għal ċerti proġetti jew għal ċerti impriżi ta' bini, isir rari u inċidentalment. Hija żżid li dan il-fatt ma jqiegħedx fid-dubju, f'kull każ, l-eżistenza ta’ setgħa ta' xiri min-naħa tad-distributuri bl-ingrossa.

174    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tosserva li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ influwenza eżerċitata mis-suq konness tal-materjali ta' bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ, li fih CVK għandha pożizzjoni iktar dgħajfa hija żbaljata. Minn naħa, ir-rikorrenti tenfasizza li CVK ma tistax tkun taf id-destinazzjoni tal-prodotti tagħha għall-bini ta’ ħitan ta' appoġġ jew ta' ħitan li mhumiex ta' appoġġ. Skond ir-rikorrenti, CVK hija għaldaqstant marbuta li tikkunsidra s-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ biex tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq in kwistjoni, indipendentement mill-fatt li CVK tbiegħ [bejn 60 u 80] % tal-briks tar-ramel u l-ġir tagħha f’dan is-suq ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li "effett ta’ restrizzjoni" eżerċitat mis-suq tal-materjali ta' bini ta' ħitan li mhumiex ta' appoġġ fis-suq in kwistjoni joħroġ mill-analiżi ekonomika magħmula fir-rapport tal-professuri Wieszäcker u Elberfeld, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, iżda li d-deċiżjoni kkontestata ma tirriferixxix għalih.

175    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK hija msaħħa bir-rabtiet strutturali eżistenti bejn din il-kumpannija u r-rikorrenti. Qabel kollox, ir-rikorrenti tfakkar li hija ma tikkontrollax lil CVK li teżerċita l-attività tagħha f'indipendenza sħiħa. Ir-rikorrenti ssostni mbagħad li l-Kummissjoni attribwitilha żbaljatament "pożizzjoni qawwija" fis-suq Olandiż mill-provvista ta’ materjali għal bini ta’ ħitan, inkwantu s-sehem tagħha fis-suq, [bejn 2 u 5] %, jista' jiġi mqabbel ma' dak li għandhom diversi operaturi oħrajn u ma tistax tagħtiha tali pożizzjoni. L-istess japplika għall-attivitajiet tar-rikorrenti fis-suq tad-distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ materjali għal bini, peress li l-Kummissjoni qagħdet biss fuq sempliċi allegazzjonijiet u suppożizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tar-referenza magħmula għar-rapport annwali tal-grupp NBM Amstelland, grupp li fih kienet ir-rikorrenti, filwaqt li s-sehem fis-suq ta’ din ta’ l-aħħar kien biss [bejn 2 u 5] %. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiċħad li CVK tagħtiha trattament ipprivileġġat fil-fażi tad-distribuzzjoni bl-ingrossa tal-materjali għal bini, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ terzi msemmijin fid-deċiżjoni kkontestata. F'kull każ, anki jekk wieħed jassumi li jeżisti trattament ipprivileġġat bħal dan, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi ta’ prova li jiġu minn dawn it-terzi mhumiex adattati, minnhom infushom, biex wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4069/89.

176    Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raġunijiet li wassluha twarrab il-konklużjoni adottata minn NMa fid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 fir-rigward tan-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK, minkejja li din id-deċiżjoni u l-istudji tas-suq ta’ NMa jmorru lura għal inqas minn tliet snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

177    Preliminarjament, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fattur li jikkonċerna l-istruttura tas-suq eżaminat fil-premessi 90 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata. Skond il-Kummissjoni, l-elementi adottati għal dak li jirrigwarda l-ishma fis-suq ta’ CVK, tar-rikorrenti u ta’ Haniel jikkostitwixxu diġà minnhom infushom, indizju ċar ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

178    Wara li għamlet din l-osservazzjoni, il-Kummissjoni tikkontesta l-ilmenti kollha magħmula mir-rikorrenti fil-konfront ta’ l-evalwazzjoni ta' fatturi oħrajn li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni li CVK tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni.

179    L-ewwel nett, minn naħa, fir-rigward tar-rwol ta’ diversi materjali ta’ bini ta’ ħitan, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tikkontestax la l-fatt li s-suq ġeografiku jillimita ruħu għall-Olanda, billi l-importazzjonijiet ta’ briks tar-ramel u l-ġir li jiġu mill-Ġermanja huma biss marġinali, u lanqas li CVK, fl-Olanda, hija l-unika produttriċi ta’ briks tar-ramel u l-ġir, li huwa l-materjal tal-bini l-iktar popolari kif ġie indikat fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata. Din is-sitwazzjoni, skond il-Kummissjoni, tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ CVK fis-suq in kwistjoni, billi l-konkrit mogħti fil-post, jekk wieħed jassumi li jagħmel parti minn dan is-suq, minħabba l-ispejjeż fissi għolja ta’ investiment, jikkompeti ma’ prodotti magħmula minn briks tar-ramel u l-ġir fil-proġetti kbar ta' bini.

180    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma pprovatx biżżejjed li s-settur tal-konkrit ma kienx qed jagħmel pressjoni kompetittiva fuq CVK. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-formulazzjoni tal-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata tirriferi biss għan-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva importanti għall-konkrit mogħti fil-post u mhux tas-settur tal-konkrit in ġenerali. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li din il-konklużjoni mhix ibbażata biss fuq is-sempliċi kunsiderazzjoni tas-settur tal-konkrit mogħti fil-post. Għall-eżami tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-produtturi tal-konkrit mogħti fil-post, il-Kummissjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha, indikata fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li għandhom jitqiesu l-ishma fis-suq tal-produtturi kompetituri tal-konkrit mogħti fil-post, li l-ebda wieħed ma jaqbeż [bejn 2 u 5] % fis-suq in kwistjoni, u mhux is-sehem tas-settur tal-konkrit mogħti fil-post, bħala prodott ([bejn 10 u 15] %), f’dan is-suq. Tali approċċ huwa ġġustifikat b'mod partikolari, skond il-Kummissjoni, bil-fatt li s-suq in kwistjoni huwa suq iddifferenzjat ta’ prodotti u li l-perċentwali [bejn 10 u 15] % "ta’ ishma fis-suq" għandu tendenza li jistma l-pressjoni kompetittiva fuq CVK bħala ogħla, inkwantu huwa jinkludi s-sehem fis-suq li għandha r-rikorrenti nnfisha fis-settur tal-konkrit mogħti fil-post. Wara din il-preċiżazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, matul it-tliet snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda fornitur ta' konkrit ma seta’ jikseb sehem fis-suq ogħla minn [bejn 2 u 5] %, filwaqt li s-sehem fis-suq ta’ CVK baqa’ ta' [bejn 50 u 60] % tas-suq in kwistjoni. Il-Kummissjoni tikkontesta b’dan il-mod l-argument tar-rikorrenti li l-importanza tas-settur tal-konkrit u l-piż ta’ l-operaturi f’dan is-settur jistgħu jaffettwaw l-attività ta' produttur ta’ briks tar-ramel u l-ġir ta’ CVK u l-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.

181    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma evalwatx korrettament l-ostakoli għad-dħul fis-suq murija fid-deċiżjoni kkontestata.

182    Qabel kollox, il-Kummissjoni tfakkar li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata rreferiet għall-ostakoli eżistenti għall-produzzjoni tal-materjali kollha għal bini għal ħitan ta' appoġġ, u mhux biss għall-prodotti magħmula minn briks tar-ramel u l-ġir.

183    Il-Kummissjoni imbagħad tiċħad l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-ispejjeż ta’ investiment u t-termini ta' żmien għall-aċċess fis-suq ma jikkostitwux ostakoli reali għad-dħul, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament 4069/89. Skond il-Kummissjoni, kif ippreċiżat id-deċiżjoni kkontestata, dawn l-ispejjeż u termini ta' żmien huma konsiderevoli. Fil-kontro-replika tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li d-dħul fis-suq kien rari u limitat għas-settur tal-konkrit, konstatazzjoni li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala infondat l-ilment tar-rikorrenti li hija m’għamlitx analiżi ta’ l-ispejjeż eventwali sostnuti mill-impriżi l-oħrajn li jipproduċu materjali għal bini biex jittrasferixxu parti mill-produzzjoni tagħhom (briks, ġibs, injam) lejn prodotti f'kompetizzjoni magħhom, bħall-konkrit, għall-prodotti magħmula minn ramel u ġir. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li din l-analiżi ma kinitx rilevanti, għaliex, minħabba l-istruttura u l-karatteristiċi tas-settur tal-bini fl-Olanda, il-produtturi ta' materjali għal bini differenti mill-konkrit ma kellhomx sempliċiment jittrasferixxu l-produzzjoni tagħhom, iżda kellhom jibdew mix-xejn biex jipproduċu materjali f'kompetizzjoni mal-prodotti magħmula minn ramel u ġir.

184    Fl-aħħar nett, bil-kontra dak li tgħid ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżistenza ta' kapaċità żejda f’suq speċifiku għandha rwol importanti sabiex jiġi stabbilit jekk id-dħul f’dan is-suq jistax jiġi kkunsidrat, jiġifieri jekk iħallix biżżejjed qligħ. F’dan il-każ, skond il-Kummissjoni, il-kapaċità żejda konsiderevoli fis-suq in kwistjoni, dovuta għal CVK, trendi dħul ta’ dan it-tip ftit li xejn attraenti.

185    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK mhijiex ikkumpensata minn setgħa ta' xiri tad-distributuri bl-ingrossa ta’ materjal għal bini hija korretta.

186    Qabel kollox, b’mod ġenerali, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, is-setgħa ta' xiri għandha tinftiehem bħala l-kapaċità ta’ klijenti kbar − f’dan il-każ id-distributuri bl-ingrossa ta’ materjali għal bini − li jirrikorru, f’terminu raġonevoli, għal alternattivi kredibbli jekk il-fornitur jiddeċiedi li jgħolli l-prezzijiet tiegħu jew jagħmel il-kundizzjonijiet tal-provvista agħar. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki jekk id-distributuri bl-ingrossa ta’ materjali għal bini jistgħu jiġu mħajjra jiżguraw li CVK toffri prezzijiet kompetittivi meta mqabbla ma' dawk ipprattikati mill-produtturi ta' konkrit, dawn id-distributuri m’għandhom l-ebda alternattiva, għaliex huma ma jikkummerċjalizzawx il-konkrit mogħti fil-post, li jirrappreżenta [bejn 10 u 15] % tas-suq in kwistjoni, u għadaqstant m’għandhomx is-setgħa ta' xiri neċessarja fil-konfront ta' CVK.

187    Imbagħad, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li d-distributuri jistgħu jimportaw prodotti magħmula minn ramel u ġir li jiġi mill-Ġermanja, il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti ma kkontestatx li dawn l-importazzjonijiet kienu marġinali u li, waqt is-seduta, distributur kien osserva li dawn l-importazzjonijiet kienu ostakolati minn Haniel u minn CVK.

188    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrepeti l-evalwazzjoni tagħha li CVK hija, ġeneralment, infurmata fuq l-identità ta’ l-utenti u fuq id-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mhux mingħajr kontradizzjonijiet u impreċiżjonijiet. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tnaqqis fil-prezz konċess minn CVK għad-distributuri bl-ingrossa għall-provvista ta' proġetti ta' bini jew ta' impriżi ta' bini speċifiċi juru li CVK tista' teżerċita influwenza fuq il-politika tal-prezzijiet tad-distributuri fil-konfront ta’ l-impriżi klijenti u, għaldaqstant, fuq il-marġni tagħhom fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi, fatt li jillimita, jekk mhux saħansitra jeskludi, il-kapaċità tagħhom li jużaw il-volum ta’ xiri tagħhom biex jeżerċitaw pressjoni globali fuq il-politika tal-prezzijiet ta’ CVK.

189    Fir-raba’ lok, fir-rigward ta' l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-influwenza tal-kompetizzjoni fis-suq konness tal-materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija wriet suffiċjentement li, minn naħa, CVK setgħet tiddetermina jew tipprevedi jekk il-prodotti tagħha kinux ser jintużaw għal ħitan ta' support jew ħitan li mhumiex ta' appoġġ u li, min-naħa l-oħra u f'kull każ, CVK stabbiliet l-istrateġija tagħha tal-prezzijiet l-iktar b’riferenza għas-suq in kwistjoni. Fir-rigward tar-rapport tal-professuri Wieszäcker u Elberfeld li, skond ir-rikorrenti, juri effett ta’ dixxiplina eżerċitat mill-pożizzjoni ta’ CVK fis-suq ta’ materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li ammettiet li ma eżaminatx espliċitament dan ir-rapport fid-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat tliet osservazzjonijiet. Fl-ewwel lok, hija tenfasizza li l-mudell ta' evalwazzjoni tal-prezzijiet ippreżentat f'dan ir-rapport ma jikkostitwixxix deskrizzjoni adegwata tas-suq in kwistjoni, partikolarment għaliex jibda mill-presuppost li CVK kellha tapplika l-istess prezzijiet fis-swieq in kwistjoni u f’dak tal-materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li r-rapport jeżamina l-kwistjoni, li hija tqis li mhijiex rilevanti, f’liema ċirkustanzi CVK tiffissa l-prezzijiet tagħha fuq livell daqstant għoli li ma jkollhiex iktar bejgħ fis-suq tal-materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk wieħed jassumi li l-istess prezzijiet jiġu pprattikati fiż-żewġt iswieq, ir-rapport jikkorrispondi għal kollox mal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li CVK tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha prinċipalment skond il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, din hija r-raġuni għaliex ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat espliċitament dan ir-rapport fid-deċiżjoni kkontestata.

190    Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tipproponi mill-ġdid l-analiżi tagħha li kienet għamlet fid-deċiżjoni kkontestata li l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK hija msaħħa mir-rabtiet strutturali li jeżistu bejnha u bejn ir-rikorrenti.

191    Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Osservazzjonijiet preliminari

192    Qabel ma jsir l-eżami tal-pożizzjoni dominanti ta’ CVK, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-suq tal-materjali għal bini ta’ ħitan ta' appoġġ fl-Olanda, definizzjoni li hija ġġustifikata fuq il-bażi tal-funzjoni ta’ appoġġ tal-ħitan. Għandu jiġi ppreċiżat f'dan ir-rigward li d-deċiżjoni kkontestata ma tatx risposta għall-kwistjoni jekk il-konkrit mogħti fil-post − l-iktar minħabba l-ispejjeż ta’ investiment għoljin li jirriżultaw mill-użu tiegħu (ara l-punt 77 tad-deċiżjoni kkontestata) li jimplika li dan il-materjal ma joffrix kompetizzjoni għall-briks tar-ramel u l-ġir ħlief għal ċerti proġetti importanti ħafna − jaqax taħt id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, inkwantu, skond il-Kummissjoni, din il-kwistjoni ma affettwatx l-evalwazzjoni ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni (ara l-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    Għandu wkoll jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta − u mingħajr ma din il-konstatazzjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrenti − li l-materjali l-iktar użati fis-suq in kwistjoni huma, f’ordni dejjem tonqos, dawn li ġejjin: il-briks tar-ramel u l-ġir (billi [bejn 50 u 60] % tal-ħitan kollha ta' appoġġ huma magħmulin minn dan il-materjal), il-konkrit mogħti fil-post ([bejn 10 u 15] %), l-elementi maħdumin minn qabel mill-konkrit ([bejn 5 u 10] %), il briks ([bejn 2 u 5] %) u l-konkrit ċellulari ([bejn 0 u 2] %).

194    Imbagħad, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, bl-isem "Assessjar ta' konċentrazzjonijiet", jipprovdi dan li ġej:

"1.      Konċentrazzjonijiet fil-kuntest ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu assessjati skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-ħsieb li jkun stabbilit jekk kinux kompatibbli mas-suq komuni.

Meta tagħmel dan l-assessjar, il-Kummissjoni għandha tqis:

a)       il-bżonn li tippriserva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta' l-istruttura tas-swieq kollha kkonċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;

b)       il-pożizzjoni fis-suq ta' l-impriżi kkonċernati u l-qawwa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u l-utenti tagħhom, l-aċċess tagħhom għal provvisti u swieq, kull ostakli ġuridiċi jew impedimenti oħra għal xejriet ta' dħul, provvista u domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali, u l-iżvilupp ta' progress tekniku u ekonomiku basta li jkun ta' vantaġġ għall-konsumatur u ma joħloqx tfixkil għall-kompetizzjoni.

2.      Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

3.      Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti li b'riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f'xi parti kbira minnu għandha tiġi ddikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni”.

195    Il-pożizzjoni dominanti, imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, tirrigwarda sitwazzjoni ta’ qawwa ekonomika f’idejn impriża waħda jew iżjed li tagħtihom is-setgħa li jostakolaw iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tagħtihom il-possibbiltà ta’ aġir indipendenti f’livell apprezzabbli fil-konfront tal-kompetituri tagħhom, tal-klijenti tagħhom u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, T‑102/96, Gencor vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑753, punt 200; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Frar 1979, 85/76, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, Ġabra. p. 461, punt 38).

196    Hija ġurisprudenza kostanti li r-regoli sostantivi stabbiliti mir-Regolament Nru 4064/89, partikolarment fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti tal-Komunità dwar l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, li huwa essenzjali fl-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li huwa impliċitu fir-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mill-iskema tal-konċentrazzjonijiet [is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, kawżi magħquda C‑68/94 u C‑30/95, Franza et vs Il-Kummissjoni (Kali u Salz), Ġabra p. I‑1375, punti 223 u 224, u l-15 ta’ Frar 2005, C‑12/03 P, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, Ġabra p. I‑0000, punt 38; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1999, T‑102/96, Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punti 164 u 165, u s-6 ta’ Ġunju 2002, T‑342/99, Airtours vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑2585, punt 64]".

197    Għaldaqstant l-istħarriġ magħmul mill-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika magħmula mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha r-Regolament Nru 4064/89 għandu jillimita ruħu li jivverifika l-osservanza tar-regoli ta' proċedura u ta' motivazzjoni kif ukoll l-eżattezza materjali tal-fatti, li ma jkunx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta' poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha flok dik tal-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, T‑342/00, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑1161, punt 101).

198    Fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi osservat li, fil-premessi 90 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sitt fatturi biex tistabbilixxi l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK. Dawn il-fatturi huma: fl-ewwel lok, l-istruttura tas-suq; fit-tieni lok, li ma kienx hemm pressjoni kompetittiva importanti fuq CVK minn naħa tal-produtturi ta' konkrit mogħti fil-post, filwaqt li CVK hija l-uniku produttur u fornitur ta’ briks tar-ramel u l-ġir li jintuża tradizzjonalment fl-Olanda għall-bini ta’ ħitan; fit-tielet lok, il-preżenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq; fir-raba’ lok, in-nuqqas ta' setgħa ta' xiri tal-klijenti ta’ CVK; fil-ħames lok, in-nuqqas ta’ limitazzjoni tal-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq in kwistjoni mill-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni eżistenti fis-suq konness tal-materjali għal bini għall-ħitan li mhumiex ta' appoġġ u, fis-sitt lok, l-eżistenza ta’ rabta strutturali bejn CVK u r-rikorrenti li tippermettilhom, fuq il-livell kemm ta’ l-offerta kif ukoll tad-distribuzzjoni tal-materjali għal bini għall-ħitan ta' appoġġ, li jgawdu marġni ta’ manuvra konsiderevolment usa’ minn dik tal-kompetituri tagħhom.

199    F’dan ir-rigward huwa stabbilit li r-rikorrenti ma tikkontesta l-ebda evalwazzjoni esposta fil-premessi 90 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata relatati ma' l-ewwel fattur, li jirrigwarda l-istruttura tas-suq, jiġifieri dwar l-ishma fis-suq ta’ CVK, tal-partijiet li wettqu notifika u tal-kompetituri tagħhom.

200    Għandu jiġi ppreċiżat li mill-motivi msemmija iktar ’il fuq, tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li CVK għandha iktar minn [bejn 50 u 60] % ta’ l-ishma fis-suq in kwistjoni, jekk jiġi inkluż il-konkrit mogħti fil-post, filwaqt li, f’din l-istess definizzjoni tas-suq, it-tieni operatur u r-rikorrenti għandhom madwar [bejn 2 u 5] % ta' l-ishma fis-suq, filwaqt li l-kompetitur ewlieni tal-partijiet li wettqu notifika għandu biss sehem fis-suq ta’ madwar [bejn 2 u 5] % u l-kompetituri l-oħrajn għandhom biss ishma fis-suq li huma inqas minn [bejn 0 u 2] %. Mill-informazzjoni msemmija fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din is-sitwazzjoni hija dik l-iktar favorevoli għall-partijiet li wettqu notifika, billi, jekk wieħed jassumi li l-konkrit mogħti fil-post huwa eskluż għal kollox mis-suq in kwistjoni, is-sehem fis-suq ta’ CVK jilħaq iżjed minn [bejn 60 u 70] %, filwaqt li l-ishma fis-suq tal-kompetituri tagħha jilħqu, mill-iktar, [bejn 0 u 2] %. Huwa stabbilit ukoll li l-konfigurazzjoni tas-suq in kwistjoni, essenzjalment, ma nbidlitx matul l-aħħar snin.

201    L-eżistenza ta’ ishma fis-suq ta’ portata kbira hija sinjifikanti ħafna u r-relazzjoni bejn l-ishma fis-suq miżmumin mill-impriża jew mill-impriżi parteċipanti fil-konċentrazzjoni u mill-kompetituri tagħhom, partikolarment dawk li jsegwuhom immedjatament, tikkostitwixxi indizju validu ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, dan il-fattur jippermetti li tiġi evalwata l-kapaċità kompetittiva tal-kompetituri ta’ l-impriża in kwistjoni (is-sentenza Hoffmann‑La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punti 39, 40 e 48, u s-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punti 201 u 202). Barra minn dan, sehem fis-suq għoli ħafna jista’ minnu nnifsu jikkostitwixxi l-prova ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, fuq kollox meta l-operaturi l-oħra fis-suq ikollhom biss ishma ferm inqas importanti (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1999, T‑221/95, Endemol vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑1299, punt 134).

202    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-fatt li CVK għandha sehem fis-suq ta’ almenu erbatax-il darba ikbar minn dak tal-kompetitur ewlieni tagħha, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax, huwa indizju qawwi li CVK għandha pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni.

203    Għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti setgħetx turi madankollu li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-ħames fatturi l-oħra analizzati fid-deċiżjoni kkontestata, tali li tista' twassal għall-annullament tagħha.

–       Fuq il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva qawwija fuq CVK min-naħa tal-produtturi ta' konkrit mogħti fil-post

204    Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 96 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li la l-konkrit mogħti fil-post u lanqas il-produtturi ta’ dan il-materjal ma setgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva qawwija fuq CVK, li hija l-unika produttriċi ta’ briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda, materjal tradizzjonali għall-bini ta’ ħitan u użat ħafna fil-bini ta’ ħitan ta' appoġġ. Din l-evalwazzjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq l-ishma fis-suq tal-kompetituri ta’ CVK u fuq in-natura ddifferenzjata tal-prodotti tas-suq in kwistjoni, li tippermetti li impriża bħal CVK issaħħaħ l-influwenza tagħha lil hinn mis-sehem fis-suq tagħha viżibbli, minħabba li hija l-unika waħda li toffri prodott apprezzat partikolarment mill-konsumaturi jew għal użu partikolari.

205    Essenzjalment, mingħajr ma tikkontesta r-rilevanza tal-fattur adottat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni, li l-konstatazzjoni esposta fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li CVK hija l-uniku produttur ta’ briks tar-ramel u l-ġir tinjora l-fatt li xi prodotti tal-briks tar-ramel u l-ġir huma importati mill-Ġermanja u li ma jeżistix suq tal-briks tar-ramel u l-ġir. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-settur tal-konkrit ma jagħmilx pressjoni kompetittiva fuq CVK. Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha teżamina l-iżvilupp ta’ l-ishma fis-suq u tqis partikolarment il-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi ta’ l-operaturi ta’ dan is-settur. Barra minn dan, fil-fehma tagħha, m’għandux jitqies biss is-sehem fis-suq ([bejn 2 u 5] %) li għandu l-kompetitur ewlieni, produttur tal-konkrit mogħti fil-post.

206    Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

207    Fl-ewwel lok, dwar il-fatt li l-Kummissjoni injorat il-fatt li xi prodotti tal-briks tar-ramel u l-ġir huma importati fl-Olanda mill-Ġermanja, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, ippreċiżat dan li ġej:

"Huwa ċar li materjali għal bini tal-ħitan huma importati […] mill-Ġermanja għall-Olanda fir-reġjuni Olandiżi tal-fruntiera, iżda dan huwa fenomenu marġinali li ma jiġġustifikax l-inklużjoni tal-partijiet [...] tal-Ġermanja fis-suq ġeografiku in kwistjoni. L-istudju tas-suq wera l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq, partikolarment minħabba l-varjazzjonijiet fir-regoli tal-bini u tas-sigurezza fuq ix-xogħol [...] fil-Ġermanja per eżempju, ir-regoli tal-bini jipprovdu għal ħitan ta’ ħxuna usa' b’żieda konsegwenti fil-prezzijiet mqabbla ma’ dawk fl-Olanda, minħabba l-kwantità ikbar ta’ materjal użat".

208    Għandu wkoll jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tas-suq rilevanti u lanqas il-konstatazzjoni li CVK hija l-uniku produttur ta’ briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika biss li l-bejjiegħa bl-ingrossa ta’ materjali għal bini jbiegħu prodotti tal-briks tar-ramel u l-ġir fis-suq Olandiż, mingħajr ma tipprovdi xi preċiżazzjoni dwar il-volum u l-valur ta’ dawn l-importazzjonijiet; ir-rikorrenti esponiet biss, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li rriferiet għaliha fin-noti tagħha, li l-varjetà ta’ prodotti fi briks tar-ramel u l-ġir offruta minn wieħed minn dawn il-bejjiegħa bl-ingrossa jew importaturi u dik offruta minn CVK kienu simili ħafna.

209    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tagħmel qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata meta tgħid li din ta' l-aħħar ikkonstatat in-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva fis-settur tal-konkrit. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata tindika, iktar preċiżament, li ma teżistix pressjoni kompetittiva importanti min-naħa tas-settur tal-konkrit mogħti fil-post u tal-produtturi tiegħu u mhux min-naħa tas-settur tal-konkrit. Għaldaqstant, fil-motivi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-eżistenza ta’ pressjoni kompetittiva min-naħa tal-konkrit mogħti fil-post, iżda qieset li ma kinitx biżżejjed fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ CVK. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-analiżi tal-Kummissjoni, li tiffoka fuq il-konkrit mogħti fil-post, hija ġġustifikata mill-fatt li, mill-anqas, iż-żewġ kompetituri diretti ta’ CVK fis-suq in kwistjoni jipproduċu biss konkrit mogħti fil-post, fatt li kellu jippermetti lill-Kummissjoni li teżamina jekk il-pożizzjoni ta’ CVK kif riflessa mill-ishma tagħha fis-suq, setgħetx tiġi mwieżna bil-preżenza ta’ kompetituri li joffru dan it-tip ta’ materjal fis-suq in kwistjoni.

210    Il-Kummissjoni, ġustament ukoll, ma kkunsidratx biss is-sehem li s-settur tal-konkrit mogħti fil-post jirrappreżenta in ġenerali ([bejn 10 u 15] %) fil-bini ta’ ħitan ta' appoġġ fl-Olanda, iżda kkunsidrat wkoll is-sehem fis-suq ta’ l-ewwel kompetitur ta’ CVK ([bejn 2 u 5] %). Fil-fatt, billi l-ewwel element ta’ data ([bejn 10 u 15] %) jinkludi wkoll is-sehem fis-suq tar-rikorrenti, li, minħabba l-kontroll ikkonstatat iktar ’il fuq li hija teżerċita fuq CVK, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala impriża kompetitriċi ta’ din ta’ l-aħħar, dan il-perċentwali kellu jiġi kkalkulat billi jitqies ukoll is-sehem fis-suq tal-kompetitur dirett ta’ CVK, biex ma tiġix stmata żżejjed il-pressjoni eventwali tal-kompetizzjoni eżerċitata fuq CVK.

211    Barra minn dan, dwar l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kellha tqis l-evoluzzjoni ta’ l-ishma fis-suq tas-settur tal-konkrit, sakemm dan l-argument jirriferi għall-konkrit mogħti fil-post, kien biżżejjed li l-Kummissjoni tippreċiża, kif indikat fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sehem tal-konkrit mogħti fil-post deher li baqa' stabbli, skond id-data pprovduta mill-assoċjazzjoni tas-settur Olandiż, jekk mhux saħansitra naqas xi ftit, skond ċerti operaturi, u għalhekk ma setax jiġi dedott li l-pressjoni kompetittiva ta’ dik il-parti tas-suq fuq CVK kienet importanti. Barra minn dan, fir-rigward tas-sehem ta’ l-impriżi fis-suq, huwa stabbilit li, mis-sena 2000 sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-pożizzjoni ta’ CVK u dik tal-kompetituri tagħha, imfakkra iktar ’il fuq, baqgħu essenzjalment l-istess, kif tenfassizah il-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-evalwazzjoni tirriferi neċessarjament għall-parti tal-konkrit mogħti fil-post, fejn, kif jidher mit-tabella li tinsab fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu attivi ż-żewġ kompetituri prinċipali ta’ CVK, iżda kellhom, wieħed sehem ta' inqas minn [bejn 2 u 5] % u, l-ieħor, sehem ta' anqas minn [bejn 0 u 2] %.

212    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, ġeneralment, il-preżenza ta’ kompetituri tista’ tikkostitwixxi kriterju tali, eventwalment, li jtaffi jew saħansitra jelimina l-pożizzjoni dominanti li jkollha l-entità in kwistjoni biss fil-każ li dawn il-kompetituri jkollhom pożizzjoni qawwija, tali li teżerċita kontrapiż reali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, T‑114/02, BaByliss vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II‑1279, punt 329). Ir-rikorrenti ma pprovdietx elementi ta’ prova li jwaqqgħu l-evalwazzjoni fil-punt 97 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produtturi tal-konkrit mogħti fil-post − li, barra minn hekk, huma kompetituri diretti ta’ CVK fis-suq in kwistjoni − ma jeżerċitawx tali kontrapiż.

213    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva importanti min-naħa tas-settur tal-konkrit mogħti fil-post jista’, parzjalment, jiġi dedott mill-varjetà ta’ prodotti tas-suq in kwistjoni, kif uriet il-Kummissjoni fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt il-varjetà ta’ prodotti tfisser li kull prodott mhuwiex sostitut perfett ta’ l-ieħor u li, għaldaqstant, iż-żieda fil-prezz ta’ wieħed ma tfissirx neċessarjament li l-impriża li teffettwa din iż-żieda titlef ishma fis-suq favur il-kompetituri tagħha li jipproduċu l-prodott l-ieħor, kif kieku kien ikun il-każ ta’ prodotti perfettament sostitwibbli. Il-fatt li l-konkrit mogħti fil-post ma jistax jissostitwixxi perfettament il-briks tar-ramel u l-ġir, b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż għoljin involuti fl-użu ta’ l-ewwel materjal, kif jidher fil-premessi 58 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, jippermetti għaldaqstant li titqiegħed f’pożizzjoni relattiva l-pressjoni kompetittiva li dan il-materjal u l-produtturi tiegħu jeżerċitaw fuq CVK.

214    Barra min dan, anki jekk jiġi ammess li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rriferiet għas-settur tal-konkrit in ġenerali, ir-rikorrenti madankollu ma kinitx kapaċi turi, billi tipprovdi indizji preċiżi u konkordanti, li l-produtturi f’dik il-parti tas-suq in kwistjoni setgħu jkunu kontrapiż konkret għall-pożizzjoni ta’ CVK.

215    Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tat-tieni fattur adottat fid-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata bi żball manifest.

–       Fuq il-fattur ibbażat fuq il-preżenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq

216    Fil-premessi 99 sa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

"99. Minkejja li qieset l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet u minn CVK dwar id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet magħmula waqt is-seduta, il-Kummissjoni tqis li jeżistu ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq, billi CVK tikkontrolla l-fabbriki ta' produzzjoni kollha tal-briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda u, għaldaqstant, il-produzzjoni tal-materjal għal bini bil-wisq l-iktar importanti fis-suq tal-prodotti in kwistjoni. L-istudju tas-suq tal-Kummissjoni wera li l-produtturi ta’ materjali għal bini oħra setgħu jaqilbu biss għall-produzzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir b’investiment konsiderevoli ta’ ħin u flus. L-istess jgħodd għall-materjali oħra għal bini bħall-konkrit ċellulari. Il-proċessi, u għaldaqstant, iċ-ċentri ta' produzzjoni huma differenti għal kull materjal għal bini ta' ħitan.

100.      Haniel evalwat l-ispejjeż ta’ investiment għal fabbrika ta' produzzjoni ta’ briks tar-ramel u l-ġir għal madwar [kunfidenzjali] EUR biss. Il-bini ta’ fabbrika ġdida ta’ konkrit lest għall-użu iqum, skond Haniel, għal [kunfidenzjali] EUR; madankollu Cementbouw stmat li dawn l-ispejjeż ta’ investiment kienu ferm ogħla. Barra minn dan il-kompetituri, intervistati fil-kuntest ta’ l-istudju tas-suq, iqisu, b'mod ġenerali li jkollhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar, biex ikunu jistgħu jkabbru l-kapaċità produttiva tagħhom jew jibdew il-produzzjoni ta’ materjal ġdid għal bini ta' ħitan. Impriża li ġiet intervistata speċifikat li l-bini ta’ fabbrika ġdida ta' produzzjoni ta’ briks tar-ramel u l-ġir teżiġi investiment ta’ bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] EUR, li hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni li hija diffiċli li tinkiseb u li ż-żmien għall-bini ta’ l-istabbiliment huwa ta’ sentejn. Kuntrarjament għall-fehma tal-partijiet, li qalu li l-ostakoli għad-dħul fis-suq huma insinjifikanti, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li d-dħul possibili fis-suq ma kienx jeżerċita pressjoni kompetittiva suffiċjenti biex jillimita l-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq in kwistjoni. Riċentement, ġie kkonstatat dħul rari fis-suq, li huwa ristrett għas-settur tal-konkrit.

101.      Fir-rigward tal-briks tar-ramel u l-ġir, jeżistu kapaċitajiet żejda konsiderevoli ta’ produzzjoni li jagħmlu dħul fis-suq inqas interessanti, anki wara l-għeluq, minn CVK, ta' tlieta mill-ħdax-il fabbrika ta' produzzjoni ta’ briks tar-ramel u l-ġir inizjali. L-unitajiet ta' produzzjoni ta’ CVK li fadal huma mqassmin ukoll b’mod uniformi fit-territorju Olandiż, b'tali mod li CVK tista’ tforni kull klijent minn fabbrika li tinsab fil-viċin. L-istudju tas-suq magħmul mill-Kummissjoni juri li dan il-fattur ukoll ikkontribwixxa biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ CVK".

217    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni essenzjalment illimitat l-analiżi msemmija iktar ’il fuq għall-ispejjeż ta’ investiment u għat-termini ta' żmien twal meħtieġa għall-bini u t-tħaddim ta’ fabbriki ta’ produzzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir, filwaqt li kellha teżamina l-ispejjeż kollha u ostakoli potenzjali oħra għal dak li jirrigwarda l-prodotti kollha f'kompetizzjoni mal-briks tar-ramel u l-ġir. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-allegazzjonijiet li t-termini ta' żmien u l-ispejjeż imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata huma ostakoli reali għad-dħul fis-suq, partikolament jekk is-swieq tal-kapitali jaħdmu b'mod effikaċi. Hija takkuża wkoll lill-Kummissjoni li ma eżaminatx l-ispejjeż li jkollhom isostnu produtturi oħra ta’ materjali għal bini jekk huma jissostitwixxu parti mill-produzzjoni tagħhom b’materjali li jikkompetu mal-briks tar-ramel u l-ġir, minkejja li r-rikorrenti kienet indikat, fir-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li l-konkrit seta’ ġie prodott għal diversi applikazzjonijiet, inkluż l-bini ta’ ħitan. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta li l-kapaċità produttiva żejda li teżisti fis-settur tal-briks tar-ramel u l-ġir tista’ tikkostitwixxi ostakoli reali għad-dħul fis-suq in kwistjoni.

218    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni eżaminat esklużivament it-termini ta' żmien u l-ispejjeż meħtieġa biex wieħed jidħol fis-settur tal-briks tar-ramel u l-ġir. Fil-fatt, l-analiżi msemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni tirrigwarda wkoll materjali oħra ta’ bini ta’ ħitan, bħall-konkrit mogħti fil-post, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata. Jirriżulta wkoll mill-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ppreċiżat li t-termini ta' żmien twal u l-ispejjeż għolja ta’ investiment ma kinux ristretti għad-dħul fis-settur tal-produzzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir, iżda kienu japplikaw ukoll għad-dħul fil-produzzjoni ta’ materjali oħra għal bini fis-suq in kwistjoni, bħall-konkrit ċellulari. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx l-evalwazzjoni tagħha dwar l-ostakoli għad-dħul fis-suq in kwistjoni għas-settur tal-briks tar-ramel u l-ġir.

219    Imbagħad, rigward il-fatt li l-ispejjeż ta’ investiment u t-termini ta' żmien twal imsemmijin fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu "ostakoli għad-dħul fis-suq", il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fl-ewwel lok u b'mod ġenerali, ostakoli bħal dawn huma kkostitwiti minn elementi ta’ natura varja, partikolarment ta’ tip ekonomiku, kummerċjali jew finanzjarju, b’mod li kompetitur potenzjali ta’ l-impriżi stabbiliti jkollu jidħol għal riskji u spejjeż daqstant għoljin li jiddiswaduh milli jidħol fis-suq f’terminu raġonevoli jew irendu dan id-dħul diffiċli ħafna, u jispiċċa ma jkollux saħħa kompetittiva fuq l-aġir ta’ l-impriżi stabbiliti.

220    Fit-tieni lok, minkejja li ma jistax jiġi eskluż, bħala regola ġenerali, li f'setturi fejn hemm kapital qawwi, ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-investiment jistgħu jinkisbu fis-swieq ta' kapitali, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li r-rikorrenti ma rrexxilhiex turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat l-eżistenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq, fid-dawl ta’ l-elementi kollha adottati in sostenn tad-deċiżjoni kkontestata.

221    Fir-rigward tad-dħul fis-settur tal-briks tar-ramel u l-ġir, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq serje ta’ elementi ta’ natura regolatorja u ekonomika, relatati mal-ħtieġa li tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva, wara li jgħaddi perijodu ta' sentejn meħtieġ għal-bini ta’ stabbiliment ta' produzzjoni u għall-ispejjeż konsiderevoli ta’ investiment, filwaqt li jitqies fl-istess ħin il-fatt li kienet teżisti kapaċità ta’ produzzjoni żejda importanti, anki wara l-għeluq ta’ tlieta mill-ħdax-il impriża membri ta’ CVK (Boudewijn, Bergumermeer u Vogelenzang), li rrendew id-dħul fis-suq inqas interessanti, peress li CVK setgħet tforni kull klijent fl-Olanda mit-tmien stabbilimenti li kien fadal.

222    Dawn l-elementi, ikkunsidrati flimkien mal-fatt, li ma ġiex imwaqqa' mir-rikorrenti, li l-impriżi attivi fis-setturi l-oħrajn tas-suq setgħu jibdew b’diffikultà kbira l-produzzjoni ta’ materjal ġdid għal bini ta' ħitan, huma biżżejjed biex jeskludu kull żball manifest min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-probabbiltà li kompetitur potenzjali ta’ CVK ikun jista’ jidħol f’dan is-settur. Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ l-investiment meħtieġa għall-bini ta’ fabbrika kompleta, ir-rikorrenti ddikjarat, b’risposta għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-somma ta’ [kunfidenzjali] miljun EUR, stima li tinsab preċiżament fil-kategorija indikata fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-investiment ta’ ammont inqas, dan ukoll imsemmi fir-risposta, kien ikun biżżejjed għad-dħul fis-suq in kwistjoni.

223    Dwar is-setturi l-oħrajn tas-suq in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikorrenti ma kkritikatx l-evalwazzjoni, esposta fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li ġie kkonstatat biss dħul rari fis-suq in kwistjoni li huwa limitat biss għas-settur tal-konkrit. F’dan ir-rigward jirriżulta mir-risposti tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, risposti li ma ġewx kkontestati mir-rikorrenti, li dawn l-impriżi l-ġodda li daħlu fis-suq, attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-konkrit mogħti fil-post, setgħu jakkwistaw mill-iktar [bejn 0 u 2] % tas-sehem fis-suq, minkejja li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet twettqet iktar minn sentejn qabel. Min-naħa l-oħra, u minkejja li jirriżulta mill-elementi tal-proċess li r-rikorrenti effettivament sostniet li l-ispejjeż ta’ investiment għall-bini ta’ fabbrika ġdida ta’ konkrit mogħti fil-post, ta’ [kunfidenzjali] miljun EUR, kienu konsiderevolment ogħla mis-somma ddikjarata minn Haniel ([kunfidenzjali] miljun EUR) u riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma kkontestatx li l-kompetituri attwali ta’ CVK ukoll iffaċċjaw diffikultajiet kbar biex ikabbru l-kapaċità produttiva tagħhom, partikolarment minħabba l-kapaċità ta’ produzzjoni żejda, jew biex jibdew il-produzzjoni ta’ materjal ġdid għal bini ta' ħitan, ċirkustanzi li ġew ppreċiżati iktar mill-Kummissjoni fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha jista’ jiġi ddikjarat li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li kienu jeżistu ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-setturi l-oħra fis-suq in kwistjoni li b’dan il-mod jipprekludu kwalunkwe kompetizzjoni effettiva fil-konfront ta’ CVK f’dan is-suq.

224    Barra minn dan, għandu jiġi osservat, b’mod ġenerali, li minkejja li r-rikorrenti rrifjutat li tiddeskrivi l-eżistenza ta’ kapaċità żejda tal-produzzjoni fis-suq bħala ostakolu għad-dħul f'dan is-suq, madankollu hija ammettiet fis-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li din il-kapaċità żejda ipproduċiet "effetti simili għal ostakolu għall-aċċess għas-suq".

225    Fit-tielet lok, ma tapplikax l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kapaċità tal-produtturi ta’ briks, tal-ġibs u ta’ l-injam, użati għal applikazzjonijiet oħra minbarra l-bini ta’ ħitan ta' appoġġ, li jidħlu fis-suq tal-bini ta' ħitan ta' appoġġ. Fil-fatt, meta titqies l-istruttura tas-suq tal-prodotti, huwa stabbilit li l-briks huwa użat biss marġinalment fil-bini ta’ ħitan ta' appoġġ (ara l-premessi 61 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li la l-ġibs u lanqas l-injam ma huma użati għall-bini ta’ ħitan ta' appoġġ (ara l-punti 53 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant l-eżami tal-kapaċità tal-produtturi ta' briks, ta' ġibs u ta’ injam biex jużaw dawn il-materjali għall-bini ta’ ħitan ta' appoġġ ma setgħetx, manifestament, timmodifika l-evalwazzjoni, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li waslet għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq in kwistjoni.

226    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandhom jiġu miċħuda l-kritki magħmula mir-rikorrenti kontra l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tielet fattur ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq.

–       Fuq il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas tas-setgħa ta' xiri tal-klijenti ta’ CVK.

227    Skond il-premessi 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata:

"102. Minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet u minn CVK dwar id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija fis-seduta, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-klijenti ta’ CVK m’għandhomx setgħa ta' xiri. Ma jeżistux klijenti individwali li għandhom sehem sostanzjali mid-dħul mill-bejgħ ta’ CVK. Madwar [bejn 60 u 80] % tal-bejgħ ta’ CVK huwa intiż għall-ħames bejjiegħa ewlenin ta’ materjali għal bini, u l-ewlieni fosthom jaffettwa d-dħul mill-bejgħ b’sehem ta’ [bejn 20 u 30] %. Madankollu, lanqas sehem mill-bejgħ komplessiv ta’ din il-portata ma jagħti lill-ikbar klijenti setgħa ta' xiri, għaliex jeżistu biżżejjed bejjiegħa oħra ta' materjal għal bini. Spiss dan huma assoċjazzjonijiet ta’ xiri (“inkoopcombinaties” bl-Olandiż). Fil-fatt, dak li jgħodd huwa li l-eżistenza stess tal-bejjiegħa tiddependi mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ CVK, peress li l-briks tar-ramel u l-ġir jirrappreżentaw l-iktar materjal importanti għall-bini ta’ ħitan fl-Olanda. It-tieni materjal f’ordni ta’ importanza huwa l-konkrit li madankollu ma jirrappreżentax alternattiva, għaliex la l-konkrit mogħti fil-post u lanqas kwantitajiet sinjifikanti ta' elementi lesti minn qabel tal-konkrit ma huma ddistribwiti permezz tal-bejjiegħa tal-materjal. Għaldaqstant, għal dawn ta’ l-aħħar, l-ebda materjal ieħor ma jista’ jissostitwixxi l-bejgħ tal-briks tar-ramel u l-ġir. Dan ġie kkonfermat ukoll minn Raab Karcher waqt is-seduta. Jista’ jkun ukoll, kif spjegat Haniel, li, b’offerta ta’ prezz inadegwat għall-briks tar-ramel u l-ġir, il-bejjiegħ jirriskja li jitlef il-proġett, għaliex il-klijent jista’ jagħżel il-konkrit. Madankollu dan jindika biss li l-bejjiegħ u indirettament CVK ukoll, bl-offerta tiegħu ta' briks tar-ramel u l-ġir, huma f’kompetizzjoni mal-fornituri tal-konkrit, iżda mhux li l-bejjiegħ jista’ jeżerċita, min-naħa tiegħu, s-setgħa ta' xiri tiegħu fuq CVK.

103. Barra minn hekk, CVK teżerċita influwenza konsiderevoli fil-qasam ta' l-iffissar tal-prezzijiet fil-konfront ta’ l-imprendituri. Huwa minnu li l-bejjiegħa tal-materjali għal bini jitgħabbew bir-riskju finanzjarju marbut mal-bejgħ, iżda madankollu mhumiex huma li jagħżlu l-materjali għal bini, iżda l-imprendituri. Kif diġà spjegat b’mod dettaljat il-Kummissjoni, CVK hija ġeneralment infurmata tajjeb fuq l-identità ta’ l-utenti u tad-destinazzjoni tal-prodotti tagħha. Il-kunsinni jsiru direttament mill-fabbrika ta’ produzzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir l-iktar viċin ta' proġett ta' bini speċifiku. Skond dak li ddikjarat CVK, il-bejjiegħa jingħataw roħs, li jista' jkun marbut mal-provvista lil ċerti imprendituri jew għal ċerti proġetti ta' bini. Madankollu, l-imprendituri huma mifruxa u ma jistax ikollhom, minnhom infushom, setgħa ta' xiri. Il-parti mid-domanda tal-gruppi l-kbar ta' impriżi Olandiżi fis-settur tal-bini, bħal Bam Groep, Koninklije Volker Wessels Stevin, Heijmans, Ballast Nedam u HBG hija, minnha nfisha, żgħira wisq, biex dawn il-gruppi jkunu jistgħu jeżerċitaw setgħa ta' xiri li tista' tikkumpensa għall-pożizzjoni dominanti ta’ CVK fuq il-livell ta’ l-offerta".

228    Ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċifri mogħtija mill-Kummissjoni juru li l-bejjiegħa jeżerċitaw setgħa ta' xiri fuq CVK, iktar u iktar peress li huma membri ta’ gruppi internazzjonali jew huma kkostitwiti f’kooperattivi ta’ xiri. Skond ir-rikorrenti, il-bejjiegħa jistgħu għalhekk iduru lejn prodotti li huma f'kompetizzjoni mal-briks tar-ramel u l-ġir, bl-eċċezzjoni tal-konkrit mogħti fil-post. Il-fatt li l-bejjiegħa ma jbiegħux konkrit mogħti fil-post iħajjarhom iktar sabiex jiksbu prezzijiet u kundizzjonijiet vantaġġużi min-naħa ta’ CVK biex jikkompetu mal-produtturi tal-konkrit. Ir-rikorrenti tisħaq li l-bejjiegħa jakkwistaw il-briks tar-ramel u l-ġir mill-Ġermanja wkoll. Fl-aħħar nett, hija tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li CVK hija infurmata tajjeb fir-rigward ta’ l-utenti u tad-destinazzjoni tal-prodotti tagħha u tiċħad ukoll id-daqs u l-frekwenza tar-roħs mogħti mill-bejjiegħa, fatt li, madankollu, ma jaffettwax l-eżistenza ta' setgħa ta' xiri ta’ dawn ta’ l-aħħar fil-konfront ta’ CVK.

229    Dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux jiġu milqugħa.

230    Qabel kollox għandu jiġi osservat li, kif ssostni l-Kummissjoni fin-noti tagħha u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, is-setgħa ta' xiri tal-klijenti ta’ fornitur tista’ tikkumpensa s-saħħa fis-suq ta’ dan ta’ l-aħħar jekk dawn il-klijenti jkunu f’pożizzjoni li jsibu, f’terminu raġonevoli, sorsi alternattivi kredibbli ta' provvista jekk il-fornitur jiddeċiedi li jżid il-prezzijiet tiegħu jew jagħmel il-kundizzjonijiet ta' kunsinna agħar.

231    F’dan il-każ, biex tiġi eskluża l-eżistenza ta' setgħa ta' xiri tal-bejjiegħa ta’ materjali għal bini li tikkumpensa s-setgħa ta’ CVK kif tirriżulta partikolament mill-ishma tagħha fis-suq u mill-istruttura ta’ l-offerta eżaminata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li dawn l-operaturi huma mifruxin fis-suq, jiġifieri fuq l-istruttura ftit ikkonċentrata tas-suq tad-distribuzzjoni tal-materjali għal bini ta' ħitan ta' appoġġ fl-Olanda, u min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta' alternattivi kredibbli ta' provvista fis-suq, jiġifieri, fuq id-dipendenza ta’ dawn l-operaturi fuq CVK.

232    Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, mingħajr ma huma neċessarjament eżawrjenti biex tiġi affermata jew miċħuda l-eżistenza ta' setgħa ta' xiri min-naħa tal-klijenti b’tali mod li tiġi opposta s-setgħa ekonomika ta' fornitur, huma rilevanti ħafna. Fil-fatt, minn naħa, il-kriterju tal-livell ta’ konċentrazzjoni tas-suq tax-xerrejja jfisser li l-fatt li huma ftit, jista’ jippermettilhom li jsaħħu l-poter tagħhom fin-negozjati fil-konfront tal-fornitur. Min-naħa l-oħra, skond il-kriterju tal-preżenza ta’ alternattivi kredibbli ta’ provvista jista’ jiġi stabbilit jekk teżistix probabbiltà qawwija li l-fornitur ikun imġiegħel jillimita l-għoli fil-prezzijiet jew li saħansitra jibqa' lura milli jagħmel dan.

233    F’dan il-każ, rigward il-fatt li l-bejjiegħa huma mifruxin, u minkejja li huwa stabbilit li kważi [bejn 60 u 80] % tal-bejgħ ta’ CVK huwa intiż għall-ħames bejjiegħa ewlenin ta’ materjali għal bini, li l-ewlieni fosthom jaffettwa d-dħul mill-bejgħ b’sehem ta’ [bejn 20 u 30] %, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, din id-data ma tistax, minnha nfisha, tipprova li d-distributuri kellhom setgħa ta' xiri fuq CVK. Fil-fatt, minn naħa, huwa daqstant ieħor stabbilit li l-ebda klijent ma jirrappreżenta parti sostanzjali tad-dħul mill-bejgħ ta’ CVK. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax li jeżistu bejjiegħa oħra, organizzati fi gruppi ta’ xiri, li għaldaqstant jistgħu jiksbu provvisti kbar, li fil-konfront tagħhom CVK tista’, eventwalment, torjenta l-produzzjoni tagħha, kif ma ċaħditx il-fatt li CVK tipprovdi direttament ċerti impriżi tal-bini (il-klijenti aħħarija) u dan ovvjament iżid in-numru ta’ l-impriżi li lejhom hija tista' tindirizza l-offerta tagħha ta’ briks tar-ramel u l-ġir.

234    Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, skond l-informazzjoni ta’ CVK li ġiet annessa mal-kontro-replika, ir-rikorrenti nfisha tinsab fost il-ħames bejjiegħa prinċipali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Minħabba l-kontroll li r-rikorrenti teżerċita fuq CVK, huwa ftit li xejn probabbli li r-rikorrenti tipparteċipa fil-ħolqien ta’ setgħa ta' xiri eventwali tal-klijenti ta’ CVK li tista’ tikkumpensa għall-poter ekonomiku ta’ din ta’ l-aħħar.

235    Dwar in-nuqqas ta’ sorsi ta’ provvista alternattivi kredibbli, ir-rikorrenti tammetti li l-bejjiegħa ta’ materjali għal bini ma jbiegħux kwantitajiet sinjifikanti ta’ konkrit mogħti fil-post, u ma tgħid xejn dwar l-informazzjoni li dawn ma kinux ibiegħu elementi lesti għall-użu magħmula mill-konkrit. F’dawn il-kundizzjonijiet, għal dak li jirrigwarda l-konkrit mogħti fil-post, minkejja li l-fornituri ta’ dan il-materjal huma l-kompetituri prinċipali ta’ CVK fis-suq in kwistjoni, huma ma jistgħux jirrappreżentaw alternattiva kredibbli għall-bejjiegħa. L-istess jgħodd għall-provvista mingħand il-produtturi ta’ elementi lesti għall-użu magħmula mill-konkrit, materjal li huwa użat f’[bejn 5 u 10] % tal-ħitan kollha ta' appoġġ fl-Olanda.

236    Din l-evalwazzjoni mhijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti li l-bejjiegħa għandhom il-possibbiltà li jiġu pprovduti bi prodotti ta' briks tar-ramel u l-ġir mill-Ġermanja. Fil-fatt, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-importazzjonijiet ta’ briks tar-ramel u l-ġir li jiġu minn dan l-Istat huma marġinali u r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda element konkret biex issostni l-allegazzjoni tagħha.

237    Minbarra dan, għandu jiġi osservat li wieħed mill-bejjiegħa ewlenin tal-materjali għal bini għall-ħitan ta' appoġġ fl-Olanda, Raab Karcher, ikkonfermat, fis-smigħ quddiem il-Kummissjoni fis-16 ta’ Mejju 2002, li CVK ma kienet suġġetta għall-ebda setgħa ta' xiri, mingħajr ma r-rikorrenti ċaħdet din l-affermazzjoni. Raab Karcher ppreċiżat ukoll li t-tfittxija għal alternattivi, anki minimi, falliet minħabba l-importanza tal-briks tar-ramel u l-ġir fis-suq in kwistjoni.

238    Imbagħad, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li CVK ġeneralment hija infurmata tajjeb dwar l-identità ta’ l-utenti u d-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, b’mod li tkun tista’ tinfluwenza konsiderevolment l-iffissar tal-prezzijiet fil-konfront ta' l-imprendituri (klijenti aħħarin), din il-possibbiltà ma għandha l-ebda influwenza fuq is-setgħa ta' xiri li għandhom il-bejjiegħa fuq CVK. Inkwantu l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-bejjiegħa ma kellhomx setgħa ta' xiri bħal din, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti mhuwiex applikabbli, mingħajr ma ġiet invokata setgħa ta' xiri eventwali fuq CVK min-naħa ta’ l-istess imprendituri.

239    Għaldaqstant l-ilmenti tar-rikorrenti magħmula fil-konfront tar-raba’ fattur adottat fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq in-nuqqas ta' setgħa ta' xiri tal-klijenti ta’ CVK, għandhom jiġu miċħuda.

–       Dwar il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas ta’ limitazzjoni fuq il-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq ta’ materjali għal bini ta' ħitan ta' appoġġ permezz tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq konness tal-materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ

240    Fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej:

"104. Il-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq [in kwistjoni] lanqas ma hija limitata mill-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni, eżistenti fis-suq konness ta’ materjali għal bini ta' ħitan li mhumiex ta' appoġġ, fejn il-pożizzjoni ta' CVK hija iktar dgħajfa. Il-konstatazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li CVK tista’ tapplika prezzijiet differenti, minħabba l-fatt li l-prodotti tagħha huma użati għall-ħitan ta' appoġġ jew li mhumiex ta' appoġġ u li tadatta l-prezzijiet tagħha għall-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni tas-suq l-iktar importanti għal CVK, ma ġietx ikkontestata mill-partijiet u minn CVK. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-premessi 75 u 76".

241    Skond l-imsemmija premessi:

"75.      Meta jiġu ffissati l-prezzijiet għall-prodotti użati fil-ħitan ta' appoġġ, CVK - bħala l-produttur waħdieni ta’ briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda - mhijiex limitata mill-prezzijiet mitlubin fis-suq tal-prodotti maħsubin għall-ħitan li mhumiex ta' appoġġ. L-istudju tas-suq tal-Kummissjoni juri li CVK spiss tkun taf l-użu konkret tal-prodotti tagħha. Minn naħa, f’ħafna każijiet CVK taf id-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, għaliex hija spiss responsabbli għall-kunsinna tal-prodotti fuq lant tax-xogħol speċifiku. Barra minn dan, fil-każ tal-kunsinna ta’ l-elementi li jirrappreżentaw in-nofs tad-dħul mill-bejgħ tagħha, hija għandha aċċess għall-pjanti tal-periti. Haniel indikat ukoll li l-ħxuna tal-biċċa l-kbira tal-prodotti magħmula minn ramel u ġir tippermetti li jiġi stabbilit jekk il-materjal jiġix użat għall-ħitan ta' appoġġ jew ħitan li mhumiex ta' appoġġ. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata minn Raab Karcher ukoll matul is-smigħ. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis, minkejja l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet u minn CVK dwar id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet mogħtija fuq dan il-punt waqt is-smigħ, li CVK tista’ tagħmel differenza bejn il-prezzijiet skond is-sitwazzjoni kompetittiva. F’dan ir-rigward, hija tista' tistabbilixxi distinzjoni impliċita bejn il-proġetti kbar u l-proġetti żgħar tal-bini, billi tagħti roħs għall-kwantità u billi tapplika prezzijiet standardizzati għat-trasport. CVK indikat li hija kienet tagħti lill-bejjiegħa tal-materjali għal bini roħs skond il-proġett u l-imprenditur.

76.      Anki jekk CVK mhijiex kapaċi tagħmel differenzi fil-prezzijiet tal-prodotti magħmula mir-ramel u l-ġir għall-ħitan ta' appoġġ minn dawk għall-ħitan li mhumiex ta' appoġġ, wieħed jassumi li hija torjenta l-istrateġija tagħha fil-qasam tal-prezzijiet, qabel kollox, fuq il-bażi tar-rekwiżiti imposti mis-suq [in kwistjoni], peress li hija tbiegħ [bejn 60 u 80] % tal-prodotti tagħha f’dan is-suq".

242    Ir-rikorrenti tallega, minn naħa, li CVK għandha l-obbligu li tqis is-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tal-materjali għal bini għall-ħitan li mhumiex ta' appoġġ, indipendentement mill-fatt li tbiegħ [bejn 60 u 80] % tal-briks tar-ramel u l-ġir fis-suq in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li jeżisti "effett limitattiv" min-naħa tas-suq konness tal-materjali għal bini ta' ħitan li mhumiex ta' appoġġ fis-suq in kwistjoni, fatt li jirriżulta mir-rapport tal-professuri von Wieszäcker u Elberfeld, mibgħut lill-Kummissjoni, iżda li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx referenza għalih.

243    Dwar l-ewwel argument, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-kwistjoni jekk CVK tafx jew le d-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, u anki jekk jiġi ammess li, kif issostni r-rikorrenti, CVK ma tafx bid-destinazzjoni tal-prodotti tagħha, dan ma jfissirx li CVK hija limitata, għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet tagħha fis-suq in kwistjoni, mis-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq konness tal-materjali għal bini tal-ħitan li mhumiex ta' appoġġ, peress li huwa stabbilit li CVK tbiegħ [bejn 60 u 80] % tal-produzzjoni tagħha tal-briks tar-ramel u l-ġir fl-ewwel suq. Għaldaqstant, mhux manifestament żbaljat li jiġi ddikjarat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, b’referenza għall-premessa 76 tad-deċiżjoni msemmija, li CVK "tadatta l-prezzijiet tagħha għas-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq tal-ħitan ta' appoġġ l-iktar importanti għal CVK".

244    Fir-rigward ta' l-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-eżistenza ta’ "effett limitattiv" li għandu s-suq tal-materjali għal bini ta' ħitan li mhumiex ta' appoġġ fl-Olanda fis-suq in kwistjoni, kif ġie kkonstatat fl-istudju tal-professuri von Wieszäcker u Elberfeld, għandu jingħad li dan l-istudju effettivament ma ġiex iċċitat fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, dan il-fatt mhuwiex tali li jibdel l-evalwazzjoni ċċitata fil-premessi 76 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-analiżi ta’ dan l-istudju tikkorrispondu ma’ l-evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li CVK tadatta l-prezzijiet tagħha prinċipalment skond is-suq in kwistjoni. Minn dan l-istudju jirriżulta, b'mod partikolari, li, minkejja li l-kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-domanda fuq is-"settur marġinali", jiġifieri fuq is-suq tal-materjali għal bini tal-ħitan li mhumiex ta' appoġġ, iwassal għal livell ta’ prezzijiet fis-"settur prinċipali", jiġifieri fuq is-suq in kwistjoni, li huwa inqas mill-prezz li jirriżulta mill-kunsiderazzjoni esklużiva ta’ dan l-aħħar settur, jibqa’ l-fatt li CVK, anki f’dawn iċ-ċirkustanzi, tadatta l-prezzijiet tagħha l-iktar skond il-pożizzjoni tagħha fis-settur ewlieni, jiġifieri fis-suq in kwistjoni.

245    Għandu jingħad ukoll li, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti, filwaqt li llimitat ruħha għal kunsiderazzjonijiet ġenerali diġà esposti fir-rikors, ma kkontestatx serjament il-motivi, esposti mill-Kummissjoni fin-noti u fis-sunti tagħha fil-premessa 189 iktar ’il fuq, li għalihom din ta’ l-aħħar kienet iġġustifkat in-nuqqas ta' referenza għall-istudju tal-professuri von Wieszäcker u Elberfeld fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

246    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrietx li l-analiżi tal-ħames fattur, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ limitazzjoni tal-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq in kwistjoni mill-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq relatat tal-materjali għal bini tal-ħitan li mhumiex ta' appoġġ, kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq il-fattur ibbażat fuq l-eżistenza ta' rabta strutturali bejn CVK u r-rikorrenti li tippermettilhom, fuq il-livell kemm ta’ l-offerta kif ukoll tal-bejgħ tal-materjali għal bini ta' ħitan ta' appoġġ, li jgawdu minn marġni ta’ manuvra usa’ mill-kompetituri tagħhom

247    Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK kienet ikkaratterizzata mir-rabta strutturali mar-rikorrenti, impriża fondatriċi li tikkontrollaha. Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suq in kwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata osservat, fil-premessa 106, li, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienet tipprovdi konkrit mogħti fil-post u elementi lesti għall-użu tal-konkrit, hija setgħet toffri flimkien ma’ CVK, skond id-definizzjoni tas-suq li tiġi adottata, tnejn jew tliet materjali prinċipali għal bini ta’ ħitan ta' appoġġ. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din is-sitwazzjoni setgħet tagħti lil dawn l-impriżi marġni ta’ manuvra usa' minn kull waħda mill-kompetituri tagħhom. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda s-suq konness tal-bejgħ tal-materjali tal-bini, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet tirrappreżenta waħda mill-ikbar azjendi ta’ bejgħ bl-ingrossa fl-Olanda u li, skond uħud mill-bejjiegħa, CVK tippreferi lir-rikorrenti iktar mill-bejjiegħa indipendenti.

248    Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti tikkontesta l-fatt li hija għandha l-kontroll ta’ CVK u ssostni li hija ma tokkupax pożizzjoni ta’ saħħa fis-suq in kwistjoni, peress li s-sehem tagħha fis-suq huwa biss ta’ [bejn 2 u 5] %. Hija tesponi wkoll li, għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ ta’ materjali għal bini, is-sehem tagħha fis-suq huwa biss ta’ [bejn 0 u 2] %, li hija ma tgawdi minn l-ebda trattament ipprivileġġjat minn CVK u li, anki kieku dan kien il-każ, mid-dikjarazzjonijiet ta’ terzi ma tistax tiġi preżunta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89.

249    Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

250    Qabel kollox għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li hija m’għandhiex il-kontroll ta’ CVK, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv. Għandu jingħad ukoll li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra r-rabta strutturali li teżisti bejn ir-rikorrenti u CVK bħala element li jikkaratterizza s-setgħa ekonomika ta’ CVK jew li jista’, sa ċertu punt, isaħħaħaha. Fil-fatt, inkwantu r-rikorrenti hija preżenti fis-suq ta’ l-impriża komuni u f’dak, iktar ’il fuq fil-linja ta' kummerċ, tal-bejgħ bl-ingrossa, il-fatt li hija tikkontrolla l-impriża komuni jista’ jippermetti lil CVK li tgawdi minn setgħa ekonomika addizzjonali li neċessarjament tiġi mill-koordinazzjoni fil-futur bejn dawn iż-żewġ impriżi fis-suq. Ir-Regolament Nru 4064/89 ma jipprojbixxix li jiġu eżaminati, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-aspetti eventwali ta’ koordinazzjoni vertikali bejn l-impriża komuni u bejn xi waħda mill-impriżi fondatriċi tagħha li jirriżultaw minn operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, mingħajr, madankollu, ma jingħata ġudizzju antiċipat fuq l-awtonomija ta’ l-impriża komuni.

251    Barra minn dan, fir-rigward ta' l-allegata pożizzjoni qawwija tar-rikorrenti fis-suq in kwistjoni li kkunsidrat id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinterpreta l-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata b'mod żbaljat. Fil-fatt, din tillimita ruħha li tikkonstata pożizzjoni qawwija tar-rikorrenti fis-settur tal-bini tad-djar u mhux fis-suq in kwistjoni b'mod ġenerali. F'kull każ, il-fatt li r-rikorrenti għandha sehem fis-suq ta’ [bejn 2 u 5] % tas-suq in kwistjoni, permezz ta' l-offerta ta’ elementi lesti għall-użu magħmula mill-konkrit u tal-konkrit mogħti fil-post, filwaqt li l-kompetitur dirett ta’ CVK għandu biss madwar [bejn 2 u 5] % tas-sehem fis-suq, kien jawtorizza lill-Kummissjoni li tafferma, mingħajr ma twettaq żball manifest ta' evalwazzjoni, li CVK u r-rikorrenti setgħu joffru varjetà ta’ prodotti, skond id-definizzjoni aċċettata tas-suq in kwistjoni, li ebda wieħed mill-kompetituri tagħhom ma seta’ jipprovdi.

252    Fl-aħħar nett, dwar il-preżenza tar-rikorrenti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ materjali għal bini, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jista’ jiġi dedott, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja, li din il-preżenza tippermetti lil CVK li tibbenefika minn netwerk ta’ bejgħ ta’ l-impriża fondatriċi tagħha indipendentement mid-daqs u mill-pożizzjoni fis-suq ta’ dan in-netwerk, partikolarment jekk il-kompetituri ma jgawdux, min-naħa tagħhom, minn integrazzjoni vertikali. Mistoqsija fuq dan l-aħħar punt mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, iddikjarat fis-seduta li, skond l-elementi fil-proċess, produttur wieħed biss tal-briks kien jibbenefika minn vantaġġ bħal dan. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li din iċ-ċirkustanza hija mingħajr sinjifikat konkret mil-lat tal-kompetizzjoni, għaliex, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq, il-briks, li jirrappreżentaw biss madwar [bejn 2 u 5] % tal-materjali kollha użati għall-bini ta’ ħitan ta' appoġġ fl-Olanda, jikkostitwixxu materjal għal kollox sekondarju fis-suq in kwistjoni. Għaldaqstant, ma tistax tiġi invalidata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tan-netwerk ta' bejgħ tar-rikorrenti u t-trattament ipprivileġġjat mogħti lilha minn CVK. F'kull każ, anki jekk jiġi ammess li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex evalwazzjoni ta’ dan it-tip saret biss ad abundantiam.

253    Barra minn hekk, rigward il-kritika tar-rikorrenti rigward l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ladarba hija differenti mill-konklużjoni ta’ NMa (ara l-punt 176 iktar ’ il fuq), biżżejjed jiġi mfakkar, minn naħa, li mir-risposta mogħtija għall-ewwel motiv jirriżulta li t-tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999 kienu jikkostitwixxu operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni li taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-eżami preċedenti dwar il-fatturi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata ppermetta li jiġi vverifikat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li CVK kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tindika speċifikament ir-raġunijiet għaliex ma qablitx ma’ l-evalwazzjoni allegatament differenti ta’ NMa.

254    Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li CVK kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni.

255    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ rabta ta' kawżalità bejn l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u l-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti

 L-argumenti tal-partijiet

256    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li anki jekk wieħed jammetti, kif tgħid il-Kummissjoni, li t-tranżazzjoni RAG hija operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, din l-operazzjoni hija differenti mill-kuntratt ta’ pooling, innotifikat lil NMa, li bih CVK ħadet il-kontroll ta’ l-impriżi membri tagħha u, kjarament, ma jwassalx għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Fil-fatt skond ir-rikorrenti, it-tranżazzjoni RAG kienet sempliċiment tfisser bidla ta’ l-istruttura tal-kontroll ta’ CVK, mingħajr ma taffettwa s-sitwazzjoni ta’ din l-aħħar fis-suq.

257    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma wrietx, kuntrarjament għal dak li jimponilha l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni u l-ħolqien jew it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti. Skond ir-rikorrenti, anki qabel it-tranżazzjoni RAG, CVK, bħala kooperattiva Olandiża, kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha bħala entità ekonomika unika u adottat id-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-impriżi membri miġburin fi ħdanha li kienu jirrigwardaw mhux biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-ramel u l-ġir, iżda wkoll l-iffissar tal-prezzijiet, il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-produzzjoni u l-akkwisti.

258    Kuntrarjament għal dak li ntqal fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li huwa iktar sempliċi li jinħallu r-rabtiet ekonomiċi eżistenti fi ħdan struttura ta' distribuzzjoni komuni minn dawk li jeżistu f’impriża komuni polivalenti huwa element li mhuwiex rilevanti għall-kwistjoni jekk l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni wasslitx għall-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha turi, skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma għamlet l-ebda analiżi ta’ l-ishma fis-suq ta’ CVK la qabel u lanqas wara t-tranżazzjoni RAG. Skond ir-rikorrenti, kieku l-Kummissjoni għamlet analiżi bħal din, din kienet turi li din l-operazzjoni ma kien ikollha l-ebda effett fuq is-sehem fis-suq ta’ CVK, kif jirriżulta meta titqabbel id-deċiżjoni ta’ NMa ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998 mad-deċiżjoni kkontestata.

259    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li mhumiex ċari r-raġunijiet għaliex, skond id-deċiżjoni kkontestata, mit-tranżazzjoni RAG jirriżulta li s-sehem fis-suq li għandha r-rikorrenti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ materjali għal bini ta' ħitan għandu jiġi attribwit lil CVK. Fil-fehma tar-rikorrenti, evalwazzjoni simili setgħet issir qabel il-bejgħ ta’ l-ishma tal-kumpanniji. F'kull każ, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-attribuzzjoni lil CVK ta’ l-ishma fis-suq tar-rikorrenti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-materjali għal bini ta' ħitan ma tistax twassal għall-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti.

260    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovdietx elementi addizzjonali ta’ prova li juru li t-tranżazzjoni RAG wasslet għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti.

261    Qabel kollox, ir-rikorrenti ma taqbilx li ż-żidiet fil-prezz tal-briks tar-ramel u l-ġir, deskritti fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Bħal CVK fis-smigħ tas-16 ta’ Mejju 2002, ir-rikorrenti ssostni li dawn iż-żidiet fil-prezz jistgħu jiġu attribwiti għaż-żieda fl-ispejjeż u jiddependu mill-varjazzjonijiet ġenerali tal-prezzijiet u mhux mill-bidla ta’ l-istruttura tas-suq ikkawżata mill-operazzjoni RAG. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-perijodi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata kollha jiġu wara t-tranżazzjoni RAG, u l-Kummissjoni ma ppruvatx tqabbel il-prezzijiet ta’ qabel u ta’ wara din l-operazzjoni biex tistabbilixxi l-effett konkret ikkawżat minn din l-operazzjoni fuq il-prezzijiet ipprattikati minn CVK. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li lanqas ma huma deċiżivi d-dikjarazzjonijiet tal-kompetituri u tax-xerrejja, riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-prezz tal-prodotti ta’ CVK żdied b’mod mhux normali wara l-1999, inkwantu l-fajl tal-Kummissjoni, li r-rikorrenti kellha aċċess għalih, jirreferi għal diversi dikjarazzjonijiet ta’ operaturi li jindikaw il-kontra.

262    Imbagħad, ir-rikorrenti tafferma li d-dikjarazzjonijiet ta’ operaturi u ta’ klijenti, imsemmijin fil-premessi 119 sa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward l-aġir ta’ CVK, lanqas ma jindikaw li t-tranżazzjoni RAG ħolqot pożizzjoni dominanti. Bl-istess mod, skond ir-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ operaturi rigward l-aġir ta’ Haniel, imsemmija fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex rilevanti għaliex, minkejja li jirrigwardaw azzjonista ta’ ċerti kumpanniji membri ta’ CVK, jirriferu għal parti terza għall-pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, ladarba t-tranżazzjoni RAG ma kkawżatx żieda tas-sehem fis-suq ta’ CVK, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li CVK, wara din l-operazzjoni, kellha libertà ikbar li taġixxi indipendentement mill-kompetituri tagħha u mill-klijenti tagħha.

263    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li anki r-referenza għall-proċedura ta' kartell quddiem NMa, esposta fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, mhijiex element rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk it-tranżazzjoni RAG kinitx wasslet għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Ir-rikorrenti madankollu tosserva li din ir-referenza ma tantx taqbel mal-pożizzjoni ġenerali li ddefendiet il-Kummissjoni li tgħid li hija tqis li mhijiex marbuta mad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet oħra adottati skond liġijiet oħra.

264    Wara li fakkret il-kontenut tal-motivi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

265    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li, jekk hija korretta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li CVK diġà kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq in kwistjoni bħala entità ekonomika unika qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-kontroll ta’ wara fuq l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni jitlef kull effikaċja. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, dan ifisser li, meta impriżi indipendenti, li huma parti minn struttura ta' distribuzzjoni komuni, jgħaqqdu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan impriża komuni għall-finijiet u l-effetti kollha, din ta’ l-aħħar ma twassalx għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni ssostni li t-trasformazzjoni ta’ struttura ta' distribuzzjoni komuni f’impriża għall-finijiet u l-effetti kollha tikkostitwixxi bidla strutturali fis-suq, li tista' twassal għall-ħolqien ta' pożizzjoni dominanti u, konsegwentement, għandha bħala regola ġenerali, tiġi suġġetta għall-kontroll ta’ l-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni.

266    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tfakkar li, wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, CVK hija l-unika waħda li għandha d-direzzjoni tal-ħdax-il impriża membri għas-settur kollu tal-prodotti tar-ramel u l-ġir Olandiż, b’mod li jistgħu jiġu ċċentralizzati l-parametri kollha tal-kompetizzjoni biex ikun hemm l-ikbar żieda possibbli fid-dħul ta’ l-impriża komuni, billi jiġu inklużi iżjed funzjonijiet minn dawk rilevanti għall-attività ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li CVK kellha qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li mhumiex preċiżi u qatt ma kienu ġew sostnuti matul il-proċedura amministrattiva l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, CVK kellha, fost l-oħrajn, il-funzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ xiri. Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma tispjegax għaliex jekk, kif hija ssostni, CVK kienet diġà "entità ekonomika waħda" qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, kien meħtieġ li r-rikorrenti tikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ Haniel u li l-partijiet jibdew proċedura ta’ notifika lil NMa. Skond il-Kummissjoni, id-differenza f’termini ta’ stabbiltà bejn l-impriża komuni u struttura ta' distribuzzjoni hija element rilevanti li juri li s-suq għadda minn bidla strutturali li ddum.

267    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta ta’ kawżalità, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li hija ma analizzatx l-ishma fis-suq qabel u wara t-tranżazzjoni RAG. Il-Kummissjoni tfakkar li din it-tranżazzjoni mhijiex differenti mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u li CVK ma kellhiex ishma fis-suq qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li s-sehem fis-suq ikkalkulat minn NMa fid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, li r-rikorrenti tirriferi għalih, kien jirrappreżenta t-total ta’ l-ishma ta’ l-impriżi indipendenti qabel il-konċentrazzjoni. Barra minn dan, skond il-Kummissjoni, l-attribuzzjoni lil CVK ta’ l-ishma fis-suq tar-rikorrenti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ materjali tal-bini tiġi spjegata bil-fatt li r-rikorrenti, minħabba l-kontroll konġunt li hija kellha fuq CVK flimkien ma’ Haniel, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala operatur f'kompetizzjoni ma’ CVK.

268    Fit-tielet lok, dwar l-elementi ta’ "prova addizzjonali" sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni tfakkar, b'mod ġenerali, li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet diġà ġiet implementata fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dan il-fatt jispjega kif hija setgħet tagħmel, fil-premessi 117 sa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, analiżi ex post li kkonfermat li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kienet ħolqot pożizzjoni dominanti. Għall-bqija, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti l-oħrajn magħmulin mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

269    Għandu jiġi osservat qabel kollox li mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jirriżulta li konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b'riżultat ta' dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni (is-sentenza Kali u Salz, punt 196 iktar ’il fuq, punti 109 u 110).

270    F’dan il-każ, għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni magħmula fid-9 ta’ Awwissu 1999 hijiex il-kawża tal-pożizzjoni dominanti analizzata fl-ewwel parti tal-motiv li qed jiġi eżaminat. Fil-fatt, bil-kontra dak li ssostni r-rikorrenti, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandux x’jaqsam biss mar-rabta bejn il-pożizzjoni dominanti ta’ CVK u t-tranżazzjoni RAG, għaliex, kif ġie ddikjarat fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, l-ewwel u t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, għandhom karattru unitarju minħabba l-interdipendenza tagħhom, b’tali mod li jiffurmaw operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, safejn l-analiżi ta’ l-ewwel parti tal-motiv eżaminat wassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkonstata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK fis-suq in kwistjoni, tista’ tiġi loġikament miċħuda r-rabta ta’ kawżalità bejn il-ħolqien ta’ din il-pożizzjoni dominanti u l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, kif tallega r-rikorrenti, biss jekk qabel it-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 kienet teżisti diġà pożizzjoni dominanti eventwali.

271    Imbagħad għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 110 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eskludiet l-eżistenza kemm ta’ pożizzjoni dominanti individwali ta’ CVK kif ukoll ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tat-tliet gruppi ta’ produtturi ta’ briks tar-ramel u l-ġir, jiġifieri l-produtturi li r-rikorrenti kellha l-kontroll tagħhom, dawk ikkontrollati għal kollox minn Haniel u dawk li fihom RAG kellha ishma, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999, filwaqt li ppreċiżat l-ishma fis-suq ta’ dawn it-tliet gruppi fis-suq in kwistjoni. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fil-premessi 116 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat ċerti elementi li jikkonfermaw ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK.

272    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-allegata pożizzjoni dominanti individwali ta’ CVK qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet li hija tibbaża, minn naħa, fuq in-nuqqas ta' analiżi fid-deċiżjoni kkontestata ta’ l-ishma fis-suq ta’ CVK qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, u min-naħa l-oħra, fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni, espost partikolarment fil-premessi 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkunsidra CVK bħala entità ekonomika indipendenti qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

273    Fuq l-ewwel punt, biżżejjed jiġi osservat li n-nuqqas ta’ analiżi msemmi iktar ’il fuq huwa spjegat bil-fatt li l-kwistjoni ta’ l-attribuzzjoni ta’ l-ishma fis-suq lil CVK hija influwenzata minn dik imqajma mit-tieni punt, jiġifieri jekk, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, din l-entità kellhiex tiġi kkunsidrata bħala impriża komuni għall-finijiet u l-effetti kollha fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89, u mhux biss bħala strument ta’ kooperazzjoni bejn il-membri tagħha għall-kummerċjalizzazzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir fl-Olanda; f’dan il-każ l-ishma fis-suq għandhom jiġu attribwiti lill-gruppi li kienu jagħmlu parti minnhom l-impriżi membri ta’ CVK.

274    Dwar it-tieni punt, għandu jiġi mfakkar li, kif jispeċifika l-kuntratt ta’ pooling konkluż fid-9 ta’ Awwissu 1999, il-"partijiet qed jiffurmaw entità ekonomika, taħt il-gwida ta’ CVK, li għandha bħala skop il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta' briks tar-ramel u l-ġir u ta’ dak kollu li jista’ jikkontribwixxi għalihom f’sens wiesa’" (premessa B tal-kuntratt ta’ pooling). Mill-Artikolu 1 ta’ dan il-kuntratt jirriżulta li l-ġestjoni hija ċċentralizzata fuq il-livell ta’ CVK taħt id-direzzjoni tal-kunsill ta' amministrazzjoni, li huwa inkarigat "mill-amministrazzjoni ta’ CVK u tal-fabbriki, fis-sens li, fir-rigward tat-totalità tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ (...) briks tar-ramel u l-ġir u ta’ dak kollu li jista’ jikkontribwixxi għalihom f’sens wiesa’, il-kunsill ta' amministrazzjoni huwa inkarigat mid-direzzjoni ċentrali ta’ CVK u tal-fabbriki, kif jidhirlu xieraq, filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ CVK u tal-membri tagħha". Skond l-istess dispożizzjoni, il-kompiti tal-kunsill ta' amministrazzjoni jinkludu struzzjonijiet eventwali lill-impriżi membri ta’ CVK rigward, partikolarment, l-iżvilupp tal-prodotti, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ, l-akkwisti, l-investimenti u l-irtirar ta’ investimenti, l-ordnijiet, il-valorizzazzjoni tar-ramel u l-persunal. Barra minn dan, skond l-artikoli 5 u 6 tiegħu, il-qligħ u t-telf ta’ l-impriżi membri jinqasmu.

275    Min-naħa l-oħra, mill-proċess ma jirriżultax li tali unità ekonomika kienet teżisti qabel l-operazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999. Fil-fatt qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, CVK kienet teżisti bħala struttura ta' distribuzzjoni komuni tal-prodotti tal-briks tar-ramel u l-ġir ta’ l-impriżi membri ta’ CVK fl-Olanda, li, madankollu, ma kellha l-ebda funzjoni ekonomika oħra. Qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni setgħet għalhekk tittratta lil CVK bħala akkordju bejn il-bejjiegħa favur il-membri tagħha. Minkejja li r-rikorrenti tallega, fir-replika tagħha, li CVK f’dak iż-żmien kellha wkoll funzjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-briks tar-ramel u l-ġir, madankollu hija ma wrietx li fil-fatt dan kien il-każ.

276    Huwa minnu li, ġeneralment, mhuwiex eskluż li struttura ta' distribuzzjoni komuni tista’ eventwalment jkollha n-natura ta’ impriża għall-finijiet u l-effetti kollha jekk, fil-livell tagħha, il-prodotti u s-servizzi li hija tiddistribwixxi jakkwistaw valur miżjud qawwi jew jekk hija topera bħala attur ġenwin fis-suq u tforni lilha nnifisha, bi kwantitajiet konsiderevoli, mingħand fornituri oħra f’kompetizzjoni ma’ l-impriżi membri tagħha.

277    Madankollu, dan mhuwiex dak li sostniet f’dan il-każ ir-rikorrenti.

278    Ir-rikorrenti tikkontesta biss, fil-fatt, il-karattru inqas permanenti ta’ l-istruttura ta' distribuzzjoni komuni, ikkunsidrat fil-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata, rigward impriża komuni msejħa "għall-finijiet u l-effetti kollha". F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni esposta fil-premessa 114 iċċitata iktar ’il fuq, introdotta fil-frażi avverbjali "barra minn dan", tingħad biss b'mod supplementari. Mill-bqija, ir-rikorrenti naqset milli tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li minħabba l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni CVK saret impriża għall-finijiet u l-effetti kollha inkarigata mid-diversi funzjonijiet ta’ l-impriżi li qabel kienu distinti, b’mod li l-ishma fis-suq ġew attribwiti lil din l-entità ġdida u għaldaqstant ġiet influwenzata l-pożizzjoni eventwali dominanti tagħha fis-suq in kwistjoni.

279    Fit-tieni lok, rigward in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tat-tliet gruppi ta’ produtturi ta’ briks tar-ramel u l-ġir, biżżejjed jiġi osservat li r-rikorrenti ma allegatx li t-tliet gruppi kienu jokkupaw pożizzjoni bħal din. Għandu jingħad ukoll li l-ebda element tal-proċess, partikolarment l-ishma fis-suq attribwiti lit-tliet gruppi qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, jiġifieri rispettivament [bejn 20 u 30] % lil Haniel u lir-rikorrenti u [bejn 5 u 10] % lil RAG, jista’ minnu nnifsu jwassal għall-konklużjoni li kienet teżisti pożizzjoni dominanti kollettiva qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999.

280    Fit-tielet lok, dwar l-elementi li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 u l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra dawn l-elementi f’sitwazzjoni, bħal dik in kwistjoni, fejn l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni diġà kienet saret fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, elementi bħal dawn mhumiex, minnhom infushom, strettament meħtieġa għall-konstatazzjoni kkritikata mir-rikorrenti li l-pożizzjoni dominanti ta’ CVK tirriżulta mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999. Għaldaqstant, anki jekk jitqiesu fondati l-argumenti tar-rikorrenti, dawn ma jistax ikollhom l-effett li jinvalidaw l-evalwazzjoni li tirriżulta mill-punti preċedenti.

281    F'kull każ, fir-rigward, b'mod partikolari, ta' l-analiżi, esposta fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-approċċ ta’ CVK fil-qasam ta’ prezzijiet wara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx, permezz ta' indizji preċiżi u konkordanti, li din l-analiżi kienet manifestament żbaljata.

282    B'mod iktar preċiż, ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, ma kkontestatx il-fatt li CVK effettwat żidiet fil-prezzijiet wara l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni ([bejn 5 u 10] % fl-2001 u [bejn 5 u 10] % fl-2002) u lanqas l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fin-noti tagħha, jiġifieri li l-informazzjoni fuq l-iżvilupp fil-prezzijiet wara l-1997 kienet ibbażata fuq stħarriġ metodoloġiku magħmul mal-produtturi kollha u mat-tmintax-il bejjiegħ ta’ materjali għal bini ta' ħitan, u spjegat li l-livell ta’ żieda fil-prezzijiet għas-snin 1999 u 2000 (bejn 0 u 5%) kien eżempju li jirrifletti l-perijodu qabel id-data li fiha l-effetti konkreti ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nħassu fis-suq. Ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat il-kapaċità produttiva żejda tas-settur tal-briks tar-ramel u l-ġir, u lanqas li d-domanda għall-materjali għal bini ta' ħitan kienet pjuttost naqset matul il-perijodu ta’ referenza kkunsidrat mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li ma ġietx ippruvata, li ż-żieda fil-prezzijiet kienet dovuta biss għaż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u għall-iżvilupp tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ma tantx tidher realistika ladarba, wara li saret l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, kien ikun iktar probabbli li nuqqas fid-domanda u l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ produzzjoni żejda jwasslu għat-tnaqqis jew, almenu, għall-istabbiltà tal-prezzijiet tal-briks tar-ramel u l-ġir.

283    F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi milqugħa l-kritika tar-rikorrenti dwar ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet miġbura mill-Kummissjoni mingħand l-operaturi tas-suq dwar il-livell – stabbli jew li qed jonqos – tal-prezzijiet ta’ materjali oħra tal-bini bejn l-1999 u l-2002. Fil-fatt, mid-dikjarazzjoni tax-xahar ta’ Frar 2002 tal-bejjiegħ Stenncentrum Utrecht, li tinsab fil-fajl tal-Kummissjoni u li hija msemmija mir-rikorrenti fin-noti tagħha in sostenn tat-teżi tagħha li l-prezzijiet tal-briks tar-ramel u l-ġir ipprattikati minn CVK ma żdidux jew li, bil-kontra, il-prezzijiet tal-materjali għal bini l-oħra żdiedu, jirriżulta b’mod partikolari li "l-prezzijiet ipprattikati minn ċerti produtturi tal-briks kienu naqsu b’[bejn 20 u 30] % fid-dawl tal-mekkaniżmi tas-suq", li "l-istess ħaġa ġrat fis-settur tal-konkrit lest għall-użu", filwaqt li "għal CVK, l-uniku fornitur ta’ briks tar-ramel u l-ġir, din l-impriża ma kellhiex dan l-ostakolu u kienet żiedet il-prezzijiet b’mod sinjifikanti fl-2001 u fl-2002". Din id-dikjarazzjoni għalhekk ma tipprova bl-ebda mod l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

284    Barra minn dan, ir-rikorrenti lanqas ma spjegat ir-raġunijiet għaliex l-ispjegazzjonijiet ta’ Raab Karcher, mogħtija fis-smigħ quddiem il-Kummissjoni fis-16 ta’ Mejju 2002, li, qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, f’ċerti każijiet kien għadu possibbli li jsiru negozjati fuq prezzijiet mal-produtturi tal-briks tar-ramel u l-ġir, filwaqt li, wara l-operazzjoni, dawn l-impriżi rrifjutaw li jkollhom taħditiet diretti mal-klijenti u kienu jibgħatuhom għand CVK, kienu żbaljati.

285    Għaldaqstant l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġir ta’ CVK fil-qasam ta’ prezzijiet wara li saret l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tikkonferma biżżejjed il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta' l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni, li tippermetti lil din l-impriża li taġixxi, b’mod ġenerali, indipendentement mill-kompetituri tagħha u mill-klijenti tagħha. Għaldaqstant mhux meħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tar-rikorrenti.

286    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, meta ddikjarat, fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni msemmija kienet wasslet għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK fis-suq in kwistjoni b'tali mod li tostakola b’mod sinjifikanti kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

287    It-tieni parti tat-tieni motiv għandha għaldaqstant tiġi miċħuda l-istess bħall-motiv sħiħ.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3 u ta’ l-Artikolu 8(2), tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll tal-prinċipju tal-proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

288    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li teżiġi impenji addizzjonali, skond ir-Regolament Nru 4064/89, fir-rigward ta’ l-abbozz ta’ impenji propost minn Haniel u mir-rikorrenti, li kellu jtemm il-kontroll konġunt li dawn l-impriżi kellhom fuq CVK billi jippermetti bidliet ġodda ta’ għaqdiet fi ħdan CVK, peress li, b’dan l-abbozz, il-konċentrazzjoni li kellha tiġi nnotifikata skond ir-Regolament Nru 4064/89 ma baqgħetx teżisti. Skond ir-rikorrenti, wara l-abbozz ta’ l-impenji, il-Kummissjoni, billi sabet li ma kienx fadal konċentrazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 4064/89, ma setgħetx tibqa' teżiġi, fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, impenji addizzjonali intiżi biex CVK tiġi żarmata, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li din ir-regola tapplika wkoll fil-każ ta’ konċentrazzjoni li diġà saret, bħal f’dan il-każ. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, huwa irrilevanti l-fatt li, minkejja l-ewwel impenji, CVK għadha tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, ir-Regolament Nru 4064/89 jimponi li jiġu adottati deċiżjonijiet ġuridikament vinkolanti fir-rigward biss ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni ta’ livell Komunitarju u ma jawtorizzax lill-Kummissjoni li tieħu miżuri intiżi sabiex kwalunkwe impriża li allegatament tokkupa pożizzjoni dominanti tiġi żarmata. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, billi eżiġiet impenji addizzjonali għall-abbozz ta' impenji inizjali, il-Kummissjoni ħarġet mill-kompetenza tagħha, bi ksur ta’ l-Artikolu 3 u ta’ l-Artikolu 8(2), tar-Regolament Nru 4064/89.

289    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li, billi eżiġiet impenji li jwasslu għax-xoljiment ta' CVK, li jmorru lil hinn mill-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni eżistenti qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità. Skond ir-rikorrenti, meta impenji jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni hija marbuta li taċċetta is-serje inqas restrittiva ta’ impenji proposti, iżda hija m'għamlitx hekk f'dan il-każ.

290    Dwar il-kwistjoni tal-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni tammetti l-ewwel nett li, jekk il-partijiet, li nnotifikawha b’operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, jiddeċiedu li ma jkomplux din l-operazzjoni u jirtiraw in-notifika, hija m’għandhiex tinsisti li jiġu assunti l-impenji.

291    Madankollu, f’dan il-każ, skond il-Kummissjoni s-sitwazzjoni hija differenti, għaliex l-operazzjoni in kwistjoni diġà saret. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija għandha taġixxi skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 4064/89 biex ixxolji l-konċentrazzjoni jew tistabbilixxi mill-ġdid kompetizzjoni effettiva b’azzjonijiet oħra adegwati. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, f’dan il-każ, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni hija magħmula minn żewġ tranżazzjonijiet. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-abbandun tal-kontroll konġunt ta’ Haniel u tar-rikorrenti fuq CVK mhuwiex biżżejjed biex jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, billi CVK tkompli tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni. Jekk il-partijiet assumew l-impenn li jtemmu l-kontroll konġunt, il-Kummissjoni tqis li madankollu hija ma titlifx il-kompetenza tagħha biex teżamina l-operazzjoni skond ir-Regolament Nru 4064/89. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, il-kompetenza tagħha hija unikament iddeterminata mill-operazzjoni fl-oriġini ta’ l-obbligu ta' notifika, u mhux mill-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ impenji. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, taħt il-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-impenji indikati fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet obbligata li tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89.

292    Rigward l-allegat ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija osservat kompletament dan il-prinċipju. Skond il-Kummissjoni, l-ewwel serje ta’ impenji sempliċiment ma kinitx tippermettilha li tiggarantixxi kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni, inkwantu CVK dejjem kienet tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni. It-tieni serje ta’ impenji biss setgħet tirrimedja din is-sitwazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

293    B'mod preliminari, għandu qabel xejn jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi dan li ġej:

"Meta l-Kummissjoni ssib li, wara xi tibdil mill-impriżi konċernati jekk meħtieġ, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju preskritt bl-Artikolu 2(2), għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

Hija tista’ żżid mad-deċiżjoni kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi kkonċernati josservaw l-wegħdiet li huma għamlu vis-à-vis l-Kummissjoni b'għan li jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. [...]".

294    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni tista’ taċċetta biss impenji tali li jrendu l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Fi kliem ieħor, l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati għandhom jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonkludi li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni msemmija ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti fis-sens ta' l-Artikolu 2(2), ta’ dan ir-Regolament (is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 318).

295    Imbagħad, f’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punt 13 ta’ l-anness tagħha li l-Kummissjoni rrifjutat, fil-bidu, abbozz ta’ impenji li kien jipprovdi li Haniel u r-rikorrenti jxolju l-kuntratt ta’ kooperazzjoni u jbiegħu lil terz indipendenti l-ishma miksuba wara t-tranżazzjoni RAG fl-impriżi Anker, Vogelenzang u Van Herwaarden, filwaqt li jinżamm il-kuntratt ta’ pooling u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK.

296    Fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni immotivat dan ir-rifjut b’dan il-mod:

"L-impenji li l-partijiet ipproponew li jassumu fl-abbozz, fil-fehma tal-Kummissjoni, mhumiex biżżejjed biex jevitaw l-oġġezzjonijiet magħmula fir-rigward tas-suq [in kwistjoni]. Fil-fatt, l-abbozz ta' impenji jillimita ruħu li jtemm il-kontroll konġunt ta’ Haniel u Cementbouw fuq CVK, mingħajr ma jtemm fl-istess waqt il-pożizzjoni dominanti tas-suq ta’ CVK, li nħolqot mill-konċentrazzjoni. L-abbozz huwa bbażat fuq it-teżi, miċħuda kif espost fit-Taqsima II ta’ din id-deċiżjoni, li huwa biss it-teħid tal-kontroll konġunt minn Haniel u Cementbouw fuq CVK li huwa s-suġġett tal-verifika tal-Kummissjoni f’din il-proċedura u li, bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ NMa ta’ l-20 ta’ Ottubru 1998, it-teħid ta’ kontroll kontemporanju minn CVK fuq l-impriżi membri ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni".

297    Il-Kummissjoni madankollu aċċettat l-impenji definittivi deskritti fil-punti 129 sa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, billi kkunsidrat li kienu biżżejjed biex il-konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

298    Il-kontenut ta’ dawn l-impenji huwa dan li ġej:

–        fi żmien ta’ [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pooling, l-annullament tal-bidliet magħmula fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ CVK u x-xoljiment ta' din ta' l-aħħar;

–        it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ kooperazzjoni b’effett immedjat;

–        kontemporanjament mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pooling, impenn mir-rikorrenti u minn Haniel li jtemmu l-kontroll konġunt fuq l-impriżi Anker u Van Herwaarden, skond il-kundizzjonijiet deskritti fil-punt 129 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        impenn tar-rikorrenti u ta’ Haniel biex jintemm il-kontroll konġunt fuq Vogelenzang bl-istess kundizzjonijiet previsti għal Anker e la Van Herwaarden, jekk Vogelenzang terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha;

–        impenn tar-rikorrenti u ta’ Haniel biex [dikjarazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna ta’ CVK](3);

–        ħatra ta’ mandatarju, inkarigat biex jara li jiġu osservati l-impenji li daħlu għalihom il-partijiet.

299    Mingħajr ma tikkontesta li l-partijiet li wettqu notifika setgħu jipproponu l-miżuri korrettivi adegwati biex jevitaw il-"problemi ta' kompetizzjoni" identifikati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi t-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni b'applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, l-ewwel abbozz ta’ impenji, li kien jikkonsisti fit-terminazzjoni tat-tieni grupp ta’ operazzjonijiet billi jerġa' jistabbilixxi s-sitwazzjoni ta’ qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, kif mifhuma mir-rikorrenti, jibdel l-operazzjoni b'tali mod li din ta' l-aħħar ma teżistix iktar. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx iktar kompetenti li titlob lill-partijiet li jipproponu impenji oħrajn, partikolarment ix-xoljiment ta’ CVK, ladarba ma kienx hemm iktar bażi għall-kompetenza tagħha skond ir-Regolament Nru 4064/89. Fl-istess waqt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li taċċetta l-ewwel abbozz ta’ impenji, għaliex kien biżżejjed u inqas restrittiv mill-impenji definittivi. Ir-rikorrenti tqis għaldaqstant li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità.

300    Madankollu dan l-argument għandu jiġi miċħud.

301    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati għal darba oħra fuq premessa żbaljata, miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni parti ta’ l-ewwel motiv. Fil-fatt, teżisti operazzjoni waħda ta’ konċentrazzjoni, konkluża fid-9 ta’ Awwissu 1999, ikkostitwita mill-ewwel u mit-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet, li taqa' taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni skond ir-Regolament Nru 4064/89. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ewwel abbozz ta’ impenji ma jibdilx l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni b’tali mod li ma tibqax teżisti.

302    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

303    Fit-tieni lok, tintlaħaq konklużjoni identika fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament proporzjonata ta’ l-ewwel abbozz ta’ impenji u fuq in-natura sproporzjonata ta’ l-impenji definittivi aċċettati mill-Kummissjoni, partikolarment dak tax-xoljiment ta’ CVK f’terminu ta’ żmien [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li minnu tiddependi d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà.

304    Minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegatx b’liema mod l-ewwel abbozz ta’ impenji, muri fil-punt 295 iktar ’il fuq, kien ippermetta lill-Kummissjoni li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, filwaqt li huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan l-abbozz ta’ impenji, il-pożizzjoni dominanti ta’ CVK, kif tirriżulta mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999, baqgħet l-istess. B’mod partikolari, fil-fatt, minkejja l-abbandun tal-kontroll konġunt ta’ CVK, l-impriża kompliet, skond id-definizzjoni tas-suq, iżżomm almenu [bejn 50 u 60] % tas-suq in kwistjoni, mingħajr, madankollu, ma żdiedu l-ishma fis-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha.

305    Għaldaqstant, bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li taċċetta l-ewwel abbozz ta’ impenji, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, għaliex dan l-abbozz ma kienx jippermettilha tikkonkludi li l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 1999 ma kinitx toħloq pożizzjoni dominanti, skond l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

306    Din l-evalwazzjoni hija sostnuta wkoll mill-kliem tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1310/97/KE, iċċitata mir-rikorrenti fin-noti tagħha, fejn jingħad li: "l-Kummissjoni tista' tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fit-tieni fażi tal-proċedura, wara li l-partijiet ikunu kkommettew [i]rwie[ħ]hom b'mod proporzjonali għal u li jeliminaw kompletament il-problema ta' kompetizzjoni [...]".

307    B'hekk, biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni bl-iskop ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, l-impenji tal-partijiet mhux biss għandhom ikunu proporzjonati mal-problema ta' kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, iżda għandhom isolvuha għal kollox, skop li manifestament ma ntlaħaqx, f’dan il-każ, mill-ewwel abbozz ta’ impenji propost mill-partijiet li wettqu notifika.

308    Min-naħa l-oħra, dwar l-impenn definittiv li bih il-partijiet ipproponew li jxolju lil CVK f’terminu ta’ żmien ta' [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata – l-uniku impenn li ġie ġenwinament diskuss mill-partijiet f’din il-proċedura –, jekk huwa minnu li huwa jmur lil hinn mill-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, billi, ma’ l-iskadenza ta' l-imsemmi terminu ta' żmien, CVK ma kinitx teżisti iktar, lanqas fil-forma tagħha ta’ qabel bħala akkordju bejn il-bejjiegħa, jibqa’ l-fatt li l-partijiet li wettqu notifika mhumiex obbligati li jillimitaw ruħhom li jipproponu impenji intiżi strettament li jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni kif kienet qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddikjara din l-operazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-impenji kollha tal-partijiet li jippermettulha li tadotta deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni.

309    Barra minn hekk għandu jingħad li, quddiem l-impenji definittivi tal-partijiet li wettqu notifika, kif miġbura fil-qosor fil-premessa 298 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex id-diskrezzjoni li tirrifjutahom u li tadotta deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, jiġifieri deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 8(2), ta’ dan ir-regolament, iżda li fiha kundizzjonijiet intiżi għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, li hija imponiet unilateralment.

310    Fil-fatt, fl-ewwel każ − dak ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva − il-Kummissjoni injorat id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li jobbligaha tadotta deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni jekk tikkonstata li din l-operazzjoni, jekk ikun il-każ, wara li l-impriżi kkonċernati jkunu għamlu tibdil, tissodisfa l-kriterju definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89.

311    Fit-tieni każ − dak ta’ deċiżjoni pożittiva b'kundizzjonijiet intiża biex jerġgħu għall-istabbiliment mill-ġdid strett tas-sitwazzjoni preċedenti − il-Kummissjoni xorta waħda marret kontra dak li jipprovdi t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li ma jipprovdix li l-Kummissjoni tista’ tissuġġetta d-dikjarazzjoni tagħha ta’ kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni għal kundizzjonijiet imposti minnha unilaterlament, indipendentement mill-impenji li daħlu għalihom il-partijiet li wettqu notifika.

312    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b'mod effettiv il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi f'dan il-każ, huma biss l-impenji definittivi aċċettati mill-partijiet li wettqu notifika li setgħu jippermettu lill-Kummissjoni tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89.

313    Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-partijiet li wettqu notifika ġew imġiegħla, arbitrarjament, mill-Kummissjoni jipproponu l-impenn li jxolju lil CVK f’terminu ta’ żmien [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

314    Huwa minnu li, meta tinqara d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u r-risposta tar-rikorrenti għal din id-dikjarazzjoni, għandu jiġi ammess li l-Kummissjoni setgħet teżerċita ċerta influwenza fuq il-kontenut ta’ l-impenji proposti mill-partijiet u li finalment hija aċċettathom fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li kienet lesta, b'applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 4064/89, li tadotta miżuri xierqa biex tistabbilixxi mill-ġdid kompetizzjoni effettiva, fosthom ix-xoljiment ta’ CVK, jekk il-partijiet ma kinux jipproponu miżuri korrettivi.

315    Huwa wkoll minnu li, fir-rigward ta' Haniel, il-proposta għax-xoljiment ta’ CVK setgħet kienet immotivata mill-fatt li hija setgħet tippermetti lil CVK li takkwista ishma fl-impriża Ytong Netherlands, attiva fil-produzzjoni tal-konkrit ċellulari, skond il-premessi 141, 142 u 151 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2002, 2003/292/KE, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/M.2568 – Haniel/Ytong) (ĠU 2003, L 111, p. 1).

316    Madankollu, huwa stabbilit li, kif ġie espost fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet daħlu għall-impenn li jxolju CVK fit-terminu ta' żmien iċċitat "għaliex [kienu] iqisu li fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pooling, ma setax jiġi kkunsidrat li CVK tkompli teżisti bħala organizzazzjoni ta’ distribuzzjoni komuni".

317    Barra minn dan, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2002 (ara l-punt 315 iktar ’il fuq), li tirrigwarda biss lil Haniel, ma imponiet l-ebda metodu partikolari dwar l-istruttura ta’ CVK fil-ġejjieni, biex titneħħa l-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ l-ishma ta’ Haniel fi Ytong Netherlands. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tindika li l-impenn ta’ bejgħ li daħlet għalih Haniel ikun bla skop jekk CVK titqiegħed f’likwidazzjoni jew jekk l-ebda waħda mill-impriżi, li fihom Haniel tipparteċipa direttament jew indirettament, ma tibqa' tagħmel parti minn CVK (premessa 142). Il-premessa 151 tad-deċiżjoni tad-9 ta’ April 2002 iżżid li l-impenn iċċitat huwa wkoll bla skop jekk CVK titqiegħed f’likwidazzjoni. F'kull każ, mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni ma jistax jiġi dedott li din setgħet iġġiegħel lir-rikorrenti tipproponi impenji definittivi ċċitati fil-kuntest ta' din il-kawża, peress li d-deċiżjoni tad-9 ta’ April 2002 ma kinitx tirreferi għar-rikorrenti.

318    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod it-terminu ta’ żmien ta' [kunfidenzjali] għax-xoljiment ta’ CVK li jibda jiddekorri mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, aċċettat mill-Kummissjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ, ġie propost taħt pressjoni arbitrarja tal-Kummissjoni u huwa sproporzjonat.

319    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex ppruvat li l-partijiet li wettqu notifika kienu ġew imġiegħla arbitrarjament mill-Kummissjoni biex jipproponu l-miżura korrettiva li tikkonsisti fix-xoljiment ta’ CVK f’terminu ta’ żmien ta' [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Lanqas ma jirriżulta mill-elementi fil-proċess li l-partijiet imsemmija kienu ġew imġiegħla arbitrarjament li jipproponu miżuri korrettivi oħra inklużi fl-impenji definittivi tagħhom, li għandhom l-iskop li jistabbilixxu mill-ġdid kompetizzjoni effettiva.

320    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u inkwantu r-rikorrenti ma ssostnix li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-impenji definittivi proposti mill-partijiet, fosthom dak li tiġi xolta CVK f'terminu ta' żmien ta' [kunfidenzjali] mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ippermettew li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva, għandu jitqies li l-Kummissjoni waslet ġustament għall-konklużjoni li dawn l-impenji, sakemm jiġu osservati mill-partijiet, kienu jippermettulha li tiddikjara l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni in kwistjoni kompatibbli mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-ftehim ŻEE.

321    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħal ma għandu jiġu miċħud ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

322    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Lindh

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

 

       Vadapalas

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-23 ta’ Frar 2006.

E. Coulon

 

      H. Legal                        

Reġistratur

 

       President            


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni fl-eżami ta' l-operazzjonijiet in kwistjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex teżamina t-tranżazzjoni RAG minħabba n-nuqqas ta’ bidla fil-kontroll ta’ CVK

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ kontroll konġunt ta’ CVK qabel il-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet

–  Fuq it-teħid ta’ kontroll konġunt ta’ CVK min-naħa ta’ Haniel u tar-rikorrenti fil-mument tal-konklużjoni tat-tieni grupp ta’ tranżazzjonijiet

–  Fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni ma kinitx suffiċjenti

Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddeskrivi bħala konċentrazzjoni unika żewġ tranżazzjonijiet u fuq l-ineżistenza, f’dan il-każ, ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiddeskrivi diversi tranżazzjonijiet bħala konċentrazzjoni waħda, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4064/89

–  Fuq l-interdipendenza tat-tranżazzjonijiet konklużi fid-9 ta’ Awwissu 1999

Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li teżamina t-teħid ta’ kontroll minn CVK fuq l-impriżi membri tagħha, minħabba l-awtorizzazzjoni tagħha min-naħa ta’ NMa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni relatati mal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti permezz ta’ l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4069/89

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ CVK.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Fuq il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva qawwija fuq CVK min-naħa tal-produtturi ta' konkrit mogħti fil-post

–  Fuq il-fattur ibbażat fuq il-preżenza ta’ ostakoli konsiderevoli għad-dħul fis-suq

–  Fuq il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas tas-setgħa ta' xiri tal-klijenti ta’ CVK.

–  Dwar il-fattur ibbażat fuq in-nuqqas ta’ limitazzjoni fuq il-marġni ta’ manuvra ta’ CVK fis-suq ta’ materjali għal bini ta' ħitan ta' appoġġ permezz tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq konness tal-materjali għal bini ta’ ħitan li mhumiex ta' appoġġ

–  Fuq il-fattur ibbażat fuq l-eżistenza ta' rabta strutturali bejn CVK u r-rikorrenti li tippermettilhom, fuq il-livell kemm ta’ l-offerta kif ukoll tal-bejgħ tal-materjali għal bini ta' ħitan ta' appoġġ, li jgawdu minn marġni ta’ manuvra usa’ mill-kompetituri tagħhom

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ rabta ta' kawżalitŕ bejn l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u l-ħolqien tal-pożizzjoni dominanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3 u ta’ l-Artikolu 8(2), tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll tal-prinċipju tal-proporzjonalitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali tħalliet barra.


2Data riżervati moħbijin.


3Data riżervata moħbija.