Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-8 ta’ April 2021 – Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione – Unità di Dublino vs CZA

(Kawża C-228/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione – Unità di Dublino

Konvenuta: CZA

Domandi preliminari

L-Artikolu 4 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li bl-appell ippreżentat, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 604/2013 1 , fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata minn Stat Membru, skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 26 tar-Regolament u abbażi tal-obbligu tal-Istat li jieħu lura stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b) tal-istess regolament, jista’ jiġi sostnut biss in-nuqqas ta’ għoti tal-fuljett ta’ informazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament, min-naħa tal-Istat li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment?

L-Artikolu 27 tar-Regolament, moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 jimponi fuq l-imħallef l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment?

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 27 tar-Regolament, moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 jimponi fuq l-imħallef il-verifika tar-rilevanza ta’ tali ksur fid-dawl taċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrent u jippermetti li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni ta’ trasferiment kull darba li ma jqumux raġunijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ kontenut differenti?

____________

1 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).