Language of document : ECLI:EU:C:2019:280

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ April 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 18(1)(b) sa (d) – Artikolu 23(1) – Artikolu 24(1) – Proċedura ta’ teħid lura – Kriterji ta’ responsabbiltà – Applikazzjoni ġdida ddepożitata fi Stat Membru ieħor – Artikolu 20(5) – Proċess ta’ determinazzjoni pendenti – Irtirar tal-applikazzjoni – Artikolu 27 – Rimedji ġudizzjarji”

Fil-Kawżi magħquda C‑582/17 u C‑583/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tas‑27 ta’ Settembru 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2017, fil-proċeduri

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

vs

H. (C‑582/17),

R. (C‑583/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, C. Toader u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H., minn I. M. Zuidhoek, advocaat,

–        għal R., minn M. P. Ufkes, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, Z. Lavery u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2013, L 49, p. 50), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), minn naħa, u H. u R., ċittadini Sirjani, min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1560/2003

3        L-Annessi I u III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1560/2003”), jistabbilixxu rispettivament “Formola standard sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” u “Formola standard għal talbiet għat-teħid lura”.

 Ir-Regolament Dublin III

4        Il-premessi 4, 5, 13, 14 u 19 tar-Regolament Dublin III huma redatti b’dan il-mod:

“(4)      Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw […] li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(13)      F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal‑1989 u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-aħjar interess tat-tifel/tifla għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru meta japplikaw dan ir-Regolament. Meta jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont tal-ġid u l-iżvilupp soċjali tal-minorenni, konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza u l-fehmiet tal-minorenni skont il-livell ta’ maturita’ tiegħu jew tagħha, inkluż l-isfond tiegħu jew tagħha. Barra minn dan, garanziji proċedurali speċifiċi għal minorenni mhux akkunpanjati għandhom ikunu stabbiliti minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom.

(14)      F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ir-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(d)      ‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)] u d-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament;

[…]”

6        L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

[…]”

7        Fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III dwar il-“[k]riterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“Fejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

8        L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

(a)      jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

(b)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

(c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

(d)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

2.      Fil-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(a) u (b), l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali […]

Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-paragrafu 1(d), fejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata biss fl-ewwel istanza, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha l-opportunità li tfittex rimedju effettiv, skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE.”

9        Il-Kapitolu VI tal-istess regolament, intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 33 tiegħu.

10      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli”.

11      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt b’dan il-mod:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.”

12      L-Artikolu 22(2), (4), (5) u (7) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“2.      Fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali għandhom ikunu użati.

[…]

4.      Ir-rekwiżit ta’ prova m’għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament.

5.      Jekk m’hemmx prova formali, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu jekk ix-xhieda ċirkostanzjali tkun koerenti, verifikabbli u ddettaljata suffiċjentement biex tistabbilixxi responsabbiltà.

[…]

7.      Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perijodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu tal-persuna, inklużi l-obbligu biex jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

13      L-Artikolu 23 tal-istess regolament jiddisponi:

“1.      Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

[…]

4.      Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkludi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna konċernata, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta kondizzjonijiet uniformi għall-preparazzjoni u s-sossotmissjoni ta’ talbiet biex tittieħed lura persuna. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(2).”

14      L-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“1.      Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

[…]

5.      It-talba biex il-persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tittieħed lura, għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkuldi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest li jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]”

15      L-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dak il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

2.      Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodu ta’ xahar jew fil-perijodu ta’ ġimgħatejn imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tfisser aċċettazzjoni tat-talba, u għandha tinvolvi l-obbligu li jieħu lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jipprovdi arranġamenti xierqa għall-wasla.”

16      L-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża:

“L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C582/17

17      Fil‑21 ta’ Jannar 2016, H. iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18      Billi H. kien preċedentement iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, is-Segretarju tal-Istat bagħat, fil‑21 ta’ Marzu 2016, lill-awtoritajiet Ġermaniżi, talba għall-finijiet tat-teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

19      L-awtoritajiet Ġermaniżi ma rrispondewx għal din it-talba għal teħid lura fi żmien it-terminu mogħti ta’ ġimagħtejn.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2016, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata minn H., billi qies li dan ma setgħax jinvoka l-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-preżenza tal-konjuġi tiegħu f’dan l-Istat Membru, peress li din kienet kwistjoni ta’ sitwazzjoni ta’ teħid lura u mhux ta’ sitwazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

21      H. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Groningen (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Groningen, il-Pajjiżi l-Baxxi).

22      Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2016, din il-qorti laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat billi qieset li din kienet insuffiċjentement motivata.

23      H. u s-Segretarju tal-Istat appellaw minn din is-sentenza.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li, konformement mal-loġika wara r-Regolament Dublin III, huwa biss l-Istat Membru fejn l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kienet ġiet iddepożitata li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli. Minn dan hija tiddeduċi li H. ma jistax jipprevalixxi ruħu minn kriterju stabbilit fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li dan ma kienx stenna t-tmiem tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fil-Ġermanja u peress li diġà jeżisti ftehim ta’ teħid lura bejn dawn iż-żewġ Stati Membri.

25      Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni ma’ dik adottata fis-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), u tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410).

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss l-Istat Membru li fih tressqet għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li għandu l-kompitu li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, b’mod li ċittadin barrani għandu rimedju biss f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Dublin, kontra applikazzjoni żbaljata ta’ wieħed mill-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mill-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (fosthom l-Artikolu 9)?”

 Il-Kawża C583/17

27      Fid‑9 ta’ Marzu 2016, R. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

28      Billi R. kien diġà ddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, is-Segretarju tal-Istat talab lill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex jiħduh lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

29      L-awtoritajiet Ġermaniżi inizjalment ċaħdu din it-talba għar-raġuni li R. kien miżżewweġ persuna li kienet benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

30      Is-Segretarju tal-Istat mbagħad bagħat lill-awtoritajiet Ġermaniżi talba għal eżami mill-ġdid li fiha ppreċiża li ż-żwieġ ta’ R. ma’ din il-persuna kien meqjus bħala mhux ġenwin. Abbażi ta’ din it-talba, l-awtoritajiet Ġermaniżi reġgħu kkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom u aċċettaw, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2016, li jieħdu lura lil R.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2016, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata minn R., billi qies, minn naħa, li l-allegat konġunt ta’ R. ma jistax jitqies bħala membru tal-familja tiegħu, peress li ż-żwieġ allegat ta’ R. kellu jitqies bħala mhux ġenwin, u, min-naħa l-oħra, li R. ma setgħax jinvoka l-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III, peress li din kienet kwistjoni ta’ sitwazzjoni ta’ teħid lura u mhux ta’ sitwazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

32      R. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats’s-Hertogenbosch (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi).

33      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 2016, din il-qorti laqgħet ir-rikors u annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat, minħabba li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III kemm f’sitwazzjoni ta’ teħid lura kif ukoll f’sitwazzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

34      Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss l-Istat Membru li fih tressqet għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li għandu l-kompitu li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, b’mod li ċittadin barrani għandu rimedju biss f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Dublin, kontra applikazzjoni żbaljata ta’ wieħed mill-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mill-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (fosthom l-Artikolu 9)?

2)      Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, sa fejn huwa rilevanti l-fatt li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru fejn din tressqet għall-ewwel darba jew il-fatt li ċ-ċittadin barrani rtira din l-applikazzjoni b’mod prematur?”

36      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2017, il-Kawżi C‑582/17 u C‑583/17 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

37      Permezz tad-domanda tagħha fil-Kawża C‑582/17 u tad-domandi tagħha fil-Kawża C‑583/17, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru mbagħad telaq minn dan l-Istat Membru u sussegwentement iddepożita applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru jistax jinvoka l-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat, skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, f’dan it-tieni Stat Membru kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu.

 Fuq il-portata tad-dritt għal rimedju

38      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-persuna li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkollha d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, mill-imsemmija deċiżjoni quddiem qorti.

39      Il-portata ta’ dan ir-rikors hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 43, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 37).

40      F’dan il-kuntest, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnu s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli minn applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u tal-għanijiet koperti b’dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikors li huwa jipprevedi kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda kemm l-osservanza tar-regoli li jassenjaw ir-responsabbiltà sabiex tiġi eżaminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-garanziji proċedurali previsti minn dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 27 u 31; tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 44 sa 48, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 38).

41      Il-fatt li d-deċiżjoni ta’ trasferiment li kontra tagħha qiegħed jiġi eżerċitat ir-rikors ġiet adottata fit-tmiem ta’ proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-portata hekk rikonoxxuta għal dan ir-rikors.

42      Fil-fatt, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jiżgura dritt għal azzjoni legali kemm lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li jistgħu jkunu suġġetti, skont il-każ, għal proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, kif ukoll lill-persuni l-oħra msemmija fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jkunu suġġetti għal proċedura ta’ teħid lura, mingħajr l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-portata tar-rimedju mogħti lil dawn il-kategoriji differenti ta’ rikorrenti.

43      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax timplika li persuna kkonċernata tista’ tinvoka, quddiem il-qorti nazzjonali adita b’tali rikors, dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li, sakemm ma jkunux applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, ma jorbtux lill-awtoritajiet kompetenti matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

44      F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li d-domandi magħmula huma preċiżament minħabba d-dubji tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-applikabbiltà, fis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament u, għaldaqstant, fir-rigward tal-obbligu, tal-awtoritajiet kompetenti Olandiżi, li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, il-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit f’dan l-artikolu.

45      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex obbligati, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni filwaqt li jqisu dan il-kriterju, qabel ma tkun tista’ titressaq b’mod validu talba għall-finijiet ta’ teħid lura.

 Fuq il-proċedura applikabbli f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali

46      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid lura huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III. Mill-Artikolu 23(1) u mill-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din il-proċedura tapplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 20(5) jew fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tal-imsemmi regolament.

47      B’mod partikolari, l-Artikolu 20(5) tal-istess regolament jipprevedi li din tapplika għal applikant li jiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li jkun irtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor matul il-proċess sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni.

48      Din id-dispożizzjoni timplika għalhekk li applikant li formalment avża lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kien iddepożita l-ewwel applikazzjoni tiegħu li jixtieq jirtiraha qabel ma jitlesta dan il-proċess jista’ madankollu jiġi ttrasferit lejn dan l-ewwel Stat Membru bil-ħsieb li jitlesta l-imsemmi proċess.

49      Issa, trasferiment għal dan l-għan lejn l-imsemmi l-ewwel Stat Membru jirrikjedi li dan ikun possibbli a fortiori f’sitwazzjoni li fiha l-applikant telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni jkun tlesta, mingħajr ma jkun informa lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru dwar ix-xewqa tiegħu li jirtira l-applikazzjoni tiegħu u meta, konsegwentement, dan il-proċess dejjem ikun għadu għaddej f’dan l-Istat Membru.

50      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies, kif sostnew il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni matul is-seduta, li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III japplika wkoll f’sitwazzjoni bħal din, peress li l-fatt li l-applikant ikun telaq mit-territorju ta’ Stat Membru li fih ikun iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bħala irtirar impliċitu ta’ din l-applikazzjoni.

51      Fir-rigward tal-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tar-Regolament Dublin III, dan jirreferi għal persuna li, minn naħa, iddepożitat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, liema applikazzjoni qiegħda tiġi eżaminata, irtirat tali applikazzjoni jew rat tali applikazzjoni miċħuda u li, min-naħa l-oħra, jew iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, jew tinsab, mingħajr permess ta’ residenza, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 44).

52      Peress li mill-Artikolu 2(d) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jkopri miżuri ta’ skrutinju meħuda mill-awtoritajiet kompetenti dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont l-imsemmi regolament, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tal-istess regolament japplika biss jekk l-Istat Membru li fih tkun ġiet preċedentement iddepożitata applikazzjoni kien lesta din il-proċedura ta’ determinazzjoni billi ammetta r-responsabbiltà tiegħu sabiex jeżamina din l-applikazzjoni u beda l-eżami tal-imsemmija applikazzjoni skont id-Direttiva 2013/32.

53      Minn dak li ntqal jirriżulta li sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid lura, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fl-ewwel Stat Membru tkunx ġiet irtirata jew jekk l-eżami tagħha skont id-Direttiva 2013/32 tkunx diġà nbdiet fl-imsemmi Stat Membru.

 Fuq is-sistema applikabbli għall-proċeduri ta’ teħid lura

54      Il-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura għandhom jitwettqu obbligatorjament f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 49, kif ukoll tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X, C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punt 57), li jissottomettu dawn il-proċeduri għal sistemi distinti, kif iddefiniti rispettivament fit-Taqsimiet II u III ta’ dan il-kapitolu.

55      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-possibbiltà, għal Stat Membru li għandu tkun ġiet iddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jitlob lil Stat Membru ieħor sabiex jassumi responsabbiltà ta’ applikant biss meta l-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri jqis li t-tieni minnhom ikun l-Istat Membru “responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni”, li bħala prinċipju jkun l-Istat Membru li għandu l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament.

56      L-applikabbiltà ta’ dawn il-kriterji fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà hija kkonfermata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2) sa (5) tal-istess regolament, li jirregolaw, b’mod dettaljat, l-eżami tal-provi u tal-indizji li jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija u li jiddefinixxu l-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjest.

57      Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III għandu natura ċentrali u li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn applikazzjoni tkun ġiet iddepożitata tista’ tibgħat talba lil Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ tali teħid ta’ responsabbiltà biss meta din l-awtorità tqis li dan l-Istat Membru ieħor ikun responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 43).

58      Madankollu, dan ma japplikax għall-proċedura ta’ teħid lura, peress li din hija rregolata minn dispożizzjonijiet li għandhom, f’dan ir-rigward, differenzi sostanzjali meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà.

59      Għalhekk, fl-ewwel lok, l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedu l-possibbiltà li ssir talba għall-finijiet ta’ teħid lura meta l-Istat Membru rikjedenti jqis li Stat Membru ieħor huwa “responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b) [sa] (d)” ta’ dan ir-regolament, u mhux meta jqis li Stat Membru ieħor ikun “responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni”.

60      Minn dan jirriżulta, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li t-terminu “responsabbli” huwa użat fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III f’sens differenti minn dak użat fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan ma jirrigwardax speċifikament ir-responsabbiltà li tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament jirriżulta li t-trasferiment ta’ persuna lejn l-Istat Membru li għandu l-obbligu ta’ teħid lura ma għandux neċessarjament l-għan sabiex jitwettaq l-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

61      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 23(1) u mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, l-eżerċizzju tal-possibbiltà li ssir talba għall-finijiet ta’ teħid lura jippresupponi mhux li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjest sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li dan l-Istat Membru jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5) jew fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament.

62      Issa, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-obbligu ta’ teħid lura li dan jistabbilixxi huwa impost fuq “[l]-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata”. Għalhekk, il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament ma jistgħux iservu sabiex jidentifikaw lil dan l-Istat Membru.

63      Barra minn hekk, il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu tiddependi fuq it-twettiq, fl-Istat Membru rikjedenti, tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni, sabiex jiġi vverifikat li l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 20(5) tal-imsemmi regolament ikollu din il-kwalità, imur kontra l-loġika stess ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din tispeċifika li t-teħid lura tal-applikant impost fuq dan l-Istat Membru għandu l-għan li jippermetti lil dan tal-aħħar li “jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli [għall-eżami tal-applikazzjoni]”.

64      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi obbligi partikolari li jaqgħu fuq l-ewwel Stat Membru li fih kienet ġiet iddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni, u li dan jingħata status partikolari permezz tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 93 u 95).

65      Fir-rigward tal-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, mill-formulazzjoni tiegħu jirriżulta b’mod ċar li l-obbligi li dan jistabbilixxi huma imposti fuq “l-Istat Membru responsabbli”.

66      Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, l-obbligi ta’ teħid lura previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw biss jekk il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni previst mill-imsemmi regolament kien tlesta preċedentement fl-Istat Membru rikjest u wassal sabiex dan tal-aħħar irrikonoxxa r-responsabbiltà tiegħu sabiex jeżamina din l-applikazzjoni.

67      F’sitwazzjoni bħal din, fejn ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni diġà tkun ġiet stabbilita, ma hemmx lok li ssir applikazzjoni ġdida tar-regoli li jirregolaw il-proċess ta’ determinazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà, fejn fl-ewwel post insibu l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament.

68      L-Artikolu 25 tar-Regolament Dublin III jikkorrobora, fit-tieni lok, l-assenza ta’ rilevanza tal-kriterji ta’ responsabbiltà msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura.

69      Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 22(2) sa (5) tar-Regolament Dublin III jipprevedi b’mod iddettaljat kif dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni simili u jobbliga biss lill-Istat Membru rikjest li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura.

70      In-natura simplifikata tal-proċedura ta’ teħid lura hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li t-terminu sabiex tingħata risposta għal talba għall-finijiet ta’ teħid lura, previst fl-Artikolu 25(2) tal-imsemmi regolament, huwa sostanzjalment iqsar mit-terminu sabiex tingħata risposta għal talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà, previst fl-Artikolu 22(7) tal-istess regolament.

71      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni preċedenti hija kkorroborata mill-formoli standard ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura elenkati rispettivament fl-Anness I u fl-Anness III tar-Regolament Nru 1560/2003.

72      Fil-fatt, filwaqt li l-formola standard ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà tipprevedi li l-Istat Membru rikjedenti għandu, billi jimmarka kaxxa, jindika l-kriterju ta’ responsabbiltà rilevanti u tippermetti l-provvista ta’ informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-kriterju huwiex issodisfatt, il-formola standard ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura teżiġi biss li l-Istat Membru rikjedenti jindika jekk it-talba tiegħu hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 20(5) jew fuq l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tar-Regolament Dublin III, u ma tinkludi l-ebda taqsima rigward il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

73      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni bil-kontra, jiġifieri li talba għall-finijiet ta’ teħid lura tista’ ssir biss jekk l-Istat Membru rikjest jista’ jinħatar bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, hija kontradetta mill-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament.

74      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni timplika, definittivament, li l-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura għandhom jitwettqu b’mod kważi identiku f’kull aspett u li dawn jifformaw, fil-prattika, proċedura unika li teżiġi, inizjalment, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni abbażi tal-imsemmija kriterji ta’ responsabbiltà, u mbagħad, sussegwentement, li tiġi ssottomessa lil dan talba li għandu jevalwa l-fondatezza tagħha fuq l-istess bażi.

75      Issa, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi tali proċedura unika, dan ma kienx loġikament jagħżel li jiffoka, fl-istruttura stess tal-imsemmi regolament, fuq l-eżistenza ta’ żewġ proċeduri awtonomi, li japplikaw għal sitwazzjonijiet differenti, iddefiniti fid-dettall, u suġġetti għal dispożizzjonijiet differenti.

76      Fil-ħames u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza hija wkoll ta’ natura li tikkomprometti t-twettiq ta’ ċerti għanijiet tar-Regolament Dublin III.

77      Fil-fatt, din timplika, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b) sa (d) ta’ dan ir-regolament, li l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jkunu jistgħu jeżaminaw mill-ġdid, fil-fatt, il-konklużjoni li waslu għaliha l-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru, wara l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni, fir-rigward tar-responsabbiltà tiegħu stess, dment li l-individwi kkonċernati jitilqu mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru wara li jkun beda l-eżami tal-applikazzjoni tagħhom, li tista’ toħloq ir-riskju li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ddepożitaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li jmorru fi Stati Membri oħra, u għalhekk joħolqu movimenti sekondarji li r-Regolament Dublin III huwa intiż preċiżament li jipprevjeni billi jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 37).

78      L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza tista’, barra minn hekk, twassal sabiex jiġi ppreġudikat il-prinċipju fundamentali ta’ dan ir-regolament, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li jipprevedi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss, fl-ipoteżi fejn il-proċess ta’ determinazzjoni mwettaq fit-tieni Stat Membru jwassal għal riżultat differenti minn dak adottat fl-ewwel Stat Membru.

79      Barra minn hekk, l-eżami mill-ġdid, li jekk ikun il-każ jista’ jiġi ripetut diversi drabi, tar-riżultat tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, f’kuntest fejn l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u l-aċċess effettiv għal proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali kienu diġà ġew żgurati, jista’ jippreġudika l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tal-istess regolament.

80      Minn dan isegwi li, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma humiex obbligati, qabel ma jressqu talba għall-finijiet ta’ teħid lura lil Stat Membru ieħor, li jiddeterminaw abbażi tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti minn dan ir-regolament u b’mod partikolari dak stabbilit fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, jekk dan l-Istat Membru tal-aħħar huwiex responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni.

81      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, trasferiment possibbli jista’ mbagħad, bħala prinċipju, isir mingħajr ma tkun ġiet stabbilita r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tal-Istat Membru rikjest.

82      Għaldaqstant, wara tali trasferiment u wara t-tlestija, f’dan l-Istat Membru, tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, ma jistax jiġi eskluż li trasferiment, fis-sens kuntrarju, għandu jiġi previst lejn l-Istat Membru li preċedentement kien meħtieġ jieħu lill-applikant lura. Barra minn hekk, kif irrilevaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, fid-dawl tat-termini previsti fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, huwa probabbli li talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà ma tistax, fi tmiem dan il-proċess, tibqa’ tiġi iktar validament ifformulata mill-Istat Membru li preċedentement kien obbligat li jieħu lil dan l-applikant lura.

83      Madankollu, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 10 tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 13 u 14 tiegħu, għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-aħjar interessi tal-ulied u tal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati, li huma, barra minn hekk, żgurati fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, validament jagħmel talba għall-finijiet ta’ teħid lura, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) tal-istess regolament, meta l-persuna kkonċernata tkun bagħtet lill-awtorità kompetenti l-elementi li jistabbilixxu b’mod ċar li dan l-Istat Membru għandu jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ responsabbiltà. F’tali sitwazzjoni, għall-kuntrarju, huwa dan l-Istat Membru li għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu stess.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula fil-Kawża C‑582/17 u għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑583/17 tkun li r-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru, imbagħad telaq minn dan l-Istat Membru u sussegwentement iddepożita applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru:

–        ma jistax, bħala prinċipju, jinvoka l-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat, skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, f’dan it-tieni Stat Membru kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu;

–        jista’, b’eċċezzjoni, fil-kuntest ta’ tali rikors, jinvoka dan il-kriterju ta’ responsabbiltà, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) tal-istess regolament, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun bagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti l-elementi li jistabbilixxu b’mod ċar li dan għandu jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont l-imsemmi kriterju ta’ responsabbiltà.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun iddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru, imbagħad telaq minn dan l-Istat Membru u sussegwentement iddepożita applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru:

–        ma jistax, bħala prinċipju, jinvoka l-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat, skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, f’dan it-tieni Stat Membru kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu;

–        jista’, b’eċċezzjoni, fil-kuntest ta’ tali rikors, jinvoka dan il-kriterju ta’ responsabbiltà, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) tal-istess regolament, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun bagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti l-elementi li jistabbilixxu b’mod ċar li dan għandu jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni skont l-imsemmi kriterju ta’ responsabbiltà.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.