Language of document : ECLI:EU:T:2010:519

Kawżi T-219/09 u T-326/09

Gabriele Albertini et u Brendan Donnelly

vs

Il-Parlament Ewropew

“Rikors għal annullament — Skema ta’ pensjoni supplimentari tal-membri tal-Parlament Ewropew — Emenda tal-iskema ta’ pensjoni supplimentari — Att ta’ portata ġenerali — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li rikors ippreżentat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jiġi bbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Assenza

(ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 230 KE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda l-leġiżlazzjoni dwar l-iskema ta’ pensjoni supplimentari tal-membri — Rikors ippreżentat minn membru — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interpretazzjoni contra legem tar-rekwiżit ta’ interess individwali — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

1.      Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat u l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tal-att. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, fil-1 ta’ Diċembru 2009, għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punt 39)

2.      Sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata minn att ta’ portata ġenerali, hija għandha tkun affettwata minnu minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

Issa, il-fatt li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, li temenda l-leġiżlazzjoni dwar is-sistema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) li tinsab fl-Anness VIII tar-regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament, jaffettwa d-drittijiet li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jinvokaw fil-futur abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom mal-fond ta’ pensjoni addizzjonali ma huwiex tali li jindividwalizzahom fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor, peress li jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament determinata, li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ kull membru parlamentari ieħor affiljat mal-imsemmi fond ta’ pensjoni.

Huwa minnu li l-fatt li l-istituzzjoni Komunitarja għandha l-obbligu, minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi, li tikkunsidra l-konsegwenzi tal-att, li għandha l-intenzjoni tadotta, fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti individwi huwa tali li tindividwalizza lil dawn tal-aħħar. Madankollu, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-ebda dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja ma obbligat lill-imsemmi Bureau sabiex jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 45, 46, 48, 49)

3.      Skont is-sistema ta’ stħarriġ tal-legalità stabbilita mit-Trattat, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors sabiex tikkontesta regolament biss jekk din tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment. Minkejja li huwa minnu li l-kundizzjoni tal-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent, interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni, li hija espressament prevista mit-Trattat, mingħajr ma teċċeddi l-kompetenzi attribwiti lilha mill-qrati Komunitarji.

Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ma jistgħux jiġġustifikaw li jiġi ddikjarat ammissibbli rikors li ma jirrispettax il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, taħt piena li jinqabżu l-limiti tal-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, ebda wieħed minn dawn il-prinċipji ma jista’ jservi bħala bażi għal deroga mill-attribuzzjoni tal-kompetenzi ta’ dawn il-qrati kif prevista mit-Trattat.

(ara l-punti 52, 54)