Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Gunju 2009 - Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Dresden vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-217/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Mitteldeutsche Flughafen AG (Leipzig, il-Ġermanja) u Flughafen Dresden GmbH (Dresden, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Núñez-Müller u M. le Bell, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara bħala null l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 2010 finali, tal-24 ta' Marzu 2009, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, billi l-Kummissjoni kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat il-finanzjament għar-rinnovament u għall-estensjoni tal-unika runway fl-ajruport ta' Dresden;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 2010 finali, tal-24 ta' Marzu 2009 (NN 4/2009, ex N 361/2008) - il-Ġermanja, l-ajruport ta' Dresden, li permezz tagħha l-Kummissjoni awtorizzat bħala miżura kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE l-kontribuzzjoni ta' kapital mogħtija mill-Ġermanja għar-rinnovament u għall-estensjoni tar-runway fl-ajruport ta' Dresden. Hija titlob l-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kkwalifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti l-ewwel nett isostnu li l-Kummissjoni kisret it-tqassim tal-kompetenzi u l-prinċipju tal-limiti tal-poteri stabbilit fl-Artikolu 5 KE billi, skont it-tqassim tal-kompetenzi tal-Komunitajiet Ewropej, hija mhijiex kompetenti sabiex teżamina l-miżura inkwistjoni. Fir-rigward tal-kapaċità tal-ajruporti, is-setgħa ta' ppjanar u r-responsabbiltà tal-infrastrutturi huma parti mill-kompetenzi oriġinali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Fit-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87 KE. Huma jsostnu li fil-Linji gwida tal-1994 1 il-Kummissjoni espliċitament eskludiet l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri li jirrigwardaw l-infrastruttura tal-ajruporti. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn il-linji gwida jkomplu jkunu applikabbli għaliex ma jmorrux kontra d-dritt Komunitarju primarju kif interpretat mill-qrati Komunitarji u effettivament ma ġewx imħassra mill-Kummissjoni. Barra minn dan, il-Linji gwida tal-1994 ma ġewx imħassra bil-Linji gwida tal-2005 2. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Linji gwida tal-2005 mhumiex applikabbli.

Fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, il-kumpannija Flughafen Dresden GmbH m'għandhiex tiġi kkwalifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE iżda bħala awtorità pubblika. Barra minn dan, m'hemm l-ebda vantaġġ, f'dak li jirrigwarda r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għaliex il-kriterju użat mill-Kummissjoni, dak ta' investitur f'ekonomija tas-suq, ma jistax jiġi applikat għal korpi responsabbli għall-infrastrutturi tal-ajruport.

Fit-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni għandha wkoll tiġi annullata, sa fejn mitlub, għaliex il-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, il-prinċipju ta' nonretroattività u l-prinċipju tal-protezzjoni taċ-ċertezza legali u għaliex id-Deċiżjoni hija, minnha nfisha, kontradittorja.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għal għajnuna mill-Istat għat-trasport bl-ajru (ĠU 1994, C 350, p. 7).

2 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta' ajruporti u l-għajnuna għall-bidu mill-Istat mogħtija lil linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1).