Language of document : ECLI:EU:C:2018:601

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Assistenza soċjali – Benefiċċji tal-mard – Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà – Obbligu impost fuq il-komun ta’ Stat Membru li jipprovdi lil wieħed mir-residenti tiegħu għajnuna għall-persuna prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali waqt l-istudji fil-livell terzjarju li dan ir-resident isegwi fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑679/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura mressqa minn

A

fil-preżenza ta’:

Espoon kaupungin sosiaali- ja terveyslautakunnan yksilöasioiden jaosto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Zettergren u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-31 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu, mill-Espoon kaupungin sosiaali- ja terveyslautakunnan yksilöasioiden jaosto (id-Diviżjoni tal-Każijiet Individwali tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Soċjali u Mediċi tal-Belt ta’ Espoo, il-Finlandja, iktar ’il quddiem il-“Komun ta’ Espoo”), ta’ għajnuna għall-persuna f’Tallinn, l-Estonja, fejn A isegwi kors ta’ tliet snin ta’ studji fil-liġi full-time.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, konkluża fi New York fit-13 ta’ Diċembru 2006 (il-Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 2515, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà”), daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008. Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35).

4        L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, intitolat “Għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità”, jipprovdi:

“L-Istati Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni […] għandhom jieħdu miżuri adegwati u effettivi biex iħaffu t-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabbiltà ta’ dan id-dritt u tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom b’mod sħiħ fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:

[…]

(b)      Il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-djar, u servizzi residenzjali jew ta’ appoġġ tal-komunità, inkluż assistenza personali meħtieġa biex tappoġġa l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex tilqa’ kontra l-iżolament jew segregazzjoni mill-komunità;

[…]”

5        Il-Qorti kkonfermat li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu suġġetti, fejn possibbli, għal interpretazzjoni konformi ma’ din il-konvenzjoni (sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 30 u 32).

6        Fil-11 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika tal-Finlandja rratifikat il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u l-Protokoll Fakultattiv tagħha. Din il-konvenzjoni u l-protokoll fakultattiv tagħha daħlu fis-seħħ f’dan l-Istat Membru fl-10 ta’ Ġunju 2016.

 Id-dritt tal-Unjoni

7        Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi:

“Sabiex tkun evitata sitwazzjoni fejn ikun hemm overlapping fid-disposizzjonijiet ta’ leġislazzjoni nazzjonali li japplikaw għal sitwazzjoni waħda u sabiex ikunu evitati l-komplikazzjonijiet li jinqalgħu f’sitwazzjoni bħal din, huwa meħtieġ li persuni li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità jkunu suġġetti għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss.”

8        L-Artikolu 1(j) sa (l) ta’ dan ir-regolament jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(j)      ‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

(k)      ‘żjara’ tfisser residenza temporanja;

(l)      ‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1);

[…]”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

(a)      benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]

2.      Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.      Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)      għajnuna soċjali jew medika;

[…]”

10      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom kull sena jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea bil-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

11      Fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ Liema Leġislazzjoni Tapplika”, l-Artikolu 11(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

(e)      kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

 Id-dritt Finlandiż

 Il-liġi dwar l-għajnuna soċjali

12      L-Artikolu 13(1) tas-sosiaalihuoltolaki (il-Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali (17.9.1982/710)) jipprovdi:

“Fil-kuntest tal-kompiti tiegħu marbuta mal-għajnuna soċjali, il-Komun għandu jieħu ħsieb, waqt li josserva l-kontenut u l-estent previsti fil-leġiżlazzjoni u fil-pjan ta’ implimentazzjoni previst fil-Liġi dwar l-Ippjanar tas-Servizzi Soċjali u tas-Saħħa u s-Sussidji tal-Istat:

1)      l-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali għall-abitanti;

[…]”

13      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, abitant tal-Komun tfisser kull persuna ddomiċiljata fil-Komun skont il-väestökirjalaki (il-Liġi dwar ir-Reġistri tal-Istat Ċivili (141/69)).

[…]”

 Il-Liġi dwar is-Servizzi u l-Miżuri ta’ Appoġġ li Għandhom Jiġu Organizzati fuq il-Bażi tad-Diżabbiltà

14      L-Artikolu 1 tal-laki vammaisuuden perusteella järjestettävistä palveluista ja tukitoimista (il-Liġi dwar is-Servizzi u l-Miżuri ta’ Appoġġ li Għandhom Jiġu Organizzati fuq il-Bażi tad-Diżabbiltà) (3.4.1987/380), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà”), jipprovdi:

“Din il-liġi għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà jgħixu u jkunu attivi mal-oħrajn bħala membri ugwali tas-soċjetà kif ukoll li tipprevjeni u telimina l-iżvantaġġi u l-ostakoli kkawżati mid-diżabbiltà.”

15      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tas-servizzi u tal-miżuri ta’ appoġġ”, jipprovdi:

“Hija r-responsabbiltà tal-Komun li jiżgura li s-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ lill-persuni b’diżabbiltà jingħataw skont in-natura u l-importanza tal-ħtiġijiet eżistenti fil-Komun.

Meta jingħataw servizzi u miżuri ta’ appoġġ skont din il-liġi, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-għajnuna individwali tal-utent.”

16      L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, intitolat “Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Hija r-responsabbiltà tal-Komun li jipprovdi lill-persuni b’diżabbiltà serja servizzi ta’ trasport raġonevoli b’servizz ta’ akkumpanjament, attivitajiet tal-ġurnata, għajnuna individwali u akkomodazzjoni assistita, jekk, minħabba d-diżabbiltà jew il-marda tagħha, il-persuna jkollha imperattivament bżonn ta’ servizzi biex twettaq l-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, il-Komun ma għandux obbligu speċjali li jipprovdi akkomodazzjoni assistita jew għajnuna individwali jekk il-kura meħtieġa għall-persuna b’diżabbiltà serja ma tistax tkun iggarantita fil-kuntest tal-kura lokali.”

17      L-Artikolu 8c tal-istess liġi, intitolat “Għajnuna [għall-persuna]”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘għajnuna [għall-persuna]’ tfisser għajnuna fid-dar u barra mid-dar, li hija essenzjali għall-persuni b’diżabbiltà serja:

1)      fl-attivitajiet ta’ kuljum;

2)      fix-xogħol u fl-istudju;

3)      fil-ħin liberu;

4)      fil-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali; jew

5)      fiż-żamma ta’ interazzjonijiet soċjali.

L-għan tal-għajnuna [għall-persuna] huwa li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà serja jagħmlu l-għażliet tagħhom waqt l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu. L-organizzazzjoni tal-għajnuna [għall-persuna] tassumi li l-persuna b’diżabbiltà serja għandha riżorsi sabiex tiddetermina l-kontenut u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna.

Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna [għall-persuna], għandha titqies bħala serjament diżabbli persuna li, minħabba diżabbiltà jew marda fit-tul jew li qed taggrava, teħtieġ b’mod imperattiv u ripetut l-għajnuna ta’ persuna oħra biex twettaq l-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, iżda din il-ħtieġa ma għandhiex tkun prinċipalment dovuta għall-mard u d-diżabbiltajiet relatati mal-età.

L-għajnuna [għall-persuna] għandha tiġi pprovduta għall-attivitajiet ta’ kuljum, għax-xogħol jew għall-istudji sa fejn din tkun meħtieġa b’mod imperattiv mill-persuna b’diżabbiltà serja.

Għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) sa (5) tal-ewwel paragrafu, l-għajnuna [għall-persuna] għandha tingħata għal mill-inqas 30 siegħa fix-xahar, jekk numru inqas ta’ sigħat ma jiżgurax l-għajnuna essenzjali għall-persuna b’diżabbiltà serja.”

18      L-Artikolu 8d tal-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà, intitolat “Modalitajiet ta’ għoti tal-għajnuna [għall-persuna]”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-Komun jiddeċiedi l-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna [għall-persuna] u meta jipprovdiha, dan għandu jikkunsidra l-opinjoni u x-xewqat tal-persuna b’diżabbiltà serja kif ukoll tal-ħtieġa ta’ għajnuna individwali ddefinita fi pjan ta’ servizzi u ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien ġenerali.

Il-Komun jista’ jipprovdi għajnuna [għall-persuna]:

1)      billi jirrimborsa lill-persuna b’diżabbiltà serja l-ispejjeż ta’ assistent li jipprovdi l-għajnuna individwali, inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji legali dovuti mill-persuna li timpjega kif ukoll spejjeż raġonevoli oħrajn essenzjali minħabba l-assistent;

2)      billi jipprovdi lill-persuna b’diżabbiltà serja ċekkijiet tas-servizz ta’ ammont xieraq kif ipprovdut fil-laki sosiaali- ja terveydenhuollon palvelusetelistä ((il-Liġi dwar iċ-Ċekkijiet tas-Servizz għall-Benefiċċji Soċjali u tas-Saħħa) (569/2009)), sabiex takkwista s-servizzi ta’ assistent; jew

3)      billi jipprovdi s-servizzi ta’ assistent ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi pubbliku jew privat lill-persuna b’diżabbiltà serja, billi jipprovdi s-servizz huwa stess jew permezz ta’ ftehim ma’ komun ieħor jew għadd ta’ komuni oħrajn.

Fil-każ imsemmi hawn fuq fit-tieni subparagrafu tal-punt 1, il-persuna b’diżabbiltà serja għandha tkun iggwidata u megħjuna, fejn xieraq, fil-kwistjonijiet relatati mal-ingaġġar tal-assistent.

L-assistent impjegat imsemmi hawn fuq fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ma jistax ikun ġenitur jew qarib tal-persuna b’diżabbiltà serja, sakemm ma jkunx hemm raġuni partikolarment importanti biex jitqies li dan ikun fl-interess tal-persuna b’diżabbiltà.”

 Il-Liġi dwar id-Drittijiet Dovuti mill-Utenti għas-Servizzi Soċjali u tas-Saħħa

19      L-Artikolu 4 tal-Laki sosiaali- ja terveydenhuollon asiakasmaksuista (il-Liġi dwar id-Drittijiet Dovuti mill-Utenti għas-Servizzi Soċjali u tas-Saħħa) (3.8.1992/734), intitolat “Servizzi soċjali mingħajr ħlas”, jipprovdi, fil-punt 5 tiegħu:

“Fost is-servizzi soċjali, huma bla ħlas:

[…]

5)      is-servizzi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 [tal-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà], l-attivitajiet ta’ kuljum imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8, ħlief it-trasport u l-ikliet, l-għajnuna [għall-persuna] kif ukoll is-servizzi speċjali relatati mal-abitazzjoni b’assistenza u l-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 11; madankollu, huwa possibbli li jiġu imposti ħlasijiet speċjali relatati mal-abitazzjoni b’assistenza u ħlasijiet relatati mal-għajnuna [għall-persuna] jekk il-persuna kkonċernata tirċievi rimbors ta’ dawn l-ispejjeż skont liġi oħra għajr [il-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali twieled fl-1992 u jirrisjedi fil-Komun ta’ Espoo fil-Finlandja. Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa għandu bżonn kbir ta’ għajnuna, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tiegħu ta’ kuljum. Għalhekk, il-Komun ta’ Espoo qiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu assistent individwali sabiex dan ikun jista’ jsegwi l-istudji sekondarji tiegħu li huwa wettaq fil-Finlandja.

21      Fix-xahar ta’ Awwissu tal-2013, A applika quddiem il-Komun ta’ Espoo, skont il-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, għal għajnuna għall-persuna ta’ madwar ħames sigħat fil-ġimgħa għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ kuljum, jiġifieri l-qadjiet, it-tindif u l-ħasil tal-ħwejjeġ. Fid-data ta’ din l-applikazzjoni, A kien fil-proċess ta’ rilokazzjoni lejn Tallinn, l-Estonja, sabiex isegwi kors ta’ tliet snin ta’ studji fil-liġi full-time, bil-konsegwenza li jkollu jgħaddi tlett jew erbat ijiem fil-ġimgħa fil-kapitali Estonjana, peress li huwa kellu l-intenzjoni li jiġi lura lejn Espoo kull tmiem il-ġimgħa. Is-servizzi mitluba kellhom għalhekk jiġu pprovduti barra mill-Finlandja.

22      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2013, ikkonfermata b’deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014, mogħtija wara talba għal rikunsiderazzjoni, it-talba għal għajnuna għall-persuna mressqa minn A ġiet miċħuda minħabba li r-residenza tiegħu barra mill-Finlandja kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma hijiex ta’ natura okkażjonali, anki jekk il-komun ta’ residenza tiegħu baqa’ l-istess. Il-Komun ta’ Espoo qies li huwa ma huwiex obbligat li jipprovdi servizzi u miżuri ta’ appoġġ barra mill-Finlandja peress li n-natura ta’ dan it-tip ta’ residenza toqrob iktar lejn il-kunċett ta’ “residenza abitwali”. Barra minn hekk, ġie kkonstatat li għajnuna għall-persuna tista’ tingħata barra mill-Finlandja matul il-vaganzi jew il-vjaġġi ta’ xogħol, l-ebda kumpens ma jingħata jekk il-komun tar-residenza tal-persuna jinbidel minħabba residenza barra mill-Finlandja jew jekk ikun hemm residenza oħra barra mill-Finlandja fit-tul jew abitwali.

23      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja) ikkonfermat, essenzjalment, dan ir-raġunament u ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn A kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna għall-persuna.

24      Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), adita b’appell minn din is-sentenza, tqis li deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa sabiex issolvi l-kawża prinċipali.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà, l-għajnuna għall-persuna hija servizz li jaqa’ taħt l-obbligu partikolari tal-Komun u li l-persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titlob tali servizz għandha dritt suġġettiv għal tali għajnuna, li għandha tingħata lil kwalunkwe persuna b’diżabbiltà serja fis-sens ta’ din il-liġi jekk din tkun indispensabbli fid-dawl tal-ħtieġa individwali tal-persuna kkonċernata.

26      Madankollu, il-qorti tar-rinviju osservat li, peress li huwa stabbilit li, skont id-dritt nazzjonali, il-komun ta’ residenza ta’ A għadu Espoo, minkejja li dan isegwi l-istudji tiegħu fil-kapitali Estonjana, obbligu li titħallas l-għajnuna mitluba fil-kuntest ta’ residenza barra mill-Finlandja la jista’ jiġi dedott mill-kliem tal-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà u lanqas mix-xogħol preparatorju tagħha.

27      Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li, f’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima adita biha. Hija tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk, minħabba l-karatteristiċi tagħha, l-għajnuna għall-persuna prevista fil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà għandhiex tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tal-mard”, f’liema każ din tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004, jew jekk din hijiex servizz marbut mal-assistenza soċjali, f’liema każ din tkun taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Inklinata li xxaqleb lejn din it-tieni ipoteżi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tressaq, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea jipprekludux ir-rifjut tal-ħlas tal-għajnuna għall-persuna mitluba fil-kawża prinċipali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Benefiċċju bħall-għajnuna individwali prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà għandu jitqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004?

2)      Jekk l-ewwel domanda […] tingħata risposta negattiva:

Hemm restrizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, meta l-għoti barra l-pajjiż ta’ benefiċċju bħall-għajnuna [għall-persuna] skont il-liġi dwar il-persuni b’diżabbiltà ma huwiex suġġett għal leġiżlazzjoni partikolari u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju huma interpretati fis-sens li l-għajnuna [għall-persuna] ma tingħatax fi Stat Membru ieħor li fih persuna tistudja għal perijodu ta’ tliet snin fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li tikseb lawrja?

–        Huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li benefiċċju bħall-għajnuna [għall-persuna] jista’ jingħata fil-Finlandja għal komun differenti mill-komun fejn tirrisjedi l-persuna inkwistjoni, pereżempju meta din tal-aħħar tkun qed tistudja f’komun ieħor?

–        Id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni […] dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà huma rilevanti għall-eżami tal-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni?

3)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta li tagħti għat-tieni domanda […], tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ġiet interpretata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati mal-obbligu tal-komun li jissorvelja l-organizzazzjoni tal-għajnuna [għall-persuna], mal-possibbiltajiet tal-komun li jagħżel modalitajiet ta’ għajnuna xierqa kif ukoll maż-żamma tal-koerenza u tal-effikaċja tas-sistema ta’ għajnuna [għall-persuna] prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-fatt li jassumi l-ispejjeż ikkawżati mill-attivitajiet ta’ kuljum ta’ persuna b’diżabbiltà serja, bil-għan li jippermetti lil din tal-aħħar, ekonomikament inattiva, tkompli bl-istudji terzjarji, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika tal-Finlandja ma ddikjaratx li l-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li Stat Membru ikun naqas milli jiddikjara, kif jipprevedi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, liġi partikolari bħala li taqa’ taħt dan ir-regolament, ma għandux l-effett li jeskludiha ipso facto mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae (ara b’mod partikolari, bħala analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte, C-25/95, EU:C:1996:295, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C-216/12 u C-217/12, EU:C:2013:568, punt 46).

31      Fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi, għandu jiġi enfasizzat li din hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari il-finalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt dwar jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, EU:C:1998:84, punt 19; tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C-433/13, EU:C:2015:602, punt 70, u tat-30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński, C-517/16, EU:C:2018:350, punt 33).

32      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, dan jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, EU:C:1985:139, punti 12 sa 14; tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C-433/13, EU:C:2015:602, punt 71, u tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C-449/16, EU:C:2017:485, punt 20).

33      Minħabba li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma kumulattivi, il-fatt li waħda minnhom ma tiġix issodisfatta jimplika li l-benefiċċju inkwistjoni ma jkunx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

34      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jitwettaq fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, sa fejn dawn jiġu ssodisfatti, jagħtu aċċess għad-dritt għall-benefiċċju b’mod li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C-78/91, EU:C:1992:331, punt 17, u tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C-433/13, EU:C:2015:602, punt 73).

35      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, filwaqt li l-bżonnijiet individwali tal-persuni b’diżabbiltà serja jiġu kkunsidrati waqt l-għoti tal-għajnuna għall-persuna prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà, din il-liġi tagħti lill-benefiċjarji li hija tidentifika “dritt suġġettiv” għall-għoti ta’ din l-għajnuna fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet iddefiniti legalment, indipendentement mil-livell tad-dħul tagħhom.

36      Il-Gvern Finlandiż u dak Svediż, min-naħa tagħhom, jikkunsidraw li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi assimilat ma’ dak li ta lok għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602), fid-dawl tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet individwali tal-benefiċjarju u l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Komun rigward il-modalitajiet għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju u l-volum tiegħu, b’mod li dan ma jissodisfax l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u ma jaqax għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004. Għall-kuntrarju, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ċek isostnu li l-imsemmi benefiċċju jissodisfa din il-kundizzjoni.

37      Fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-kriterji tal-liġi Slovakka relatati mad-diversi perizji medikosoċjali li kellhom jitwettqu taw aċċess għad-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni, mingħajr ma l-awtorità kompetenti kellha marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għoti tagħhom, u, min-naħa l-oħra, li din il-liġi kienet tipprovdi li d-dritt għal allowance bħala kumpens irriżulta minn deċiżjoni valida tal-awtorità kompetenti dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, u dan ikkonforta t-teżi tal-Gvern Slovakk li l-amministrazzjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni fl-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni.

38      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li l-evalwazzjoni diskrezzjonali tal-bżonnijiet individwali tal-benefiċjarju għall-benefiċċju inkwistjoni għandha qabel kollox tirreferi għall-aċċessibbiltà tad-dritt għalih sabiex l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ma tkunx issodisfatta, u dan ikkonforta t-teżi tal-Gvern Slovakk li l-amministrazzjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni fl-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni.

39      Għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonn individwali tal-persuna kkonċernata jissemma diversi drabi fil-Liġi dwar is-Servizzi lill-Persuni b’Diżabbiltà, b’mod partikolari fl-Artikoli 8(c) u 8(d) tagħha. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti, b’mod partikolari, mill-imsemmi Artikolu 8d, fir-rigward tal-kompetenzi tal-komun ta’ residenza tal-benefiċjarju, ma jirreferix għad-dritt għall-għajnuna għall-persuna, iżda għall-modalitajiet li bihom din l-għajnuna hija allokata kif ukoll il-volum tagħha, billi l-għajnuna għall-persuna għandha tiġi pprovduta mill-Komun meta l-applikant ikun persuna b’diżabbiltà serja li jgħix fit-territorju tiegħu, indipendentement mid-dħul ta’ din il-persuna. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni li tirregola l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-433/13, EU:C:2015:602).

40      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

41      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreferix għal wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

42      Fir-rigward speċifikament tal-assigurazzjoni għad-dipendenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament qieset, essenzjalment, li l-benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza, filwaqt li għandhom il-karatteristiċi tagħhom stess, għandhom jiġu assimilati ma’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, EU:C:1998:84, punti 23 sa 25; tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punti 40 sa 45, u tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley, C-430/15, EU:C:2017:74, punt 46).

43      Madankollu, tali assimilazzjoni tar-riskju ta’ dipendenza mar-riskju ta’ mard jippresupponi li benefiċċji intiżi sabiex ikopru r-riskju ta’ dipendenza jfittxu li jtejbu l-istat tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch, C-215/99, EU:C:2001:139, punt 28; tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C-286/03, EU:C:2006:125, punti 38 sa 44, u tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punt 45).

44      Dan huwa partikolarment il-każ meta, indipendentement mill-mod ta’ finanzjament ta’ dawn l-iskemi, tkun inkwistjoni r-responsabbiltà għall-ispejjeż ikkawżati mill-istat ta’ dipendenza tal-persuna, relatati, tal-inqas b’mod simultanju, mal-kura pprovduta lill-persuna u mat-titjib tal-ħajja ta’ kuljum ta’ din il-persuna, billi, jiġi żgurat lilha, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ tagħmir jew l-assistenza minn terzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, EU:C:1998:84, punt 23; tat-8 ta’ Lulju 2004, Gaumain–Cerri u Barth, C-502/01 u C-31/02, EU:C:2004:413, punti 3, 21 u 26, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-562/10, EU:C:2012:442, punt 46).

45      Ġie deċiż ukoll li l-benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza għandhom ukoll karatteristika kumplimentari meta mqabbla ma’ benefiċċji tal-mard “klassiċi” li jaqgħu, stricto sensu, taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, u ma jagħmlux neċessarjament parti integrali minnhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C-388/09, EU:C:2011:439, punt 47, u tal-1 ta’ Frar 2017, Tolley, C-430/15, EU:C:2017:74, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fil-kawża prinċipali, kif jirrilevaw il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-għajnuna għall-persuna prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà ma tistax tiġi kkunsidrata bħala intiża sabiex ittejjeb l-istat tas-saħħa tal-benefiċjarju marbut mad-diżabbiltà.

47      Fil-fatt, l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi li din għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà jgħixu u jkunu attivi mal-oħrajn bħala membri ugwali tas-soċjetà kif ukoll li tipprevjeni u telimina l-iżvantaġġi u l-ostakli kkawżati mid-diżabbiltà.

48      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(c) tal-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà, l-għajnuna għall-persuna għandha l-għan li tgħin lill-persuni b’diżabbiltà serja jagħmlu l-għażliet tagħhom fit-twettiq tal-attivitajiet li dan l-artikolu jelenka, jiġifieri l-attivitajiet ta’ kuljum, ix-xogħol u l-istudju, il-ħin liberu, il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u ż-żamma ta’ interazzjonijiet soċjali.

49      Fl-aħħar nett, jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-liġi li l-ħtiġijiet ta’ għajnuna li jirrigwardaw kura, trattament jew sorveljanza huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna għall-persuna.

50      Konsegwentement, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala relatat ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

51      Minn dan jirriżulta li t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta. Għaldaqstant, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

52      Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-fatt li jassumi l-ispejjeż ikkawżati mill-attivitajiet ta’ kuljum ta’ persuna b’diżabbiltà serja, bil-għan li jippermetti lil din tal-aħħar, ekonomikament inattiva, tkompli bl-istudji terzjarji, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u huwa, għaldaqstant, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

53      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li saru f’każ li l-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ “benefiċċji tal-mard” u, għaldaqstant, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludux li resident ta’ Stat Membru b’diżabbiltà serja jiġi miċħud mill-komun tar-residenza tiegħu, benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li dan jirrisjedi fi Stat Membru ieħor sabiex isegwi l-istudji terzjarji tiegħu.

54      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju esponiet, minn naħa, li huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali żamm id-domiċilju tiegħu fil-Finlandja, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, u li r-residenza ta’ kull ġimgħa li huwa jkollu jwettaq fl-Estonja fil-kuntest tal-istudji tiegħu hija biss temporanja sa fejn huwa mistenni li jmur lura fil-komun tar-residenza tiegħu kull tmiem il-ġimgħa. Min-naħa l-oħra, din l-istess qorti ppreċiżat li t-tkomplija ta’ studji, kuntrarjament għall-perijodi ta’ vjaġġi ta’ xogħol u għall-vaganzi, ma tinsabx fost ir-raġunijiet li huma aċċettati bħala li jawtorizzaw lill-persuna kkonċernata tibbenefika mill-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali barra mill-Finlandja.

55      Issa li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, bħala ċittadin Finlandiż, A jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni skont l-Artikolu 20(1) TFUE u jista’, għalhekk, jinvoka d-drittijiet relatati ma’ tali status, inkluż fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C-359/13, EU:C:2015:118, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, liema status jippermetti lil dawk minn fost dawn iċ-ċittadini li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbilita mill-Artikolu 21 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 165(1) TFUE, f’dak li jikkonċerna l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbilita mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C-359/13, EU:C:2015:118, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jipprovdu għal sistema ta’ finanzjament għal studji terzjarji sabiex dawn isiru fi Stat Membru jew barra minnu. Madankollu, ladarba Stat Membru jipprovdi tali sistema li tippermetti lill-istudenti jibbenefikaw minn tali għajnuna, huwa għandu jiżgura li l-modalitajiet tal-għoti ta’ dan il-finanzjament ma joħolqux restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-imsemmi dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C-359/13, EU:C:2015:118, punt 24).

60      Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini ta’ Stat Membru minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C-359/13, EU:C:2015:118 punt 25).

61      Fil-fatt, il-faċilitajiet offerti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom li kieku ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom, b’ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizzah minħabba s-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-faċilitajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 26).

62      Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 6(e) u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, li tiġi ffavorita l-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 27).

63      Għalkemm huwa minnu li l-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata mhux biss għat-twettiq ta’ studji, iżda għall-inklużjoni soċjali u ekonomika tal-persuni b’diżabbiltà serja sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-għażliet tagħhom stess, inkluż it-tkomplija ta’ studji, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 55 sa 62 ta’ din is-sentenza hija madankollu applikabbli.

64      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali żamm id-domiċilju tiegħu fil-Komun ta’ Espoo, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

65      Issa, huwa stabbilit li l-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irrifjutata biss għar-raġuni li l-istudji terzjarji li A ried isegwi, li kien jissodisfa, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha sabiex jibbenefika minn din l-għajnuna, kienu miżmuma fi Stat Membru ieħor u mhux fil-Finlandja.

66      Tali rifjut għandu jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni.

67      Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk hija tkun proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura hija proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta għat-twettiq tal-għan imfittex, hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Martens, C-359/13, EU:C:2015:118, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Dwar il-ġustifikazzjoni tal-miżura nazzjonali, il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ma tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Svediż iqis li l-obbligi ta’ sorveljanza tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Komun u, f’dan il-kuntest, il-garanzija tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jiġġustifikaw li l-għoti ta’ din l-għajnuna jkun limitat għat-territorju Finlandiż. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, billi tirreferi għall-punti 89 u 90 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, EU:C:2011:500), issemmi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, bħala għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika tali restrizzjoni, iż-żamma tal-koerenza u tal-effettività tal-iskema ta’ għajnuna għall-persuna prevista mil-Liġi dwar is-Servizzi għall-Persuni b’Diżabbiltà kif ukoll l-assigurazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant għall-għajnuna u l-Istat Membru kompetenti sabiex jipprovdiha.

69      Ċertament, l-għanijiet imfittxija minn leġiżlazzjoni nazzjonali, intiżi sabiex tiġi stabbilita rabta reali bejn l-applikant għal benefiċċju tal-invalidità mogħti għal żmien qasir lil żgħażagħ b’diżabbiltà u l-Istat Membru kompetenti, kif ukoll sabiex jinżamm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, EU:C:2011:500, punt 90).

70      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ta’ preżenza tal-applikant għall-benefiċċju tal-invalidità ma setgħux jiġu ġġustifikati mill-għanijiet indikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm l-applikant għal dan il-benefiċċju kien residenti fi Stat Membru ieħor ikkonċernat, l-eżistenza ta’ rabta reali u suffiċjenti mat-territorju tiegħu setgħet tintwera minn fatturi oħrajn apparti l-preżenza tal-applikant fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel l-applikazzjoni tiegħu, bħar-relazzjonijiet li l-applikant kellu mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar kif ukoll il-kuntest tal-familja (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, EU:C:2011:500, punti 97 sa 102, 104 u 109).

71      Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li din l-evalwazzjoni kienet valida fid-dawl tal-għan intiż sabiex jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali peress li n-neċessità li tiġi stabbilita r-rabta ta’ konnessjoni reali u suffiċjenti bejn l-applikant għall-benefiċċju inkwistjoni u l-Istat Membru kompetenti kienet tippermetti lil dan tal-aħħar jaċċerta ruħu li n-nefqa ekonomika assoċjata mal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju ma ssirx irraġonevoli (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, EU:C:2011:500, punt 103).

72      Tali konklużjoni hija applikabbli għas-sitwazzjoni li fiha jinsab A fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, huwa stabbilit, kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li A żamm id-domiċilju tiegħu fil-Komun ta’ Espoo, li quddiemu huwa ressaq l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għall-persuna, u li fih huwa jirritorna kull ġimgħa matul il-perijodu tal-istudji tiegħu fl-Estonja.

73      Għalhekk, ma jistax jiġi validament sostnut li dan il-komun jista’ jsib diffikultajiet partikolari sabiex jissorvelja l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-għoti u tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ għoti ta’ din l-għajnuna.

74      Barra minn hekk, ebda informazzjoni dwar in-natura tal-ostakoli li jaffettwaw iktar il-kontroll, mill-Komun, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ għajnuna għall-persuna mogħtija f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta mqabbla ma’ dik, permessa mil-leġiżlazzjoni Finlandiża, li fiha għajnuna għall-persuna identika hija użata barra mill-Finlandja minn resident Finlandiż matul vjaġġi ta’ negozju jew btala ma tirriżulta mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja.

75      F’dan il-kuntest, bħall-kwistjoni fformulata mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkompli tingħata jekk il-persuna kkonċernata ssegwi studji terzjarji f’komun Finlandiż possibbilment ’il bogħod mill-komun tar-residenza tiegħu, billi l-possibbiltajiet ta’ verifika minn dan tal-aħħar tal-użu ta’ din l-għajnuna f’sitwazzjoni bħal din ma humiex ħafna iktar limitati bħalma huma f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn A jsegwi l-istudji tiegħu barra mill-Finlandja, iżda f’reġjun kontigwu, filwaqt li f’kull tmiem-il ġimgħa huwa jirritorna fil-komun tar-residenza tiegħu Finlandiż.

76      Barra minn hekk, mill-proċess disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Gvern Finlandiż ippreċiża li ebda element ma kien attwalment jippermetti li jitqies li l-għoti ta’ għajnuna għall-persuna, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jhedded il-bilanċ tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali.

77      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-ebda wieħed mill-għanijiet imressqa mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Svediż ma jippermetti li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni bħal A.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni, kif talbet ukoll il-qorti tar-rinviju, tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, peress li din il-konvenzjoni ma tistax tibdel ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda.

79      Fid-dawl tal-premess, għat-tieni u t-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludu li resident ta’ Stat Membru b’diżabbiltà serja jiġi mċaħħad, mill-komun ta’ residenza tiegħu, minn benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li huwa jirrisjedi fi Stat Membru ieħor sabiex fih isegwi l-istudji terzjarji tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-fatt li jassumi l-ispejjeż ikkawżati mill-attivitajiet ta’ kuljum ta’ persuna b’diżabbiltà serja, bil-għan li jippermetti lil din tal-aħħar, ekonomikament inattiva, tkompli bl-istudji terzjarji, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u huwa, għaldaqstant, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

2)      L-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludu li resident ta’ Stat Membru b’diżabbiltà serja jiġi mċaħħad, mill-komun ta’ residenza tiegħu, minn benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li huwa jirrisjedi fi Stat Membru ieħor sabiex fih isegwi l-istudji terzjarji tiegħu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.