Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2007 - Collotte vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-58/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Pascal Collotte (Overijse, il-Belġju) (rappreżentant: E. Boigelot, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni li l-isem tar-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta' dawk promossi għal promozzjoni minn A*11 għal A* 12 "Proċedura ta' promozzjoni 2006", u konsegwentement, id-deċiżjoni li ma tagħtihx promozzjoni, kif ġie ppubblikat fl-Informazzjoni Amministrattiv Nru 55-2006 tas-17 ta' Novembru 2006;

tordna lill-konvenuta tħallas, bħala kumpens għad-dannu morali u materjali u preġudizzju għall-karriera tar-rikorrent, is-somma ta' EUR 25 000, bla ħsara għal żieda u/jew tnaqqis matul il-proċedura;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, li kien aġent temporanju maħtur uffiċjal fil-grad A*11 b'effett mis-16 ta' April 2004 wara li għadda eżami intern, ġie kkunsidrat bħala li mhux eliġibbli għal promozzjoni skond il-proċedura ta' promozzjoni 2006, peress illi ma kienx wera l-kapaċità tiegħu li jaħdem fit-tielet lingwa, skond l-Artikolu 45(2), tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti") u li ma setax jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista għall-uffiċjali li jkunu akkwistaw sentejn ta' anzjanità fil-grad fl-1 ta' April 2006.

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti u fuq il-fatt illi l-amministrazzjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni. B'mod partikolari, ir-rikorrent isostni illi, skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji ta' l-Artikolu 11 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti, l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti ma kellux jiġi applikat għall-proċedura ta' promozzjoni 2006, peress illi d-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni kienu ffinalizzati biss f'Diċembru 2006. Peress li ġie infurmat biss f'Awwissu 2006 li d-dispożizzjoni in kwistjoni hija applikabbli fil-każ tiegħu, ir-rikorrent isostni li ma kellux aċċess għat-taħriġ meħtieġ sabiex jikseb il-kapaċità li jaħdem fit-tielet lingwa fi żmien utli.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta' l-obbligu ta' premura, tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' tmexxija tajba kif ukoll fuq l-eżistenza ta' abbuż ta' poter. Ir-rikorrent b'mod partikolari jsostni illi l-amministrazzjoni ma kinitx iġġustifikata li, fl-aħħar minuta, tapplika l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti fil-konfront tiegħu.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta' ċertezza legali. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu taw garanzij preċiżi u konkordanti lir-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà għall-każ tiegħu ta' l-eżiġenza ġdida prevista fl-Artikolu 45 (2) tar-Regolamenti.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali tal-persunal, ta' non-diskriminazzjoni u ta' proporzjonalità.     Ir-rikorrent kien żvantaġġjat meta mqabbel ma' aġenti tempooranji oħra li, wara li għaddew mill-eżami intern li thom dritt għall-ħatra bħala uffiċjali, kienu diġà maħtura uffiċjali fl-1 ta' April 2004, mhux bħar-rikorrent.

____________