Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 - Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-475/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Dow AgroSciences Ltd (Hitchin, ir-Renju Unit), Makhteshim-Agan Holding BV (Rotterdam, l-Olanda), Makhteshim Agan International Coordination Center (Brussel, il-Belġju), Dintec Agroquímica - Produtos Químicos Ld.a (Funchal, il-Portugall), Finchimica SpA (Manerbio, l-Italja), Dow Agrosciences BV (Rotterdam, l-Olanda), Dow AgroSciences Hungary kft (Budapest, l-Ungerija), Dow AgroSciences Italia Srl (Milan, l-Italja), Dow AgroSciences Polska sp. z o.o. (Warszawa, il-Polonja), Dow AgroSciences Iberica SA (Madrid, Spanja), Dow AgroSciences s.r.o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka), Dow AgroSciences LLC (Indianapolis, l-Istati Uniti), Dow AgroSciences GmbH (Stade, il-Ġermanja), Dow AgroSciences Export SAS (Mougins, Franza), Dow AgroSciences SAS (Mougins, Franza), Dow AgroSciences Danmark A/S (Lyngby-Taarbæk, id-Danimarka), Makhteshim-Agan Poland sp. z o.o. (Warszawa, il-Polonja), Makhteshim-Agan (UK) Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Makhteshim-Agan France SARL (Sevres, Franza), Makhteshim Agan Italia Srl (Bergamo, l-Italja), Alfa Agricultural Supplies SA (Halandri, il-Greċja) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtiega sabiex tikkonforma ruħha ma' l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, konformament ma' l-Artikolu 233 KE, liema miżuri għandhom jinkludu, inter alia, li l-Kummissjoni tiġi ordnata tistieden lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jintroduċu mill-ġdid ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali rilevanti tat-trifuralin li ġew irtirati minħabba d-deċiżjoni kkontestata u sabiex jestendu t-termini ta' żmien jekk dan ikun meħtieġ biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, flimkien ma' l-interessi bir-rata ta' 8 %;

tieħu kwalunke miżura oħra meħtieġa.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti1 tipprovdi li l-Istati Membri m'għandhomx jawtorizzaw prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jekk is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f'dan l-Anness ma jkunux issodisfati. Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu li tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/629/KE, ta' l-20 ta' Settembru 2007 dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza.2

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq ir-rapport ta' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u għaldaqstant kien hemm abbuż ta' poter min-naħa tagħha.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni:

naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-evidenza xjentifika kollha disponibbli kif jirrikjedi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414;

naqset milli testendi t-termini rilevanti ta' żmien minkejja li ċ-ċirkustanzi jew il-kriterji għall-evalwazzjoni tat-trifluralin kienu tbiddlu matul il-proċeduri ta' reviżjoni;

ma pprovdietx ġustifikazzjoni xjentifika għall-konklużjonijiet tagħha;

ma kellhiex kompetenza sabiex tevalwa t-trifluralin taħt ir-Regolament 850/20043 u, fi kwalunkwe każ, żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha.

Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex kompatibbli mal-proċeduri leġiżlattivi applikabbli u li l-Kummissjoni u l-EFSA kisru l-Artikolu 8(7) u 8(8) tar-Regolament 451/20004 peress li ma osservawx it-termini proċedurali ta' żmien, li skond ir-rikorrenti jikkostitwixxi ksur ta' forom proċedurali sostanzjali.

Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed bi ksur ta' l-Artikolu 253 KE u li tikser il-prinċipji ta' proporzjonalità, ċertezza legali, non-retroattività, il-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u d-dritt li wieħed jinstema'.

____________

1 - Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 1991 L 230, p.1).

2 - ĠU 2007 L 255, p.42.

3 - Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 850/2004, tad-29 ta' April 2004, dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, p. 7).

4 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000, tat-28 Frar 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 55, p. 25).