Language of document : ECLI:EU:C:2022:97

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

16 ta’ Frar 2022 (*)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

A. IrRegolament (KE) Nru 1049/2001

B. IrRegoli ta’ Proċedura talKunsill

C. IlLinji gwida għattrattament ta’ dokumenti interni talKunsill

D. IrRegolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

E. IrRegolament Finanzjarju

II. IrRegolament ikkontestat

III. Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

IV. Fuq ittalba li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti siltiet tarrikors talUngerija u talAnness A.3 tiegħu

A. Largumenti talpartijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

V. Fuq irrikors

A. Fuq ittalbiet prinċipali intiżi għallannullament tarRegolament ikkontestat fittotalità tiegħu

1. Fuq lewwel u ttieni motiv, ibbażati fuq innuqqas ta’ kompetenza talUnjoni sabiex tadotta rRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

1) Fuq ilbażi legali tarRegolament ikkontestat

2) Fuq levitar talArtikolu 7 TUE u talArtikolu 269 TFUE

2. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

B. Fuq ittalbiet sussidjarji intiżi għallannullament parzjali tarRegolament ikkontestat

1. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 4(1) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

2. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 4(2)(h) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

3. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 5(2) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

4. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament tattielet sentenza talArtikolu 5(3) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

5. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament tarraba’ sentenza talArtikolu 5(3) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

6. Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 6(3) u (8) tarRegolament ikkontestat

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l ispejjeż


“Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Bażi legali – Artikolu 322(1)(a) TFUE – Evitar allegat tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 269 TFUE – Ksur allegat tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati”

Fil-Kawża C‑156/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil‑11 ta’ Marzu 2021,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn F. Drexler, R. Crowe, U. Rösslein, T. Lukácsi u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, E. Rebasti, A. Tamás u A. Sikora-Kalėda, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn M. Søndahl Wolff u J. Nymann-Lindegren, sussegwentement minn M. Søndahl Wolff u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

L-Irlanda, irrappreżentata minn M. Browne, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u S. Centeno Huerta, sussegwentement minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, A.‑C. Drouant u E. Leclerc, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat inizjalment minn A. Germeaux u T. Uri, sussegwentement minn A. Germaux, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u M. J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo u S. Hartikainen, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn O. Simonsson, J. Lundberg, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, H. Shev, M. Salborn Hodgson, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Calleja Crespo, J.‑P. Keppenne, J. Baquero Cruz u A. Tokár, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti tal-Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Wahl, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità, u I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 u tat‑12 ta’ Ottubru 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla, prinċipalment, ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1, u Rettifika fil-ĠU 2021, L 373, p. 94, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), u, sussidjarjament, l-Artikolu 4(1) u (2)(h), l-Artikolu 5(2) u (3), is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar u l-aħħar sentenza, kif ukoll l-Artikolu 6(3) u (8) ta’ dan ir-regolament.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      IrRegolament (KE) Nru 1049/2001

2        Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (CE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.”

3        Skont kliem l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament:

“[…]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkonċernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. […]”

4        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jistipula:

“Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-origini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, jekk m’hiex ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni.”

B.      IrRegoli ta’ Proċedura talKunsill

5        Fl‑1 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2009/937/UE li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38 u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8). Fl-Artikolu 6 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill”), intitolat “Segretezza professjonali u produzzjon ta’ dokumenti fi proċedimenti legali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Kunsill jew il-[Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (Coreper)] jista’ jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet dwar aċċess pubbliku ta’ dokumenti.”

6        Skont kliem l-Artikolu 10 tal-imsemmija regoli ta’ proċedura, intitolat “Aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill”:

“Id-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill huma mniżżlin fl-Anness II.”

7        L-Anness II tal-istess regoli ta’ proċedura, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill”, jinkludi l-Artikolu 5, dwar it-“[t]albiet ippreżentati mill-Istati Membri”, li jistipula:

“Meta Stat Membru jippreżenta talba lill-Kunsill, din għandha tiġi ttrattata skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-Anness. Fil-każ ta’ rifjut sħiħ jew parzjali tal-aċċess, l-applikant għandu jkun infurmat li kwalunkwe applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi indirizzata direttament lill-Kunsill.”

C.      Il‑Linji gwida għat‑trattament ta’ dokumenti interni tal‑Kunsill

8        Permezz tan-Nota 7695/18 tal‑‑10 ta’ April 2018, il-Kunsill adotta Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill. Il-punti 1, 2, 20 u 21 ta dawn il-linji gwida huma fformulati kif ġej:

“1.      Dan id-dokument fih linji gwida dwar it-trattament ta’ dokumenti mhux ikklassifikati tal-Kunsill li d-distribuzzjoni tagħhom hija interna għall-Kunsill, il-membri tiegħu, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u skont is-suġġett, ċerti istituzzjonijiet (eż. il-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bank Ċentrali Ewropew) u korpi (eż. il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew) oħra tal-[Unjoni Ewropea]. L-iżvelar pubbliku prematur ta’ tali dokumenti jista’ jaffettwa ħażin il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

2.      Il-linji gwida għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tal-Kunsill u, bħala konsegwenza, għandhom jiġu rispettati mill-Istati Membri bħala membri tal-Kunsill, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] u l-Istati Membri.

[…]

20.      Id-dokumenti ‘LIMITE’ m’għandhomx isiru pubbliċi sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni għal dak l-għan minn uffiċjali tal-Kunsill debitament awtorizzati, mill-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru (ara l-paragrafu 21), jew, fejn rilevanti, mill-Kunsill, skont ir-Regolament […] Nru 1049/2001 u r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill.

21.      Il-persunal fi kwalunkwe istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] ħlief il-Kunsill ma jistax jiddeċiedi hu stess li jagħmel dokumenti ‘LIMITE’ pubbliċi mingħajr ma jikkonsulta l-ewwel lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK). Il-persunal fl-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jikkonsulta lis-SĠK qabel ma jieħu tali deċiżjoni sakemm ma jkunx ċar li d-dokument jista’ jsir pubbliku, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament […] Nru 1049/2001.”

D.      IrRegolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

9        Fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, l-“interessi finanzjarji tal-Unjoni” bħala li huma d-“dħul, l-infiq u l-assi koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-baġits immexxija u mmonitorjati minnhom”.

E.      IrRegolament Finanzjarju

10      Skont kliem l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.      ‘implimentazzjoni tal-baġit’ tfisser it-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar ta’ approprjazzjonijiet baġitarji f’konformità mal-metodi previsti fl-Artikolu 62;

[…]

42.      ‘organizzazzjoni ta’ Stat Membru’ tfisser entità stabbilita fi Stat Membru bħala korp regolat mill-liġi pubblika jew bħala korp regolat mill-liġi privata fdata b’missjoni ta’ servizz pubbliku u pprovduta b’garanziji finanzjarji adegwati mill-Istat Membru;

[…]

59.      ‘ġestjoni finanzjarja tajba’ tfisser l-implimentazzjoni tal-baġit f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività;

[…]”

11      L-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kunflitt ta’ interessi”, jipprevedi:

“1.      L-atturi finanzjarji fis-sens tal-Kapitolu 4 ta’ dan it-Titolu u persuni oħrajn, inkluż awtoritajiet nazzjonali fi kwalunkwe livell, involuti fil-ġestjoni diretta, indiretta u kondiviża, inkluż l-atti preparatorji tagħhom, l-awditu jew il-kontroll, ma għandhom jieħdu ebda azzjoni li tista’ ġġib l-interessi tagħhom f’kunflitt ma’ dawk tal-Unjoni. Għandhom jieħdu wkoll miżuri xierqa sabiex jipprevjenu li jqum kunflitt ta’ interessi fil-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti b’mod oġġettiv bħala kunflitt ta’ interessi.

2.      Fejn ikun hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jinvolvi membru tal-persunal ta’ awtorità nazzjonali, il-persuna inkwistjoni għandha tirreferi l-każ lis-superjur ġerarkiku tagħha. Fejn ikun jeżisti tali riskju għal persunal kopert mir-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna inkwistjoni għandha tirreferi l-kwistjoni b’delega lill-uffiċjal awtorizzanti rilevanti. Is-superjur ġerarkiku rilevanti jew l-uffiċjal awtorizzanti b’delega għandu jikkonferma bil-miktub, jekk ġiex ikkonstatat li jeżisti kunflitt ta’ interessi. Fejn jiġi kkonstatat li jeżisti kunflitt ta’ interessi, l-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità nazzjonali rilevanti għandhom jiżguraw li l-persuna inkwistjoni twaqqaf kull attività fil-kwistjoni. L-uffiċjal awtorizzanti rilevanti b’delega jew l-awtorità nazzjonali rilevanti għandhom jiżguraw li tittieħed kwalunkwe azzjoni xierqa ulterjuri skont il-liġi applikabbli.

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kunflitt ta’ interessi jkun jeżisti fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ attur finanzjarju jew ta’ persuna oħra, kif imsemmi fil-paragrafu 1, ikun kompromess għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess personali dirett jew indirett ieħor.”

12      L-Artikolu 62 tal-imsemmi regolament, intitolat “Metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit bi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi:

a)      direttament (‘ġestjoni diretta’), kif stabbilit fl-Artikoli 125 sa 153, permezz tad-dipartimenti tagħha, inkluż persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni taħt l-awtorità tal-Kap tad-delegazzjoni rispettiv tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 60(2), jew permezz tal-aġenziji eżekuttivi msemmija fl-Artikolu 69;

b)      taħt ġestjoni kondiviża ma’ Stati Membri (‘ġestjoni kondiviża’) kif stabbilit fl-Artikoli 63 u 125 sa 129;

c)      indirettament (‘ġestjoni indiretta’) kif stabbilit fl-Artikoli 125 sa 149 u 154 sa 159, fejn dan ikun previst fl-att bażiku jew fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 58(2), billi l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lil:

[…]”

13      L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, jistipula, fil-paragrafi 2 u 8 tiegħu:

“2.      Meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inkluż dawk leġislattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġifieri billi:

a)      jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ikunu implimentati b’mod korrett u effikaċi u f’konformità mar-regoli speċifiċi applikabbli għas-settur;

b)      jinnominaw korpi responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ fondi tal-Unjoni skont il-paragrafu 3, u s-sorveljanza ta’ tali korpi;

c)      jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

d)      jikkooperaw, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur, mal-Kummissjoni, l-[Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)], il-Qorti tal-Awdituri [tal-Unjoni Ewropea] u, għal dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 [tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l-UPPE’)], mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

Biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, u f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur, għandhom iwettqu kontrolli ex-ante u ex-post inkluż, fejn meħtieġ, kontrolli fuq il-post fuq kampjuni rappreżentattivi u/jew ibbażati fuq ir-riskju tat-tranżazzjonijiet. Għandhom ukoll jirkupraw fondi li ma kellhomx jitħallsu u jressqu proċedimenti legali jekk meħtieġ f’dan ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jimponu penali effettivi, dissważivi u proporzjonati fuq ir-riċevituri fejn previst fir-regoli speċifiċi għas-setturi jew f’dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali.

Bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha tar-riskji u f’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur, il-Kummissjoni għandha tissorvelja s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fil-ħidma tagħha ta’ awditjar, għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis il-livell ta’ riskju evalwat b’konformità ma’ regoli speċifiċi għas-settur.

[…]

8.      Sabiex ikun żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintużaw skont ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha:

a)      tapplika proċeduri għall-eżami u l-aċċettazzjoni tal-kontijiet tal-korpi maħtura, fejn tiżgura li l-kontijiet ikunu kompluti, preċiżi u veri;

b)      teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni in-nefqa li fir-rigward tagħha sar żborż bi ksur tal-liġi applikabbli;

c)      tinterrompi skadenzi għal pagamenti jew tissospendi pagamenti fejn dan ikun previst f’regoli speċifiċi għas-settur.

Il-Kummissjoni għandha ttemm l-interruzzjoni tal-iskadenzi għal pagament jew is-sospensjoni tal-pagamenti, għalkollox jew parzjalment, wara li Stat Membru jkun ippreżenta l-kummenti tiegħu u hekk kif ikun ħa l-miżuri neċessarji. Ir-rapport annwali tal-attività msemmi fl-Artikolu 74(9) għandu jkopri l-obbligi kollha skont dan il-paragrafu.”

14      L-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Kooperazzjoni għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, jipprevedi:

“1.      Kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għandha, bħala kondizzjoni biex tirċievi l-fondi, tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-UPPE fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa […], lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri, u, fejn xieraq, lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, tali drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mar-Regolament [dwar l-Investigazzjonijiet immexxija mill-OLA].

2.      Kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni b’ġestjoni diretta u indiretta għandha taqbel bil-miktub li tagħti d-drittijiet neċessarji msemmijin fil-paragrafu 1 u għandha tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.”

15      Skont kliem l-Artikolu 131 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Sospensjoni, terminazzjoni u tnaqqis”:

“1.      Fejn proċedura ta’ għoti tkun ġiet soġġetta għal irregolaritajiet jew frodi, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jissospendi l-proċedura u jkun jista’ jieħu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli minnufih jinforma lill-OLAF dwar suspett ta’ każijiet ta’ frodi.

[…]

3.      L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jissospendi l-pagamenti jew l-implimentazzjoni tal-impenn legali fejn:

[…]

b)      jenħtieġ li jiġi vverifikat jekk fil-fatt seħħewx l-irregolaritajiet, il-frodi jew il-ksur ta’ obbligi preżunti;

c)      irregolaritajiet, frodi jew ksur tal-obbligi jixħtu dubju fuq l-affidabbiltà jew l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern ta’ persuna jew entità li timplimenta l-fondi tal-Unjoni skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) jew il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

[…]”

16      L-Artikolu 135 ta’ dan ir-regolament, intiolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji, l-esklużjoni u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji”, jistipula:

“1.      Sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha twaqqaf u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni.

L-għan ta’ din is-sistema għandu jkun li tiffaċilita:

a)      l-identifikazzjoni bikrija ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, li jippreżentaw riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

[…]

3.      Id-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar identifikazzjoni bikrija tar-riskji msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ta’ esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u/jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq riċevitur, għandha tittieħed mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli. Informazzjoni relatata ma’ tali deċiżjonijiet għandha tiġi rreġistrata fil-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 142(1). Fejn tali deċiżjonijiet ittieħdu fuq il-bażi tal-Artikolu 136(4), l-informazzjoni rreġistrata fil-bażi ta’ data għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-persuni msemmijin f’dak il-paragrafu.

4.      Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ persuni jew entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarji fuq riċevitur, għandha tkun ibbażata fuq sentenza finali jew, fis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni msemmijin fl-Artikolu 136(1), fuq deċiżjoni amministrattiva finali, jew fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi mill-bord kif imsemmi fl-Artikolu 143 fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 136(2) sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 141(1), l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jirrifjuta parteċipant minn proċedura partikolari ta’ għoti.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 136(5), l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jieħu deċiżjoni għall-esklużjoni ta’ parteċipant jew riċevitur u/jew ta’ impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq riċevitur u deċiżjoni biex tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata, abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari kif imsemmija fl-Artikolu 136(2), biss wara li tkun inkisbet rakkomandazzjoni mill-bord imsemmi fl-Artikolu 143.”

II.    IrRegolament ikkontestat

17      Mill-premessi tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dan ġie adottat abbażi tat-“Trattat [FUE], u b’mod partikolari [tal]-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,” kif ukoll tat-“Trattat [KEEA], u b’mod partikolari [tal]-Artikolu 106a tiegħu”.

18      Il-premessi 2, 3, 5 sa 10, 12 sa 16, 18 sa 20 u 26 tar-Regolament ikkontestat jipprevedu:

“(2)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f’konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati, b’mod partikolari l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Huwa ssottolinja wkoll l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt.

(3)      L-istat tad-dritt jitlob li s-setgħat pubbliċi kollha jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il-quddiem il-‘Karta’] u strumenti applikabbli oħra, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. Dan jitlob, b’mod partikolari, li jiġu rrispettati ([Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Qafas ġdid tal-[Unjoni] biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt’, COM(2014) 158 finali, Anness I]) l-prinċipji tal-legalità ([sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 63]), li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali ([sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 10]), tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi ([sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19]), tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali ([sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 31, 40 u 41, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 63 sa 67]), u tas-separazzjoni tas-setgħat ([sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 58; tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35, u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 36]).

[…]

(5)      Ladarba pajjiż kandidat isir Stat Membru, huwa jsir parti minn struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom ([Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 168]). Jinħtieġ li l-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri jkomplu jikkonformaw mal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

(6)      Filwaqt li m’hemm ebda ġerarkija fost il-valuri tal-Unjoni, ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mar-rispett għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali. Ma jistax ikun hemm demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali mingħajr rispett għall-istat tad-dritt u viċi versa.

(7)      Kull meta l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inklużi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 ([tal‑14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID‑19 (ĠU 2020, L 433I, p. 23)]), u permezz ta’ self u strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni, u jkun xi jkun il-metodu ta’ implimentazzjoni li jużaw, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekondizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba minquxa fl-Artikolu 317[TFUE].

(8)      Ġestjoni finanzjarja tajba tista’ tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mal-liġi, jekk każijiet ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess jew ksur ieħor tal-liġi, jiġu segwiti b’mod effettiv mis-servizzi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, u jekk deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali tal-awtoritajiet pubbliċi, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(9)      L-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jenħtieġ li jiġu garantiti dejjem, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq. Il-ġudikatura, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u proċeduri biex jaġixxu b’mod effettiv u b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-dritt ta’ proċess ġust, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Is-sentenzi finali jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv. Dawk il-kondizzjonijiet huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra deċiżjonijiet illegali u arbitrarji ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(10)      L-indipendenza tal-ġudikatura tippresupponi, b’mod partikolari, li l-korp ġudizzjarju ikkonċernat ikun jista’ jeżerċita, kemm skont ir-regoli rilevanti kif ukoll fil-prattika, il-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu kompletament b’mod awtonomu, mingħajr ma jkun soġġett għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew ikun subordinat għal ebda korp ieħor, u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn ebda sors, u li għalhekk huwa protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-garanziji tal-indipendenza u tal-imparzjalità jeżiġu regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u tal-ħatra, tat-tul ta’ servizz u tar-raġunijiet għar-rifjut u t-tkeċċija ta’ membri tiegħu, sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju raġonevoli li jista’ jkollhom xi wħud dwar l-impermeabbiltà ta’ dak il-korp għal fatturi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi ppreżentati quddiemu.

[…]

(12)      L-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta għall-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex jiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni hija l-essenza tal-istat tad-dritt u tirrikjedi qrati indipendenti ([sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 sa 36]). Huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-qrati, kif ikkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ([sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 40 u 41]). Dan huwa minnu, b’mod partikolari, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ miżuri, kuntratti jew strumenti oħra li jagħtu lok għal nefqa jew dejn pubbliku, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jistgħu jinġiebu quddiem il-qrati.

(13)      Hemm għalhekk relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(14)      L-Unjoni żviluppat għadd ta’ strumenti u proċessi li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu, inkluż appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-[Unjoni], u li jipprovdu tweġiba effettiva mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-ksur tal-istat tad-dritt permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Il-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament jikkomplementa dawn l-istrumenti billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(15)      Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa l-każ għal ksur individwali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u saħansitra aktar għal ksur mifrux jew minħabba prattiki rikorrenti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, jew għal miżuri ġenerali adottati minn tali awtoritajiet.

(16)      L-identifikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva bir-reqqa mill-Kummissjoni. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun oġġettiva, imparzjali u ġusta, u jeħtieġ li tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet rikonoxxuti, inkluż sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-[Unjoni], rapporti tal-[OLAF] u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) u l-[Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezia)], b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-qrati supremi u l-kunsilli tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kummissjoni ta’ Venezia jekk ikun meħtieġ biex titħejja bir-reqqa il-valutazzjoni kwalitattiva.

[…]

(18)      Jenħtieġ li japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiġu determinati l-miżuri li għandhom jiġu adottati, b’mod partikolari billi jitqiesu s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mindu seħħ l-aġir rilevanti, id-durata u r-rikorrenza tal-aġir, l-intenzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru biex itemm il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u l-effetti fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(19)      Huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Meta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali. Meta jitqies li, f’ġestjoni kondiviża, il-pagamenti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri huma legalment indipendenti mill-pagamenti mill-awtoritajiet nazzjonali lill-benefiċjarji, il-miżuri xierqa skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jitqisux li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-finanzjament għall-pagamenti lill-benefiċjarji skont l-iskadenzi tal-pagamenti stabbiliti skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli. Id-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-Regolament u l-obbligi lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali stabbiliti f’dan ir-Regolament huma parti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-finanzjament f’ġestjoni kondiviża. L-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri jenħtieġ li jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-obbligi tagħhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali. Ir-rappurtar dwar il-konformità mal-obbligi ta’ pagament lejn il-benefiċjarji stabbiliti fir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jenħtieġ li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament ma jkollhom ebda impatt, direttament jew indirettament, fuq il-pagamenti li jridu jsiru skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni u gwida permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet, flimkien ma’ għodod adegwati biex il-Kummissjoni tkun informata dwar kwalunkwe ksur tal-obbligu ġuridiku tal-entitajiet tal-gvern u tal-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pagamenti wara li jiġu adottati l-miżuri skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi din l-informazzjoni biex tivverifika jekk ir-regoli applikabbli ġewx rispettati, b’mod partikolari l-Artikolu 69, il-punt (b) tal-Artikolu 74(1) u l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ([tal‑24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU 2021, L 231, p. 159) u rettifiki fil-ĠU 2022, L 43, p. 93, fil-ĠU 2021, L 450, p. 158, u fil-ĠU 2021, L 261, p. 58]). Fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ammont dovut mill-entitajiet tal-gvern jew mill-Istati Membri jitħallas effettivament lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirkupra l-pagamenti li jkunu saru, jew, fejn xieraq, tagħmel korrezzjoni finanzjarja billi tnaqqas l-appoġġ tal-Unjoni għal programm f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

(20)      Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u minħabba l-importanza tal-effetti finanzjarji tal-miżuri adottati skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, li jenħtieġ jaġixxi fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

[…]

(26)      Il-proċedura għall-adozzjoni u t-tneħħija tal-miżuri jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jenħtieġ li titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq l-evidenza. Jekk, b’mod eċċezzjonali, l-Istat Membru kkonċernat iqis li hemm ksur serju ta’ dawk il-prinċipji, jista’ jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew li jmiss. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li ma tittieħed ebda deċiżjoni dwar il-miżuri sakemm il-Kunsill Ewropew ma jkunx iddiskuta l-kwistjoni. Dan il-proċess għandu, bħala regola, ma jiħux aktar minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun ippreżentat il-proposta tagħha lill-Kunsill.”

19      L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jistipula:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.”

20      Skont kliem l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘l-istat tad-dritt’ tirreferi għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE. Dan jinkludi l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istat tad-dritt għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

b)      ‘entità tal-gvern’ tfisser awtorità pubblika fi kwalunkwe livell tal-gvern, inkluż l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri fis-sens tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Finanzjarju]).”

21      L-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn li ġejjin jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt:

a)      it-tqiegħed f’periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura;

b)      n-nuqqas milli jiġu impediti, ikkoreġuti jew issanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess;

c)      il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi, jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettivi ta’ ksur tal-liġi.”

22      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri”, jipprevedi:

“1.      Għandhom jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun stabbilit skont l-Artikolu 6 li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandu jikkonċerna wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)      il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inkluż self jew strumenti oħrajn iggarantiti mill-baġit tal-Unjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jew tal-proċeduri għal għotjiet;

b)      il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar, u l-funzjonament xieraq ta’ sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja u tal-obbligu ta’ rendikont;

c)      il-funzjonament xieraq tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni pubblika fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

d)      l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c);

e)      il-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-impożizzjoni ta’ pieni effettivi u dissważivi fuq ir-riċevituri minn qrati nazzjonali jew minn awtoritajiet amministrattivi;

f)      l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament;

g)      il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF u, soġġett għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, mal-UPPE fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet tagħhom skont l-atti tal-Unjoni applikabbli f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera;

h)      sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

23      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      Dment li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati, jistgħu jiġu adottati miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament:

a)      meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, u meta entità tal-gvern tkun ir-riċevitur:

i)      sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenn legali jew terminazzjoni tal-impenn legali skont l-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju;

ii)      projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda;

iii)      sospensjoni tal-iżborż ta’ pagamenti parzjali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-Unjoni;

iv)      sospensjoni jew tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit mill-baġit tal-Unjoni;

v)      projbizzjoni li jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni;

b)      meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju:

i)      sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, jew emendar tagħha;

ii)      sospensjoni tal-impenji;

iii)      tnaqqis tal-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħrajn;

iv)      tnaqqis fil-prefinanzjament;

v)      interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti;

vi)      sospensjoni tal-pagamenti.

2.      Sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma għandhiex taffettwa l-obbligi tal-entitajiet governattivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew tal-Istati Membri msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li jagħmlu pagamenti skont dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli. Meta jimplimentaw fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi kull tliet xhur mill-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji.

3.      Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati. Huma għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandhom jitqiesu kif xieraq. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati mill-ksur.

4.      Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali dwar l-obbligi mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll, fuq l-istess sit web jew portal fuq l-Internet, għodod adegwati għar-riċevituri jew għall-benefiċjarji finali biex dawn jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur ta’ dawn l-obbligi li, fil-fehma ta’ dawn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, jaffettwahom direttament. Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat b’mod li jiżgura l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ([tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17)]. L-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali skont dan il-paragrafu għandha tkun akkumpanjata minn prova li r-riċevitur jew il-benefiċjarju finali kkonċernat ikun ressaq ilment formali mal-awtorità rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.”

24      Skont kliem l-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura”:

“1.      Meta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet validi biex tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 huma ssodisfati, hija għandha, sakemm ma tqisx li proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, tibgħat notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din in-notifika u l-kontenut tagħha.

2.      Fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni għal djalogu strutturat dwar is-sejbiet tiegħu.

3.      Meta tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 humiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra.

4.      Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1.

5.      L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar is-sejbiet ippreżentati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 f’limitu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-Kummissjoni, li għandu jkun tal-inqas xahar u mhux aktar minn tliet xhur mid-data tan-notifika tas-sejbiet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru jista’ jipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju biex jindirizza s-sejbiet stabbiliti fin-notifika tal-Kummissjoni.

6.      Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tasal u kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju proposta, meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippreżentax proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha f’limitu ta’ żmien indikattiv ta’ xahar mill-wasla ta’ kwalunkwe informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew tal-osservazzjonijiet tiegħu, jew, meta ma tasal l-ebda informazzjoni jew osservazzjoni, mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit f’konformità mal-paragrafu 5, u fi kwalunkwe każ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

7.      Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel proposta skont il-paragrafu 9, hija għandha, qabel ma tagħmel dan, tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fuq il-proporzjonalità tal-miżuri previsti, fi żmien xahar.

8.      Meta tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-gwida msemmija fil-paragrafu 3.

9.      Meta l-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 huma ssodisfati u li l-miżuri ta’ rimedju, jekk ikun hemm, proposti mill-Istat Membru skont il-paragrafu 5, ma jindirizzawx adegwatament is-sejbiet fin-notifika tal-Kummissjoni, hija għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru jew, f’każ li ma ssir ebda osservazzjoni, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7. Il-proposta għandha tippreżenta r-raġunijiet speċifiċi u l-evidenza li fuqhom il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha.

10.      Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali, il-perijodu għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn. Bil-ħsieb li tiġi żgurata deċiżjoni f’waqtha, il-Kummissjoni għandha tuża d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 237 TFUE, fejn tqis li dan ikun xieraq.

11.      Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test emendat permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.”

25      L-Artikolu 7 tar-Regolament ikkontestat, intitolat “Tneħħija tal-miżuri”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istat Membru kkonċernat jista’, fi kwalunkwe mument, jadotta miżuri ta’ rimedju ġodda u jippreżenta lill-Kummissjoni notifika bil-miktub li tinkludi evidenza biex juri li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 ma jkunux għadhom issodisfati.

2.      Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, waqt li tqis kwalunkwe evidenza ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju ġdida adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma għadhomx aktar issodisfati l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tneħħi l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri tkun ġiet irrimedjata parzjalment, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tadatta l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma tkunx ġiet rimedjata s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri, hija għandha tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat b’deċiżjoni motivata u tinforma lill-Kunsill dwarha.

Meta l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha jew tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn meta tirċievi dik in-notifika. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, u f’dak il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet għall-estensjoni.

Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4, 5, 6, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 6 għandha tapplika b’analoġija kif xieraq.”

III. Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26      L-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4(1) u (2)(h) l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikolu 5(2) u (3), is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar u l-aħħar sentenza, kif ukoll l-Artikolu 6(3) u (8) ta’ dan ir-regolament, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27      Barra minn hekk, l-Ungerija talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tiddeċiedi l-kawża preżenti fl-Awla Manja.

28      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

29      Permezz ta’ rikors tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Parlament talab li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, il-Parlament sostna li l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienet kundizzjoni politika essenzjali għall-approvazzjoni tiegħu tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill‑2021 sal‑2027 (ĠU 2020, L 433I, p. 11), u li, fid-dawl tal-urġenza ekonomika, il-fondi disponibbli taħt il-pjan ta’ rkupru COVID‑19 intitolat “Next Generation EU” kellhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri f’termini qosra ħafna. Huwa ppreċiża b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament 2020/2094, mill-inqas 60 % tal-impenji legali għandhom jiġu kkuntrattati sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2022 u li l-impenji legali kollha għandhom jiġu kkuntrattati sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2023. Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal‑14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU 2020, L 424, p. 1), il-Kummissjoni ser tibda mis-sajf tal‑2022 is-self tagħha fis-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-pjan ta’ rkupru ċċitat iktar ’il fuq. Skont il-Parlament, is-self u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi estremament sinjifikattivi, f’termini qosra ħafna, inevitabbilment ikun iwassal għal riskji għall-baġit tal-Unjoni li r-Regolament ikkontestat huwa intiż li jipproteġi. Tali protezzjoni tkun importanti, peress li inkapaċità li tipproteġi b’mod effettiv dan il-baġit tirriskja li twassal għal riperkussjonijiet negattivi, b’mod partikolari għas-solidarjetà fi ħdan l-Unjoni fit-tul.

30      L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

31      F’dan il-każ, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ din it-talba. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-importanza fundamentali ta’ din il-kawża għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari sa fejn din tirrigwarda l-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit u l-interessi finanzjarji tagħha kontra preġudizzju li jista’ jirriżulta minn ksur tal-valuri li hemm fl-Artikolu 2 TUE.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess jum, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Ungerija

34      Permezz ta’ rikors tal‑11 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni s-siltiet tar-rikors tal-Ungerija u tal-annessi tiegħu, b’mod partikolari dawk tal-Anness A.3 tiegħu, li jirreferu għall-Parir Nru 13593/18 tas-servizz legali tiegħu, tal‑25 ta’ Ottubru 2018, dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru ((COM/2018) 324 finali), li wassal għar-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem il-“Parir Legali Nru 13593/18”) jew jirriproduċu l-kontenut jew ir-raġunament ta’ dan il-parir legali. Fid‑29 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad din it-talba mal-mertu.

35      Fis‑7 ta’ Settembru 2021, peress li qieset li din il-kawża hija ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem is-Seduta Plenarja, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV.    Fuq ittalba li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni ċerti siltiet tarrikors talUngerija u talAnness A.3 tiegħu

A.      Largumenti talpartijiet

36      Insostenn tat-talba tiegħu intiża sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-punti 21, 22, 164 u 166 tar-rikors tal-Ungerija kif ukoll l-Anness A.3 tiegħu, sa fejn jirreferu għall-Parir Legali Nru 13593/18, billi jirriproduċu l-kontenut tiegħu jew jirriflettu l-analiżi tiegħu, il-Kunsill isostni li dan il-parir legali jikkostitwixxi dokument intern mhux ikklassifikat li huwa mmarkat “LIMITE”. Għaldaqstant, dan huwa kopert mis-sigriet professjonali u l-produzzjoni tiegħu fi proċeduri legali hija suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill kif ukoll fil-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill.

37      Skont l-Artikolu 6(2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-Kunsill jew il-Coreper biss jistgħu jawtorizzaw il-produzzjoni fi proċeduri legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma sarux aċċessibbli għall-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti. Barra minn hekk, skont il-punti 20 u 21 ta’ dawn il-linji gwida, dokument “LIMITE” ma għandux isir pubbliku sakemm deċiżjoni ma tkunx ittieħdet għal dan il-għan minn uffiċjal tal-Kunsill debitament awtorizzat, mill-amministrazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, wara konsultazzjoni mas-SĠK, jew, jekk ikun il-każ, mill-Kunsill, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001 u mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

38      Issa f’dan il-każ, sal-lum, il-Kunsill għamel pubbliċi biss, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-ewwel tmien punti tal-Parir Legali Nru 13593/18 u lanqas ma awtorizza lil-Ungerija tipproduċih fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, ikun kontra l-interess pubbliku, li skontu l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, li jkun ammess li tali dokumenti interni jiġu prodotti fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma l-imsemmija produzzjoni tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata mill-imsemmija qorti.

40      Il-Kunsill josserva li, għalkemm huwa ta biss parzjalment aċċess għall-Parir Legali Nru 13593/18 wara talbiet ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, dan huwa minħabba, b’mod partikolari, ir-riskju li, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda l-validità tar-Regolament ikkontestat, rikorrent jista’ jikkonfrontah mal-argumenti mressqa mis-servizz legali tiegħu stess fl-imsemmi parir legali, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fi proċedura ġudizzjarja. Barra dan, dawn ir-riskji mmaterjalizzaw ruħhom bil-preżentata ta’ dan ir-rikors.

41      Barra minn hekk, skont il-Kunsill, l-Ungerija dejjem ivvotat, abbażi ta’ dawn l-argumenti, favur deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess pubbliku għall-Parir Legali Nru 13593/18. Kieku dan l-Istat Membru kien xtaq li dan il-parir legali jkun pubbliku, huwa kellu jressaq applikazzjoni f’dan is-sens skont ir-Regolament Nru 1049/2001 jew jitlob awtorizzazzjoni skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u l-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill.

42      Il-Kunsill isostni li kieku l-Ungerija kienet awtorizzata tuża l-Parir Legali Nru 13593/18 f’din il-kawża, minkejja li ma segwietx il-proċedura prevista għal dan il-għan u li l-kwistjoni ma ġietx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill jkunu ġew evitati. Huwa jfakkar f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ t-talbiet tal-istituzzjonijiet intiżi sabiex jiksbu l-irtirar tad-dokumenti interni tagħhom mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta huma ma jkunux awtorizzaw il-produzzjoni tagħhom fi proċeduri legali u tqis li minn dan jirriżulta li l-Parir Legali Nru 13593/18 ma għandux jintuża f’din il-kawża.

43      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, kieku l-produzzjoni tal-Parir Legali Nru 13593/18 f’din il-proċedura tiġi ammessa, ikun obbligat li jressaq evalwazzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni fuq parir intiż għal użu intern u mogħti mis-servizz legali tiegħu stess waqt l-elaborazzjoni tar-Regolament ikkontestat, u dan jikser ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jaffettwa l-possibbiltà għall-Kunsill li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

44      Fl-aħħar, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-Parir Legali Nru 13593/18 ġie żvelat mingħajr awtorizzazzjoni mill-Kunsill fuq is-sit internet ta’ korp tal-istampa u li l-kontenut tiegħu ġie b’hekk żvelat lill-pubbliku ma jaffettwax dawn il-kunsiderazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dannu kkawżat lill-Kunsill u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jirriżulta mill-użu mhux awtorizzat ta’ dan il-parir legali fil-kuntest tal-proċeduri preżenti jeċċedi bil-bosta dak ikkawżat mill-pubblikazzjoni tal-imsemmi parir legali fl-istampa. Fil-fatt, li l-Ungerija titħalla tibbaża ruħha fuq l-istess parir legali jhedded l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom b’indipendenza sħiħa u jxejjen l-effikaċja tal-proċeduri intiżi għall-protezzjoni ta’ dan l-interess.

45      L-Ungerija tikkontesta l-argumenti tal-Kunsill.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

46      Permezz tal-argumenti tiegħu, il-Kunsill isostni essenzjalment li l-Ungerija, billi rriproduċiet, fil-punti 21, 22, 164 u 166 tar-rikors kif ukoll fl-Anness A.3 tiegħu, riferimenti għall-Parir Legali Nru 13593/18 u analiżi tal-kontenut tiegħu, l-ewwel, kisret l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, it-tieni, kisret il-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill, it-tielet, kiser ir-Regolament Nru 1049/2001, ir-raba’, marret kontra l-interess pubbliku li jikkonsisti fil-fatt li l-Kunsill jista’ jibbenefika mill-pariri tas-servizz legali tiegħu, mogħtija b’indipendenza sħiħa, il-ħames, iqiegħed lill-Kunsill f’sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex jesprimi ruħu fil-kawża prinċipali fuq l-analiżi tas-servizz legali tiegħu stess, u b’hekk jinkiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

47      Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[i]Kunsill jew il-Coreper jista’ jawtorizza l-produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali ta’ kopja ta’ jew estratt minn dokumenti tal-Kunsill li kienu għadhom ma nħarġux għall-pubbliku”.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li r-rikors u l-Anness A.3 tiegħu jirreferu għal punti tal-Parir Legali Nru 13593/18 minbarra t-tmien punti li l-Kunsill irrenda pubbliċi b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sussegwentement, li l-Ungerija ma talbitx lill-Kunsill l-awtorizzazzjoni sabiex tipproduċi fi proċeduri legali kopja jew estratti ta’ dan il-parir legali u, fl-aħħar nett, li dan l-Istat Membru ma annettiex mar-rikors tiegħu kopja tal-imsemmi parir legali.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, billi semmiet fir-rikors tagħha u fl-Anness A.3 tiegħu, siltiet mill-Parir Legali Nru 13593/18, l-Ungerija għandhiex titqies li pproduċiet fi proċeduri legali estratti minnu, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punti 22 u 164 tar-rikors, kif ukoll, l-Anness A.3, fit-tieni sas-seba’ paragrafu u fid-disa’ paragrafu, tiegħu jinkludu argumenti rispettivi tal-Ungerija, li bihom dan l-Istat Membru jallega li jirriflettu l-analiżi mwettqa fl-imsemmi parir legali, filwaqt li l-punti 21 u 166 tar-rikors jinkludu, ukoll fil-kuntest ta’ argumenti rispettivi tal-Ungerija, sempliċi riferimenti għall-imsemmi parir. Għalhekk, tali argumenti akkumpanjati minn sempliċi allegazzjonijiet ta’ konkordanza mal-Parir Legali Nru 13593/18 u riferimenti għalih, li barra minn hekk il-Kunsill jikkontesta l-eżattezza tagħhom, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu estratti minn dan il-parir legali.

51      Min-naħa l-oħra, l-Anness A.3 tar-rikors, sa fejn ir-raba’ paragrafu tiegħu jiċċita l-Parir Legali Nru 13593/1 għandu jiġi kkunsidrat bħala li jinkludi “estratti” minn dan il-parir legali, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ tali estratti fl-anness ta’ att proċedurali tikkostitwixxi “produzzjoni għal użu ta’ proċedimenti legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

52      Konsegwentement, l-Ungerija kienet bħala prinċipju marbuta, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, li tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex tkun tista’ tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-estratti tal-Parir Legali Nru 13593/18 li jinsabu fl-Anness A.3 tar-rikors.

53      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, ċertament, kif jirrileva l-Kunsill, li jkun kuntrarju għall-interess pubbliku li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-pariri tas-servizz legali tagħhom, mogħtija b’indipendenza sħiħa, jekk jiġi aċċettat li l-produzzjoni ta’ tali dokumenti interni tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija produzzjoni mill-istituzzjoni kkonċernata jew mingħajr ordni għal tali produzzjoni minn din il-qorti (digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 66).

54      Fil-fatt, permezz tal-produzzjoni mhux awtorizzata ta’ tali parir legali, ir-rikorrent jikkonfronta, hekk kif isostni l-Kunsill, lill-istituzzjoni kkonċernata, fil-proċedura dwar il-validità ta’ att ikkontestat, ma’ parir mogħti mis-servizz legali tiegħu stess waqt it-tfassil ta’ dan l-att. Issa, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ammess li dan ir-rikorrent jista’ jdaħħal fil-proċess parir legali ta’ istituzzjoni li l-iżvelar tiegħu ma ġiex awtorizzat minn din tal-aħħar imur kontra r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u jwassal sabiex tiġi evitata l-proċedura ta’ talba għal aċċess għal tali dokument, stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 68).

55      Madankollu, għandu jittieħed kont tal-prinċipju tat-trasparenza, minqux fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 15(1) u fl-Artikolu 298(1) TFUE, li jagħmilha possibbli, b’mod partikolari, li tiġi ggarantita l-ikbar leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà tal-amministrazzjoni lejn iċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 13 u ġurisprudenza ċċitata). It-trasparenza tikkontribwixxi, barra minn hekk, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ, sabiex tiżdied il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Huwa minnu li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-prinċipju ta’ trasparenza jista’ jiġġustifika żvelar fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ta’ dokument ta’ istituzzjoni li ma jkunx sar aċċessibbli għall-pubbliku u li jinkludi parir legali. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żamma, fil-proċess ta’ kawża, ta’ dokument li jinkludi parir legali ta’ istituzzjoni ma hija ġġustifikata minn ebda interess pubbliku superjuri meta, minn naħa, dan il-parir legali ma huwiex relatat ma’ proċedura leġiżlattiva li għaliha hija imposta trasparenza ikbar u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ din iż-żamma jikkonsisti biss, għall-Istat Membru kkonċernat, li jkun f’pożizzjoni li jinvoka l-imsemmi parir legali fil-kuntest ta’ tilwima. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-produzzjoni ta’ tali parir legali tidher li hija ggwidata mill-interessi tar-rikorrent stess li jissostanzja l-argumenti tiegħu, u mhux minn xi interess pubbliku superjuri, bħal dak li ssir pubblika l-proċedura li wasslet għall-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 18, u s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja, C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 71).

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod differenti mill-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, il-Parir Legali Nru 13593/18 huwa marbut ma’ proċedura leġiżlattiva.

58      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-iżvelar tad-dokumenti li jinkludu parir tas-servizz legali ta’ istituzzjoni fuq kwistjonijiet legali li tqajmu matul id-dibattitu dwar inizjattivi leġiżlattivi huwa tali li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv u li jsaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jikkontrollaw l-informazzjoni li kkostitwiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Minn dan hija ddeduċiet li ma jeżistix bżonn ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dak li jirrigwarda l-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill dwar proċess leġiżlattiv u li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu ta’ żvelar tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punti 67 kif ukoll 68).

59      Fil-fatt, hija preċiżament it-trasparenza f’dan ir-rigward li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi perspettiva jiġu diskussi fil-miftuħ, tikkontribwixxi sabiex jonqsu d-dubji f’moħħ iċ-ċittadini mhux biss fir-rigward tal-legalità ta’ att leġiżlattiv iżolat iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess leġiżlattiv fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59), u li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-prinċipji tad-demokrazija u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali kif iddefiniti fl-Artikolu 6 TUE u fil-Karta, kif tfakkar il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.

60      Din it-trasparenza madankollu ma tipprekludix li l-iżvelar ta’ parir legali speċifiku, mogħti fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv partikolari iżda li għandu natura partikolarment sensittiva jew ambitu partikolarment wiesa’ li jmur lil hinn mill-kuntest ta’ dan il-proċess leġiżlattiv, jista’ jiġi rrifjutat fid-dawl tal-ħarsien tal-protezzjoni tal-pariri legali, f’liema każ hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 69).

61      Issa, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill ma weriex li l-Parir Legali Nru 13593/18 għandu natura partikolarment sensittiva jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv relatat miegħu.

62      Għaldaqstant, la l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill u lanqas il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza ma jipprekludu lill-Ungerija milli tiżvela dan il-parir legali kompletament jew parzjalment fir-rikors tagħha.

63      Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-Ungerija għandha interess proprju li s-siltiet kontenzjużi tar-rikors tagħha u tal-Anness A.3 tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, peress li tali teħid inkunsiderazzjoni huwa wkoll tali li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dubji f’moħħ iċ-ċittadini mhux biss fir-rigward tal-legalità tar-Regolament ikkontestat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess leġiżlattiv fl-intier tiegħu, dan iservi fi kwalunkwe każ l-interess pubbliku superjuri mfakkar fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza.

64      Konsegwentement, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni separata dwar il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-punti 20 u 21 tal-Linji gwida għat-trattament ta’ dokumenti interni tal-Kunsill, tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, sa fejn dawn il-motivi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jintlaqgħu, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li saru fil-punti 55 sa 63 tas-sentenza preżenti, it-talba tal-Kunsill intiża sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-siltiet tar-rikors tal-Ungerija u tal-annessi tiegħu, b’mod partikolari dawk tal-Anness A.3 tiegħu, sa fejn jirreferu għall-Parir Legali Nru 13593/18, li jirriproduċu l-kontenut jew jirriflettu l-analiżi tiegħu, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

V.      Fuq irrikors

65      Permezz tar-rikors tagħha, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, titlob, prinċipalment, l-annullament tar-Regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu u, sussidjarjament, l-annullament parzjali tiegħu, jiġifieri tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 4(2)(h), tal-Artikolu 5(2), tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3), tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) kif ukoll tal-Artikolu 6(3) u (8) ta’ dan ir-regolament.

A.      Fuq ittalbiet prinċipali intiżi għallannullament tarRegolament ikkontestat fittotalità tiegħu

66      Insostenn tat-talbiet prinċipali tagħha intiżi għall-annullament tar-Regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu, l-Ungerija tqajjem tliet motivi. Fl-ewwel lok u b’mod konġunt, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motiv, li huma bbażati, essenzjalment, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

1.      Fuq lewwel u ttieni motiv, ibbażati fuq innuqqas ta’ kompetenza talUnjoni sabiex tadotta rRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

67      Permezz tal-ewwel motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat hija nieqsa. F’dan ir-rigward hija tfakkar li l-Artikolu 322(1)(a) u (b) TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta, rispettivament, “regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet” u “regoli dwar il-kontroll tar-responsabbiltà ta’ l-atturi finanzjarji, u b’mod partikolari ta’ l-uffiċjali ta’ l-awtorizzazzjoni u l-uffiċjali tal-kontijiet”. Hija tkompli tesponi li, skont l-Artikolu 322(2) TFUE, il-Kunsill għandu jiffissa l-modalità u jistabbilixxi l-proċeduri dwar kif id-dħul mill-baġit kif previsti fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, u jiddetermina l-miżuri li għandhom jiġu applikati sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet finanzjarji.

68      Dawn id-dispożizzjonijiet diġà servew, totalment jew parzjalment, bħala bażi legali għal diversi atti ġuridiċi marbuta effettivament mal-baġit annwali tal-Unjoni jew mal-qafas finanzjarju pluriannwali tiegħu, bħalma huma r-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU 2020, L 130, p. 1), li jippermetti l-applikazzjoni ta’ rata ta’ kofinanzjament eċċezzjonali fil-kuntest tal-fondi strutturali u ta’ investiment, jew saħansitra r-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU 2020, L 437, p. 30), li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi ffavorita t-tiswija tad-danni kkawżati mill-pandemija u li jipprevedi, bħala eċċezzjoni, r-riżorsi addizzjonali intiżi bħala għajnuna għall-koeżjoni soċjali u għall-irkupru ekonomiku.

69      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Finanzjarju, dan jistabbilixxi, fl-ewwel parti tiegħu, b’mod ġenerali u komplet, il-prinċipji u l-proċeduri għall-istabbiliment u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni kif ukoll għall-kontroll tal-fondi tiegħu. Dawn il-prinċipji u dawn il-proċeduri jikkostitwixxu “regoli finanzjarji” li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE. L-istess jgħodd għar-Regolamenti 2020/558 u 2020/2221, li r-regoli tagħhom huma effettivament u direttament marbuta mal-baġit tal-Unjoni, mal-qafas finanzjarju pluriannwali u mal-għajnuna pprovduta li toriġina minn diversi fondi tal-Unjoni.

70      Min-naħa l-oħra, l-elementi essenzjali tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat, bħad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” jew il-forom possibbli ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ma jistgħux oġġettivament jitqiesu bħala regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. In-natura mhux xierqa tal-Artikolu 322(1) TFUE bħala bażi legali ta’ dan ir-regolament tirriżulta b’mod partikolari mill-paragun tar-regoli fil-qasam ta’ kunflitt ta’ interessi li jinsabu rispettivament fl-imsemmi regolament u fir-Regolament Finanzjarju.

71      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li l-obbligu li jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi japplika għall-metodi kollha ta’ implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, inkluż għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi, b’tali mod li dawn l-Istati huma obbligati li jadottaw leġiżlazzjoni xierqa f’dan is-sens. Għal dan il-għan, ir-Regolament Finanzjarju jinkludi regoli proċedurali xierqa li jippermettu li l-kunflitti ta’ interessi jiġu mitmuma.

72      Issa, mill-Artikolu 3(b) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-fatt li ma tiġix żgurata l-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi jista’ jkun indikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minkejja li dan ir-regolament ma jistabbilixxi ebda regola proċedurali relatata mal-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw sabiex jipprevjenu tali kunflitti u jipprevedu rimedju għalihom. Din id-dispożizzjoni għalhekk tippermetti li jittieħdu miżuri fil-konfront tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ aspettattivi mhux speċifikati, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

73      B’mod iktar ġenerali, l-Ungerija tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat ma jistgħux jitqiesu bħala li huma regoli finanzjarji li jistabbilixxu proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tiegħu l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiġu stabbiliti r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt’ u l-Artikolu 3 tal-istess regolament jesponi, bħala indikazzjoni, każijiet ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. L-elementi essenzjali tar-Regolament ikkontestat huma għalhekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” u tal-forom possibbli ta’ ksur tal-Istat tad-dritt.

74      Issa, l-Artikolu 322(1)(a) TFUE la jawtorizza lill-Unjoni tiddefinixxi l-każijiet li fihom l-Istat tad-dritt jiġi miksur u lanqas li tistabbilixxi l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix bażi legali li tippermetti li jiġi eżaminat jew stabbilit ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jew li jiġu previsti l-konsegwenzi legali marbuta ma’ tali ksur, peress li tali regoli ma jkunux jistgħu jitqiesu oġġettivament bħala li huma regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit.

75      Is-sempliċi fatt li r-regoli sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament ikkontestat jippreżentaw rabta mal-baġit tal-Unjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1) TFUE. L-effett ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “regoli finanzjarji” li tant tkun estensiva li tkun tkopri d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat, ikun li dan il-kunċett jiġi estiż kważi għad-dritt tal-Unjoni kollu kif ukoll għal partijiet wisgħin ħafna tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, għaliex ikun diffiċli li tinstab dispożizzjoni li permezz tagħha ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit effett minn tal-inqas indirett fuq riżorsa tal-baġit tal-Unjoni.

76      In-natura mhux xierqa tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat tirriżulta wkoll mill-fatt li l-Artikolu 5(2) tiegħu ma jinkludix regoli finanzjarji li jiddeterminaw il-proċedura ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Fil-fatt, l-obbligu li programm speċifiku jkompli jiġi implimentat wara li jkunu ġew identifikati irregolaritajiet, ksur jew nuqqasijiet. li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jaqax taħt l-obbligi ta’ kontroll jew ta’ awditjar imposti fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit b’applikazzjoni tal-Artikolu 317 TFUE u lanqas ma jirriżulta mir-regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit u mal-preżentazzjoni u mal-verifika tal-kontijiet, previsti fl-Artikolu 322 TFUE, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji baġitarji u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.

77      Tali regoli finanzjarji ma jkunux jobbligaw lill-Istati Membri sabiex ikomplu jimplimentaw programm speċifiku wara li jkunu ġew identifikati tali irregolaritajiet, ksur jew nuqqasijiet. Bil-kontra ta’ dan, l-Artikolu 322(1)(a) TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli finanzjarji, bħalma huma s-sospensjoni tal-pagamenti għal programm speċifiku, li jkunu speċifikament intiżi li jiggarantixxu li l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli finanzjarji rilevanti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u r-realizzazzjoni effettiva tal-għanijiet imfittxija fil-kuntest ta’ programm speċifiku.

78      Issa, ikun imur kontra l-loġika li fuqha huma msejjsa dawn ir-regoli finanzjarji l-fatt li regoli finanzjarji tal-Unjoni jkunu jistgħu jimponu fuq Stat Membru l-obbligu li jkompli jimplimenta programm anki jekk il-Kummissjoni stabbilixxiet li hemm irregolaritajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-programm li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jew li jipperikolaw l-ilħuq tal-għanijiet imfittxija.

79      Minn dan jirriżulta, skont l-Ungerija, lil-għan imfittex permezz tal-impożizzjoni ta’ tali obbligu ma huwiex dak li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda dak li Stat Membru jiġi ssanzjonat fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, u dan ma huwiex kompatibbli mal-bażi legali magħżula. Barra minn hekk, l-obbligu li Stat Membru jiffinanzja kompletament mill-baġit rispettiv tiegħu programmi li fir-rigward tad-definizzjoni tagħhom huwa għandu biss marġni ta’ manuvra limitat, jillimita d-dritt tiegħu li juża l-baġit rispettiv tiegħu u jistabbilixxi rekwiżit li ma jkunx ta’ piż fuq il-baġit tal-Unjoni iżda fuq dak tal-Istat Membru kkonċernat.

80      Permezz tat-tieni motiv tagħha, l-Ungerija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser, l-ewwel, l-Artikolu 7 TUE, it-tieni, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) TUE kif ukoll, it-tielet, l-Artikolu 13(2) TUE u l-Artikolu 269 TFUE.

81      Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 7 TUE huwa l-uniku artikolu li abbażi tiegħu jista’ jiġi kkonstatat ir-riskju ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE. Ir-Regolament ikkontestat jistabbilixxi, f’qasam speċifiku, proċedura parallela li għandha l-istess għan bħal dik prevista f’dan l-Artikolu 7, bi ksur ta’ dan tal-aħħar.

82      Fil-fatt, l-ewwel, it-Trattati ma jipprevedux li l-Artikolu 7 TUE jista’ jiġi implimentat permezz ta’ atti leġiżlattivi li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE u d-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali ta’ tali ksur.

83      It-tieni, il-proċedura prevista mir-Regolament ikkontestat timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill abbażi ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, sabiex tevalwa l-ksur minn Stat Membru tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, u dan anki jekk il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali li tat lok għal dan il-ksur ma tkunx taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u li, konsegwentement, l-eżami tagħhom ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ir-Regolament ikkontestat jestendi, bi ksur tat-Trattati u billi jevita b’mod partikolari l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 269 TFUE, mhux biss il-kompetenzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni iżda wkoll dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja.

84      It-tielet, fl-istruttura tat-Trattati, huwa biss l-Artikolu 7 TUE li jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza biex jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

85      B’mod analogu għal din id-dispożizzjoni, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar tliet elementi qabel ma tissottometti l-proposta tagħha ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill u li dan tal-aħħar għandu, wara dan, jiddeċiedi dwar kull wieħed minn dawn l-elementi permezz ta’ tliet deċiżjonijiet suċċessivi. Għalhekk, qabel kollox, il-Kummissjoni għandha tikkonstata, konformement mal-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-regolament, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Wara dan, għandu jiġi investigat, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, jekk dan il-ksur jippreżentax rabta suffiċjentement stretta mal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fl-aħħar għandu jiġi ddeterminat jekk għandhiex tiġi adottata, abbażi tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, deċiżjoni li tiddetermina l-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni meqjusa neċessarji.

86      Issa, fost dawn it-tliet deċiżjonijiet, l-ewwel u t-tielet waħda jaqgħu taħt l-Artikolu 7 TUE. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tiegħu, hija, sostanzjalment, identika għall-konstatazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill u mill-Kunsill Ewropew abbażi tal-Artikolu 7(1) u (2) TUE, filwaqt li l-adozzjoni tal-miżuri abbażi tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament hija għażla parallela għal dik tas-sospensjoni ta’ ċerti drittijiet tal-Istat Membru kkonċernat, prevista fl-Artikolu 7(3) TUE, fejn din is-sospensjoni tista’ tkun tirrigwarda r-riżorsi baġitarji dovuti lill-Istat Membru kkonċernat.

87      Il-fatt li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat huma marbutin mal-ksur ta’ wieħed mill-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE ma huwa sostnut mill-Artikolu 5(3) u mill-Artikolu 6(8) ta’ dan ir-regolament, li minnhom jirriżulta li n-natura, it-tul, is-serjetà u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kif ukoll is-sorsi rilevanti għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal- evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri. Għaldaqstant, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill huma obbligati li jevalwaw fil-fond l-eżistenza u l-portata ta’ tali ksur, filwaqt li tali evalwazzjoni tista’ titwettaq biss abbażi tal-Artikolu 7 TUE.

88      L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tkompli tesponi li l-Artikolu 7 TUE jipprevedi proċedura ta’ sanzjoni ta’ natura kostituzzjonali diretta kontra Stat Membru b’mod partikolari. Barra minn hekk, l-Istati Membri, inkwantu setgħa kostituttiva, stabbilixxew b’mod eżawrjenti din il-proċedura fit-Trattat UE, minħabba d-dimensjoni politika tal-oqsma koperti minn din il-proċedura, oqsma li ma jaqgħux neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk relatati mal-funzjonament tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri.

89      In-natura esklużiva tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt hija kkonfermata mill-punti 18 u 24 tal-parir tas-servizz legali tal-Kunsill Nru 10296/14 tas‑27 ta’ Mejju 2014 dwar il-kompatibbiltà mat-trattati tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas ġdid tal-[Unjoni] biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”. Għalkemm ir-Regolament ikkontestat jipprova jorbot l-eżami tal-eventwali eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, l-għan reali tiegħu, hekk kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, huwa dak li tiġi eżaminata l-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u li jiġu applikati sanzjonijiet meta jiġi kkonstatat li Stat Membru ma josservax dawn il-prinċipji.

90      Fit-tieni lok, l-Ungerija tqis li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipji ta’ tqassim u ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, hekk kif iggarantiti fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(2) TUE, peress li jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami tas-sitwazzjonijiet u tal-istituzzjonijiet nazzjonali li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn dan ir-regolament ma jirriżultax b’mod ċar li l-eżami tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt huwa limitat għall-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, peress li wħud mis-sitwazzjonijiet esposti fl-Artikoli 3 u 4 tiegħu jistgħu barra minn hekk ikunu relatati ma’ ksur li ma jkunx limitat għal dawn l-oqsma.

91      Issa, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ta’ tqassim u ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, tali eżami barra mill-kompetenzi tal-Unjoni huwa possibbli biss għall-finijiet ta’, u skont il-proċedura stabbiliti minn, dispożizzjoni tad-dritt primarju, bħalma huwa l-Artikolu 7 TUE. Ir-Regolament ikkontestat ma jistax, min-naħa l-oħra, jibbaża ruħu fuq tali dispożizzjoni tas-dritt primarju, b’tali mod li dan ir-regolament għandu jitqies bħala li jistabbilixxi deroga mis-sistema ġenerali ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif sanċita fit-Trattati. Iktar minn hekk, filwaqt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7(1) u (2) TUE hija intiża biss għal sitwazzjonijiet li jixhdu riskju manifest ta’ ksur serju tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u ta’ ksur serju u persistenti ta’ dawn il-valuri, il-proċedura prevista mir-Regolament ikkontestat tkun possibbli anki meta l-ksur allegat la jkun serju u lanqas persistenti.

92      L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, fl-aħħar tesponi li, għalkemm l-eżami mwettaq b’applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat jista’ jippreżenta, f’ċerti rigwardi, rabta mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, din iċ-ċirkustanza madankollu ma tfissirx li s-sitwazzjonijiet eżaminati għandhom neċessarjament jiġu meqjusa bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss abbażi ta’ din ir-rabta. Hija tenfasizza li l-analiżi tal-eżistenza ta’ ksur tal-Istat tad-dritt isseħħ fil-kuntest tal-ewwel stadju tal-eżami filwaqt li r-rabta mal-baġit tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara t-tieni stadju. B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament ikkontestat jippermetti li jiġi kkonstatat li Stat Membru kiser l-Istat tad-dritt f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

93      Fit-tielet lok, l-Ungerija ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser kemm il-bilanċ istituzzjonali hekk kif stabbilit fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll fl-Artikolu 269 TFUE, kif ukoll id-drittijiet mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

94      F’dan ir-rigward, bil-kontra tal-Artikolu 7 TUE, ir-Regolament ikkontestat jagħti biss lill-Kummissjoni d-dritt ta’ inizjattiva sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Dan jeżiġi, għall-vot tal-Kunsill, maġġoranza differenti minn dik prevista fl-Artikolu 7 TUE. Barra minn hekk, dan ir-regolament jipprevedi biss l-obbligu li l-Parlament jiġi informat filwaqt li l-Artikolu 7(1) u (2) TUE jirrikonoxxilu dritt ta’ approvazzjoni, u ma jgħatti l-ebda kompetenza lill-Kunsill Ewropew. Peress li deċiżjoni tal-Kunsill li tipprevedi miżuri abbażi tar-Regolament ikkontestat tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata, il-pożizzjoni proċedurali tal-Istat Membru kkonċernat titnaqqas, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li, fil-kuntest tal-Artikolu 7(2) u (3) TUE, l-adozzjoni ta’ miżuri b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi deċiżjoni unanimi tal-Kunsill Ewropew.

95      Ir-Regolament ikkontestat għalhekk iwieġeb għall-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, riflessa fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi mezz “iktar faċli”, “iktar rapidu” u “iktar effikaċi” sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Billi jagħmel hekk, b’deroga mill-Artikolu 7 TUE, l-imsemmi regolament jagħti kompetenzi ġodda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari jippermetti li din tal-aħħar, bi ksur tal-Artikolu 269 TFUE, teżamina l-fondatezza tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. L-istess regolament imur, b’konsegwenza ta’ dan, kontra r-rieda espliċita tal-Istati Membri, inkwantu awturi tat-Trattati, li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun limitata għal kwistjonijiet proċedurali, f’dak li jirrigwarda rikorsi li jirrigwardaw att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7 TUE.

96      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

97      Permezz tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, minn naħa, li la l-Artikolu 322(1)(a) TFUE u lanqas xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE ma setgħet tikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari tal-Artikoli 2 sa 4 tiegħu kif ukoll tal-Artikolu 5(2) tiegħu. Hija tkompli tesponi, min-naħa l-oħra, li l-proċedura stabbilita mill-imsemmi regolament tevita l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, li madankollu hija ta’ natura esklużiva għall-protezzjoni tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, u tippreġudika l-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 269 TFUE.

1)      Fuq ilbażi legali tarRegolament ikkontestat

98      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 322(1)(a) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri għandhom jadottaw, permezz ta’ regolament “ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet”.

99      Issa, tali regoli huma intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni koperti mit-Titolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet Finanzjarji”, tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE, dwar id- “[d]ispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji” u, għaldaqstant, din l-implimentazzjoni f’sens wiesa’.

100    Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 322 TFUE jinsab fil-Kapitolu 5, intitolat “Dispożizzjonijiet komuni”, ta’ dan it-Titolu II, għandu jiġi osservat li jsir riferiment għal din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 310(2) u (3) TFUE, li jinsab fil-parti introduttiva tal-imsemmi Titolu II, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 315 TFUE u fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 316 TFUE, li jinsabu fil-Kapitolu 3 tal-istess Titolu II, intitolat “Il-baġit annwali tal-Unjoni”, kif ukoll fl-Artikolu 317 TFUE, li jinsab fil-Kapitolu 4 tiegħu, intitolat “L-implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza”.

101    Issa, l-Artikoli 310 u 315 sa 317 TFUE kollha kemm huma għandhom rabtiet mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

102    Fil-fatt, l-Artikolu 310 TFUE jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dħul u l-ispejjeż kollha tal-Unjoni għandhom ikun suġġetti għal estimi li jsiru għal kull sena finanzjarja u għandhom jiġu inkluż fil-baġit, u jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-implimentazzjoni tal-ispejjeż inklużi fil-baġit teħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ att tal-Unjoni legalment vinkolanti li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni tagħha u għall-implimentazzjoni tal-ispiża korrispondenti f’konformità mar-regolament previst fl-Artikolu 322, ħlief fil-każijiet previsti f’dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, dan l-Artikolu 310 jeżiġi, fil-paragrafu 5 tiegħu, li l-imsemmi baġit għandu jkun implimentat konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Unjoni sabiex l-approprazzjonijiet imdaħħla fil-baġit jintużaw konformement ma’ dan il-prinċipju.

103    Fir-rigward tal-Artikolu 315 TFUE, dan jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li, jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat b’mod definittiv, somma ekwivalenti ta’ mhux aktar minn wieħed minn tnax tal-approprazzjonijiet għall-kapitolu inkwistjoni tal-baġit tas-sena finanzjarja preċedenti tista’ tintefaq kull xahar fir-rigward ta’ xi kapitolu tal-baġit skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, mingħajr ma din is-somma taqbeż il-wieħed minn tnax tal-approprjazzjonijiet previsti fl-istess kapitolu tal-abbozz tal-baġit. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 316 TFUE jirrigwarda l-mogħdija għas-sena finanzjarja ta’ wara tal-approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sa tmiem sena finanzjarja.

104    Fir-rigward tal-Artikolu 317 TFUE, dan b’mod partikolari jistipula li l-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f’koperazzjoni mal-Istati Membri, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti adottati b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 322 TFUE, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti tal-approprazzjonijiet allokati, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Huwa jeżiġi wkoll li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-approprazzjonijiet jintużaw konformement ma’ dan il-prinċipji u jispeċifika li regolament adottat b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 322 TFUE għandu jistabbilixxi l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan.

105    Minn dan isegwi li r-regoli finanzjarji li jiddeterminaw “b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata” għall-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll għall-preżentazzjoni u għall-verifika tal-kontijiet, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, ma jkoprux biss ir-regoli li jiddefinixxu l-mod li bih jiġu, bħala tali, eżegwiti l-ispejjeż imdaħħla f’dan il-baġit, iżda wkoll, b’mod partikolari, ir-regoli li jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika imposti fuq l-Istati Membri meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit f’kooperazzjoni magħhom, kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn dan. B’mod partikolari, jidher b’mod ċar li dawn ir-regoli finanzjarji huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-osservanza, waqt l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, inkluż mill-Istati Membri.

106    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk l-Artikolu 322(1)(a) TFUE setax jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

107    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom jinsabu l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 31; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 38, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 43).

108    Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku li minnu tifforma parti leġiżlazzjoni ġdida, b’mod partikolari sa fejn tali kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan li din il-leġiżlazzjoni tixtieq tilħaq (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 32; tat‑8 ta’ Diċembru 2020, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 39, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 44).

109    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt li jsir magħruf jekk ir-Regolament ikkontestat jistax, fid-dawl tal-għan tiegħu, ikun kopert mill-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-għan aħħari ta’ dan ir-regolament huwa dak li jkun permess kemm l-eżami, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, tal-osservanza mill-Istati Membri tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kif ukoll l-applikazzjoni, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji, ta’ sanzjonijiet permezz tal-baġit tal-Unjoni, sa fejn dan l-oġġettiv jirriżulta wkoll mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament.

110    F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat jistipula li dan jistabbilixxi “r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri”. Għalhekk, minn kliem din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmi regolament huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra l-preġudizzji, għal dan il-baġit, li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

111    It-tieni, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tniedi l-proċedura prevista għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni biss meta din l-istituzzjoni tikkonstata li jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li, fi Stat Membru, iseħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda fuq kollox li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

112    Iktar minn hekk, mill-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dawn il-miżuri xierqa jikkonsistu, essenzjalment, f’sospensjonijiet ta’ pagamenti, fl-eżekuzzjoni ta’ impenji legali, fl-iżborż ta’ pagamenti parzjali, f’vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit, fl-approvazzjoni ta’ programmi jew ta’ impenji, f’terminazzjonijiet ta’ impenji legali, fi projbizzjonijiet li jiġu kkuntrattati impenji legali ġodda jew li jiġu kkuntrattati ftehimiet ġodda, f’rimborsi antiċipati ta’ self iggarantit, fi tnaqqis ta’ vantaġġ ekonomiku li jirriżulta minn strument garantit, f’impenji jew fi prefinanzjamenti, u f’interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti, u li dawn għandhom ikunu xierqa, jiġifieri limitati għal dak li huwa strettament neċessarju fir-rigward tal-effett reali jew potenzjali ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

113    Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill it-tneħħija tal-miżuri adottati meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma jkunux għadhom issodisfatti u, għaldaqstant, b’mod partikolari meta ma jkun għadu jeżisti l-ebda preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’tali mod li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 185 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-miżuri għandhom jiġu rrevokati meta l-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-baġit jintemm, anki jekk ikun għad hemm il-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

114    Issa, it-tipi ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati, il-kriterji relatati mal-għażla u mal-portata tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u ta’ tneħħija tal-imsemmija miżuri, sa fejn dawn ikunu kollha marbuta ma’ preġudizzju jew ma’ riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jikkonfermaw il-konstatazzjoni li tgħid li l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tiegħu.

115    Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat, moqri fid-dawl tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża, hekk kif issostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li tissanzjona Stat Membru għal ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt, iżda li tħares l-interessi leġittimi tad-destinatarji finali u tal-benefiċjarji meta miżuri xierqa jiġu adottati abbażi tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ Stat Membru. Din id-dispożizzjoni għalhekk tistabbilixxi l-konsegwenzi ta’ tali miżuri fir-rigward tat-terzi. Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li ssostni l-allegazzjoni li tgħid li r-Regolament ikkontestat huwa intiż, iktar milli sabiex jipproteġi l-baġit tal-Unjoni, sabiex jissanzjona, bħala tali, ksur tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

116    It-tielet, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-premessi tar-Regolament ikkontestat jikkonfermaw l-għan imfittex minn dan ir-regolament, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Fil-fatt, il-premessi 2 u 7 sa 9 tal-imsemmi regolament jistipulaw, b’mod partikolari, li l-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti konformement mal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li, kull darba li l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, l-osservanza tal-Istat tad-dritt hija kundizzjoni essenzjali għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba sanċiti fl-Artikolu 317 TFUE, li l-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba biss jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mad-dritt, jekk effettivament tittieħed azzjoni kontra l-ksur tad-dritt u jekk id-deċiżjonijiet arbitrarju jew illegali tal-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, u jekk l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura kif ukoll tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra d-deċiżjonijiet arbitrarji u illegali ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jikkawżaw ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-premessa 13 tal-istess regolament tesponi li, f’dan il-kuntest, għalhekk teżisti “relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba”, il-premessa 15 tiegħu, min-naħa tagħha, tispeċifika li “[k]sur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni”.

117    Fir-rigward tal-premessa 14 tar-Regolament ikkontestat, għalkemm tipprevedi li l-mekkaniżmu previst minnu “jikkomplementa” l-istrumenti li jippromwovu l-Istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu, hija tispeċifika li dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi għal din il-promozzjoni “billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.”

118    Ir-raba’, fl-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta tagħha li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ċertament indikat li kienu ġew espressi xewqat favur intervenzjoni tal-Unjoni sabiex hija tipproteġi l-Istat tad-dritt u, għaldaqstant, tadotta miżuri intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tiegħu. Madankollu, f’din l-istess espożizzjoni tal-motivi, il-Kummissjoni ġġustifikat il-proposta tagħha bin-neċessità li “jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra r-riskju ta’ telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward l-istat tad-dritt f’xi Stat Membru”.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzji għalih li jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru, u mhux li jissanzjona, fih innifsu, tali ksur.

120    Issa, dan l-għan huwa koerenti mar-rekwiżit li l-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, impost b’mod partikolari fl-Artikolu 310(5) TFUE, sa fejn dan ir-rekwiżit huwa applikabbli għad-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu II tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u għalhekk, b’mod partikolari, fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

121    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, minħabba l-kontenut tiegħu, ir-Regolament ikkontestat jistax jaqa’ taħt il-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li dan ma jistax ikun il-każ b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 2 sa 4 u tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament. L-ewwel, l-Artikolu 322(1)(a) TFUE la jippermetti li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” u lanqas dak ta’ “ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt”. It-tieni, ir-rabta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-baġit tal-Unjoni hija wiesgħa wisq u tkun tippermetti, jekk tingħażel, li ma’ dan il-baġit ikun jista’ jintrabat kemm kull qasam tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll aspetti kunsiderevoli tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, It-tielet, l-imsemmi Artikolu 5(2) la jirrigwarda l-baġit tal-Unjoni u lanqas l-implimentazzjoni tiegħu, iżda jirrigwarda l-baġits tal-Istati Membri. Ir-raba’, l-imsemmija Artikoli 2 sa 4 jkunu jippermettu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet u ta’ istituzzjonijiet nazzjonali li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

122    F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-partijiet fil-kawża jaqblu li jitqies li “mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità”, li jissuġġetta l-benefiċċju tal-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, jista’ jkun kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

123    Madankollu, filwaqt li l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tqis li tali kundizzjoni għandha tkun strettament marbuta jew ma’ wieħed mill-għanijiet ta’ programm jew ma’ azzjoni speċifika tal-Unjoni, jew mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, iqisu li tali mekkaniżmu jista’ wkoll ikollu n-natura ta’ “kundizzjonalità orizzontali”, fis-sens li l-kundizzjoni inkwistjoni tista’ tkun marbuta mal-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, li għandha tiġi osservata fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, fosthom l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri u li, konformement mal-Artikolu 49 TUE, l-osservanza ta’ dawn il-valuri tikkostitwixxi prekundizzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ kull Stat Ewropew li jitlob li jsir membru tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C 811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 160 u 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, meta Stat kandidat isir Stat Membru, huwa jsir parti minn struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, il-valuri komuni li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Din il-premessa turi karatteristiċi speċifiċi u essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, relatati man-natura rispettiva tiegħu, li jirriżultaw mill-awtonomija li l-imsemmi dritt igawdi fil-konfront kemm tad-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali. Hija timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 166 sa 168; is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30, u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 62). Din il-premessa tispeċifika wkoll li d-drittijiet u l-prattiki tal-Istati Membri għandhom ikomplu josservaw il-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

126    Minn dan jirriżulta li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru (sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 63; tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 162, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 162). Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn il-valuri ma għandhiex tiġi ridotta għal obbligu li għandu jiġi osservat minn Stat kandidat sabiex jaderixxi mal-Unjoni u li huwa jista’ ma jkomplix josserva wara l-adeżjoni tiegħu.

127    Il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE ġew identifikati u huma kondiviżi mill-Istati Membri. Dawn jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni. Għalhekk, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni, fil-limiti tal-attribuzzjonijiet tagħha previsti mit-Trattati, li tiddefendi l-imsemmija valuri.

128    Minn dan jirriżulta li, konformement kemm mal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi sanċit fl-Artikolu 5(2) TUE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ koerenza tal-politiki tal-Unjoni previst fl-Artikolu 7 TFUE, il-valur komuni għall-Unjoni u għall-Istati Membri kkostitwit mill-Istat tad-dritt, li jifforma parti mill-pedamenti nnifishom tal-Unjoni u tal-ordinament ġuridiku tagħha, jista’ jservi ta’ bażi għal mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-baġit tal-Unjoni huwa wieħed mill-istrumenti prinċipali li jippermettu li jiġi kkonkretizzat, fil-politiki u fl-azzjonijiet tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà, imsemmi fl-Artikolu 2 TUE, li min-naħa tiegħu jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 38), u, min-naħa l-oħra, li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, permezz ta’ dan il-baġit, hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fl-użu responsabbli tar-riżorsi komuni skritti fl-imsemmi baġit. Issa, din il-fiduċja reċiproka hija min-naħa tagħha msejsa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, fuq l-impenji ta’ kull Stat Membri li jikkonforma ruħu mal-obbligi li huwa għandu taħt id-dritt tal-Unjoni u li josserva b’mod kontinwu, hekk kif barra minn hekk jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm il-valur tal-Istat tad-dritt.

130    Barra minn hekk, hekk kif ġie osservat fil-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat, teżisti rabta manifesta bejn l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, minn naħa, u l-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni, konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, min-naħa l-oħra.

131    Fil-fatt, din il-ġestjoni finanzjarja tajba u dawn l-interessi finanzjarji jistgħu jkunu kompromessi serjament minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq fi Stat Membru, peress li l-konsegwenza ta’ dan il-ksur tista’ tkun, b’mod partikolari, l-assenza ta’ garanzija li spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ finanzjament previsti mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jissodisfaw l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni meta hija tiffinanzja tali spejjeż.

132    B’mod partikolari, l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet u ta’ dawn l-għanijiet, bħala elementi tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tkun iggarantita b’mod sħiħ fl-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fejn għandu jiġi speċifikat li l-eżistenza ta’ tali stħarriġ, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell tal-Unjoni minn qrati indipendenti, hija inerenti għal Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 219 u 222).

133    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità jista’ wkoll ikun kopert mill-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, imsemmi fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE meta jistabbilixxi, għall-benefiċċju ta’ finanzjament mill-baġit tal-Unjoni, kundizzjonalità orizzontali li hija marbuta mal-osservanza, minn Stat Membru tal-valur tal-Istat tad-dritt, li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, u li huwa relatat mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

134    Issa, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi tali mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali, peress li jipprevedi li miżuri xierqa jittieħdu meta jkun stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

135    Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod eżawrjenti l-“miżuri xierqa” li jistgħu jiġu adottati, li huma miġbura fil-qosor fil-punt 112 ta’ din is-sentenza u li huma kollha effettivament relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

136    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, relatata mal-eżistenza ta’ “ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt”, l-Artikolu 2(a) tiegħu jistipula li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” ifisser, fis-sens ta’ dan ir-regolament, il-“valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE” u jispeċifika li dan il-kunċett ikopri l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ separazzjoni tas-setgħat kif ukoll ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istess dispożizzjoni tenfasizza, madankollu, li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, kif iddefinit għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, “għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE”. Minn dan isegwi li l-osservanza ta’ dawn il-valuri u ta’ dawn il-prinċipji, sa fejn dawn jipparteċipaw fid-definizzjoni nnifisha tal-valur tal-“Istat tad-dritt”, li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, jew, hekk kif jirriżulta mit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li huma intimament marbuta ma’ soċjetà li tirrispetta l-Istat tad-dritt, tista’ tkun rikjesta fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali, bħal dak stabbilit mir-Regolament ikkontestat.

137    Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, li jiċċita każijiet li jistgħu jkunu jindikaw ksur ta’ dawn il-prinċipji, li fosthom hemm il-fatt li jkun hemm l-assenza li jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess, huwa intiż, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 152 u 280 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

138    Fir-rigward tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, minnu jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jkun jirrigwarda s-sitwazzjonijiet jew l-aġiri tal-awtoritajiet li huma elenkati fil-punti a) sa h) ta’ dan il-paragrafu 2, sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

139    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat huma elementi kostituttivi tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, billi jipprevedu d-definizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu, billi jispeċifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u billi jipprevedu l-miżuri li għalihom dan jista’ jwassal. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jiffurmaw parti integrali minn dan il-mekkaniżmu u jaqgħu, għalhekk, taħt il-kunċett ta’ “regoli finanzjarji”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

140    It-tieni, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li l-imsemmija Artikoli 2 sa 4 tar-Regolament ikkontestat jippermettu li istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

141    Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedura li huwa jipprevedi għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ “miżuri xierqa” ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni biss meta din l-istituzzjoni tikkonstata li jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li, fi Stat Membru, seħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda fuq kollox li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

142    Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu jkun jirrigwarda s-sitwazzjonijiet jew l-aġiri tal-awtoritajiet li huma elenkati fil-punti a) sa h) ta’ dan il-paragrafu 2, sa fejn u sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

143    Issa, din ir-rilevanza tista’ tiġi preżunta f’dak li jirrigwarda l-attività tal-awtoritajiet li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni u inkarigati mill-kontroll, mill-monitoraġġ u mill-awditjar finanzjarju, imsemmija fil-punti a) u b), tal-imsemmi paragrafu 2. Fir-rigward tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja, il-funzjonament tajjeb tagħhom huwa previst, fil-punt c) tiegħu, biss sakemm inkwistjoni jkun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni u l-issanzjonar, mill-qrati nazzjonali jew mill-awtoritajiet amministrattivi, tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni msemmi fil-punt e). F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju stipulat fil-punt d), dan huwa previst biss sa fejn ikun jirrigwarda aġir tal-awtoritajiet imsemmi fl-imsemmija punti a) sa c). L-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament, previst fil-punt f), huwa previst biss għal fondi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni, u l-istess jgħodd għall-kooperazzjoni mal-OLAF u mal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, imsemmija fil-punt g). Fl-aħħar, il-punt h) jirrigwarda espliċitament kull sitwazzjoni oħra jew kull aġir ieħor tal-awtoritajiet rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

144    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss sakemm dawn is-sitwazzjonijiet huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ dan ir-regolament biss meta huwa stabbilit li tali sitwazzjonijiet jinvolvu ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

145    Issa, dawn is-sitwazzjonijiet, li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, mhux biss jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda jistgħu wkoll, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, jaqgħu taħt regola finanzjarja, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, li tieħu l-forma ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali marbut mal-osservanza, mill-Istat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt.

146    It-tielet, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, il-fatt li mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali li jissodisfa l-kriterji identifikati fil-punt 133 ta’ din is-sentenza, relatat mal-osservanza minn Stat Membru tal-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE u li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-[…]implimentazzjoni tal-baġit”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, ma jestendix il-portata ta’ dan il-kunċett lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni.

147    Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat jillimita, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità stabbilit mill-imsemmi regolament għas-sitwazzjonijiet u għall-aġiri tal-awtoritajiet li jippreżentaw rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u jeżiġi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha b’mod suffiċjentement dirett. Din l-aħħar kundizzjoni għalhekk teżiġi li tiġi stabbilita rabta diretta bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju.

148    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat hija suġġetta għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) ta’ dan ir-regolament, li jimplikaw, hekk kif tosserva l-premessa 26 tal-imsemmi regolament, l-obbligu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, meta hija teżamina jekk l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa hijiex iġġustifikata, fuq elementi konkreti u li tosserva l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

149    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat tispeċifika li din l-evalwazzjoni għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa. Barra minn hekk, l-osservanza ta’ dawn l-obbligi kollha hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

150    Ir-raba’, f’dak li jirrigwarda l-punt ta’ jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat jistax jaqa’ taħt il-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, fil-punt 115 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li l-ewwel dispożizzjoni għandha l-għan li tħares l-interessi leġittimi tad-destinatarji finali u tal-benefiċjarji meta miżuri xierqa jiġu adottati abbażi tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna effetti legali u finanzjarji marbuta ma’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5, li min-naħa tagħhom jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, hekk kif ġie speċifikat fil-punti 112 u 135 ta’ din is-sentenza.

151    Barra minn hekk, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw “b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata” għall-implimentazzjoni tal-baġit, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, huma intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni koperti mit-Titolu II tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE u għalhekk din l-implimentazzjoni f’sens wiesa’.

152    Issa, dispożizzjoni li, bħall-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat, tirrigwarda effetti legali u finanzjarji marbuta ma’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, fis-sens ta’ dan l-artikolu 5, li huma miżuri li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, għandha titqies bħala li hija nnifisha hija relatata ma’ din l-eżekuzzjoni u tista’ għalhekk titqies bħala li tistabbilixxi proċedura relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-baġit.

153    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, l-allegazzjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ibbażati fuq nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dan tal-aħħar ma jistabbilixxix regoli finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, għandhom jiġu miċħuda.

154    Dan espost, għad fadal li jiġi vverifikat jekk, hekk kif issostni, essenzjalment, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, regoli finanzjarji bħal dawk previsti mir-Regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, minħabba l-fatt li dawn jevitaw l-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 269 TFUE.

2)      Fuq levitar talArtikolu 7 TUE u talArtikolu 269 TFUE

155    Fl-ewwel lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li hija biss il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE li tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza biex jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw il-ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE fi Stat Membru, peress li, b’mod partikolari, tali kompetenza tkopri oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħall-funzjonament tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, u li l-Istati Membri, inkwantu l-awturi tat-Trattati, irregolaw l-aspetti kollha ta’ din il-proċedura fil-kuntest tat-Trattat UE. Sa fejn it-Trattati ma jipprevedu ebda delega ta’ setgħat leġiżlattivi abbażi tal-Artikolu 7 TUE, la din id-dispożizzjoni u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-imsemmija Trattati ma tawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jibda proċedura parallela għal dik prevista fl-Artikolu 7 TUE, li tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE u li tiddefinixxi l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnu.

156    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri, li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, jinkludu dawk tar-rispett tad-dinjità umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, f’soċjetà kkaratterizzata b’mod partikolari min-nondiskriminazzjoni, mill-ġustizzja, mis-solidarjetà u mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

157    Il-preambolu tal-Karta jfakkar, b’mod partikolari, li l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ demokrazija u tal-Istat tad-dritt u tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stipulati fl-imsemmija karta. L-Artikoli 6, 10 sa 13, 15, 16, 20, 21 u 23 tagħha jispeċifikaw il-portata tal-valuri tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tal-ugwaljanza, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE. L-Artikolu 47 tal-Karta l-istess bħall-Artikolu 19 TUE jiggarantixxu b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

158    Barra minn hekk, l-Artikoli 8 u 10, l-Artikolu 19(1), l-Artikolu 153(1)(i), u l-Artikolu 157(1) TFUE jispeċifikaw il-portata tal-valuri ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jippermettu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta regoli tad-dritt sekondarju intiżi li jimplimentaw dawn il-valuri.

159    Miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, minbarra l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, ta’ spiss ikkonkretizzati permezz ta’ diversi atti tad-dritt sekondarju, jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza li jeżaminaw, li jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, li jissanzjonaw ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE imwettaq fi Stat Membru.

160    F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt, ċerti aspetti tiegħu huma protetti mill-Artikolu 19 TUE, hekk kif barra minn hekk tammetti l-Ungerija. L-istess jgħodd għall-Artikoli 47 sa 50 tal-Karta, li jinsabu fit-Titolu VI tagħha, intitolat “Ġustizzja”, u li jiggarantixxu, rispettivament, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal aċċess għal qorti imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni u d-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata u kkastigata darbtejn għall-istess ksur.

161    B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, jirrikjedi li l-Istati Membri, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedji), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 108 u 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 258 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 58 u 59, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 106 u 107).

162    Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkollu miegħu ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna l-indipendenza li għandha tikkaratterizza l-qrati msejħa biex jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jekk ikun il-każ wara li tkun kisbet mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedji), C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 142 sa 146).

163    Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 159 sa 162 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumenti tal-Ungerija li jgħidu li l-valur tal-Istat tad-dritt jista’ jiġi protett mill-Unjoni biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandhom jiġu miċħuda.

164    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li huwa biss l-Artikolu 7 TUE li jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkontrollaw l-osservanza mill-Istati Membri tal-Istat tad-dritt f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm il-funzjonament tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-Regolament ikkontestat la jawtorizza lill-Kummissjoni u lanqas lill-Kunsill biex iwettqu tali kontroll lill-hinn mill-aġir ta’ awtorità ta’ Stat Membru jew ta’ sitwazzjoni imputabbli lil tali awtorità li tkun relatata mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u li taqa’, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

165    Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 141 sa 145 ta’ din is-sentenza, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ dan ir-regolament biss meta huwa stabbilit li tali sitwazzjonijiet jinvolvu ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

166    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li tgħid li r-Regolament ikkontestat għandu l-effett li jevita l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u li jestendi l-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliti fl-Artikolu 269 TFUE, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li l-proċedura stabbilita minn dan ir-regolament tikkonkretizza, f’każijiet speċifiċi, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 TUE u minħabba f’dan il-fatt tistabbilixxi proċedura parallela li tippermetti li jiġi kkonstatat, wara analiżi fil-fond, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri. L-imsemmi regolament jippermetti li mal-imsemmi ksur jintrabtu konsegwenzi legali identiċi għal dawk previsti fl-Artikolu 7 TUE, meta la din id-dispożizzjoni u lanqas xi dispożizzjoni oħra tat-Trattati ma tawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel dan. Billi jagħmel hekk, l-istess regolament jikser il-bilanċ istituzzjonali, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 7 TUE, fl-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 269 TFUE, billi jagħti kompetenzi ġodda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

167    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jistabbilixxi, mingħajr ma jikser l-Artikolu 7 TUE, proċedura parallela għal dik prevista f’din id-dispożizzjoni, li jkollha, essenzjalment, l-istess għan, li tfittex li tilħaq l-istess għan u li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri identiċi, filwaqt li tipprevedi l-intervent ta’ istituzzjonijiet oħra jew kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali differenti minn dawk previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

168    Madankollu, huwa permissibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jkollu bażi legali għal dan il-għan, li jistabbilixxi, f’att ta’ dritt sekondarju, proċeduri oħra li jirrigwardaw il-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm l-Istat tad-dritt, dejjem sakemm dawn il-proċeduri jkunu differenti, kemm fir-rigward tal-għan tagħhom kif ukoll fir-rigward tas-suġġett tagħhom, mill-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 26; id-digriet tal‑11 ta’ Lulju 1996, An Taisce u WWF UK vs Il‑Kummissjoni, C‑325/94 P, EU:C:1996:293, punt 25, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2001, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑247/98, EU:C:2001:4, punt 13).

169    F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet rispettivi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 TUE u ta’ dik prevista mir-Regolament ikkontestat, mill-Artikolu 7(2) sa (4) TUE jirriżulta li l-proċedura prevista f’dan l-artikolu tippermetti b’mod partikolari li l-Kunsill, meta l-Kunsill Ewropew ikun ikkonstata ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, jissospendi wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati fl-Istat Membru, inkluż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Istat Membru, u li l-Kunsill jista’ sussegwentement jiddeċiedi li jemenda l-miżuri li jkun adotta u li jtemmhom b’reazzjoni għal bidliet fis-sitwazzjoni li wasslitu sabiex jimponi dawn il-miżuri.

170    Il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE għandha għalhekk l-għan li tippermetti li l-Kunsill jissanzjona ksur serju u persistenti tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, sabiex, b’mod partikolari, jordna lill-Istat Membru kkonċernat itemm dan il-ksur.

171    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punti 110 sa 120 ta’ din is-sentenza, min-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat kif ukoll mill-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u ta’ tneħħija ta’ dawn il-miżuri jirriżulta li l-għan tal-proċedura stabbilita permezz ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stipulat fl-Artikolu 310(5) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru u mhux dak li jiġi ssanzjonat, permezz tal-baġit tal-Unjoni, ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

172    Minn dan isegwi li l-proċedura prevista mir-Regolament ikkontestat għandha għan differenti minn dak tal-Artikolu 7 TUE.

173    F’dak li jirrigwarda s-suġġett ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri, għandu jiġi osservat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE jkopri l-valuri kollha li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li dak tal-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat ikopri biss wieħed minn dawn il-valuri, jiġifieri l-Istat tad-dritt.

174    Iktar minn hekk, l-Artikolu 7 TUE jippermetti t-trattament ta’ kull ksur serju u persistenti ta’ valur li jinsab fl-Artikolu 2 TUE, filwaqt li r-Regolament ikkontestat jawtorizza l-eżami tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2(a) tiegħu biss sakemm jeżistu raġunijiet validi li jitqies li dawn għandhom effett fuq il-baġit.

175    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ tnedija taż-żewġ proċeduri, għandu jiġi osservat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE tista’ tiġi mnedija, skont il-paragrafu 1 tiegħu, meta jeżisti riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fejn id-dritt ta’ inizjattiva huwa ta’ terz tal-Istati Membri, tal-Parlament jew tal-Kummissjoni, u fejn il-limitu meħtieġ huwa inizjalment dak ta’ riskju ċar ta’ ksur serju ta’ dawn il-valuri, u sussegwentement, f’dak li jirrigwarda s-sospensjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) u (3) TUE, ta’ wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru kkonċernat, dak ta’ ksur serju u persistenti mill-imsemmi Stat ta’ dawn il-valuri. Min-naħa l-oħra, il-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat tista’ tiġi mnedija biss mill-Kummissjoni, meta jkunu jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt seħħ fi Stat Membru, iżda wkoll, u fuq kollox, li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’mod suffiċjentement dirett.

176    Barra minn hekk, l-unika kundizzjoni sostantiva meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżuri abbażi tal-Artikolu 7 TUE tinsab fil-konstatazzjoni, mill-Kunsill Ewropew, tal-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie osservat fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat, miżuri abbażi ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu adottati biss meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, għandu jiġi stabbilit li wieħed mill-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru jirrigwarda minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet jew wieħed mill-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija f’dan il-paragrafu 2, sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jintwera wkoll li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew dawn l-interessi finanzjarji, b’mod suffiċjentement dirett, u għalhekk li din il-kundizzjoni tkun timplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn dan il-ksur u tali preġudizzju jew tali riskju serju ta’ preġudizzju.

177    Fir-rigward tan-natura tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 7(3) TUE, dawn jikkonsistu fis-sospensjoni ta’ “wħud mid-drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati kompriż id-dritt tal-vot fil-Kunsill tar-rappreżentant tal-Gvern tal-Istat Membru” u jistgħu, għaldaqstant, ikunu jirrigwardaw kull dritt li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat huma, min-naħa tagħhom, limitati għal dawk elenkati fl-Artikolu 5(1) tiegħu u miġbura fil-qosor fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, li huma kollha ta’ natura baġitarja.

178    Fl-aħħar, l-Artikolu 7 TUE jipprevedi li l-miżuri adottati jistgħu jiġu emendati jew imneħħija biss b’reazzjoni għal bidliet fis-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ikkontestat jorbtu t-tneħħija u l-emenda tal-miżuri adottati għall-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dawn il-miżuri jistgħu jitneħħew jew jiġu emendati mhux biss fil-kas fejn jintemm, minn tal-inqas parzjalment, il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fl-Istat Membru kkonċernat, iżda fuq kollox fil-każ fejn dan il-ksur, għalkemm ikompli jeżisti, ma għadx għandu effett fuq il-baġit tal-Unjoni. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta dan ma jkunx għadu jikkonċerna minn tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet jew wieħed mill-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, meta dawn is-sitwazzjonijiet jew dawn l-aġiri ma għadhomx iktar rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, meta ksur ma jikkawżax iktar preġudizzju jew ma għadux jippreżenta riskju serju ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni tajba jew għal dawn l-interessi finanzjarji, jew meta r-rabta bejn il-ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u tali preġudizzju jew tali riskju serju ma għadhiex ta’ natura suffiċjentement diretta.

179    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u dik stabbilita mir-Regolament ikkontestat għandhom għanijiet differenti u kull waħda minnhom għandha suġġett nettament separat.

180    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ir-Regolament ikkontestat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi proċedura parallela li tevita l-Artikolu 7 TUE.

181    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li r-Regolament ikkontestat jippreġudika l-bilanċ istituzzjonali, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 7 TUE u fl-Artikolu 13(2) TUE, minn naħa, fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u dik stabbilita mir-Regolament ikkontestat għandhom għanijiet differenti u kull waħda minnhom għandha suġġett separat, b’tali mod li r-Regolament ikkontestat ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi proċedura parallela li tevita din id-dispożizzjoni.

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ma hijiex fondata meta ssostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-bilanċ istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 7 TUE.

183    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tal-Artikolu 13(2) TUE, li jipprevedi li “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom”, mill-Artikolu 6 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tmexxi din il-proċedura u li l-Kunsill jadotta, jekk ikun il-każ, fuq proposta tal-Kummissjoni, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li fiha jiġu deċiżi l-miżuri xierqa, fejn għandu jiġi speċifikat li, minkejja r-riferiment, fil-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, għall-Kunsill Ewropew, l-imsemmi Artikolu 6 ma jagħti l-ebda rwol lil dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-imsemmi regolament.

184    F’dan ir-rigward, qabel kollox, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, il-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħha, konformement mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’tali mod li r-rwol tagħha fil-proċedura stabbilita mir-Regolament ikkontestat huwa konformi mal-kompetenzi mogħtija lilha minn din id-dispożizzjoni.

185    Wara dan, hekk kif sostna ġustament il-Kunsill, l-intervent ta’ dan tal-aħħar tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 322(1)(a) u fuq l-Artikolu 291(2) TFUE, b’tali mod li dan ma jiksirx il-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE.

186    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw “b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-implimentazzjoni tal-baġit”, fis-sens tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE, huma intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni koperti mit-Titolu II tas-Sitt Parti tat-Trattat FUE u għalhekk din l-implimentazzjoni f’sens wiesa’.

187    Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit mir-Regolament ikkontestat taqa’ taħt interpretazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit li tmur lil hinn min dik, iddefinita fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju bħala li tikkonsisti fit-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-ġestjoni, mal-monitoraġġ, mal-kontroll u mal-awditjar tal-approprjazzjonijiet baġitarji, li taqa’, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

188    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 291(2) TFUE jippermetti, f’każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati, li l-Kunsill jingħata kompetenzi ta’ implimentazzjoni meta jkunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 6, (9) sa (11) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill abbażi ta’ dan ir-regolament huma deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni, filwaqt li l-premessa 20 tal-imsemmi regolament tispeċifika li dawn il-kompetenzi jingħataw lill-Kunsill sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji ta’ tali miżuri.

189    Dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jitqies li l-għoti lill-Kunsill ta’ kompetenza għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżuri xierqa msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament ikkontestat huwa debitament iġġustifikat.

190    Fl-aħħar, l-assenza ta’ kompetenza mogħtija lill-Kunsill Ewropew fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament ikkontestat hija konformi mal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 15(1) TUE, li jipprevedi li l-Kunsill Ewropew, mingħajr ma jeżerċita funzjoni leġiżlattiva, jipprovdi lill-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha.

191    Għalkemm huwa minnu li l-premessa 26 tar-Regolament ikkontestat tipprevedi li l-Kunsill Ewropew jista’, fuq talba tal-Istat Membru li huwa s-suġġett tal-proċedura mnedija abbażi tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, jiddiskuti l-kwistjoni ta’ jekk, matul din il-proċedura, ġewx osservati l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, huwa biżżejjed li jiġi osservat li tali intervent, ta’ natura eċċezzjonali, tal-Kunsill Ewropew la huwa previst fl-imsemmi Artikolu 6 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-imsemmija premessa 26 la tista’ tiġi invokata bħala deroga għad-dispożizzjonijiet innifishom tar-Regolament ikkontestat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens li jmur kontra l-formulazzjoni tagħhom.

192    It-tielet, sa fejn l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissejjaħ sabiex tevalwa, fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament ikkontestat, l-eżistenza ta’ ksur minn Stat Membru tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u sa fejn tikkunsidra li l-kompetenza hekk mogħtija lilha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-Artikolu 269 TFUE, għandu jiġi osservat li dan l-aħħar artikolu jikkonċerna biss, skont kliemu, l-istħarriġ tal-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7 TUE.

193    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 179 u 180 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissejjaħ biex twettaq, b’mod partikolari waqt rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament ikkontestat ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 269 TFUE u għalhekk ma huwiex suġġett għar-regoli speċifiċi previsti f’dan tal-aħħar.

194    Minn dan isegwi li r-Regolament ikkontestat ma jagħti l-ebda kompetenza ġdida lill-Qorti tal-Ġustizzja.

195    Fl-aħħar, fil-punt 165 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu eżami ta’ sitwazzjonijiet fl-Istati Membri biss sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ dan ir-regolament biss meta huwa stabbilit li tali sitwazzjonijiet jinvolvu ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jippreġudika jew li jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji.

196    Issa, tali sitwazzjonijiet huma relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u jaqgħu għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ma tistax issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza biex teżamina l-evalwazzjonijiet tal-Kunsill li jkunu jinsabu f’deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament ikkontestat.

197    Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, ibbażati fuq evitar tal-Artikolu 7 TUE u tal-Artikolu 269 TFUE, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

198    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

a)      Largumenti talpartijiet

199    Permezz tat-tielet motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li r-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza tar-regoli, irrikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li l-kunċetti li jinsabu f’dan ir-regolament, li abbażi tagħhom jista’ jiġi kkonstatat li Stat Membru kiser il-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ma huma s-suġġett ta’ ebda definizzjoni uniformi fl-Istati Membri. Hija b’mod partikolari tqis li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament, juri inċertezzi kunċettwali serji u nuqqas serju ta’ koerenza li jistgħu jipperikolaw l-interpretazzjoni tal-valuri tal-Unjoni u jwasslu għal applikazzjoni tal-istess regolament li tkun tmur kontra dawn il-valuri.

200    Fl-ewwel lok, l-Ungerija tesponi li l-Istat tad-dritt huwa ideal jew, l-iktar l-iktar, punt ta’ orjentament, li qatt ma jista’ jintlaħaq b’mod sħiħ u li l-osservanza tiegħu għandha għalhekk tiġi evalwata f’termini relattivi, peress li l-ebda Stat ma jista’ jallega li jaderixxi perfettament miegħu. Dan l-ideal, li jikkaratterizza d-demokrazija moderna, żviluppa ruħu skont proċess kumpless mifrux fuq sekli, u wassal, hekk kif jirriżulta mill-Istudju Nru 512/2009, tat‑28 ta’ Marzu 2011, tal-Kummissjoni ta’ Venezia, intitolat “Rapport dwar il-preeminenza tad-dritt”, għal kunċett kumpless li ma għandux definizzjoni preċiża u li s-sustanza tiegħu tiżviluppa l-ħin kollu.

201    Din l-interpretazzjoni tal-Istat tad-dritt tirriżulta wkoll mill-Istudju Nru 711/2013, tat‑18 ta’ Marzu 2016, tal-Kummissjoni ta’ Venezia li jistabbilixxi “Lista tal-kriterji tal-Istat tad-dritt”, studju li għalih, barra minn hekk, isir riferiment fil-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, skont il-punti 12 u 18 ta’ dan l-istudju, l-elementi essenzjali tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” ma jiddefinixxux dan il-kunċett u huma nnifishom huma kategoriji teoretiċi u ta’ prinċipju li jistgħu min-naħa tagħhom jerġgħu jiġu diviżi f’diversi prinċipji oħra. Barra minn hekk, mill-punti 29 u 30 tal-imsemmi studju jirriżulta li l-kriterji tal-Istat tad-dritt li huwa jiddefinixxi ma humiex eżawrjenti u ma jistgħux jiġu ttrasformati f’regoli.

202    F’dan ir-rigward, l-Ungerija tfakkar li l-Unjoni għandha tirrispetta, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li minnha jifformaw parti l-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom. Issa, il-mekkaniżmu stabbilit permezz tar-Regolament ikkontestat ma huwiex konformi ma’ din il-garanzija fundamentali, peress li l-proċedura li huwa jistabbilixxi tippermetti li l-leġiżlazzjoni jew il-prattika ta’ Stat Membru tiġi eżaminata anki meta din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

203    L-inċertezzi kunċettwali li jaffettwaw il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” huma aggravati mill-fatt li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni indikaw diversi drabi li l-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-dritt ser jintużaw fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li dan ir-regolament ma jinkludi ebda riferiment għal dan ir-rapport. Barra minn hekk, fl-imsemmi rapport il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt f’oqsma li la jikkorrispondu għall-kunċetti użati fir-Regolament ikkontestat b’relazzjoni mal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u lanqas għal-Lista ta’ kriterji tal-Istat tad-dritt maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezia fl-istudju tagħha msemmi fil-punt 201 ta’ din is-sentenza.

204    L-Ungerija tqis li l-perċezzjoni li l-Kummissjoni għandha tal-elementi kostituttivi tal-Istat tad-dritt hija differenti minn dik tal-Kummissjoni ta’ Venezia u minn dik li minnha jirriżultaw il-kunċetti li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minn din l-istituzzjoni tista’ ssir imprevedibbli sal-punt li tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi, huwa stess, aspett tal-Istat tad-dritt.

205    Fit-tieni lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova mingħajr suċċess, fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, jispjega l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tirriproduċi elementi paralleli li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE u li huma daqstant astratti, bħall-osservanza tad-drittijiet fundamentali, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huma wkoll iggarantiti b’mod separat fit-Trattati. Din iċ-ċirkustanza għalhekk tikkonferma l-fatt li l-valuri tal-Artikolu 2 TUE jispiraw il-kooperazzjoni politika fi ħdan l-Unjoni, iżda li ma għandhomx kontenut ġuridiku rispettiv. Billi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” f’regoli għas-settur u billi jippermetti b’dan il-mod li atti oħra tad-dritt sekondarju jużaw interpretazzjoni differenti ta’ dan il-kunċett, il-leġiżlatur tal-Unjoni jimmina l-interpretazzjoni tieħu bħala valur komuni tal-Unjoni, hekk kif iddefinit mill-komunità tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 2 TUE.

206    Iktar minn hekk, wara li jiddefinixxi, fl-Artikolu 2(a) tiegħu, il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, ir-Regolament ikkontestat jippreżenta, fl-Artikolu 3 tiegħu, bħala indikazzjoni, każijiet ta’ “ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt” li fil-verità għandhom biss rabta marġinali mad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Bl-istess mod, ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li jispeċifika s-sitwazzjonijiet u l-aġiri li għandhom ikunu kkonċernati mill-ksur ta’ dawn il-prinċipji, u, min-naħa l-oħra, il-kunċetti ta’ “Stat tad-dritt” u l-“prinċipji tal-Istat tad-dritt”, ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ċar. Għalhekk, l-eżami konġunt tal-każijiet ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li jinsabu bħala indikazzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, u tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, li jinsab fl-Artikolu 2(a) tiegħu, ma jippermettix li jiġi eskluż li sitwazzjonijiet li ma humiex marbuta mal-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet.

207    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jadottaw aġir ibbażat fuq id-dritt, mingħajr arbitrarjetà u li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti jissodisfa l-elementi kostituttivi tal-Istat tad-dritt. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li “in-nuqqas milli jiġu impediti […] iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb [tal-awtoritajiet pubbliċi]”, “in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interessi” jew saħansitra “in-nuqqas milli jiġu impediti […] id-deċiżjonijiet […] illegali”, imsemmija fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament ikkontestat, għandhom biss rabta mill-bogħod u indiretta mal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, u dan iwassal għal ksur tar-rabta bejn l-għan u l-kontenut ta’ din ir-regola. Issa, jekk l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jissanzjona tali nuqqasijiet, li huma essenzjalment ta’ natura amministrattiva, sa fejn dawn jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni, huwa seta’ jissanzjonawhom mingħajr ma juża dan il-kunċett.

208    Fit-tielet lok, l-Ungerija tosserva li minn studju mwettaq mill-Parlament matul is-sena 2015, intitolat “The General Principles of EU Administrative Procedural Law” (Il-Prinċipji Ġenerali tad-Dritt Proċedurali Amministrattiv tal-Unjoni Ewropea), jirriżulta li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” tant huwa ġenerali li l-kontenut preċiż tiegħu jista’ jiġi stabbilit biss permezz tal-elementi kostituttivi tiegħu, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfatti anki meta jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ sanzjoni tan-nuqqasijiet ta’ osservanza tal-Istat tad-dritt.

209    Issa, minbarra d-diverġenza bejn il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” u l-“prinċipji tal-Istat tad-dritt”, ir-Regolament ikkontestat jagħmel riferiment, kemm fl-Artikolu 3 tiegħu kif ukoll fl-Artikolu 4(2) tiegħu, għal espressjonijiet li huwa ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż sabiex ikun possibbli li jiġu antiċipati l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. L-istess jgħodd għall-“funzjonament tajjeb [tal-awtoritajiet]”, għall-“istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti […] [tal-]awtoritajiet”, għall-“kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF” u għal “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti […]”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni li tant ikun wiesa’ li jkun inkompatibbli ma’ proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet.

210    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-partijiet f’kawża, dan ir-rekwiżit imperattiv jimponi ruħu b’mod partikolarment rigoruż fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tkun tinvolvi konsegwenzi finanzjarji, sabiex tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom. Dan ir-rekwiżit imperattiv jestendi wkoll għall-prevedibbiltà tal-metodi ta’ prova u tal-metodi użati fil-proċeduri ta’ sanzjoni.

211    L-Ungerija tesponi li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ċertament ma jipprekludix li l-liġi tirregola kwistjoni b’mod ġenerali u astratt, fejn imbagħad ikunu l-qrati li jkunu inkarigati, fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha, li jwettqu l-interpretazzjoni tagħha. Hija madankollu tqis li, fid-dawl tal-obbligu ta’ “protezzjoni” tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, l-Istat tad-dritt u l-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal evalwazzjoni differenti f’kull wieħed mill-Istati Membri, dan iktar u iktar minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mhux dejjem jevalwaw b’mod uniformi d-diversi sitwazzjonijiet legali. Issa, element fundamentali tal-Istat tad-dritt u taċ-ċertezza legali jikkonsisti fil-fatt li d-dritt għandu jkun ifformulat b’tali mod li s-sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod simili. Minħabba n-nuqqasijiet kunċettwali tar-Regolament ikkontestat u tal-fatt li ma huwiex possibbli li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” jiġi ddefinit b’mod preċiż, dan ir-regolament ma jissodisfax dan ir-rekwiżit bażiku ta’ applikazzjoni uniformi tal-liġi.

212    L-Ungerija tindika, bħala eżempju, li l-Kummissjoni ma qisitx, fir-rapporti annwali tagħha dwar l-Istat tad-dritt, bħala li jikkostitwixxi abbuż il-fatt li l-prosekutur pubbliku jista’, f’ċerti Stati Membri, jirċievi istruzzjonijiet mill-fergħa eżekuttiva, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet tħassib serju f’dan ir-rigward f’kawżi fejn inkwistjoni kien hemm l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk, f’każ bħal dan, ir-rekwiżit tal-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet inkarigati mill-prosekuzzjoni huwiex, jew ma huwiex, issodisfatt. Fir-rigward tal-livell meħtieġ ta’ kooperazzjoni mal-OLAF, dan l-Istat Membru jistaqsi, qabel kollox, jekk dan jistax jitkejjel meta mqabbel mal-prosekuzzjonijiet mibdija fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, wara dan, jekk, sabiex ikun hemm konformità mar-Regolament ikkontestat, hemmx lok li tiġi stabbilita perċentwali ta’ prosekuzzjonijiet fuq il-bażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u, fl-aħħar, jekk, sabiex jintlaħaq dan il-livell, għandux ikun possibbli li jingħataw istruzzjonijiet lill-prosekutur pubbliku f’kawżi individwali, anki jekk l-eżistenza ta’ tali istruzzjonijiet tippermetti li jkun hemm dubji kemm dwar l-imparzjalità u l-legalità tal-prosekuzzjonijiet kif ukoll dwar l-indipendenza tal-prosekutur pubbliku. L-Ungerija tosserva wkoll li limitu massimu ta’ kundanni abbażi ta’ tali rakkomandazzjonijiet jagħti lok għal dubji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura. Fid-dawl ta’ dawn il-mistoqsijiet, l-Ungerija tibża li tista’ tinħoloq kontradizzjoni bejn il-kundizzjonijiet eżaminati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu stabbilit bir-Regolament ikkontestat, minn naħa, u r-rekwiżiti fundamentali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali, min-naħa l-oħra.

213    Fir-raba’ lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali u li dan il-ksur għandu jwassal għall-annullament ta’ dan ir-regolament fit-totalità tiegħu.

214    L-ewwel, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dan jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri hekk kif ikun jeżisti “riskju” ta’ preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni, jippermetti l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet f’sitwazzjonijiet inċerti u mhux ipprovati. Fil-fatt, fl-assenza ta’ preġudizzju konkret għal dan il-baġit, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet tkun arbitrarja u tkun tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn id-determinazzjoni oġġettiva, teknika u fattwali mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ miżuri tkun għalhekk impossibbli. F’tali sitwazzjoni, l-uniċi kriterji oġġettivi sabiex tkun iġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżuri jkunu s-serjetà u n-natura tal-ksur tal-Istat tad-dritt, iżda dan ikun, madankollu, inkompatibbli mal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat.

215    It-tieni, il-fatt li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat jippermetti, fil-punt (h) tiegħu, minbarra l-każijiet previsti fil-punti (a) sa (g) tiegħu, l-adozzjoni ta’ miżuri meta jkun hemm “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet”, li ma humiex iddefiniti, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jgħid li regola li tippermetti l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet għandha telenka b’mod preċiż u eżawrjenti l-aġiri li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet. L-uniku aspett speċifiku ta’ dan il-punt h), meta mqabbel mal-kontenut tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, huwa li jindika li s-sitwazzjoni jew l-aġir inkriminat għandu jkun imputabbli lill-“awtoritajiet”, iżda ma jipprovdi, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, ebda speċifikazzjoni dwar in-natura ta’ dawn l-“awtoritajiet”. Dan il-kunċett ikun jista’, għalhekk, ikopri kull grupp ta’ individwi li għandhom responsabbiltajiet uffiċjali għal qasam ta’ attività speċifiku għaliex, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “awtorità” għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ fid-diversi atti tad-dritt tal-Unjoni.

216    Barra minn hekk, mill-paragun bejn il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż tar-Regolament ikkontestat ma jirriżultax b’mod ċar li, fl-espressjoni “andere Umstände oder Verhaltensweisen von Behörden”, “other situations or conduct of authorities” jew “autres situations ou comportements des autorités”, il-kelma “sitwazzjonijiet” hijiex jew le marbuta mal-kelma “awtoritajiet”. Ċertament, prima facie, l-espressjoni “Umstände von Behörden”, “situations of authorities” jew “situations des autorités” ma jidhirx li tagħmel sens, iżda l-verżjoni Ungeriża ta’ din id-dispożizzjoni torbot il-kelma “sitwazzjoni” mal-kelma “awtoritajiet”, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċarezza tar-regola.

217    Minn dan l-Ungerija tiddeduċi li l-punt h) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ixejjen is-sens tal-elenkazzjoni li tinsab fil-punti a) sa g) ta’ din id-dispożizzjoni, billi jagħtiha natura mhux eżawrjenti, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

218    It-tielet, anki t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn tillimita ruħha li tipprevedi li l-miżuri li għandhom jiġu adottati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, it-tul, is-serjetà u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, mingħajr ma tiddefinixxi b’mod preċiż n-natura u l-portata ta’ dawn il-miżuri, tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi, fil-fatt, ebda kriterju konkret għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ġġustifikata, neċessarja u proporzjonali ta’ miżura u lanqas ma tispeċifika t-tip ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li jista’ jservi bħala bażi għad-determinazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ miżura ta’ sanzjoni.

219    Ir-raba’, l-Ungerija tqis li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn tindika li l-miżuri li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom “sa fejn ikun possibbli”, bħala l-mira tagħhom l-azzjonijiet tal-Unjoni li jkunu ppreġudikati mill-ksur, ma tippermettix li tkun iggarantita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li ġie kkonstatat u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni għalhekk tagħmilha possibbli li jiġu adottati miżuri relatati ma’ programm tal-Unjoni li ma għandu l-ebda rabta reali mal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li ġie kkonstatat, u dan jikser, minbarra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, dan il-ksur jikkonferma l-fatt li r-Regolament ikkontestat ma huwiex strument ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, iżda wieħed ta’ sanzjoni tal-Istat tad-dritt mhux kopert mill-bażi legali tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE.

220    Il-ħames, l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dan jippermetti li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, matul id-diversi stadji tal-evalwazzjoni li hija għanda twettaq, “l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra”, ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż is-sorsi ta’ informazzjoni ammissibbli f’dan il-kuntest, għaliex dan ma jindikax fuq liema bażi l-Kummissjoni għandha teżamina u tevalwa l-eżistenza jew ir-riskju ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

221    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

222    Permezz tat-tielet motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” ma jistax jingħata definizzjoni preċiża u ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi, minħabba l-obbligu li tiġi rrispettata l-identità nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. L-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat jinkludi valuri paralleli li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li huma daqstant astratti, li huma wkoll iggarantiti b’mod separat fit-Trattati, u dan għalhekk jikkonferma li dawn il-valuri huma ta’ natura politika u mhux legali. Barra minn hekk, billi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” f’regoli għas-settur, il-leġiżlatur tal-Unjoni jimmina l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett bħala valur komuni tal-Unjoni. Fit-tieni lok, ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3, u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ċar u l-applikazzjoni konġunta tagħhom ma tippermettix li jiġi eskluż li sitwazzjonijiet li ma humiex marbuta mal-ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet. Bl-istess mod, it-termini użati fl-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament għandhom biss rabta mill-bogħod mal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”, u dan iwassal għal ksur tar-rabta bejn l-għan u l-kontenut ta’ din ir-regola. Fit-tielet lok, l-imsemmi regolament jagħmel riferiment, fl-Artikolu 3 tiegħu u fl-Artikolu 4(2) tiegħu, għal espressjonijiet li huma wisq impreċiżi sabiex ikun possibbli li jiġu antiċipati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom jista’ jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt. Minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom marġni ta’ diskrezzjoni eċċessiv fil-kuntest ta’ proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet. Fir-raba’ lok, il-kunċett ta’ “riskju” użat fl-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jinduċi l-eżistenza ta’ preżunzjoni li ma tippermetti li tiġi stabbilita ebda rabta, mill-perspettiva legali, bejn l-Istat tad-dritt u preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha, u li għalhekk tkun tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn tali preġudizzju ma huwiex ippruvat. Iktar minn hekk, l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat huwa mfassal f’termini li ma humiex ċari wisq u l-lista prevista f’dan il-paragrafu (2) ma hijiex eżawrjenti, minkejja li din isservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet. Fil-ħames lok, it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament ma tiddefinixxix suffiċjentement in-natura u l-portata tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati. Fis-sitt lok, il-kliem “sa fejn ikun possibbli”, li jinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, jikser ir-rabta bejn il-ksur li ġie kkonstatat u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni. Fis-seba’ lok, l-Artikolu 6(3) u (8) tal-istess regolament ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż is-sorsi ta’ informazzjoni li fuqhom il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha.

223    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Għaldaqstant, dawn ir-rekwiżiti la għandhom jinftehmu bħala li jipprekludu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li huwa jadotta, milli juża kunċett legali astratt, u lanqas li jimponu li tali regola astratta ssemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom din x’aktarx tiġi applikata, sa fejn il-leġiżlatura ma jistax jiddetermina dawn il-każijiet kollha minn qabel(ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 39 u 40).

225    B’konsegwenza ta’ dan, il-fatt li att leġiżlattiv jagħti setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, minnu nnifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, li l-individwu jingħata protezzjoni xierqa mill-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 94, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 57).

226    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-argumenti invokati mill-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, insostenn tal-motiv tagħha bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, dawk li jgħidu li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” ma għandu l-ebda definizzjoni preċiża u ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi, minħabba l-obbligu li “tiġi protetta” l-identità nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, wara dan, dawk li jgħidu li l-kunċett ta’ Stat tad-dritt iddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat jinkludi valuri oħra għajr dawk li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fejn dawn il-valuri kollha huma ta’ natura politika u mhux ġuridika, u, fl-aħħar, dawk li jgħidu li l-għan tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar huwa li ddgħajjef l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat tad-Dritt” bħala valur komuni tal-Unjoni.

227    F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma huwiex intiż li jipprovdi definizzjoni eżawrjenti ta’ dan il-kunċett, iżda jillimita ruħu li jispeċifika, biss għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, diversi mill-prinċipji li huwa jkopri u li huma, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, l-iktar rilevanti fid-dawl tal-għan tal-imsemmi regolament, li huwa dak li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

228    It-tieni, hekk kif ġie speċifikat fil-punt 136 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” imsemmi fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ifisser “il-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE”, sa fejn dan il-kunċett ikopri l-prinċipji msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(a). Minn dan isegwi li l-effett ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex dak li jdgħajjef l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” bħala valur komuni tal-Unjoni hekk kif din tirriżulta mill-Artikolu 2 TUE.

229    It-tielet, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma jeċċedux il-limiti tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. B’mod partikolari, ir-riferiment għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jsir biss bħala eżempju tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li hija wkoll iggarantita fl-Artikolu 19 TUE u li fir-rigward tagħha l-Ungerija nnifisha tammetti li tifforma parti minn dan il-kunċett. L-istess jgħodd għar-riferiment għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 2 TUE jsemmi l-Istat tad-dritt bħala valur komuni għall-Istati Membri b’mod separat mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li Stat Membru li s-soċjetà tiegħu hija kkaratterizzata mid-diskriminazzjoni ma jistax jitqies bħala li jiżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt, fis-sens ta’ dan il-valur komuni.

230    Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, fl-istudju msemmi fil-punt 201 ta’ din is-sentenza u li għalih tagħmel riferiment il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ta’ Venezia indikat b’mod partikolari li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” huwa msejjes fuq dritt sigur u prevedibbli, fejn kull persuna għandha d-dritt li tiġi ttrattata, minn dawk li jiddeċiedu, b’dinjità, b’ugwaljanza u b’razzjonalità, fl-osservanza tad-dritt eżistenti, u li jkollha rimedji sabiex tikkontesta d-deċiżjonijiet quddiem qrati indipendenti u imparzjali, skont proċedura ekwa. Issa, dawn il-karatteristiċi huma riflessi preċiżament fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament.

231    Ir-raba’, l-obbligu relatat mar-rispett tal-Istat tad-dritt u li l-ksur tiegħu jista’ jaqa’ taħt il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, moqri fid-dawl tal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi espressjoni speċifika tar-rekwiżiti li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-appartenenza tagħhom mal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 2 TUE. Fil-fatt, dan l-obbligu jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 124 sa 127 ta’ din is-sentenza, jirriżulta direttament mill-impenji meħuda mill-Istati Membri kemm fil-konfront ta’ xulxin kif ukoll fil-konfront tal-Unjoni.

232    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 TUE ma jikkostitwixxix sempliċi artikolazzjoni ta’ linji gwida jew ta’ intenzjonijiet ta’ natura politika, iżda jinkludi valuri li jaqgħu taħt, hekk kif ġie osservat fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni, valuri li huma kkonkretizzati fil-prinċipji li jinkludu obbligi legalment vinkolanti għall-Istati Membri.

233    Issa, għalkemm, hekk kif jirriżulta tal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, b’tali mod li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li dan l-obbligu ta’ riżultat jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor.

234    Fil-fatt, filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali separati, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, li l-Unjoni tirrispetta, l-Istati Membri jaderixxi għal kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li huma jikkondividu, inkwantu valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, u li huma impenjaw ruħhom li jirrispettaw b’mod kontinwu.

235    Għaldaqstant, u minkejja ċ-ċirkustanza li tgħid li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iwettqu l-evalwazzjonijiet tagħhom billi jieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi u l-kuntesti speċifiċi għal kull proċedura mmexxija abbażi tar-Regolament ikkontestat u, b’mod partikolari, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti partikolari tas-sistema legali tal-Istat Membru inkwistjoni u l-marġni ta’ diskrezzjoni li dan l-Istat Membru għandu biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, dan ir-rekwiżit bl-ebda mod ma huwa inkompatibbli mal-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni uniformi.

236    Wara dan, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat ma jipprovdix dettalji dwar il-prinċipji tal-Istat tad-dritt li huwa jsemmi, xorta jibqa’ l-fatt li l-premessa 3 ta’ dan ir-regolament tfakkar li l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ separazzjoni tas-setgħat, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess jgħodd għall-prinċipji ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u ta’ nondiskriminazzjoni, li huma wkoll imsemmija fih, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari kemm mill-punti 94 u 98 tas-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, EU:C:2021:426) kif ukoll mill-punti 57 u 58 tas-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ soġġorn fil-każ ta’ vjolenza domestika) (C‑930/19, EU:C:2021:657).

237    Dawn il-prinċipji tal-Istat tad-dritt, hekk kif żviluppati abbażi tat-Trattati tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma għalhekk irrikonoxxuti u speċifikati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u s-sors tagħhom jinsab fil-valuri komuni rrikonoxxuti u applikati wkoll mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom.

238    Barra minn hekk, il-premessi 8 sa 10 u 12 tar-Regolament ikkontestat isemmu r-rekwiżiti prinċipali li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji. B’mod partikolari, dawn jitfgħu dawl kemm fuq il-każijiet li jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fuq is-sitwazzjonijiet u l-aġiri li għandhom jikkonċernaw dan il-ksur, deskritti fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament.

239    Fl-aħħar, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill huma suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali speċifikati fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat. Dawn ir-rekwiżiti jimplikaw b’mod partikolari, hekk kif huwa osservat fil-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, l-obbligu tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq elementi konkreti u li tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati meta hija tmexxi proċeduri abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dak li jirrigwarda s-sejba u l-evalwazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, l-imsemmija rekwiżiti għandhom jinftehmu fid-dawl tal-premessa 16 tal-imsemmi regolament, li tgħid li din l-evalwazzjoni għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa.

240    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ungerija la tista’ tallega li l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti kemm il-kontenut essenzjali kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn kull wieħed mill-prinċipji elenkati fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, u lanqas li dawn il-prinċipji huma biss ta’ natura politika u li l-kontroll tar-rispett tagħhom ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni strettament legali.

241    Fit-tieni lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li r-relazzjoni bejn l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3, u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ċar, li l-applikazzjoni konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tippermettix li jiġi eskluż li sitwazzjonijiet li ma humiex marbutin mal-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet u li kunċetti msemmija fl-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament għandhom biss rabta mill-bogħod mal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”.

242    F’dan ir-rigward, qabel kollox, fil-punti 136 sa 138 u 147 ta’ din is-sentenza ġie osservat li l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat jiddefinixxi dan il-kunċett, biss għall-finijiet tiegħu, bħal li jkopri l-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali, ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ separazzjoni tas-setgħat, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, billi jiċċita każijiet li jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji, huwa intiż li jiffaċilita l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, billi jispjega r-rekwiżiti inerenti għal dawn il-prinċipji, u li l-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit fil-paragrafu 1 tiegħu, li jeżiġi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt ikun jikkonċerna s-sitwazzjonijiet jew l-aġiri tal-awtoritajiet li huma elenkati fil-punti (a) sa (h) tiegħu, sakemm dawn huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

243    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li bejn l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat hemm rabtiet suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

244    Wara dan, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, l-applikazzjoni konġunta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma timplika r-riskju li sitwazzjonijiet li ma humiex marbutin mal-ġestjoni tajba tar-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri adottati b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu jillimita, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali biss għas-sitwazzjonijiet u għall-aġiri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha u jeżiġi, fil-paragrafu wieħed tiegħu, li tiġi stabbilita rabta, fil-każijiet kollha, bejn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minn naħa, u preġudizzji jew riskji serji ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew għall-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji, min-naħa l-oħra.

245    Fl-aħħar, ma jistgħux jiġu aċċettati l-allegazzjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li l-espressjoni “in-nuqqas milli jiġu impediti […] iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb [tal-awtoritajiet pubbliċi]”, “in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interessi” jew saħansitra “in-nuqqas milli jiġu impediti […] id-deċiżjonijiet […] illegali”, esposti fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament ikkontestat, għandhom biss rabta mill-bogħod u indiretta mal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 9 u 10 ta’ dan ir-regolament, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi jew dak ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 210 sa 214, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 195 sa 213).

246    Fit-tielet lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tallega li r-Regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn jagħmel riferiment, fl-Artikolu 3 tiegħu u fl-Artikolu 4(2) tiegħu, għal espressjonijiet li huma wisq impreċiżi – bħalma huma “il-funzjonament tajjeb [tal-awtoritajiet]”, l-“istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti […] tal-awtoritajiet”, “il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF” u “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti” – sabiex ikunu jistgħu jiġu antiċipati ċ-ċirkustanzi li fihom ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt jista’ jiġi kkonstatat u sa fejn jagħti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni eċċessiv f’dan ir-rigward.

247    L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni wkoll, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, li din id-dispożizzjoni tmur kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, filwaqt li regola li tistabbilixxi sanzjoni għandha tiddefinixxi b’mod preċiż u eżawrjenti l-aġir kritikabbli kkonċernat, din id-dispożizzjoni tikser dan ir-rekwiżit peress li tipprevedi, mingħajr ma tiddefinixxihom, li “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet” jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri. Barra minn hekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jsir magħruf jekk it-terminu “sitwazzjonijiet” huwiex jew le marbut mat-terminu “awtoritajiet”. Fl-aħħar, l-assenza ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “awtoritajiet” toħloq inċertezza legali.

248    F’dan ir-rigward, l-ewwel, f’dak li jirrigwarda l-“funzjonament tajjeb” tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi dawk repressivi, li jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni u inkarigati mill-kontroll, mill-monitoraġġ u mill-awditjar finanzjarju kif ukoll mis-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja, imsemmija fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 4(2)(a) sa (c) tar-Regolament ikkontestat, mill-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din l-espressjoni tirrigwarda l-kapaċità ta’ dawn l-awtoritajiet li jaqdu korrettament kif ukoll b’mod effettiv u effikaċi l-funzjonijiet tagħhom li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

249    It-tieni, il-kunċett ta’ “stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti” ta’ atti jew ta’ ommissjonijiet tal-awtoritajiet li jeżegwixxu l-baġit tal-Unjoni, jew tal-awtoritajiet inkarigati mill-kontroll, mill-monitoraġġ u mill-awditjar finanzjarji jew saħansitra mis-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ġudizzjarja, imsemmija fl-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament ikkontestat, mhux biss talli huwa speċifikat fil-premessi 8 sa 10 u 12 ta’ dan ir-regolament, iżda talli kien is-suġġett, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 132, 161 u 162 ta’ din is-sentenza, ta’ ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

250    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-“kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF”, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ tali kooperazzjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 63(2)(d) tar-Regolament Finanzjarju jimponi fuq l-Istati Membri, meta jwettqu kompiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li huma neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jimponilhom l-obbligu li jikkooperaw, konformement ma’ dan ir-regolament u mar-regoli għas-settur, mal-OLAF.

251    Dan ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni huwa speċifikat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju u jinkludi l-obbligu li l-OLAF jingħata d-drittijiet u l-aċċess neċessarju għall-eżerċizzju sħiħ, minn dan tal-aħħar, tal-kompetenzi tiegħu, dawn id-drittijiet jinkludu dak li jitwettqu investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, konformement mar-Regolament Nru 883/2013. Barra minn hekk, mill-Artikolu 131(1) tar-Regolament Finanzjarju jirriżulta li, meta proċedura ta’ għoti tidher li hija affettwata minn frodi, il-persuna kompetenti għandha tinforma immedjatament lill-OLAF. Fl-aħħar, preċiżazzjonijiet oħra dwar il-kooperazzjoni meħtieġa jistgħu jiġu dedotti mill-Artikolu 57, mill-Artikolu 91(2), mill-Artikolu 132(2), mill-Artikolu 187(3)(b)(ii), u mill-Artikolu 220(5)(c) tal-imsemmi regolament kif ukoll mir-Regolament Nru 883/2013.

252    Ir-raba’, l-espressjoni “sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet”, li tinsab fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, għandha tiġi interpretata fid-dawl kemm tal-Artikolu 4(2)(a) sa (g), ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

253    F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li miżuri xierqa jittieħdu meta jiġi stabbilit li twettaq ksur ta’ wieħed mill-prinċipji identifikati fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament u li dan il-ksur jirrigwarda sitwazzjoni imputabbli li awtorità ta’ Stat Membru jew aġir ta’ tali awtorità, sakemm din is-sitwazzjoni jew dan l-aġir huwa rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, u li l-imsemmi ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, din il-ġestjoni finanzjarja tajba jew dawn l-interessi finanzjarji.

254    Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, mhux biss tali hija limitata mill-kriterji kollha esposti fil-punt preċedenti, iżda tali hija wkoll suġġetta għar-rekwiżiti proċedurali mfakkra fil-punt 239 ta’ din is-sentenza.

255    Għalhekk ma jistax jitqies li l-konsegwenza tal-fatt li s-“sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet” imsemmija fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, huma ddefiniti f’termini astratti u ġenerali tkun li l-lista ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li tinsab f’dan il-paragrafu (2) tingħata natura mhux eżawrjenti.

256    Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, sa fejn dan isemmi, fil-punti (a) sa (g) tiegħu, ċerti awtoritajiet, fosthom “awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni”, l-“awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar” kif ukoll l-“awtoritajiet amministrattivi”, jipprovdi indikazzjonijiet dwar l-awtoritajiet li għalihom jagħmel riferiment il-punt (h) tiegħu.

257    Iktar minn hekk, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “entità tal-gvern” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ikkontestat jista’ jiġi dedott li huma kkonċernati l-awtoritajiet pubbliċi f’kull livell tal-gvern, inklużi kemm l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-istabbiliment rregolati mid-dritt pubbliku u saħansitra l-entitajiet irregolati mid-dritt privat inkarigati minn missjoni ta’ servizz pubbliku u pprovduta b’garanziji finanzjarji adegwati mill-Istat Membru. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-premessi 3, 8, 9, 15 u 19 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-Artikolu 3(b) tiegħu li jirrigwardaw esklużivament “awtoritajiet pubbliċi”, “awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” u “awtoritajiet nazzjonali”.

258    Fl-aħħar, hekk kif ġie speċifikat fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, it-terminu “sitwazzjonijiet” jirrigwarda sitwazzjonijiet imputabbli lil tali awtorità.

259    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Ungerija ma tistax issostni li l-espressjonijiet ikkritikati tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat ma jippermettux li Stat Membru jiddetermina b’ċertezza suffiċjenti l-portata u s-sens tagħhom, sabiex huwa jkun jista’ jantiċipa l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fis-sens tal-imsemmi regolament.

260    Il-ħames, fid-dawl kemm tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jgħidu li l-espressjonijiet imsemmija fil-punt 246 ta’ din is-sentenza jissodisfaw, bħala tali, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll tar-raġunijiet imsemmija fil-punti 171 u 239 ta’ din is-sentenza, l-oġġezzjonijiet tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, dwar allegat marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq allegatament mogħti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill minn dawn l-espressjonijiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

261    Fir-raba’ lok, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tallega li l-kunċett ta’ “riskju” li jinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn dan jippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet arbitrarji f’sitwazzjonijiet inċerti jew mhux ipprovati. Minn dan il-kunċett tista’ fil-fatt tiġi dedotta l-eżistenza ta’ preżunzjoni, meta ma tista’ tiġi dedotta, mill-perspettiva legali, ebda rabta bejn l-Istat tad-dritt u preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, u minħabba li ma huwiex possibbli li titwettaq determinazzjoni oġġettiva, teknika u fattwali tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

262    F’dan ir-rigward, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 311 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha li l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa tiġi llimitata għall-każijiet ta’ preġudizzju għal din il-ġestjoni finanzjarja tajba u għal dawn l-interessi finanzjarji li diġà seħħ. Fil-fatt, din il-limitazzjoni tkun tfisser li tiġi eskluża l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa fil-każ fejn il-preġudizzji, għalkemm għadhom ma seħħewx, jistgħu madankollu jiġu raġonevolment antiċipati, meta jkun hemm probabbiltà għolja li dawn ser jirrealizzaw ruħhom. L-imsemmija limitazzjoni tkun, għalhekk, ta’ natura li tikkomprometti l-għan tar-Regolament ikkontestat, li huwa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, fil-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzji għalih li jista’ jirriżulta minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru.

263    Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba” u ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, l-ewwel wieħed huwa msemmi wkoll fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE u huwa ddefinit fl-Artikolu 2(59) tar-Regolament Finanzjarju bħal li jikkonsisti fl-implimentazzjoni tal-baġit konformement mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, filwaqt li t-tieni wieħed huwa wkoll kopert mill-Artikolu 325 TFUE u jirrigwarda, skont il-punt 2 tal-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju, il-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi kollha intiżi, b’mod partikolari, li jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi waqt l-implimentazzjoni tal-baġit.

264    Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2013 jiddefinixxi “l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” bħala “d-dħul, l-infiq u l-assi koperti mill-baġit tal-[Unjoni] u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-baġits immexxija u mmonitorjati minnhom”. L-Artikolu 135(1), (3) u (4) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni.

265    Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet li l-kunċett ta’ “l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 325(1) TFUE, ma jinkludix biss id-dħul imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni iżda wkoll l-ispejjeż koperti minn dan il-baġit (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 183). Dan il-kunċett ma huwiex rilevanti biss fil-kuntest tal-miżuri ta’ ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi msemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda wkoll għall-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dan il-baġit, peress li l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi finanzjarji tikkontribwixxi wkoll għal din il-ġestjoni tajba.

266    Il-prevenzjoni ta’ preġudizzji bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat hija, għalhekk, komplementari għall-korrezzjoni ta’ tali preġudizzji, li hija inerenti kemm għall-kunċett ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba” kif ukoll għal dak ta’ “protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u għandha, għaldaqstant, titqies bħala li hija rekwiżit stabbilit u orizzontali tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

267    Fl-aħħar, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt li ġie kkonstatat jippreżenta riskju “serju” ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha u jeħtieġ, konsegwentement, li jintwera li hemm probabbiltà għolja li dan ir-riskju jirrealizza ruħu, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet jew tal-aġiri tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament ikkontestat, peress li mill-kumplament miżuri xierqa jistgħu jiġu adottati biss bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta, jiġifieri rabta reali, bejn ksur ta’ wieħed mill-prinċipji tal-Istat tad-dritt u dan ir-riskju serju. Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, għandhom jiġu osservati wkoll ir-rekwiżiti proċedurali mfakkra l-aħħar fil-punt 239 ta’ din is-sentenza.

268    Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li l-kunċett ta’ “riskju” li jinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat jippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet arbitrarji f’sitwazzjonijiet inċerti jew mhux ipprovati, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

269    Fil-ħames lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti li jgħidu li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat ma tiddefinixxix b’mod suffiċjenti n-natura u l-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jelenka b’mod eżawrjenti d-diversi miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu adottati, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 135 ta’ din is-sentenza.

270    It-tieni, in-natura ġustifikata u neċessarja tal-adozzjoni ta’ waħda minn dawn il-miżuri ta’ protezzjoni tirriżulta mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat.

271    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-kriterji li għandhom jiġu applikati biex tiġi ddeterminata l-miżura jew il-miżuri li għandhom jiġu adottati f’sitwazzjoni speċifika, kif ukoll il-portata tagħhom, l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jispeċifikaw li l-miżuri adottati għandhom ikunu proporzjonali, li dawn għandhom jiġu ddeterminati skont l-effett reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li n-natura, it-tul, is-serjetà u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-miżuri adottati għandhom ikunu strettament proporzjonali għall-effett tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

272    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti li jgħidu li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat ma tiddefinixxix b’mod suffiċjenti n-natura u l-portata tal-miżuri xierqa li jistgħu jiġu adottati għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

273    Fis-sitt lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħidu li l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, li tinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn din tikser ir-rabta bejn il-ksur li ġie kkonstatat u l-miżuri ta’ protezzjoni li jiġu adottati, bl-effett li tiġi affettwata l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri u li dawn jingħataw in-natura ta’ sanzjoni, għandu, qabel kollox, jiġi enfasizzat li din l-espressjoni ma tawtorizzax li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jiġu mmodulati lil hinn jew ’l isfel mill-impatt tal-ksur li ġie kkonstatat fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

274    Fil-fatt, hekk kif ġie osservat fil-punt 271 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-miżuri adottati għandhom ikunu strettament proporzjonali għall-impatt tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, indipendentement mill-punt li jsir magħruf jekk il-miżuri jistgħux effettivament jew le ikollhom bħala mira l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati minn dan il-ksur.

275    Wara dan, l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli” tawtorizza l-adozzjoni biss ta’ dawk il-miżuri li jirrigwardaw l-azzjonijiet tal-Unjoni li huma affettwati minn tali ksur u biss meta l-azzjonijiet imsemmija l-aħħar ma jistgħux jew ma jistgħux iktar ikunu mmirati, jew saħansitra jistgħu jkunu mmirati biss b’mod insuffiċjenti, sabiex jiġi żgurat l-għan, stipulat fl-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fit-totalità tiegħu, b’tali mod li jirriżulta li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan.

276    Għalhekk huwa biss sussidjarjament u, b’konsegwenza ta’ dan, bħala deroga, f’każijiet li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi debitament, li l-miżuri adottati jistgħu jkunu mmirati lejn azzjonijiet tal-Unjoni li ma humiex dawk affettwati minn dan il-ksur.

277    Għalhekk, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fir-rigward tal-għażla tal-azzjoni kkonċernata mill-miżura li għandha tiġi adottata biss meta dan jirriżulta indispensabbli sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 6(7) u (8) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tal-miżuri ppjanati u li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn il-miżuri u, b’mod partikolari, dwar il-proporzjonalità tagħhom, fejn dawn ir-rekwiżiti għandhom jinftehmu fid-dawl tal-premessa 26 tal-imsemmi regolament, hekk kif ġie mfakkar l-aħħar fil-punt 239 ta’ din is-sentenza.

278    Minn dan jirriżulta li l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat ma tiksirx ir-rabta bejn il-ksur ikkonstatat ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha li jirriżulta minn dan il-ksur, peress li din l-espressjoni tippermetti li fil-mira jkun hemm biss dik l-azzjoni tal-Unjoni affettwata minn dan il-ksur u biss meta l-għan ta’ dan ir-regolament li jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fit-totalità tiegħu ma jistax jintlaħaq b’mod ieħor. Minn dan jirriżulta wkoll li l-imsemmi regolament jinkludi tali possibbiltà ta’ rekwiżiti proċedurali stretti u li l-imsemmija espressjoni ma teżentax lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-obbligu tagħhom li jirrispettaw strettament il-proporzjonalità tal-miżuri adottati, fid-dawl tal-effett tal-ksur ikkonstatat fuq il-baġit tal-Unjoni.

279    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex dak li jagħti lill-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni n-natura ta’ miżura ta’ sanzjoni ta’ ksur tal-Istat tad-dritt bħala tali, b’tali mod li l-argumenti li jgħidu li l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli” li tinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tikser, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-rabta bejn ksur ikkonstatat u l-miżuri adottati għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

280    Fis-seba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti li jgħidu li l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż is-sorsi ta’ informazzjoni li fuqhom tista’ tibbaża ruħha l-Kummissjoni, peress li dan ma jesponix il-bażi li fuqha din l-istituzzjoni għandha teżamina u tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, għandu jitfakkar li, skont kliem l-imsemmija dispożizzjoni, meta l-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament humiex issodisfatti u meta tevalwa l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, hija għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż d-deċiżjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet irrikonoxxuti oħra.

281    F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti.

282    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi, f’notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati l-konstatazzjonijiet tagħha li jgħidu li jeżistu raġunijiet validi li jitqies li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

283    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti fid-dawl tal- kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat. L-istess jgħodd, konformement mal-Artikolu 6(7) sa (9) ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri, stipulat fl-Artikolu 5(3) tiegħu.

284    Il-premessi 16 u 26 tal-imsemmi regolament min-naħa l-oħra jistipulaw li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond, li għandha tkun oġġettiva, imparzjali u ekwa, li għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati u għandha titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq elementi konkreti.

285    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata li tiżgura ruħha, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni, mir-rilevanza tal-informazzjoni li hija tuża u mill-affidabbiltà tas-sorsi tagħha. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux valur probatorju speċifiku jew assolut u ma jorbtux effetti legali speċifiċi la mas-sorsi ta’ informazzjoni li dawn isemmu, u lanqas ma dawk li huma indikati fil-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat, b’tali mod li dawn ma jeżonerawx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti li tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti.

286    F’dan ir-rigward, il-premessa 16 tar-Regolament ikkontestat tesponi espliċitament il-fatt li l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet irrikonoxxuti tinkludi, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-Unjoni, ir-rapporti tal-OLAF u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-GRECO u l-Kummissjoni ta’ Venezia, b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-Presidenti tal-qrati supremi u n-network Ewropew tal-kunsilli tal-ġudikatura.

287    Il-Kummissjoni għalhekk tibqa’ responsabbli għall-informazzjoni li hija tuża u għall-affidabbiltà tas-sorsi tagħha. Barra minn hekk, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat, li jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni li l-Kummissjoni beħsiebha tuża sabiex tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa. Għaldaqstant, huwa possibbli għalih li jikkontesta l-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-elementi magħżula, il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jistgħu, f’kull każ, jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kunsill meħuda abbażi ta’ dan ir-regolament.

288    B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkomunika, b’mod preċiż, lill-Istat Membru kkonċernat, sa minn meta tinbeda l-proċedura abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ikkontestat u, perjodikament, matul din il-proċedura kollha, l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli li fuqha hija beħsiebha tibbaża l-proposta ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li tistabbilixxi miżuri xierqa li hija ser tippreżenta lill-Kunsill.

289    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

290    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, it-talbiet prinċipali intiżi għall-annullament tar-Regolament ikkontestat fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq ittalbiet sussidjarji intiżi għallannullament parzjali tarRegolament ikkontestat

1.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 4(1) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

291    Permezz tar-raba’ motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li din id-dispożizzjoni hija sproporzjonata u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza tar-regola, hekk kif ġie espost fil-kuntest tat-tielet motiv, peress li hija tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mhux biss meta jkun hemm preġudizzju għall-imsemmi baġit jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett, iżda wkoll meta jeżisti unikament riskju serju ta’ tali preġudizzju.

292    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, prinċipalment, jeċepixxu l-inammissibbiltà tar-raba’ motiv u, sussidjarjament, jikkontestaw dawn l-argumenti fuq il-mertu.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

293    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att jkollu l-effett li jibdel il-mertu ta’ dan, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

294    F’dan ir-rigward, il-Parlament u l-Kunsill ġustament isostnu li l-effett tal-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat ikun il-bdil tas-sustanza ta’ dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni tispeċifika l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun permessa l-adozzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament u tikkostitwixxi, f’dan is-sens, il-qalba nnifisha tal-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit permezz tal-istess regolament. Fil-fatt, mingħajr id-dispożizzjoni li tagħha qiegħed jintalab l-annullament, ir-Regolament ikkontestat ma jkunx iktar jissodisfa l-għan, stipulat fl-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi “r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri”.

295    Minn dan isegwi li t-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-mertu tar-raba’ motiv, imqajjem insostenn ta’ dawn it-talbiet.

2.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 4(2)(h) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

296    Permezz tal-ħames motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li din id-dispożizzjoni tmur kontra r-rekwiżit li jgħid li regola li tistabbilixxi sanzjoni għandha tiddefinixxi b’mod preċiż l-aġiri u s-sitwazzjonijiet li hija intiża li trażżan. Għalhekk, l-assenza ta’ elenkar preċiż u eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati mill-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali stabbilit f’dan ir-regolament tikser kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-Artikolu 7 TUE.

297    Fl-ewwel lok, l-Ungerija tosserva li, fl-opinjoni legali tiegħu Nru 13593/18, is-servizz legali tal-Kunsill osserva li dispożizzjoni li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità għandha tindika b’mod preċiż il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ finanzjament, li għandhom ikunu marbuta b’mod suffiċjenti mal-għan tal-finanzjament, b’tali mod li, jekk dawn ma jkunux issodisfatti, il-finanzjament isir inkompatibbli ma’ ġestjoni finanzjarja tajba. Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat, billi jelenka b’mod mhux eżawrjenti l-każijiet li fihom il-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità li huwa jistabbilixxi jista’ jibda japplika, ma jippermettix li tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

298    Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni “estremament ġenerali” tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat l-Ungerija tiddeduċi ksur tar-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni u ta’ prevedibbiltà u, għaldaqstant, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li din id-dispożizzjoni ma telenkax b’mod preċiż u eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jiġu adottati, abbażi ta’ dan ir-regolament, miżuri xierqa. L-imsemmija id-dispożizzjoni hija, fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħha, vaga, ambigwa, mingħajr limiti u x’aktarx ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi. Minn dan jirriżulta riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

299    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

300    Fl-ewwel lok, mill-punti 244 u 253 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, l-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat bl-ebda mod ma jidderogaw mir-rekwiżit li jgħid li għandu dejjem ikun hemm rabta suffiċjentement diretta bejn ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

301    Iktar minn hekk, mill-punti 255 u 259 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma għandhiex l-effett li tagħti natura mhux eżawrjenti lil-Lista tas-sitwazzjonijiet u tal-aġiri tal-awtoritajiet li huma kkonċernati mill-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt previst fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, hija suffiċjentement preċiża sabiex tissodisfa l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

302    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti relatati mal-finalità tar-Regolament ikkontestat u l-allegat evitar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-analiżi mwettqa fil-punti 98 sa 196 ta’ din is-sentenza.

303    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqasijiet ta’ koerenza interna tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat, huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-analiżi mwettqa fil-punti 252 sa 258 ta’ din is-sentenza.

304    Konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 5(2) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

305    Permezz tas-sitt motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tallega li din id-dispożizzjoni timponi, bi ksur tal-bażi legali ta’ dan ir-regolament u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mad-defeċits pubbliċi, tal-limitazzjonijiet fuq il-baġits tal-Istati Membri kkonċernati, peress li tipprevedi li, jekk jiġu adottati miżuri xierqa fir-rigward ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar ma jinħelisx mill-obbligu tiegħu li jkompli jiffinanzja l-programmi kkonċernati fil-konfront tal-benefiċjarji finali.

306    F’dan ir-rigward, l-Ungerija tosserva li l-għajnuna tal-Unjoni prevista fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021‑2027 stabbilit bir-Regolament Nru 2020/2093 u bir-Regolament 2020/2094 titħallas abbażi tal-programmi ta’ ġestjoni mfassla prinċipalment, jekk mhux saħansitra esklużivament, skont il-prijoritajiet tal-Unjoni. Issa, jekk miżuri adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat ikollhom jissospendu totalment jew parzjalment din l-għajnuna, l-Istat Membru kkonċernat ikun obbligat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jiffinanzja kompletament dawn il-programmi.

307    B’dan il-mod, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat jillimita d-dritt ta’ dan l-Istat Membru li juża l-baġit rispettiv tiegħu, jagħmel il-pjanifikazzjoni tal-politika ekonomika tiegħu imprevedibbli u jirriskja li jġiegħlu jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mad-defeċits pubbliċi. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet addizzjonali u għal dejn strutturali tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari meta l-baġit tiegħu jkun wieħed modest, u għalhekk jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

308    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat iqiegħed f’dubju n-natura xierqa tal-bażi legali magħżula għal dan ir-regolament, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix rekwiżiti għall-baġit tal-Unjoni iżda għal dak tal-Istati Membri kkonċernati, u dan jikkonferma l-fatt li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-imsemmi regolament huma intiżi li jissanzjonaw lill-dawn l-Istati Membri għal ksur tal-Istat tad-dritt.

309    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

310    Permezz tas-sitt motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat jimponi limitazzjonijiet fuq il-baġits tal-Istati Membri kkonċernati, u dan, qabel kollox, huwa inkompatibbli mal-bażi legali ta’ dan ir-regolament, wara dan, jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mad-defeċits pubbliċi u, fl-aħħar, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

311    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment li jgħid li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat huwa inkompatibbli mal-bażi legali ta’ dan ir-regolament, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 150 sa 152 ta’ din is-sentenza.

312    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mad-defeċits pubbliċi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat jillimita ruħu li jispeċifika li l-adozzjoni ta’ miżuri abbażi ta’ dan ir-regolament ma tbiddilx l-obbligi li kienu diġà jeżistu, li jirriżultaw b’mod partikolari mir-“regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji”, ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi u ta’ dawn l-Istati Membri, sa fejn tali miżuri ma jistgħux, b’mod partikolari, jikkostitwixxu raġuni li tippermettilhom jeħilsu mill-imsemmija obbligi. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma timponi ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri.

313    Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 324 u 325 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-konsegwenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat hija li l-Istati Membri għandhom jassumu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-miżuri imposti abbażi ta’ dan ir-regolament, din il-konsegwenza hija bla ħsara għall-possibbiltà li huma għandhom, fil-limiti tal-obbligi li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-mezzi li permezz tagħhom huma jilħqu l-għanijiet fil-qasam ta’ defeċits pubbliċi stabbiliti mit-Trattati.

314    Għalhekk, l-effett li din id-dispożizzjoni jista’ jkollha fuq il-baġit tal-Istati Membri kkonċernati ma huwiex differenti minn dak li jista’ jirriżulta minn obbligi oħra, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

315    Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, meta huma jistabbilixxu l-baġits tagħhom, il-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni li għalihom huma jista’ jkollhom dritt, kemm il-darba l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ dawn il-finanzjamenti jidhru li huma ssodisfatti, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk sussegwentement jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux jew ma għadhomx issodisfatti, b’tali mod li l-finanzjamenti kkonċernati ma jitħallsux jew ikunu s-suġġett ta’ aġġustament finanzjarju, Stat Membru ma jistax jinvoka l-obbligi tiegħu relatati mad-defeċits pubbliċi sabiex jevita l-applikazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet. Għaldaqstant, Stat Membru lanqas ma jista’ jallega li din l-applikazzjoni tagħmel il-pjanifikazzjoni tal-politika ekonomika tiegħu imprevedibbli.

316    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-miżuri xierqa adottati abbażi ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu strettament proporzjonali għall-impatt tal-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fejn dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità japplika bl-istess mod fir-rigward ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 6(7) u (8) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti u li tagħti lil kull Stat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżuri ppjanati u, b’mod partikolari, dwar il-proporzjonalità tagħhom. Peress li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fid-dawl tal-premessa 26 tal-istess regolament, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, fuq elementi konkreti u tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati.

317    Dawn id-diversi rekwiżiti għalhekk jimplikaw it-twettiq ta’ analiżi individwalizzata li tkun fl-istess ħin oġġettiva u diliġenti ta’ kull sitwazzjoni li hija s-suġġett ta’ proċedura abbażi tar-Regolament ikkontestat, kif ukoll tal-miżuri xierqa meħtieġa, jekk ikun il-każ, minn din is-sitwazzjoni, f’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bil-għan li l-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti b’mod effiċjenti kontra l-effetti ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, filwaqt li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-Ungerija li tgħid li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat timplika ksur ta’ dan il-prinċipju hija infondata.

318    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

4.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament tattielet sentenza talArtikolu 5(3) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

319    Permezz tas-seba’ motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati fir-rigward ta’ Stat Membru, previsti f’din id-dispożizzjoni, ma jippreżentaw ebda rabta mal-baġit tal-Unjoni jew mal-interessi finanzjarji tagħha u huma intiżi li jissanzjonaw ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

320    Fil-fatt, konformement mal-kliem innifsu tal-imsemmija dispożizzjoni, in-natura, it-tul, is-serjetà u l-portata tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat tispeċifika li l-eżami tal-proporzjonalità għal dan il-għan għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mill-bidu tal-aġir inkwistjoni, it-tul u l-eventwali natura rikorrenti tal-aġir, l-intenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jtemm il-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-livell ta’ kooperazzjoni tiegħu f’dan is-sens, kif ukoll l-effetti fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

321    L-Ungerija tqis li dawn il-kriterji jqiegħdu f’dubju, bi ksur tal-bażi legali tar-Regolament ikkontestat u tal-Artikolu 7 TUE, ir-rabta bejn il-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-effett konkret ta’ dan il-ksur fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

322    L-ewwel, minn qari flimkien tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat u tal-premessa 18 tiegħu jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma msejħa jieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-“awtur tal-ksur”. F’dan ir-rigward, dan ir-regolament ma jiddefinixxix l-awtur tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, sa fejn il-każijiet speċifikati fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi regolament jagħmlu riferiment għal sitwazzjonijiet u għal aġiri li jistgħu jkunu imputabbli kemm għall-Istat Membru kkonċernat ikkunsidrat fil-globalità tiegħu, kif ukoll għall-uħud mill-korpi tiegħu. Issa, l-Ungerija tosserva li dawn tal-aħħar ma għandhomx il-kapaċità li jeżerċitaw att ta’ volontà, b’tali mod li l-mod kif għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni li “jitwettaq” att fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-miżuri xierqa ma huwiex speċifikat.

323    Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali intenzjoni għandu neċessarjament ikollu effett fuq in-natura tal-miżura. Jekk il-proporzjonalità ta’ miżura tkun iddeterminata, anki jekk parzjalment, mill-intenzjoni marbuta mal-ksur li sservi bħala bażi għalih, din iċ-ċirkustanza tkun tagħti natura punittiva lil din il-miżura, li għalhekk ma tkunx intiża li tikkoreġi l-preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni huwa għalhekk indikazzjoni ċara li l-għan u s-suġġett ewlieni tar-Regolament ikkontestat ma humiex konformi mal-bażi legali tiegħu.

324    It-tieni, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mit-teħid inkunsiderazzjoni kemm tat-tul u tas-serjetà tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt kif ukoll tal-portata tal-kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat sabiex dan jintemm, għaliex anki dawn il-kriterji ma għandhom l-ebda relazzjoni mal-impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

325    It-tielet, minn interpretazzjoni sistematika tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, peress li l-obbligu li l-istituzzjonijiet għandhom li jieħdu inkunsiderazzjoni l-effett reali jew potenzjali ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha huwa diġà previst mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, it-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni hija intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ forom oħra ta’ effetti.

326    L-Ungerija tqis li minn dan jirriżulta, qabel kollox, li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat ma tissodisfax ir-rekwiżit relatat mal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-miżuri adottati u l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-interessi finanzjarji tagħha. Wara dan, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji stipulati f’din id-dispożizzjoni jippreżupponi evalwazzjoni fil-fond tal-ksur tal-Istat tad-dritt mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, u din tista’ titwettaq biss fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Fl-aħħar, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni twassal sabiex il-miżuri adottati jkollhom in-natura ta’ sanzjonijiet, anki jekk sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti fuq Stat Membru biss abbażi tal-Artikolu 7(3) TUE.

327    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

328    Permezz tas-seba’ motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, essenzjalment, li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, moqrija fid-dawl tal-premessa 18 tiegħu, hija inkompatibbli mal-bażi legali ta’ dan ir-regolament u tikser kemm l-Artikolu 7 TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-kriterji li huwa jsemmi għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa fis-sens ta’ dan ir-regolament, relatati mal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, ma jippreżentaw ebda rabta mal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha.

329    F’dan ir-rigward, hekk kif ġie osservat fil-punt 271 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel u mit-tielet sentenzi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-miżuri meħuda għandhom ikunu strettament proporzjonali għall-effett li l-ksur ikkonstatat tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandu fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

330    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tispeċifika, fl-ewwel sentenza tagħha, li l-miżuri meħuda huma “proporzjonati”, fit-tieni sentenza tagħha, li dawn għandhom jiġu “ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali” tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha u, fit-tielet sentenza tagħha, li n-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt għandhom “jitqiesu kif xieraq”.

331    Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 177 u 178 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ordni ta’ dawn is-sentenzi kif ukoll mill-kliem użati fihom jirriżulta li l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu adottati hija żgurata, b’mod determinanti, mill-kriterju tal-“impatt” tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Fir-rigward tal-kriterji bbażati fuq in-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu ta’ dan il-ksur, dawn għandhom “jitqiesu kif xieraq” biss għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata ta’dan l-impatt, sa fejn dan jista’ jvarja skont il-karatteristiċi tal-ksur ikkonstatat, hekk kif skoperti bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

332    Ċertament, il-premessa 18 tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li tevoka l-istess kriterji bħal dawk li jinsabu fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, issemmihom f’ordni differenti. Madankollu din il-premessa ma tistax twassal għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tkun inkompatibbli mal-formulazzjoni u mal-istruttura tagħha, peress li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 191 ta’ din is-sentenza, valur legali vinkolanti u għalhekk la jista’ jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, billi tagħmel riferiment ukoll għall-“intenzjoni […] tal-Istat Membru [kkonċernat]”, l-imsemmija premessa ma tirrigwardax l-intenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li jikser il-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda l-intenzjoni li “ttemm il-ksur” ikkonstatat. Issa, din l-intenzjoni, l-istess bħal-“livell ta’ kooperazzjoni” pprovdut minn dan l-Istat Membru f’dan is-sens, li huwa wkoll imsemmi fl-istess premessa, jistgħu jkunu relevanti, b’mod partikolari, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tul u tal-portata ta’ ksur, fis-sens tal-kriterji msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament u, b’konsegwenza ta’ dan, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt preċedenti, sabiex jitkejjel l-effett ta’ dan il-ksur fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew fuq l-interessi finanzjarji tagħha.

333    Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, għalkemm il-kriterji msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat jippreżupponu evalwazzjoni fil-fond mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-karatteristiċi tal-ksur tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt inkwistjoni, dawn xorta waħda jippreżentaw rabta mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha, b’tali mod li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jgħattu lill-miżuri xierqa adottati abbażi tal-imsemmi regolament in-natura ta’ sanzjonijiet marbutin ma’ ksur tal-Istat tad-dritt bħala tali.

334    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament tat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

5.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament tarraba’ sentenza talArtikolu 5(3) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

335    Permezz tat-tmien motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, tallega li din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali sa fejn tipprevedi li huwa biss “sa fejn ikun possibbli” li l-miżuri adottati għandhom ikunu mmirati lejn l-azzjonijiet tal-Unjoni li jkunu ppreġudikati mill-ksur.

336    Fil-fatt, mit-termini tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li dawn il-miżuri jista’ jkollhom bħala mira azzjonijiet tal-Unjoni li ma humiex ippreġudikati mill-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, b’tali mod li tali miżuri jistgħu jiġu adottati mingħajr ma tiġi stabbilita rabta diretta bejn tali ksur u azzjoni speċifika tal-Unjoni kkonċernata mill-imsemmija miżuri. Issa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’mod strett, li l-applikazzjoni ta’ regoli li jinvolvu konsegwenzi finanzjarji tkun ċerta u prevedibbli, li ma jkunx il-każ fl-assenza ta’ rabta effettiva bejn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u miżuri adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat.

337    L-assenza ta’ rabta effettiva tinvolvi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-għan tar-regolament huwa dak li jiġu ddefiniti r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stati Membru, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, peress li tawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri fir-rigward ta’ programmi tal-Unjoni lima humiex affettwati minn tali ksur.

338    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

339    Permezz tat-tmien motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali sa fejn din tippermetti, permezz tal-użu tal-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, li bħal mira jkun hemm azzjonijiet u programmi li ma għandhom ebda rabta ma’ ksur ikkonstatat ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt.

340    F’dan ir-rigward, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 206 u l-ġurisprudenza ċċitata).

341    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi osservat, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 273 sa 279 ta’ din is-sentenza, li, qabel kollox, l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, li tinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, ma tawtorizzax li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jiġu mmodulati lil hinn jew ’l isfel mill-impatt tal-ksur li ġie kkonstatat fuq il-baġit tal-Unjoni, wara dan, li l-imsemmi regolament huwa intiż għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u, fl-aħħar, li din l-espressjoni tippermetti li jiġu indirizzati azzjonijiet oħra tal-Unjoni apparti dawk li huma affettwati minn tali ksur biss bħala deroga, meta dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jew ma jistgħux iktar ikunu mmirati, jew saħansitra jistgħu jkunu mmirati biss b’mod insuffiċjenti, sabiex jiġi żgurat l-għan tal-istess regolament, li huwa dak li tiġi żgurata protezzjoni ta’ dan il-baġit fit-totalità tiegħu, u għalhekk fejn tali proċess jirriżulta indispensabbli sabiex jintlaħaq dan l-għan.

342    Minn dan jirriżulta li l-argumenti li jgħidu li, bl-użu tal-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tmur lil-hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

343    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, qabel kollox, mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 269 sa 272 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tip ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat huwa stabbilit fl-Artikolu 5(1) tiegħu u li l-portata tal-miżuri hija ddeterminata strettament, skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, skont l-effett tal-ksur fuq il-baġit tal-Unjoni li ġie kkonstatat.

344    Wara dan, fil-punti 273 sa 279 ta’ din is-sentenza ġie speċifikat li l-espressjoni “sa fejn ikun possibbli”, li tinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat, ma tiksirx ir-rabta bejn ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u l-preġudizzju jew ir-riskju serju ta’ preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, l-użu ta’ din l-espressjoni jagħmel possibbli, b’deroga u sa fejn ikun strettament indispensabbli, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni għal azzjonijiet oħra li ma humiex dawk affettwati mill-ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt, meta l-għan ta’ dan ir-regolament, li huwa dak li tiġi żgurata protezzjoni ta’ dan il-baġit fit-totalità tiegħu jew ta’ dawn l-interessi, ma jistax jintlaħaq b’mod ieħor. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jissuġġetta tali possibbiltà għal rekwiżiti proċedurali stretti u ma jeħlisx lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-obbligu tagħhom li jirrispettaw strettament ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri adottati, skont l-effett tal-ksur fuq il-baġit tal-Unjoni jew fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha li ġie kkonstatat.

345    Fl-aħħar, peress li r-Regolament ikkontestat jispeċifika n-natura u l-portata tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati, peress li jagħti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill il-possibbiltà li jieħdu bħala mira azzjonijiet oħra li ma humiex dawk affettwati mill-ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt biss sa fejn dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fit-totalità tiegħu u tal-interessi finanzjarji tagħha, u peress li din il-possibbiltà hija, barra minn hekk, irregolata b’mod strett, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jistax jitqies li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

346    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

6.      Fuq ittalbiet intiżi għallannullament talArtikolu 6(3) u (8) tarRegolament ikkontestat

a)      Largumenti talpartijiet

347    Permezz tad-disa’ motiv, imqajjem insostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha intiżi għall-annullament tal-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn dan jippermetti li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, “informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra”. L-istess jgħodd fir-rigward tal-Artikolu 6(8) tal-imsemmi regolament, li jagħmel riferiment għall-imsemmi Artikolu 6(3) f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti.

348    Fil-fatt, l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat ma jiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż is-sorsi ta’ informazzjoni rilevanti li għalihom huwa jagħmel riferiment, għaliex dan ma jesponix il-bażi li fuqha l-Kummissjoni għandha tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt.

349    B’mod partikolari, ma huwiex eskluż, fid-dawl tal-espressjoni “informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli”, li tinsab fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament ikkontestat, li l-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-opinjoni individwali espressa minn ċerti persuni jew organizzazzjonijiet li l-oġġettività tagħhom ma hijiex stabbilita jew li hija tibbażaha fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet li ma humiex legalment vinkolanti u mogħtija minn organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-kuntest tal-Unjoni. Issa, tali rakkomandazzjonijiet, ta’ diversi naturi, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma indikaturi affidabbli ta’ falliment iġġeneralizzat fil-qasam tal-Istat tad-dritt.

350    L-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat lanqas ma jindika l-mod li bih il-Kummissjoni għandha tissintetizza dawn is-sorsi. Meqjus il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lil din l-istituzzjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet, kull dokument mhux vinkolanti użat minn din tal-aħħar jista’ jkun strument ta’ prova ta’ ksur, anki meta jkun intgħażel b’mod arbitrarju.

351    Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Renju tal-Belġju, mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Irlanda, mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw dawn l-argumenti.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

352    Permezz tad-disa’ motiv, l-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, qabel kollox, li l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat ma jissodisfax, meqjusa n-natura mhux preċiża tal-formulazzjoni tiegħu, ir-rekwiżit li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, wara dan, li din id-dispożizzjoni tippermetti li l-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq opinjonijiet li l-oġġettività tagħhom ma hijiex iggarantita u fuq rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti mogħtija barra mill-kuntest tal-Unjoni u, fl-aħħar, li l-imsemmija dispożizzjoni la tispeċifika l-mod li bih din l-istituzzjoni għandha tissintetizza l-informazzjoni magħżula u lanqas il-mod li bih għandha tiġi evalwata r-rilevanza ta’ din l-informazzjoni fid-dawl tal-għan tar-Regolament ikkontestat.

353    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Ungerija, ir-Regolament ikkontestat ma huwiex intiż li jissanzjona l-ksur tal-Istat tad-dritt bħala tali, iżda, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 98 sa 152 ta’ din is-sentenza, li jiżgura l-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, b’tali mod li l-argumenti li jgħidu li dan ir-regolament għandu jissodisfa r-rekwiżiti allegatament applikabbli għall-miżuri ta’ sanzjoni ma jistgħux, f’kull każ, jiġu milqugħa.

354    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-punt li jsir magħruf jekk l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat jippermettix li l-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq opinjonijiet li l-oġġettività tagħhom tista’ titqies bħala dubjuża u fuq rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti mogħtija barra mill-kuntest tal-Unjoni, qabel kollox, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għal “opinjonijiet”, iżda għal “deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet”, kif ukoll għal “gwida”.

355    F’kull każ, l-Ungerija ma tinvoka l-ebda element preċiż li jista’ jqiegħed f’dubju l-oġġettività tal-organi u tal-istituzzjonijiet imsemmija fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li xejn ma jippermetti li jiġi ssuspettat li dawn għandhom jipproduċu opinjonijiet li l-oġġettività tagħhom tkun dubjuża.

356    Wara dan, l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-proporzjonalità tal-miżuri xierqa li għandhom jiġu adottati, l-informazzjoni “rilevanti” għal dan il-għan, li jippreżupponi neċessarjament li din l-informazzjoni tkun relatata mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament, li jkopri l-valur tal-Istat tad-dritt komuni għall-Istati Membri, li jinsab fl-Artikolu 2 TUE.

357    Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda n-natura mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fil-punt 285 ta’ din is-sentenza ġie osservat li l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat ma jagħtix valur probatorju speċifiku jew assolut u ma jorbotx effetti legali speċifiċi la mas-sorsi ta’ informazzjoni li dan isemmi, u lanqas ma dawk li huma indikati fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma teżonerax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti li tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 284 ta’ din is-sentenza.

358    Barra minn hekk, peress li, hekk kif ġie osservat fil-punt 287 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha mir-rilevanza tal-informazzjoni li hija tuża u tal-affidabbiltà tas-sorsi tagħha, l-Istat Membru kkonċernat jista’, matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1) sa (9) tar-Regolament ikkontestat, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-informazzjoni u, għaldaqstant, jikkontesta l-valur probatorju ta’ kull wieħed mill-elementi magħżula mill-Kummissjoni, filwaqt li l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tagħha tista’, jekk ikun il-każ, tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni.

359    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat la jispeċifika l-mod li bih il-Kummissjoni għandha tissintetizza l-informazzjoni magħżula u lanqas dak li bih hija għandha tevalwa, minn din l-informazzjoni, is-serjetà ta’ ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu mal-protezzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tagħha, fil-punti 357 u 358 ta’ din is-sentenza ġie mfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata li twettaq evalwazzjoni diliġenti tal-fatti u tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tal-miżuri adottati abbażi ta’ dan ir-regolament, iggarantit fl-Artikolu 5(3) tiegħu, filwaqt li l-validità ta’ deċiżjoni meħuda mill-Kunsill abbażi tal-imsemmi regolament tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni.

360    Konsegwentement, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, b’tali mod li t-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 6(3) u (8) tar-Regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

361    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq lispejjeż

362    Skont kliem l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

363    Peress li l-Ungerija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill, hekk kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

364    Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom inkwantu intervenjenti fil-kawża.

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: L-Ungeriż.