Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-25 ta’ Mejju 2023 – Sozialversicherungsanstalt der Selbständigen

(Kawża C-329/23, Sozialversicherungsanstalt)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Sozialversicherungsanstalt der Selbständigen

Konvenut: Dr. W M, Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun jaħdem għal rasu fl-istess ħin fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fi Stat tal-EFTA membru taż-ŻEE (il-Liechtenstein) u fl-Isvizzera, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif iddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 flimkien mar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 2 huma applikabbli?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

L-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 flimkien mar-Regolament Nru 987/2009 għandha titwettaq b’tali mod li l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali għandha tiġi evalwata separatament, minn naħa fir-relazzjoni bejn l-Istat Membru tal-Unjoni u l-Istat tal-EFTA membru taż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, fir-relazzjoni bejn l-Istat Membru tal-Unjoni u l-Isvizzera, u għaldaqstant għandu jinħareġ ċertifikat separat dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli f’kull każ?

Hemm bidla fis-“sitwazzjoni rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 fil-każ li tinbeda attività professjonali fi Stat ieħor li għalih japplika l-imsemmi regolament, anki jekk ma tirriżulta l-ebda bidla fil-leġiżlazzjoni applikabbli, la bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004 u lanqas bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità 1 , u li l-attività hija tant minuri li tirrappreżenta biss madwar 3 % tad-dħul totali?

Il-fatt li, fis-sens tat-tieni domanda, il-koordinazzjoni fir-relazzjoni bilaterali għandha sseħħ separatament, minn naħa, bejn l-Istati kkonċernati sa issa u, min-naħa l-oħra, bejn wieħed mill-Istati kkonċernati sa issa u l-Istat l-“ieħor”, huwa rilevanti?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

1     ĠU 2009, L 284, p. 1.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.