Language of document : ECLI:EU:C:2016:559

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 – Qorti li għandha ġurisdizzjoni – Kunċetti ta’ ‘materja kuntrattwali’ u ta’ ‘materja delittwali’ – Terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil – Azzjoni għad-danni – Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’”

Fil-Kawża C‑196/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2015, fil-proċedura

Granarolo SpA

vs

Ambrosi Emmi France SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Granarolo SpA, minn S. Dechelette-Roy u M. Agbo, avukati,

–        għal Ambrosi Emmi Franza SA, minn L. Pettiti, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, C. David, F‑X. Bréchot u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Granarolo SpA, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, u Ambrosi Emmi France SA (iktar ’il quddiem “Ambrosi”), kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, dwar kawża għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell I jipprevedi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4        Il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[...]

3.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[...]”

 Id-dritt Franċiż

5        Skont l-Artikolu L. 442-6 tal-Kodiċi kummerċjali Franċiż (Code de commerce):

“I.      “Kull produttur, negozjant, fabbrikant jew kull persuna rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċjanti għandha tinżamm responsabbli u għandha tkun responsabbli għad-danni meta:

[...]

5.      ittemm f’daqqa, anki jekk parzjalment, relazzjoni kummerċjali stabbilita, mingħajr avviż bil-miktub minn qabel fid-dawl tat-tul tar-relazzjoni kummerċjali u b’osservanza tat-tul minimu ta’ avviż minn qabel speċifikat, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali, minn ftehimiet interprofessjonali. Meta r-relazzjoni kummerċjali tikkonċerna l-provvista ta’ prodotti taħt it-trade mark tad-distributur, it-tul minimu tal-avviż minn qabel għandu jkun id-doppju ta’ dak li jkun applikabbli li kieku l-prodott ma kienx ipprovdut taħt it-trade mark tad-distributur. Fl-assenza ta’ tali ftehimiet, digrieti adottati mill-ministru responsabbli għall-ekonomija jistgħu, għal kull kategorija ta’ prodotti, jistabbilixxu, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali, terminu minimu ta’ avviż minn qabel u jistgħu jistabbilixxu qafas ta’ kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu tterminati r-relazzjonijiet kummerċjali, b’mod partikolari fid-dawl tat-tul tagħhom. Id-dispożizzjonijiet imsemmija huma bla ħsara għall-possibbiltà ta’ rexissjoni mingħajr avviż minn qabel fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-parti l-oħra tal-obbligi tagħha jew fil-każ ta’ forza maġġuri. Meta t-terminazzjoni tar-relazzjoni kummerċjali tirriżulta minn offerta għal kompetizzjoni permezz ta’ rkant b’distanza, it-tul minimu ta’ avviż minn qabel għandu jkun id-doppju ta’ dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan is-supbaragrafu fil-każijiet fejn it-tul tal-avviż minn qabel inizjali jkun ta’ inqas minn sitt xhur, u minn tal-inqas sena fil-każijiet l-oħra.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għal madwar 25 sena, Ambrosi, stabbilita f’Nice (Franza), kienet tiddistribwixxi fi Franza l-prodotti tal-ikel imħejjija minn Granarolo, stabbilita f’Bologna (l-Italja), u dan mingħajr kuntratt qafas u mingħajr arranġament ta’ esklużività.

7        Permezz ta’ ittra rrakkomandata tal-10 ta’ Diċembru 2012, Granarolo informat lil Ambrosi li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, il-prodotti tagħha kienu ser jiġu ddistribwiti fi Franza u fil-Belġju minn kumpannija Franċiża oħra.

8        Peress li qieset li din l-ittra kienet tikkostitwixxi terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, fis-sens tal-Artikolu L. 442-6 tal-Kodiċi kummerċjali, li ma kinitx tosserva terminu minimu ta’ avviż minn qabel fid-dawl tat-tul tar-relazzjoni kummerċjali tagħhom, Ambrosi ressqet, quddiem it-tribunal de commerce de Marseille (qorti kummerċjali ta’ Marseille, Franza), azzjoni għad-danni kontra Granarolo, fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2014, din il-qorti ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni, minħabba li l-azzjoni kienet ta’ natura delittwali u l-post fejn seħħ id-dannu, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, kien jinsab fejn kienet stabbilita Ambrosi, jiġifieri f’Nice.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2014, Granarolo kkontestat quddiem il-cour d’appell de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza), il-ġurisdizzjoni territorjali tat-tribunal de commerce de Marseille (qorti kummerċjali ta’ Marseille), għar-raġuni li l-azzjoni inkwistjoni kienet tikkonċerna materja kuntrattwali, fis-sens tar-Regolament Brussell I, li l-punt 1 tal-Artikolu 5 tiegħu jipprevedi, bħala kriterju ta’ rabta, il-post fejn il-merkanzija kienet jew kien imissha ġiet ikkunsinnata skont il-kuntratti suċċessivi konklużi għal kull kunsinna. Issa, skontha, dan il-post huwa l-fabbrika ta’ Bologna, skont l-indikazzjoni “Ex works”, li tinsab fuq il-fatturi redatti minn Granarolo u li tikkorrispondi għal waħda mit-termini standardizzati (Incoterms) stabbiliti mill-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ bil-għan li tippreċiża d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali.

11      Ambrosi ssostni, prinċipalment, li l-qrati Franċiżi għandhom ġurisdizzjoni peress li t-tilwima taqa’ taħt materja delittwali u peress li l-post fejn seħħ il-fatt li jikkawża d-dannu jinsab fi Franza fejn huma kkumerċjalizzati l-prodotti tal-ikel ta’ Granarolo. Sussidjarjament, din il-kumpannija ssostni li ma ġiex stabbilit li l-kuntratti suċċessivi kollha kienu ġew konklużi skont l-Incoterm “Ex works”.

12      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-Artikolu L. 442-6 tal-Kodiċi kummerċjali, hija azzjoni delittwali u f’dan ir-rigward tiċċita diversi sentenzi reċenti tal-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza).

13      Madankollu, peress li tqis li l-kunċetti ta’ materji “delittwali” u “kuntrattwali”, fis-sens tar-Regolament Brussell I, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti tqis li huwa meħtieġ li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [tar-Regolament Brussell I] għandu jinftiehem fis-sens li taqa’ fil-materji ta’ delitt l-azzjoni għad-danni għal ksur ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti li jikkonsistu fil-provvista ta’ merkanzija matul diversi snin lil distributur mingħajr kuntratt qafas u lanqas esklużività?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli għad-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba fil-każ imsemmi fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

16      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Brussell I huwa intiż li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbilà u għalhekk isegwi għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jersaq quddiemha u lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 21 u 22).

17      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni komuni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li l-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga mir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell I tipprevedi ċertu numru ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, EU:C:2009:475, punti 20 u 21, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 30).

18      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet imsemmija b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 31).

19      Għandu jitfakkar ukoll li l-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” u “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens, rispettivament, tal-punt 1(a) u tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, u dan sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, dawn il-kliem ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li jagħmlu riferiment għall-klassifikazzjoni mil-liġi nazzjonali applikabbli tar-relazzjoni legali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 18).

20      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “materja delittwali jew kważi delittwali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, dan il-kunċett jinkludi kwalunkwe talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma tkunx marbuta mal-“materja kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet kontraenti tressaq azzjoni għal responsabbiltà ċivili kontra l-parti l-oħra ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din l-azzjoni taqa’ taħt “materja kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Dan ikun il-każ biss jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li huwa nuqqas tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali, kif ikunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 23 u 24).

22      Minn dan isegwi li, f’kawża bħal dik prinċipali, sabiex tiddetermina n-natura tal-azzjoni għal responsabbiltà ċivili mressqa quddiem il-qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha tivverifika qabel kollox jekk din l-azzjoni għandhiex, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali.

23      Għandu jiġi osservat li, f’parti kunsiderevoli tal-Istati Membri, ir-relazzjonijiet kummerċjali għal żmien twil li jkunu ġew stabbiliti mingħajr kuntratt bil-miktub jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu bħala relazzjoni kuntrattwali taċita, li l-ksur tagħha tista’ tagħti lok għal responsabbiltà kuntrattwali.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I ma jeħtieġx il-konklużjoni ta’ kuntratt bil-miktub, l-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali hija xorta waħda indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għandu jiġi ppreċiżat li tali obbligu jista’ jitqies li tnissel b’mod taċitu, b’mod partikolari meta dan jirriżulta mill-atti inekwivoki li jesprimu r-rieda tal-partijiet.

25      F’dan il-każ, għalhekk, il-qorti nazzjonali għandha teżamina, l-ewwel nett, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li għandha quddiemha, ir-relazzjoni kummerċjali għal żmien twil li kien hemm bejn il-partijiet hijiex ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ obbligi miftiehma b’mod taċitu bejniethom, b’tali mod li bejniethom kien hemm relazzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali.

26      Madankollu, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ma tistax tiġi preżunta u, għaldaqstant, għandha tiġi stabbilita. Barra minn hekk, din għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ elementi konkordanti, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, il-bona fide bejn il-partijiet, in-natura regolari tat-tranżazzjonijiet u l-iżvilupp tagħhom fiż-żmien f’termini ta’ kwantità u ta’ valur, l-eventwali ftehimiet dwar il-prezzijiet iffatturati u/jew dwar it-tnaqqis mogħti, kif ukoll il-korrispondenza skambjata.

27      Huwa fid-dawl ta’ tali evalwazzjoni globali li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali sensiela ta’ elementi konkordanti sabiex tiddeċiedi jekk, anki fl-assenza ta’ kuntratt bil-miktub, bejn dawn il-partijiet kienx hemm relazzjoni kuntrattwali taċita.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali fis-sens ta’ dan ir-regolament jekk kien hemm, bejn il-partijiet, relazzjoni kuntrattwali taċita, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. L-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali taċita għandu jkun ibbażat fuq sensiela ta’ elementi konkordanti, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, il-bona fide bejn il-partijiet, in-natura regolari tat-tranżazzjonijiet u l-iżvilupp tagħhom fiż-żmien f’termini ta’ kwantità u ta’ valur, l-eventwali ftehimiet dwar il-prezzijiet iffatturati u/jew dwar it-tnaqqis mogħti, kif ukoll il-korrispondenza skambjata.

 Fuq it-tieni domanda

29      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jew inkella bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30      Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li l-kriterji ta’ rabta mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni previsti fil-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I japplikaw biss sa fejn il-qorti nazzjonali, adita b’kawża bejn il-partijiet li stabbilixxew bejniethom relazzjonijiet kummerċjali għal żmien twil, tasal għall-konklużjoni li dawn ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jew “kuntratt ta’ provvista ta servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31      Tali klassifikazzjoni teskludi l-applikazzjoni tar-regola dwar il-ġurisdizzjoni prevista fil-punt 1(a) tal-imsemmi Artikolu 5 fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġerarkija li jistabbilixxi l-punt 1(ċ) ta’ din id-dispożizzjoni bejn il-punti 1(a) u 1(b) ta’ dan l-artikolu, ir-regola dwar il-ġurisdizzjoni prevista fil-punt 1(a) tapplika biss b’mod alternattiv għal u fl-assenza tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fl-imsemmi punt 1(b) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 42).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fir-rigward tal-post tat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw kemm minn kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u kemm minn kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, li r-Regolament Brussell I, fl-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, jiddefinixxi b’mod awtonomu dan il-kriterju ta’ rabta, sabiex isaħħaħ l-għanijiet ta’ unifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati u ta’ prevedibbiltà (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 32).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I japplika, għall-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u għal dawk ta’ provvista ta’ servizzi, l-obbligu karatteristiku ta’ dawn il-kuntratti bħala kriterju ta’ rabta mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C‑381/08, EU:C:2010:90, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li kuntratt li l-obbligu karatteristiku tiegħu huwa l-kunsinna ta’ oġġett għandu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Car Trim, C‑381/08, EU:C:2010:90, punt 32).

35      Tali klassifikazzjoni tista’ tkun applikabbli għal relazzjoni kummerċjali stabbilita għal żmien twil bejn żewġ operaturi ekonomiċi meta din ir-relazzjoni tkun limitata għal numru ta’ ftehimiet suċċessivi li kull wieħed minnhom ikollu bħala suġġett il-kunsinna u l-ġbir ta’ merkanzija. Għall-kuntrarju, din il-klassifikazzjoni ma tikkorrispondix għal kuntratt ta’ distribuzzjoni tipiku, li jkun ikkaratterizzat minn ftehim qafas li jkollu bħala suġġett impenn ta’ provvista u ta’ akkwist ta’ provvisti fil-futur minn żewġ operaturi ekonomiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 36).

36      F’dan il-każ, fil-każ li eventwali kuntratt konkluż oralment jew b’mod taċitu jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, il-qorti tar-rinviju jkollha mbagħad tivverifika jekk l-indikazzjoni “Ex works”, imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, tidhirx effettivament b’mod sistematiku fil-kuntratti suċċessivi bejn il-partijiet. Jekk dan ikun il-każ, ikollu jitqies li l-merkanzija kienet ġiet ikkunsinnata fil-fabbrika ta’ Granarolo fl-Italja u mhux fi Franza, fejn hija stabbilita Ambrosi.

37      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kuntratt jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari bħala korrispettiv għal remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fir-rigward tal-ewwel kriterju li jinsab f’din id-definizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ attività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kriterju jeħtieġ it-twettiq ta’ atti pożittivi, bl-esklużjoni ta’ sempliċi astensjonijiet. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ sitwazzjoni fattwali li tidher qrib ħafna ta’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-kriterju jikkorrispondi, fil-każ ta’ kuntratt li jkollu bħala suġġett id-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ waħda mill-partijiet mill-parti l-oħra, għall-prestazzjoni karatteristika pprovduta mill-parti li, billi tiżgura tali distribuzzjoni, tipparteċipa fl-iżvilupp tal-firxa fis-suq tal-prodotti kkonċernati.

39      Bis-saħħa tal-garanzija ta’ akkwist ta’ provvisti li minnha jista’ jibbenefika bis-saħħa ta’ tali kuntratt u, jekk ikun il-każ, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-istrateġija kummerċjali tal-fornitur, b’mod partikolari fil-kampanji ta’ promozzjoni, elementi li l-konstatazzjoni tagħhom taqa’ fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, id-distributur jista’ jkun f’pożizzjoni li joffri lill-klijenti servizzi u vantaġġi li ma jkunx jista’ joffri sempliċi bejjiegħ mill-ġdid u, għalhekk, jista’ jkun f’pożizzjoni li jirbaħ, għall-benefiċċju tal-prodotti tal-fornitur, sehem ikbar mis-suq lokali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward tat-tieni kriterju, jiġifieri r-remunerazzjoni mogħtija bħala korrispettiv għal attività, għandu jiġi enfasizzat li dan il-kunċett ma għandux jinftiehem fis-sens strett ta’ trasferiment ta’ somma flus. Fil-fatt, tali restrizzjoni la hija meħtieġa mill-formulazzjoni ġenerali ħafna tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I u lanqas ma tinsab f’armonija mal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ standardizzazzjoni segwiti minn din id-dispożizzjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 39).

41      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kuntratt ta’ distribuzzjoni huwa bbażat, bħala regola ġenerali, fuq selezzjoni tad-distributuri mill-fornitur. Din is-selezzjoni tista’ tagħti lid-distributuri vantaġġ kompetittiv sa fejn huma biss ikollhom id-dritt li jbigħu l-prodotti tal-fornitur f’territorju partikolari jew, minn tal-inqas, sa fejn ikun biss numru limitat ta’ distributuri li jibbenefikaw minn dan id-dritt. Barra minn hekk, ħafna drabi kuntratt ta’ distribuzzjoni jipprevedi għajnuna għad-distributuri fir-rigward ta’ aċċess għall-mezzi ta’ reklamar, ta’ trażmissjoni ta’ know-how permezz ta’ kampanji ta’ taħriġ, jew inkella ta’ faċilitajiet ta’ pagamenti. Ikkunsidrati flimkien, dawn il-vantaġġi, li l-eżistenza tagħhom għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jirrappreżentaw, għad-distributuri, valur ekonomiku li jista’ jitqies li jikkostitwixxi remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 40).

42      Minn dan isegwi li eventwali kuntratt ta’ distribuzzjoni li jinkludi tali elementi tipiċi jista’ jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola dwar il-ġurisdizzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 41).

43      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi u l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività mwettqa fi Franza minn Ambrosi sabiex tbigħ, fis-suq ta’ dan l-Istat Membru, il-prodotti ta’ Granarolo.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jekk l-obbligu karatteristiku tal-kuntratt inkwistjoni jkun il-kunsinna ta’ oġġett jew bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” jekk dan l-obbligu jkun prestazzjoni ta’ servizzi, punt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali fis-sens ta’ dan ir-regolament jekk kien hemm, bejn il-partijiet, relazzjoni kuntrattwali taċita, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. L-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali taċita għandu jkun ibbażat fuq sensiela ta’ elementi konkordanti, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, il-bona fide bejn il-partijiet, in-natura regolari tat-tranżazzjonijiet u l-iżvilupp tagħhom fiż-żmien f’termini ta’ kwantità u ta’ valur, l-eventwali ftehimiet dwar il-prezzijiet iffatturati u/jew dwar it-tnaqqis mogħti, kif ukoll il-korrispondenza skambjata.

2)      Il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jekk l-obbligu karatteristiku tal-kuntratt inkwistjoni jkun il-kunsinna ta’ oġġett jew bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” jekk dan l-obbligu jkun prestazzjoni ta’ servizzi, punt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.