Language of document : ECLI:EU:C:2016:559

Kawża C‑196/15

Granarolo SpA

vs

Ambrosi Emmi France SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Paris)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 – Qorti li għandha ġurisdizzjoni – Kunċetti ta’ ‘materja kuntrattwali’ u ta’ ‘materja delittwali’ – Terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil – Azzjoni għad-danni – Kunċetti ta’ ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ta’ ‘provvista ta’ servizzi’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Kunċett – Azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil – Esklużjoni – Kundizzjoni – Eżistenaz ta’ relazzjoni kuntrattwali taċita – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 3 tal-Artikolu 5)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Punt 1(b) tal-Artikolu 5 – Relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil – Possibbiltà li jiġu kklassifikati jew bħala kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew bħala kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi skont l-obbligu karatteristiku tal-imsemmi kuntratt – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, punt 1(b) tal-Artikolu 5)

1.        Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil ma taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali fis-sens ta’ dan ir-regolament jekk kien hemm, bejn il-partijiet, relazzjoni kuntrattwali taċita, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. L-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali taċita għandu jkun ibbażat fuq sensiela ta’ elementi konkordanti, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, il-bona fide bejn il-partijiet, in-natura regolari tat-tranżazzjonijiet u l-iżvilupp tagħhom fiż-żmien f’termini ta’ kwantità u ta’ valur, l-eventwali ftehimiet dwar il-prezzijiet iffatturati u/jew dwar it-tnaqqis mogħti, kif ukoll il-korrispondenza skambjata.

(ara l-punti 22, 25, 26 u 28, u d-dispożittiv 1)

2.        Il-punt 1(b) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil għandhom jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija” jekk l-obbligu karatteristiku tal-kuntratt inkwistjoni jkun il-kunsinna ta’ oġġett jew bħala “kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi” jekk dan l-obbligu jkun prestazzjoni ta’ servizzi, punt dan li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

Fl-ewwel wieħed minn dawn il-każijiet, klassifikazzjoni bħala bejgħ ta’ merkanzija tista’ tkun applikabbli għal relazzjoni kummerċjali stabbilita għal żmien twil bejn żewġ operaturi ekonomiċi meta din ir-relazzjoni tkun limitata għal numru ta’ ftehimiet suċċessivi li kull wieħed minnhom ikollu bħala suġġett il-kunsinna u l-ġbir ta’ merkanzija. Għall-kuntrarju, din il-klassifikazzjoni ma tikkorrispondix għal kuntratt ta’ distribuzzjoni tipiku, li jkun ikkaratterizzat minn ftehim qafas li jkollu bħala suġġett impenn ta’ provvista u ta’ akkwist ta’ provvisti fil-futur minn żewġ operaturi ekonomiċi.

Fit-tieni każ, fir-rigward ta’ klassifikazzjoni bħala provvista ta’ servizzi, il-kunċett ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari bħala korrispettiv għal remunerazzjoni. Fir-rigward tal-ewwel kriterju li jinsab f’din id-definizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ attività, dan il-kriterju jikkorrispondi, fil-każ ta’ kuntratt li jkollu bħala suġġett id-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ waħda mill-partijiet mill-parti l-oħra, għall-prestazzjoni karatteristika pprovduta mill-parti li, billi tiżgura tali distribuzzjoni, tipparteċipa fl-iżvilupp tal-firxa fis-suq tal-prodotti kkonċernati bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-fatt, li l-konstatazzjoni tiegħu taqa’ fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, li d-distributur jista’ jkun f’pożizzjoni li joffri lill-klijenti servizzi u vantaġġi li ma jkunx jista’ joffri sempliċi bejjiegħ mill-ġdid u, għalhekk, jista’ jkun f’pożizzjoni li jirbaħ, għall-benefiċċju tal-prodotti tal-fornitur, sehem ikbar mis-suq lokali. Fir-rigward tal-kriterju tar-remunerazzjoni mogħtija bħala korrispettiv għal attività, dan il-kunċett ma għandux jinftiehem fis-sens strett ta’ trasferiment ta’ somma flus. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li kuntratt ta’ distribuzzjoni huwa bbażat, bħala regola ġenerali, fuq selezzjoni tad-distributuri mill-fornitur, selezzjoni li tista’ tagħti lid-distributuri vantaġġ kompetittiv sa fejn huma biss ikollhom id-dritt li jbigħu l-prodotti tal-fornitur f’territorju partikolari jew, minn tal-inqas, sa fejn ikun biss numru limitat ta’ distributuri li jibbenefikaw minn dan id-dritt. Barra minn hekk, ħafna drabi kuntratt ta’ distribuzzjoni jipprevedi għajnuna għad-distributuri fir-rigward ta’ aċċess għall-mezzi ta’ reklamar, ta’ trażmissjoni ta’ know-how permezz ta’ kampanji ta’ taħriġ, jew inkella ta’ faċilitajiet ta’ pagamenti. L-eżistenza ta’ dawn l-element għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punti 35, 37-41,u 44, u d-dispożittiv 2)