Language of document : ECLI:EU:C:2016:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Mejju 2016 (*)

[Test emendat mid-digriet tad-29 ta’ Ġunju 2016]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) –Regolament (KE) Nru 1083/2006 –Għoti ta’ kuntratt, mill-benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, bil-għan li titwettaq l-azzjoni sussidjata – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Kriterju dwar ‘il-ksur tad-dritt tal-Unjoni’ – Proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali – Natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Istati Membri – Miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi”

Fil-Kawżi magħquda C‑260/14 u C‑261/14,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 ta’ Mejju 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2014, fil-proċeduri

Judeţul Neamţ (C‑260/14),

Judeţul Bacău (C‑261/14)

vs

Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        [Kif emendat mid-digriet tad-29 ta’ Ġunju 2016] għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu u V. Angelescu kif ukoll minn D. M. Bulancea, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn A. Pálfy, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u A. Ştefănuc, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 4 u tal-Artikolu 5(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-Artikolu 2(7) u tal-Artikolu 98 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn rispettivament il-Judeţul Neamţ (dipartiment ta’ Neamţ) u l-Judeţul Bacău (dipartiment ta’ Bacău) u l-Ministerul Dezvoltării Regionale şi Administraţiei Publice (ministeru tal-iżvilupp reġjonali u tal-amministrazzjoni pubblika) dwar il-validità ta’ żewġ atti amministrattivi indirizzati lilhom minn dan tal-aħħar li imponew fuqhom, bħala awtoritajiet kontraenti li organizzaw il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi relatati ma’ operazzjonijiet sussidjati, ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tas-sussidju li huma kienu rċevew.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.      Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2.      Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

3.      Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwistjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

4.      Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.”

5        L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

–        bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.      L-atti li jiġu stabbiliti li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4      Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.      L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

a)      il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

b)      il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skont persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

ċ)      it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

[...]”

7        L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1083/2006, jipprovdi:

“[...] ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni, l-amministrazzjoni, inklużi l-amministrazzjoni finanzjarja, il-monitoraġġ u l-kontroll abbażi tar-responsabbilitajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni”.

8        Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

7)      ‘irregolarità’: kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali;”

9        L-Artikolu 98 ta’ l-istess regolament jipprevedi li :

“1.      L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa.

2.      L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f'kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.

Ir-riżorsi mill-fondi rilaxxati b’dan il-mod jistgħu jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru 2015 għall-programm operattiv konċernat skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3. [...]

3.      Il-kontribuzzjoni li tkun tħassret skond il-paragrafu 2 ma tistax terġa’ tintuża għall-operazzjoni jew l-operazzjonijiet li kienu s-suġġett tal-korrezzjoni, lanqas, fejn tkun saret korrezzjoni finanzjarja għal irregolarità sistematika, għal operazzjonijiet eżistenti li jaqgħu taħt l-assi prijoritajru fl-intier tagħhom jew parti minnhom fejn ikun saret l-irregolarità sistematiku.

[...]”

10      Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p.320), jissostitwixxi r-Regolament Nru 1083/2006, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

11      Il-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 għandu jinqara’ kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

36)      ‘irregolarità’ tfisser kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-Fondi ESI [fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej] li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni.”

12      Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 317, p. 34), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18”), tipprevedi:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni [nondiskriminazzjoni], il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ koordinazzjoni għandhom għalhekk ikunu interpretati konformement kemm mar-regoli u l-prinċipji msemmija qabel kif ukoll mar-regoli l-oħra tat-Trattat.”

13      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti pubbliċi”, jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti publiċi li mhumiex esklużi skond l-eċċezzjonijiet provduti fl-Artikoli 10 u 11 u l-Artikoli 12 sa 18 u li għandhom valur esklussiv ta’ valur addizzjonali ta’ taxxa (VAT) stmat li hu ugwali jew akbar minn dawn il-limiti massimi li ġejjin:

a)      EUR 133 000 għal forniment ta’ kuntratti publiċi u ta’ servizz barra dawk koperti b’punt (b), it-tielet inċiż, mogħti minn awtoritajiet kontrattwanti li huma elenkati bħala awtoritajiet governattivi ċentrali fl-Anness IV;[...]

b)      EUR 206 000:

–        għal kuntratti ta’ forniment pubbliku u ta’ servizz [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi] mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti barra dawk elenkati fl-Anness IV,

–        għal kuntratti ta’ forniment pubbliku [kuntratti pubbliċi għal provvisti] mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li huma elenkati fl-Anness IV u li joperaw fil-qasam tad-difiża, fejn dawn il-kuntratti jinvolvu prodotti mhux koperti fl-Anness V,

–        għal kuntratti ta’ forniment pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi elenkati f’Kategorija 8 ta’ l-Anness II A, Kategorija 5 servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, li l-posizzjoni tagħhom fis-CPV huma ekwivalenti għal CPC Numri ta’ referenza 7524, 7525 u 7526 u/jew is-servizzi elenkati fl-Anness II B;

c)      EUR 5 150 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet].”

 Id-dritt Rumen

14      L-Artikolu 1 tal-Ordonanţă Guvernului nr. 79/2003 privind controlul și recuperarea fondurilor comunitare, precum și a fondurilor de cofinanţare aferente utilizate necorespunzător (Digriet tal-Gvern Nru 79/2003 dwar il-kontroll u l-irkupru ta’ fondi Komunitarji kif ukoll fondi ta’ kofinanzjament dwar l-użu irregolari, Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 622, tat‑30 ta’ Awwissu 2003), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-kuntratti ta’ finanzjament u tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt organizzati għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet sussidjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DG Nru 79/2003”), jiddikjara:

“Dan id-digriet jirregola l-attivitajiet ta’ konstatazzjoni u ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament taħt l-għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli mogħtija lir-Rumanija mill-Komunità Ewropea u/jew mill-fondi ta’ kofinanzjament għal dan, b’riżultat ta’ irregolarità.”

15      L-Artikolu 2 tad-DG Nru 79/2003 jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet:

a)      ‘irregolarità’ tfisser kull nuqqas ta’ legalità, ta’ regolarità u ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali u/jew Komunitarji, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratti jew ta’ arranġamenti oħra legali konklużi abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea u/jew baġits amministrati minnha jew f’isimha kif ukoll baġits fl-oriġini tal-kofinanzjament relatat, minħabba nefqa inġustifikata;

[...]

d)      ‘talbiet baġitarji li jirriżultaw minn irregolarità’ tfisser l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati mill-baġit ġenerali tal-Komunità Ewropea u/jew il-baġits amministrati minn din tal-aħħar jew f’isimha kif ukoll il-baġits fl-oriġini tal-kofinanzjament relatat, wara użu irregolari ta’ Fondi Komunitarji u ammonti li jirriżultaw mill-kofinanzjament u/jew wara l-kisba indebita ta’ ammonti fil-kuntest ta’ miżuri li jagħmlu parti mis-sistema ta’ finanzjament integrali jew parzjali ta’ dawn il-fondi;

[...]”

16      L-Artikolu 4 tad-DG 79/2003 jipprovdi li:

“1.      Jikkostitwixxu s-suġġett tal-irkupru tat-talbiet baġitarji li jirriżultaw minn irregolarità, dawk l-ammonti indebitament imħallsa mill-Fondi Komunitarji u/jew il-kofinanzjament relatat, l-ispejjeż bankarji, u inklużi l-aċċessorji tagħhom kif ukoll ammonti oħra stabbiliti mil-liġi dovuti mid-debitur.

[...]”

17      Fid-data tal-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti tal-azzjonijiet sussidjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Ordonanţă de urgenţă a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea și sancţionarea neregulilor apărute în obţinerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naţionale aferente acestora (id-digriet ta’ urġenza tal-gvern Nru 66/2011 dwar il-prevenzjoni, ir-rikonoxximent u s-sanzjoni tal-irregolaritajiet misjuba fil-kisba u l-użu ta’ fondi Ewropej u/jew fondi pubbliċi nazzjonali relatati, Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 461, tat-30 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem id-“DUG Nru 66/2011”), kien issostitwixxa d-DG Nru 79/2003.

18      L-Artikolu 2 tal-DUG Nru 66/2011 jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza:

a)      ‘irregolarità’, tfisser kull nuqqas ta’ legalità, ta’ regolarità u ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u/jew Ewropej, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratti u ta’ arranġamenti oħra legali konklużi abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tirriżulta minn azzjoni jew minn nuqqas ta’ azzjoni ta’ benefiċjarju jew ta’ awtorità kompetenti li jiġġestixxu fondi Ewropej, li kisret jew tista’ tikser il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, il-baġits ta’ donaturi pubbliċi internazzjonali u/jew fondi pubbliċi nazzjonali relatati magħhom, permezz ta’ somma mħallsa indebitament;

[...]

h)      ‘attività ta’ kostatazzjoni ta’ irregolarità’, tfisser attività ta’ kontroll/investigazzjoni magħmula mill-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ irregolarità;

i)      ‘attività ta’ ffissar ta’ talbiet baġitajri li jirriżultaw minn irregolarità’, tfisser l-attività għal liema huwa previst u stabbilit l-obbligu ta’ ħlas għal irregolarità kkonstata, permezz tal-ħruġ ta’ talba;

[...]

o)      ‘applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji’, tfisser il-miżuri amministrattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ta’ urġenza, li jikkonsistu fl-esklużjoni mill-finanzjament minn Fondi Ewropej u/jew minn fondi pubbliċi nazzjonali relatati tal-ispejjeż li dwarhom ġiet ikkonstatata irregolarità;

[...]”

19      L-Artikolu 27(1) tad-DUG Nru 66/2011 jipprevedi:

“Fil-każ li jinstabu irregolaritajiet fil-livell tal-applikazzjoni mill-benefiċjarju tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kemm fir-rigward tar-regolamenti nazzjonali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-proċeduri speċifiċi tal-għoti applikabbli għal benefiċjarji privati, nota ta’ kostatazzjoni tal-irregolaritajiet u l-likwidazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jinħareġ permezz tal-applikazzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20 u 21. ”

20      L-Artikolu 28 tad-DUG Nru 66/2011 jistabbilixxi:

“Il-valur tat-talba baġitajra stabbilita abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 għandu jiġi kkalkulat billi jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet tal-anness.”

21      Fit-tabella tal-anness tad-DUG Nru 66/2011 dwar il-kuntratti fejn il-valur tagħhom huwa inferjuri mil-limitu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi għad-determinazzjoni tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni fuq Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-punt 2.3 jipprevedi, għan-nuqqasijiet li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ kwalifikazzjoni u ta’ selezzjoni jew ta’ fatturi ta’ evalwazzzjoni illegali, l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet/tnaqqis ta’ 10 % mill-valur tal-kuntratt ikkonċernat jew ta’ rata mnaqqsa ta’ 5 %, skont il-gravità.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22      Bħala parti mill-Programm Operattiv Reġjonali għall-2007/2013, żewġ amministrazzjonijiet territorjali Rumeni ġirien, id-dipartiment ta’ Neamţ (Kawża C‑260/14) u d-dipartiment ta’ Bacău (Kawża C‑261/14), li jinsabu madwar 60 km ’il bogħod minn xulxin, kienu l-benefiċjarji ta’ fondi mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). L-għoti ta’ dan il-finanzjament sar permezz ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż bejn il-Ministerul Dezvoltării Regionale şi Turismului (ministeru tal-iżvilupp reġjonali u tat-turiżmu), bħala l-awtorità ta’ ġestjoni ta’ programm operazzjonali reġjonali 2007-2013, u ż-żewġ amministrazzjonijiet territorjali rispettivi.

23      Fil-Kawża C‑260/14, il-kuntratt ta’ finanzjament ikopri r-riabilitazzjoni, l-estensjoni u l-modernizzazzjoni ta’ ċentru skolastiku li jinsab f’Roman (ir-Rumanija), belt li tinsab madwar erbgħin kilometru fit-Tramuntana tal-belt ta’ Bacău (ir-Rumanija). Din tal-aħħar tinsab madwar 300 km fit-Tramuntana ta’ Bukarest (ir-Rumanija), 370 km mill-fruntiera Bulgara, lil hinn mill-Karpazji tal-Lvant u qrib il-fruntieri mal-Moldova fil-Lvant u l-Ukraina fit-Tramuntana. Id-dipartiment ta’ Neamţ, benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ verifika ta’ valur ta’ madwar EUR 20 264.18 u wara ġie konkluż kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ verifika ta’ valur ta’ EUR 19 410.12.

24      Fil-kuntest tal-Kawża C‑261/14, il-kuntratt ta’ finanzjament huwa intiż għar-riabilitazzjoni ta’ triq sekondarja. Id-dipartiment ta’ Bacău organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ valur ta’ EUR 2 820 515, fejn wara ġie konkluż kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet fis-17 ta’ Settembru 2009.

25      Mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest taż-żewġ proċeduri, il-Ministeru tal-Iżvilupp reġjonali u tal-Amministrazzjoni pubblika ddeċieda li l-kundizzjonijiet stabbiliti kemm mid-dipartiment ta’ Neamţ kif ukoll mid-dipartiment ta’ Bacău kienu illegali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi ministeru applika korrezzjoni finanzjarja li tirrappreżenta rispettivament 5 % tal-ammont tal-kuntratti inkwistjoni.

26      Għalhekk id-dipartiment ta’ Neamţ u d-dipartiment ta’ Bacău appellaw mid-deċiżjonijiet dwar l-implementazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji rispettivi. Peress li l-Ministeru tal-Iżvilupp reġjonali u tal-Amministrazzjoni pubblika ċaħad dawn l-appelli, u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali marru quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiksbu l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet.

27      Fil-kuntest ta’ dan il-kontenzjuż, il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, qed tintalab tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ “irregolarità”, fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95 jew tar-Regolament Nru 1083/2006, u, jekk ikun il-każ, fuq in-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-imsemmi ministeru.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Bacău (qorti ta’ appell ta’ Bacău, ir-Rumanija) iddeċidiet li tisspospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, fejn l-ewwel domanda hija speċifika għall-Kawża C‑260/14, filwaqt li mit-tieni sar-raba’ domandi huma essenzjalment identiċi fil-Kawżi C‑260/14 u C‑261/14:

“1)      Il-fatt li awtorità kontraenti, li tibbenefika minn għajnuna għal Fondi Strutturali, ma tosservax id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur stmat li huwa inqas mill-valur limitu massimu previst fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2004/18/KE, fl-għoti ta’ kuntratt li għandu bħala għan it-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jikkostitwixxi ‘irregolarità’ fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 jew ‘irregolarità’ fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn kienu applikati għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma miżuri amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 jew penali amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 5(c) ta’ dan ir-regolament?

3)      Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda hija fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri huma penali amministrattivi, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ penali inqas severa prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 ma japplikax?

4)      Meta jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, fid-dawl ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, jipprekludu l-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji rregolati minn att normattiv nazzjonali li daħal fis-seħħ wara li l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun seħħ?”

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi C‑260/14 u C‑261/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑260/14

30      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑260/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u l-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali minn awtorità kontraenti, li bbenefikat minn għajnuna mill-Fondi Strutturali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu valur stmat taħt il-limitu previst mill-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2004/18, jista’ jikkostitwixxi, meta jingħata l-kuntratt, “irregolarità”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2), jew tal-imsemmi punt 7 tal-Artikolu 2.

31      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li peress li l-valur tal-kuntratt inkwistjoni huwa inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2004/18, dan il-kuntratt ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn din id-direttiva.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, li kulma jagħmel ir-Regolament Nru 2988/95 huwa li jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ verifika u ta’ sanzjonijiet bil-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Irkupru ta’ fondi li ntużaw ħażin għandu jsir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra, jiġifieri, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet settorjali (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt ir-Regolament Nru 1083/2006.

34      Madankollu, peress li r-Regolamenti Nru 2988/95 u Nru 1083/2006 jagħmlu parti mill-istess dispożittiv, li jiżgura l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar, il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, jitlob interpretazzjoni uniformi.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International, C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk, filwaqt li mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u mill-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li ksur ta’ dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi irregolarità, ma jistax madankollu jiġi eskluż li tali irregolarità tista’ wkoll tirriżulta minn ksur tad-dritt nazzjonali.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, sal-punt fejn l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbenefikaw minn finanzjament tal-Unjoni, dawn l-operazzjonijiet huma suġġetti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix biss għal kull ksur ta’ dan id-dritt iżda wkoll għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jikkontribwixxu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-proġetti finanzjati mill-Unjoni.

38      Tali interpretazzjoni tat-terminu “irregolarità” hija kkonfermata mill-eżami tal-kuntest leġiżlattiv li fih jidħol b’mod partikolari l-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, kif ukoll l-għan ta’ dan ir-regolament.

39      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntest regolatorju, li fih huwa inkluż il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti l-prinċipji ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEŻR abbażi tar-responsabilitajiet kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

40      Dawn il-kompiti ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll huma speċifikati fit-Titolu VI tar-Regolament Nru 1083/2006, filwaqt li dawk relatati mal-ġestjoni finanzjarja huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tal-imsemmi regolament, fejn il-Kapitolu 2 tiegħu huwa ddedikat għall-korrezzjonijiet finanzjarji. B’mod ċar jirriżulta li qabel kollox huma l-Istati Membri li jipproċedu, skont il-każ, bil-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u, għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ikunu konformi mar-regoli kollha applikabbli kemm fuq livell tal-Unjoni kif ukoll fuq livell nazzjonali.

41      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1083/2006, ir-regoli stabbiliti fil-kuntest tal-imsemmi regolament b’mod partikolari għandhom bħala għan, kif inhu indikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat l-użu regolari u effettiv tal-Fondi Strutturali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

42      Issa, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effikaċja tal-intervent tal-Fondi kkonċernati, interpretazzjoni fejn dan il-ksur ma jikkostitwixxix “irregolarità” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 ma jiżgurax it-twettiq sħiħ tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kunċett ta’ “irregolarità” imsemmi fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 kif ukoll fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi wkoll għall-ksur tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-operazzjonijiet sostnuti mill-Fondi Strutturali.

44      Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mid-definizjoni ta’ “irregolarità” pprovduta fil-punt 36 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1303/2013 li ħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, ir-Regolament Nru 1083/2006.

45      Fil-fatt, din id-definizzjoni, imsemmija fil-punt 11 tas-sentenza preżenti, tkopri b’mod espliċitu l-ksur kollu tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ dritt nazzjonali relatat mal-applikazzjoni tiegħu. Moqrija fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-preċiżazzjoni dwar il-ksur tad-dritt nazzjonali hija tat-tip li tikkjarifika l-portata tal-kunċett ta’ “irregolarità” li jinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 (ara, f’dan is-sens, a contrario, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, PARTNER Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punti 90 u 91).

46      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑260/14 għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u l-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali minn awtorità kontraenti, li tibbenefika mis-sostenn tal-Fondi Strutturali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku b’valur smat li huwa inqas mil-livell stabbilit fl-Artikolu 7(a) tad-Diretttiva 2004/18 huwa suxxettibbli li jikkostitwixxi, fl-okkażjoni tal-għoti tal-imsemmi kuntratt, “irregolarità” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2), jew tal-imsemmi punt 7 tal-Artikolu 2, sakemm dan il-ksur għandu jew jista’ jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi jaddebita nefqa mhux iġġustifikata.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑260/14 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑261/14

47      Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑260/14 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑261/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn kienu applikati għal nefqa kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, huma miżuri amminstrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, jew jekk, għall-kuntrarju, huma pieni amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 5(ċ), ta’ dan ir-regolament.

48      Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-korrezzjonijiet finanzjarji li l-Istati Membri għandhom jagħmlu meta jiskopru irregolaritajiet b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet jew programmi operattivi, jikkonsistu fl-annullament totali jew parzjali mill-parteċipazzjoni pubblika għall-programm operazzjonali kkonċernat. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-imsemmi regolament, ir-riżorsi tal-fondi hekk illiberati jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jerġgħu jintużaw mill-Istat Membru kkonċernat.

49      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jirriżulta li l-korrezzjonijiet finanzjarji, li l-Istati Membri għandhom jipproċedu bihom meta jiskopru irregolaritajiet fir-rigward tal-programmi operattivi jew l-operazzjonijiet, huma maħsuba sabiex jiżguraw l-irtirar ta’ vantaġġ riċevut indebitament mill-kummerċjanti kkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-obbligu li jirrimborsaw l-ammonti mħallsa indebitament.

50      Fl-aħħar nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, diversi drabi, li l-obbligu li jitħallas lura vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, b’tali mod li l-vantaġġ miksub sar ta’ natura indebita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pometon, C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28; tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, Somvao, C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 36). Il-fatt, imsemmi fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju, li l-ammont assolut li għandu jitħallas lura jista’, f’każ partikolari, ma jikkoinċidix perfettament mat-telf effettivament imġarrab mill-Fondi Strutturali ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.

51      Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑260/14 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑261/14 għandha tkun li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn ġew applikati għal nefqa kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali, minħabba nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma miżuri amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑260/14 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑261/14

52      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-qorti tar-rinviju fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑260/14 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑261/14.

 Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C-260/14

53      Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawza C‑260/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-asptettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ korrezzjonijiet finanzjarji rregolati minn att normattiv intern li daħal fis-seħħ wara li twettaq l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

54      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, li jinkludu fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C2015:537, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-istess ġurisprudenza, għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regolament jiġi applikat retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, irrispettivament mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li applikazzjoni bħal din jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata, l-istess prinċipju jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt għandha normalment, sakemm ma jkunx espress mod ieħor, tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt li huma kontemporanji għaliha. Madankollu, filwaqt li l-liġi ġdida hija b’hekk applikabbli biss għall-futur, din għandha tapplika wkoll, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi antika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Bl-istess mod, kif jirriżulta minn din l-istess ġurisprudenza stabbilita, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż b’mod li jipprekludi, b’mod ġenerali, leġiżlazzjoni ġdida milli tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li oriġinaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑260/14 għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji irregolati minn att normattiv intern li daħal fis-seħħ wara li twettaq allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sakemm dan jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, u l-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali minn awtorità kontraenti, li tibbenifika minn Fondi Strutturali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu valur stmat inqas mill-livell stabbilit fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kif emendata bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1422/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, huwa suxxettibbli li jikkostitwixxi, fl-okkażjoni tal-għoti tal-imsemmi kuntratt, “irregolarità”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2), jew tal-imsemmi punt 7 tal-Artikolu 2, sakemm dan il-ksur għandu jew jista’ jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jaddebita nefqa mhux iġġustifikata.

2)      It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn ġew applikati għal nefqa kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali, minħabba nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, huma miżuri amminstrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95.

3)      Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux il-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji rregolati minn att normattiv intern li daħal fis-seħħ wara li twettaq allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sakemm dan jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju li tivverifika, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.