Language of document : ECLI:EU:T:2017:100

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Frar 2017 (*)

“Espert nazzjonali kkollokat – Regoli tal-EFSA dwar l-END – Deċiżjoni li l-kollokament ma jiġġeddidx – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Talbiet għal konstatazzjoni u għal ordni – Sottomissjonijiet komplementari għar-rikors – Modifika tal-kapijiet tat-talbiet – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T-493/14,

Ingrid Alice Mayer, residenti f’Ellwangen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Mayer, avukat,

rikorrenti,

vs

Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken, bħala aġent, assistit minn R. Van der Hout u A. Köhler, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż sabiex jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-EFSA li jiċħdu, minn naħa, it-talba tar-rikorrenti sabiex il-kollokament tagħha bħala espert nazzjonali mal-EFSA jiġi estiż u, min-naħa l-oħra, it-talba ta’ aċċess tar-rikorrenti għad-dokumenti miżmuma mill-EFSA,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Ingrid Alice Mayer, hija uffiċjal pubbliku tal-Land ta’ Sachsen (il-Ġermanja) mill-1 ta’ Novembru 1992. I. A. Mayer ġiet ikkollokata mal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, skont kuntratt konkluż, fl-istess jum, bejnha, l-EFSA u l-Land ta’ Sachsen (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”). Konformement mal-Artikolu 5 tal-kuntratt, dan ġie konkluż għal perijodu ta’ sena, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2014. Skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA, tat-18 ta’ Frar 2013, li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kollokament mal-EFSA ta’ esperti nazzjonali u ta’ esperti nazzjonali fi stadju ta’ tħarriġ (iktar ’il quddiem ir-“regoli dwar l-END”), applikabbli għall-kuntratt, kollokament jista’ jiġġedded darba jew diversi drabi, mingħajr ma ż-żmien totali tal-kollokament ma jista’, bħala prinċipju, jeċċedi erba’ snin.

2        Fl-4 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ġiet eletta bħala rappreżentanta tal-esperti nazzjonali kkollokati fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal tal-EFSA (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Persunal”) għal perijodu ta’ tliet snin. Wara tilwima li seħħet bejn ir-rikorrenti u l-President tal-Kumitat tal-Persunal, dwar każ li kellu jiġi ttrattat mingħajr il-preżenza tar-rikorrenti, il-Kumitat tal-Persunal iddeċieda, fis-16 ta’ Diċembru 2013, li jissospendi lir-rikorrenti mil-attivitajiet tagħha fi ħdanu għal perijodu ta’ sitt xhur, b’effett immedjat, fuq il-bażi tal-ksur, mir-rikorrenti, tad-dmir tagħha ta’ kunfidenzjalità.

3        Fit-18 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ressqet ilment bil-miktub kontra d-deċiżjoni ta’ sospensjoni inkwistjoni quddiem id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA u talbitu jagħti sanzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-President tal-Kumitat tal-Persunal. B’posta elettronika tas-17 ta’ Jannar 2014, il-Kumitat tal-Persunal informa b’mod formali lir-rikorrenti li huwa kien iddeċieda li jissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tiegħu.

4        Fit-8 u fil-31 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti ntlaqgħet mis-superjur ġerarkiku tagħha, is-Sinjur D., li informaha, matul it-tieni intervista, li l-EFSA ma kellhiex il-ħsieb li testendi l-kuntratt tagħha, fid-dawl tal-fatt li l-ħtiġiet operazzjonali tad-diviżjoni li fi ħdanha hija kienet taħdem kienu nbidlu u l-profil tagħha ma baqax jikkorrispondi għar-rekwiżiti meħtieġa. Ir-rikorrenti tafferma li, matul it-tieni intervista, is-Sinjur D. semma talba ta’ aċċess min-netwerk ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) għal dokumenti dwar posta elettronika skambjata bejn uffiċjal għoli tal-EFSA, is-Sinjura K., u l-International Life Sciences Institute (istitut internazzjonali tax-xjenzi tal-ħajja, iktar ’il quddiem l-“ILSI”), organizzazzjoni privata attiva fis-settur tan-nutrizzjoni. L-EFSA tikkontesta din l-affermazzjoni.

5        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2014, li għandha bħala għan it-“[t]miem tal-kuntratt [tagħha] ta’ kollokament”, l-EFSA informat lir-rikorrenti li l-imsemmi kuntratt kellu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014, filwaqt li indikat li hija setgħet tressaq ilment quddiem id-direttur tal-EFSA fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-END.

6        Ir-rikorrenti, billi qieset li l-inċidenti li seħħew fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal kif ukoll il-fatt li hija kienet saret, minħabba r-rivelazzjonijiet tas-Sinjur D., xhud involontarju ta’ kunflitt ta’ interessi marbut mar-relazzjonijiet bejn l-EFSA u l-ILSI kienu fatturi li wasslu għat-“tkeċċija” tagħha, ressqet, fl-24 ta’ April 2014, ilment quddiem id-direttur tal-EFSA, skont l-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-END, kontra l-ittra hawn fuq imsemmija tas-16 ta’ April 2014, ilment ikkompletat b’osservazzjonijiet ippreżentati fil-5 u fl-10 ta’ Ġunju 2014.

7        Fit-12 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti talbet lill-EFSA l-aċċess għall-posta elettronika kollha skambjata bejn is-Sinjura K. u l-ILSI, talba li ġiet miċħuda mill-EFSA, fil-5 ta’ Ġunju 2014, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

8        Fit-8 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti bagħtet lill-EFSA talba konfermattiva għal aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, ikkompletata permezz ta’ posta tal-15 ta’ Ġunju 2014.

9        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2014, l-EFSA, minn naħa, ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrenti skont l-Artikolu 23 tar-Regoli dwar l-END kontra l-ittra hawn fuq imsemmija tas-16 ta’ April 2014, billi rrelevat li l-Artikolu 4(1) tar-Regoli dwar l-END kien jipprovdi li “[l]-perijodu inizjali tal-kollokament ma [setax] ikun inqas minn sitt xhur u lanqas itwal minn sentejn [u li dan seta’] jiġġedded darba jew diversi drabi, mingħajr ma ż-żmien totali tal-kollokament ma [seta’] jeċċedi erba’ snin”. Għaldaqstant, ma hemm ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt. Barra minn hekk, l-EFSA tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha u tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt, filwaqt li tirrifjuta, f’dan il-kuntest, ċerti allegazzjonijiet li saru mir-rikorrenti f’diversi ittri mibgħuta lilha preċedentement minn din tal-aħħar.

10      Bl-istess ittra tas-27 ta’ Ġunju 2014, l-EFSA ċaħdet, minn naħa, it-talba konfermattiva għal aċċess għad-dokumenti hawn fuq imsemmija billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-EFSA tfakkar li, meta talba bbażata fuq dan ir-regolament tkun intiża sabiex tikseb aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), isiru kompletament applikabbli. Issa, l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jeżiġi mid-destinatarju tad-data personali li juri n-neċessità tat-trasferiment tagħha, permezz ta’ ġustifikazzjonijiet leġittimi jew argumenti konvinċenti. Skont l-EFSA, ir-rikorrenti ma ssodisfatx dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kollokament hija bbażata biss fuq il-fatt li l-ħtiġiet operazzjonali tad-diviżjoni li fiha r-rikorrenti kienet assenjata nbidlu, filwaqt li l-profil tagħha ma baqax jikkorrispondi għar-rekwiżiti meħtieġa dak iż-żmien, u ma hemm ebda rabta bejn din id-deċiżjoni u l-posta elettronika li għaliha r-rikorrenti tixtieq li jkollha aċċess. L-EFSA tagħlaq billi tinforma lir-rikorrenti li hija tista’ tressaq rikors għal annullament kontra ż-żewġ deċiżjonijiet inklużi fl-ittra tas-27 ta’ Ġunju 2014 quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE jew ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228 TFUE.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B’rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2014, ir‑rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni, fejn talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        iġġedded il-kollokament tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2015;

–        tikkonstata li t-tmiem tal-kuntratt tagħha, senjatament id-deċiżjoni tal-EFSA intitolata “Tmiem tal-kollokament”, tas-16 ta’ April 2014, hija vvizzjata b’illegalità;

–        tordna lill-EFSA ma tipproċedix b’ħatra ġdida ta’ “osservatur” mill-esperti nazzjonali kkollokati fi ħdan il-Kumitat tal-Persunal;

–        tikkonstata li l-esklużjoni tagħha mill-Kumitat tal-Persunal għal perijodu ta’ sitt xhur hija vvizzjata b’illegalità;

–        tordna lill-EFSA tagħtiha aċċess għall-posta elettronika kollha skambjata bejn is-Sinjura K. u l-ILSI;

–        sussidjarjament, tagħti aċċess għal dawn id-dokumenti lil terz innominat mill-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Lulju 2104, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji.

13      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Lulju 2014, Mayer vs EFSA (T-493/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:617), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li r-rikors għal annullament li insostenn tiegħu ntalbu l-miżuri provviżorji ma kien jinkludi ebda talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità u t-talbiet intiżi għall-iżvelar provviżorju tad-dokumenti kontenzjużi kienu jikkorrispondu għal dawk ippreżentati fir-rikors prinċipali, b’mod li dawn it-talbiet kienu jmorru kontra l-ġurisprudenza stabbilita li skontha d-deċiżjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji ma setgħet bl-ebda mod tippreġudika d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali jew trendiha illużorja billi ċċaħħadha mill-effett utli tagħha.

14      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ sottomissjonijiet, datata l-4 ta’ Settembru 2014, intiża, b’mod partikolari, sabiex “tissostitwixxi” it-talbiet inizjali b’dawk ipprovduti f’din in-nota (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors”).

15      Fin-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors, li l-kontenut tagħha ġie, sussegwentement, riprodott kompletament fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għat-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikors, relatati mat-tilwima kontra l-Kumitat tal-Persunal, u li t-talbiet inizjali kienu “ssostitwiti” bit-talbiet sussegwenti, billi stiednet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dan li ġej:

–        il-kollokament tagħha bħala espert nazzjonali kkollokat mal-EFSA huwa estiż sat-30 ta’ Ġunju 2017 u n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kollokament huwa annullat;

–        sussidjarjament, deċiżjoni ġdida dwar il-kollokament tagħha għandha tittieħed mill-EFSA mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Qorti Ġenerali;

–        it-terminazzjoni tal-kuntratt, speċifikament id-deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014, hija annullata;

–        hija tingħata aċċess għall-posta elettronika kollha skambjata bejn is-Sinjura K. u l-ILSI matul il-perijodu tal-kuntratt;

–        sussidjarjament, hija tingħata aċċess għall-posta hawn fuq indikata, mingħajr l-informazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li twassal għal preġudizzju serju għall-ħajja privata tas-Sinjura K. jew li jkollha konsegwenzi serji għaliha;

–        id-deċiżjoni ta’ ċaħda tas-27 ta’ Ġunju 2014, invokata kontra t-talba għal aċċess għad-dokumenti hawn fuq imsemmija, hija annullata;

–        l-EFSA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mat-talbiet li ġew irrinunzjati.

16      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Novembru 2014, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti Ġenerali diversi dokumenti u osservazzjonijiet komplementari.

17      Fir-replika, ir-rikorrenti tenniet id-diversi kapijiet tat-talbiet ifformulati fin-nota komplementari għar-rikors, osservat li, bl-eċċezzjoni tat-tielet u tar-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikors, dwar it-tilwima kontra l-Kumitat tal-Persunal u li hija rtirat, dawk imressqa fir-rikors ma ġewx “issostitwiti”, kif indikat b’mod inkorrett fin-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors, iżda kellhom “jiġu interpretati” u talbet lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li d-deċiżjoni tal-EFSA tas-27 ta’ Ġunju 2014 “[kienet] nulla”.

18      Wara l-preżentata tal-kontroreplika, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Mejju 2015, dokument datat is-6 ta’ Mejju 2015, li fih hija kkummentat dwar “dokumenti bil-miktub li għadhom kif ġew irċevuti”, jiġifieri posta elettronika tas-16 ta’ Mejju 2014 li l-Kumitat tal-Persunal kien bagħtilha, posta elettronika tal-EFSA, tad-19 ta’ Novembru 2014, indirizzata lill-Ministeru tal-Land ta’ Sachsen u t-talba inizjali ta’ aċċess għall-posta elettronika skambjata bejn is-Sinjura K. u l-ILSI, ippreżentata minn PAN Europe, fid-data tal-25 ta’ Settembru 2013.

19      Finalment, permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2016, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti bagħtet lil dan tal-aħħar diversi “provi li għadhom kif ġew irċevuti”.

20      L-EFSA ppreżentat, qabelxejn, risposta, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2014, sussegwentement, osservazzjonijiet marbuta man-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors, irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2014, imbagħad, kontroreplika, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2015, u, finalment, osservazzjonijiet, irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2015, dwar l-osservazzjonijiet hawn fuq imsemmija tar-rikorrenti tas-6 ta’ Mejju 2015.

21      L-EFSA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara n-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors inammissibbli;

–        tiċħad l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas-6 ta’ Mejju 2015 bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mat-tielet u mar-raba’ kapijiet tat-talbiet li ġew irtirati.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tan-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors

22      L-EFSA tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors minħabba li l-possibbiltà li wieħed jippreżenta tali sottomissjonijiet ma hijiex prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Sussidjarjament, l-EFSA ssostni li din in-nota tinkludi, fi kwalunkwe każ, diversi elementi ġodda inammissibbli, jiġifieri talbiet ġodda, l-estensjoni tat-talbiet inizjali u l-espożizzjoni ta’ motivi ta’ fatt jew ta’ dritt ġodda.

23      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T-547/93, EU:T:1996:27, punt 39), li l-preżentata ta’ rikors f’verżjoni emendata fil-mertu ma kinitx prevista mir-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u li tali dokument ma jistax, għalhekk, jiddaħħal fil-proċess.

24      Għalkemm, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li n-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors, it-8 ta’ Settembru 2014, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-EFSA tas-27 ta’ Ġunju 2014, din in-nota tibdel madankollu s-suġġett stess tat-tilwima, billi tifformola, għall-ewwel darba, fil-kapijiet tat-talbiet ġodda tagħha, mhux biss talba għal estensjoni tal-kuntratt sat-30 ta’ Ġunju 2017, iżda wkoll talbiet għal annullament tal-allegata deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014 u tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014, filwaqt li din tal-aħħar lanqas biss ma kienet prevista fid-diversi kapijiet tat-talbiet tar-rikors. In-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

25      Fil-fatt, l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lir-rikorrenti, f’dan il-każ, tadixxi lill-Qorti Ġenerali b’talbiet ġodda sabiex tittrasforma rikors manifestament inammissibbli, sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 50 iktar ’il fuq, għandu biss talbiet ta’ inġunzjoni u ta’ konstatazzjoni, f’rikors ammissibbli, billi jinbidel is-suġġett tat-tilwima kif iddefinit fir-rikors promotur, anki jekk qabel l-iskadenza tat-terminu tar-rikors.

26      Ċertament, l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jipprovdi li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija permessa meta dawn il-motivi jkunu bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura, jista’ jiġi applikat, f’xi każijiet, għall-bdil fit-talbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2009, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T-385/04, EU:T:2009:97, punti 76 u 77). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni kkontestata tiġi ssostitwita fil-mori tal-proċedura b’deċiżjoni li jkollha l-istess suġġett, li għandha għalhekk titqies li hija element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet tiegħu (digriet tal-21 ta’ Settembru 2011, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-141/05 RENV, EU:T:2011:503, punt 34).

27      Madankollu, fin-nuqqas ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt rrivelati matul il-proċedura, huma biss il-kapijiet tat-talbiet ifformulati fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, taħt piena ta’ bdil tas-suġġett tat-tilwima kif iddelimitat b’mod eżawrjenti fl-istess rikors, b’mod li l-mertu tar-rikors għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tat-talbiet inklużi fir-rikors promotur (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-236/07, EU:T:2010:451, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma hijiex tibbaża t-talbiet ġodda tagħha fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li ġew irrivelati fil-mori tal-proċedura, speċifikament bejn id-data tal-preżentata tar-rikors, fit-30 ta’ Ġunju 2014, u dik tal-preżentata tan-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors, fl-4 ta’ Settembru 2014.

29      Għalhekk, in-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

30      L-EFSA ssostni li t-talbiet imressqa fir-rikors promotur huma manifestament inammissibbli, sa fejn dawn huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tagħmel konstatazzjonijiet u ordnijiet lill-EFSA.

31      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti indikat fir-replika li hija kienet qiegħda tirrinunzja għat-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikors, relatati mat-tilwima kontra l-Kumitat tal-Persunal, b’mod li għandha tingħata deċiżjoni biss fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni kapijiet tat-talbiet, marbuta man-nuqqas ta’ estensjoni tal-kuntratt ta’ kollokament, u tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet, relatati mat-talba ta’ aċċess għal dokumenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati man-nuqqas ta’ estensjoni tal-kuntratt

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors

32      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet, kif ifformulat fir-rikors promotur, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali testendi l-kuntratt tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2015. Fir-replika, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-kuntratt tagħha jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2017 u, sussidjarjament, li l-EFSA tieħu deċiżjoni ġdida relatata mal-kollokament tagħha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

33      L-EFSA ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tagħtiha ordni, inkluż dak li jirriżulta jekk ikun il-każ mill-annullament ta’ att legali, f’dan il-każ l-annullament tal-allegata deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014, li jimplika l-estensjoni tal-kollokament tar-rikorrenti.

34      Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, b’dan il-kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu post l-EFSA jew tagħti ordnijiet lilha, li manifestament jeċċedi l-kompetenzi tagħha fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità tapplika fl-oqsma kontenzjużi kollha li tagħhom il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni, T-51/07, EU:T:2008:420, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u għalhekk ukoll fil-qasam tal-kollokament ta’ esperti nazzjonali.

35      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma tistax titlob lill-Qorti Ġenerali testendi l-kuntratt sat-30 ta’ Ġunju 2015 u, a fortiori, sat-30 ta’ Ġunju 2017, kif talbet fit-talbiet tar-replika, u lanqas li tordna lill-EFSA tiddeċiedi tali estensjoni.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors

36      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-terminazzjoni tal-kuntratt tagħha, “speċifikament id-deċiżjoni tal-EFSA […] tas-16 ta’ April 2014” hija vvizzjata b’illegalità. Fir-replika, ir-rikorrenti titlob, għall-ewwel darba, lill-Qorti Ġenerali “tannulla” din id-“deċiżjoni” u tiddeċiedi li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014 “hija nulla”.

37      Qabelxejn, għandu jitfakkar li ġie ripetutament deċiż li, kif l-EFSA ġustament irrilevat, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, talbiet intiżi biss sabiex jiġu kkonstatati punti ta’ fatt u ta’ dritt mingħajr ma jinkludu talba għall-annullament ma jistgħux, waħedhom, jikkostitwixxu talbiet validi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Bernardi vs Il-Parlament, T-146/95, EU:T:1996:105, punt 23).

38      Ir-rikorrenti ssostni, billi tirreferi għall-Artikolu 2 TUE, li jipprovdi li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tal-istat tad-dritt, li għandu jkun hemm rimedju jew dritt. Ir-rikorrenti ssostni li għandha dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha, ibbażat fuq il-“projbizzjoni tal-arbitrarjetà u tal-ftehimiet li jmorru kontra l-ordni pubbliku skont id-dritt Ġermaniż”, kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza u tal-istat tad-dritt iggarantiti kemm mit-Trattat UE kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali Ġermaniża). Minn dan l-allegat dritt suġġettiv għat-tiġdid tal-kollokament jirriżulta ipso jure d-dritt għar-rikorrenti li taġixxi quddiem il-Qorti Ġenerali.

39      Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk, minħabba l-eżistenza ta’ dan l-allegat dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha, jew tilqa’ t-“talba għal deċiżjoni ġudizzjarja” tagħha, jew tinterpreta u tirriformula t-tieni kap tat-talbiet tar-rikors b’mod li dan ikun ammissibbli fl-ambitu tar-rikors għal annullament, kif previst mill-Artikolu 263 TFUE.

40      L-EFSA ssostni b’mod kuntrarju li l-assenza ta’ rimedji ma tistax tiġġustifika bidla fis-sistema ta’ proċeduri stabbiliti mit-Trattat, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tiddeduċi meta tafferma li għandu jkun hemm rimedju jew dritt.

41      Għandu jitfakkar li l-assenza possibbli ta’ rimedji ma tista’ bl-ebda mod tiġġustifika bidla, permezz ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja, tas-sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri stabbiliti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ April 2002, Bactria vs Il-Kummissjoni, T-339/00, EU:T:2002:107, punt 54). Ma’ dan jiżdied li, f’dan il-każ, xejn ma kien iżomm lir-rikorrenti milli titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

42      Barra minn hekk, minkejja li l-qorti tal-Unjoni għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent fid-dawl tas-sustanza tagħhom iktar milli tal-klassifikazzjoni legali tagħhom, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li l-motivi invokati joħorġu mir-rikors b’mod suffiċjentement nett, ċar u preċiż, sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi r-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, EU:T:2000:54, punti 66 u 67).

43      L-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fit-test tar-rikors innifsu u t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-387/06, mhux ippubblikata, EU:C:2008:5, punt 14).

44      Fi kliem ieħor, rikorrent ma jistax iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tipproċedi permezz ta’ konġetturi fir-rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet speċifiċi, kemm fattwali kif ukoll legali, li setgħu kienu ta’ natura li jissostanzjaw il-kontestazzjonijiet tiegħu. Tali sitwazzjoni hija, b’mod partikolari, sors ta’ insigurtà legali u inkompatibbli ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 irid jipprekludi, billi jirrikjedi li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, it-talbiet u għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TFI vs Il-Kummissjoni, T-144/04, EU:T:2008:155, punti 56 u 57).

45      F’dan il-każ, kif l-EFSA ġustament sostniet, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tidher konfuża. Ir-rikorrenti tesprimi l-pożizzjoni tagħha f’termini li huma tal-inqas impreċiżi, billi tirreferi għall-Artikolu 263 TFUE u għad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014 mingħajr, għaldaqstant, kif barra minn hekk il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva fid-digriet tas-7 ta’ Lulju 2014, Mayer vs EFSA (T-493/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:617, punt 29) ma fformulat l-inqas talba għall-annullament tal-allegata deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014 jew tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014 fit-talbiet tagħha, meta s-suġġett tagħhom ma setax iktar jiġi mibdul fl-istadju tar-replika fl-assenza ta’ elementi ta’ dritt jew ta’ fatt irrevelati fil-mori tal-proċedura.

46      Għal dawn ir-raġunijiet biss, il-kapijiet tat-talbiet relatati man-nuqqas ta’ estensjoni tal-kuntratt għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati mal-aċċess għal dokumenti

47      Permezz tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti titlob espliċitament lill-Qorti Ġenerali tordna lill-EFSA tagħtiha aċċess għall-posta elettronika kollha skambjata bejn is-Sinjura K. u l-ILSI jew, sussidjarjament, tagħti aċċess għal din il-posta elettronika lil terz innominat mill-Qorti Ġenerali. Permezz tal-ħames, is-sitt u l-għaxar kapijiet tat-talbiet tar-replika, ir-rikorrenti titlob, barra min hekk, sabiex tingħata, sussidjarjament, aċċess parzjali għall-posta elettronika hawn fuq imsemmija, l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2014 sa fejn din tikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti u sabiex il-Qorti Ġenerali tingħata, bħala terz innominat, aċċess għal din il-posta elettronika.

48      L-EFSA ssostni li dawn il-kapijiet tat-talbiet huma inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tagħtiha ordnijiet fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

49      Kif ġie rrilevat fil-punt 344 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tagħtix ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Għaldaqstant, it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb l-aċċess għad-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom, għal dawn ir-raġunijiet biss, jiġu miċħuda bħala inammissibbli, filwaqt li, barra minn hekk, it-talbiet tar-replika, sa fejn għandhom, għall-ewwel darba, bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut, tas-27 ta’ Ġunju 2014, invokata kontra t-talba ta’ aċċess għad-dokumenti hawn fuq imsemmija, għandhom ukoll jiġu miċħuda, billi t-talbiet indikati fir-rikors ma jistgħux iktar jiġu mibdula fl-istadju tar-replika fl-assenza ta’ elementi ta’ dritt jew ta’ fatt irrivelati fil-mori tal-proċedura.

50      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli, mingħajr, għaldaqstant, ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, b’mod partikolari dawk tas-6 ta’ Mejju 2015 u tad-29 ta’ Ġunju 2016, li għandhom l-għan li jiżviluppaw u jsostnu l-motivi invokati insostenn tad-diversi kapijiet tat-talbiet iddikjarati inammissibbli.

 Spejjeż

51      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

52      Fir-rigward tat-tielet u tar-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikors, relatati mal-Kumitat tal-Persunal tal-EFSA, li ġew irrinunzjati, għandu jitfakkar li l-Artikolu 136(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-parti li tirrinunzja hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens mill-parti l-oħra fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-parti l-oħra għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-aġir ta’ din tal-aħħar.

53      Ir-rikorrenti tqis li l-EFSA għandha tbati l-ispejjeż relatati mal-kapijiet tat-talbiet li għalihom hija rrinunzjat, minħabba l-“aġir kritikabbli” tal-EFSA fir-rigward tagħha.

54      Il-Qorti Ġenerali madankollu tqis li t-tielet u r-raba’ kapijiet tat-talbiet tar-rikors promotur kienu, fi kwalunkwe każ, manifestament inammissibbli, sa fejn dawn ma kienu jinkludu ebda talba għall-annullament, iżda kienu jinvolvu biss talbiet ta’ ordni u ta’ konstatazzjoni, b’mod li ma jistax jiġi konkluż li l-attitudni tal-EFSA tiġġustifika li din għandha ssostni, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-kapijiet tat-talbiet.

55      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tapplika, direttament jew b’analoġija, l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li skontu, fit-tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjonijiet jibqgħu responsabbiltà tal-istituzzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-esperti nazzjonali kkollokati.

56      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-esperti nazzjonali kkollokati ma’ istituzzjoni jew ma’ korp tal-Unjoni ma humiex “aġenti” fis-sens tal-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Ottubru 2006, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, F-53/06, EU:F:2006:100, punti 21 u 22) u li ġie deċiż li s-sistema speċifika tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma kinitx applikabbli għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, T-284/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:335, punt 47).

57      Peress li l-EFSA talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk esposti mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ingrid Alice Mayer hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2017.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tan-nota ta’ sottomissjonijiet komplementari għar-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati man-nuqqas ta’ estensjoni tal-kuntratt

– Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors

– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet relatati mal-aċċess għal dokumenti

Spejjeż



** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.