Language of document : ECLI:EU:T:2014:865

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

10 ta’ Ottubru 2014

Kawża T‑444/13 P

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

vs

BU

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat – Deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx – Kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Dmir ta’ premura”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tas-26 ta’ Ġunju 2013, BU vs EMA (F‑135/11, F‑51/12 u F‑110/12, ĠabraSP, EU:F:2013:93), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk esposti minn BU fil-kuntest ta’ din l-istanza..

Sommarju

Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 8)

Il-possibbiltà li kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju jiġġedded hija sempliċi possibbiltà li titħalla għall-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti, peress li l-istituzzjonijiet jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-missjonijiet fdati lilhom, u fl-allokazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-allokazzjoni ssir fl-interess tas-servizz.

L-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tieħu deċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-eżiġenzi tas-servizz, imma wkoll, b’mod partikolari, dawk tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan jirriżulta, fil-fatt, mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati oħra, ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha.

F’kull każ, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti għandha tkun limitata għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C-298/93 P, Ġabra, EU:C:1994:273, punt 38

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraSP, EU:T:1996:50, punt 52; tal-15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraSP, EU:T:2008:438, punt 30; u tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra, EU:T:2009:313, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata