Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Kroazja) fit-22 ta’ April 2022 – ANTERA d.o.o. vs Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga

(Kawża C-278/22)

Lingwa tal-kawża: il-Kroat

Qorti tar-rinviju

Upravni sud u Zagrebu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ANTERA d.o.o.

Konvenut: Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga

Domandi preliminari

Is-servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew is-servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 1 , kif imsemmi fil-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, tat-13 ta’ Marzu 2008, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi? Entità li teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni operattiva (u mhux ta’ lokazzjoni finanzjarja) u/jew attivitajiet ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur hija kkunsidrata bħala istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament UE) Nru 648/2012 2 ?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, iżda r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji biex tikkontrolla, abbażi tal-Artikolu 6(1) taz-Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni), il-provvista ta’ servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew ta’ servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll l-awtorizzazzjoni li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-impriżi li jwettqu dawn l-attivitajiet huma konformi mal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123/KE?

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, fejn kumpannija omm fi Stat Membru għandha l-intenzjoni li tipprovdi, permezz ta’ sussidjarja, fi Stat Membru ieħor servizzi tal-istess tip bħal dawk li hija tipprovdi fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-Artikolu 49 TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123/KE għandhom jiġu interpretati b’mod li jista’ jippermetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali [Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni)] timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq sussidjarja, u b’dan il-mod tagħmel l-eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni iktar diffiċli/inqas attraenti?

____________

1 ĠU 2006, L 376, p. 36

1 ĠU 2013, L 176, p. 1, bir-rettifiki fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2013, L 208, p. 68.