Language of document : ECLI:EU:C:2018:193

Kawża C537/16

Garlsson Real Estate SA et

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/6/KE – Manipulazzjoni tas-suq – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑20 ta’ Marzu 2018

1.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji fil-konfront ta’ persuni responsabbli għal manipulazzjoni tas-suq – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 51(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikoli 5 u 14(1))

2.        Drittijiet fundamentali – Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Strument mhux formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

(Artikolu 6(3) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(3))

3.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet ta’ natura kriminali – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, natura tal-ksur u grad ta’ severità tas-sanzjoni mġarrba

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

4.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Eżistenza tal-istess ksur – Kriterju ta’ evalwazzjoni – Identiċità tal-fatti materjali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

5.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Limitazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u ta’ sanzjoni kriminali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Limitazzjoni li tissodisfa għan ta’ interess ġenerali – Għan ta’ protezzjoni tal-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1)).

6.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Limitazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali u ta’ sanzjoni kriminali – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 49(3), 50 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikoli 5 u 14(1))

7.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Limitazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali kontra persuna, għal manipulazzjoni tas-suq, li kienet diġà s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva, effettiva, proporzjonata u dissważiva għall-istess fatti – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 50 u 52(1))

8.        Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Effett dirett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 50)

1.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, l-Istati Membri għandhom jimponu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jimponu sanzjonijiet kriminali, miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront tal-persuni responsabbli għal manipulazzjoni tas-suq.

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 187b tat-TUF ġie adottat sabiex jittrasponi fid-dritt Taljan dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6. Għalhekk, il-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali u s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja prevista f’dan l-Artikolu 187b imposta fuq S. Ricucci jikkostitwixxu implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant, dawn għandhom b’mod partikolari jirrispettaw id-dritt fundamentali li persuna ma tiġix iġġudikata jew mogħtija piena darbtejn għall-istess ksur, iggarantit mill-Artikolu 50 tagħha.

(ara l-punti 22, 23)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

3.      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35).

Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fl-imsemmi punt 28.

Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura nfisha tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39). Minn dan isegwi li sanzjoni li għandha għan repressiv hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li l-fatt biss li hija għandha wkoll għan preventiv ma huwiex ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha ta’ sanzjoni kriminali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali.

(ara l-punti 28, 32, 33)

4.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 39 u 40). Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mnehdija għal dan l-għan.

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

(ara l-punti 37, 38)

5.      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji. Fid-dawl tal-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għall-ġlieda kontra ksur tal-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 37 u 42), kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-ksur relatat mal-manipulazzjoni tas-suq, jidher leġittimu li Stat Membru jkun irid, minn naħa, jiddisswadi u jikkastiga kull ksur ta’ obbligu, kemm jekk ikun intenzjonali jew le, dwar il-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq u billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti, skont il-każ, f’rata fissa u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga ksur ta’ obbligi gravi ta’ tali projbizzjoni, li huwa partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi.

(ara l-punti 46, 47)

6.      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, EU:C:2010:93, punt 43; tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punti 37 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli fil-konfront ta’ persuni responsabbli għal manipulazzjoni tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 71 u 72). Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, l-Istati Membri għaldaqstant jistgħu jipprevedu kemm sistema li fiha ksur tal-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet darba biss, kif ukoll sistema li tawtorizza kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ddubitata minħabba l-fatt biss li l-Istat Membru kkonċernat għażel li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali kumulu u dan, taħt piena li dan l-Istat Membru titneħħielu din il-libertà ta’ għażla.

Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, qabelxejn, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-parti f’kawża tipprevedi liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet.

Sussegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiżgura li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

Fir-rigward, minn naħa, ta’ kumulu ta’ proċeduri ta’ natura kriminali li, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess, huma mmexxija b’mod indipendenti, ir-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti jimplika l-eżistenza ta’ regoli li jiżguraw koordinazzjoni intiża li tnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li tali kumulu jġib miegħu għall-persuni kkonċernati.

Min-naħa l-oħra, il-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għandu jkollu miegħu regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tikkorrispondi mal-gravità tal-ksur ikkonċernat, liema rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni stipulat fl-Artikolu 49(3) tagħha. Dawn ir-regoli għandhom jipprevedu l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ impożizzjoni tat-tieni sanzjoni, li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat.

(ara l-punti 48, 49, 51, 54 sa 56)

7.      L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li titkompla proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali kontra persuna minħabba aġir illegali li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq li għalih diġà ngħatat kundanna kriminali definittiva fil-konfront tiegħu, sa fejn din il-kundanna hija, fid-dawl tad-dannu kkawżat lis-soċjetà mill-ksur imwettaq, ta’ natura li tiskoraġġixxi dan il-ksur b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

Din il-konklużjoni ma hijiex imminata miċ-ċirkustanza li l-piena mogħtija b’mod definittiv skont l-Artikolu 185 tat-TUF tista’, skont il-każ, titħassar iktar tard grazzi għal maħfra, bħalma jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem għandha tkun ta’ benefiċċju għall-persuni li jkunu diġà nstabu mhux ħatja jew ikkundannati b’sentenza li saret res judicata, inklużi, konsegwentement, dawk li ġiet imposta fuqhom, permezz ta’ tali sentenza, sanzjoni kriminali li sussegwentement tħassret grazzi għal maħfra. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma għandhiex rilevanza sabiex tiġi evalwata n-natura strettament neċessarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 62, 63 u d-dispożittiv 1)

8.      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-individwi dritt direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jimponu obbligi speċifiċi u inkundizzjonati, li ma jeħtieġu, għall-applikazzjoni tagħhom, ebda intervent ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew nazzjonali, joħolqu direttament drittijiet għall-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1969, Brachfeld u Chougol Diamond, 2/69 u 3/69, EU:C:1969:30, punti 22 u 23, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 91). Issa, id-dritt li l-imsemmi Artikolu 50 jagħti lill-individwi ma huwa suġġett, skont il-kliem stess tiegħu, għall-ebda kundizzjoni u għaldaqstant huwa direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

(ara l-punti 65, 66, 68, id-dispożittiv 2)