Language of document :





Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2010 – Jurašinović vs Il-Kunsill

(Kawża T-359/09)

“Rikors għal annullament – Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rapporti tal-osservaturi mibgħuta mill-Unjoni Ewropea fir-reġjun ta’ Knin (Kroazja) – Miżura intermedjarja – Inammissibbiltà – Rifjut impliċitu għal aċċess – Interess ġuridiku – Deċiżjoni espliċita adottata wara l-preżentata tar- rikors – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

1.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Kunċett - Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti - Atti preparatorji - Esklużjoni (Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 6 sa 8; Deċizjoni tal-Kunsill 2006/683, Anness II) (ara l-punti 26-31)

2.                     Rikors għal annullament - Interess ġuridiku - Rikors intiż kontra allegata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-Kunsill dwar talba għal aċċess għal dokumenti - Deċiżjoni espliċita li ttieħdet fil-mori tal-kawża - Tmiem tal-interess ġuridiku (Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 6 sa 8; Deċizjoni tal-Kunsill 2006/683, Anness II) (ara l-punti 34-39)

3.                     Rikors għal annullament - Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja - Ġurisdizzjoni sħiħa - Ordni indirizzata lil istituzzjoni - Inammissibbiltà (Artikolu 230 KE) (ara l-punti 42-44)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Ġunju 2009 li tirrifjuta l-aċċess tar-rikorrenti għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal‑31 ta’ Awwissu 1995, u għad-dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports” kif ukoll tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda meħuda fuq talba konfermattiva u, min-naħa l-oħra, talba intiża li l-Kunsill jiġi ordnat jawtorizza l-aċċess, taħt forma elettronika, għad-dokumenti mitluba.

Dispożittiv

1)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikors ta’ Ivan Jurašinović intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li tiċħad it-talba konfermattiva tiegħu ta’ aċċess għar-rapporti tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea preżenti fil-Kroazja, fiż-żona ta’ Knin, mill-1 sal-31 ta’ Awwissu 1995, u għad-dokumenti bir-referenza “ECMM RC Knin Log reports”.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.