Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ottubru 2009 - Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-407/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH (Neubrandenburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Núñez Müller u J. Dammann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (D-53320) tad-29 ta' Lulju 2009;

sussidjarjament, tikkonstata li l-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 88 KE u tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, ma fetħitx il-proċedura ta' investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D/53320, tad-29 ta' Lulju 2009, dwar il-proċedura CP 141/2007 - Il-Ġermanja, għajnuna potenzjali dwar il-privatizzazzjoni ta' proprjetà f'Neubrandenburg. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kuntratti konklużi mir-rikorrenti fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta' proprjetà pubblika f'Neubrandenburg, li hija s-suġġett ta' rikors ippreżentat mir-rikorrenti, ma jimplikawx għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, kuntrarjament għall-obbligi tagħha, ma fetħitx il-proċedura ta' investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE.

Insostenn tar-rikors għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Bl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta' investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE, minkejja li, waqt il-fażi ta' eżami preliminari, li nfetħet wara li ġie ppreżentat ir-rikors tar-rikorrenti, hija sabet ruħha f'diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni. Skont it-tieni motiv, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE, billi kkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni ma kinux jimplikaw għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fl-aħħar nett, qiegħed jiġi invokat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata, u għalhekk tikser l-Artikolu 253 KE.

Insostenn tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni li ġie ppreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

Skont l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-istedina formali li ġiet indirizzata lilha skont l-Artikolu 232(2) KE, il-Kummissjoni naqset milli tintervjeni, minkejja li kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE, minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-evalwazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni waqt il-proċedura ta' eżami preliminari. Bit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma ssoktatx bil-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni, barra minn hekk, kisret l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 1, peress li, fil-kuntest tal-proċedura ta' eżami preliminari, hija kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kuntratti inkwistjoni mas-suq komuni. Bit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, previst fl-Artikoli 87 u 88 KE, peress li hija bdiet il-proċedura ta' eżami biss għal finijiet dilatorji, filwaqt li stenniet li tintemm il-proċedura parallela bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarji tal-għajnuna quddiem il-qrati nazzjonali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).