Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2011 - Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-297/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Buzzi Unicem SpA (Casale Monferrato, l-Italja) (rappreżentanti: C. Osti u A. Prastaro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas jew insuffiċjenza tal-motivazzjoni u għalhekk ksur tad-dritt tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba;

tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata minħabba abbuż u użu ħażin tal-poter li wasslu għall-qlib tal-oneru tal-prova;

tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata minħabba abbuż tal-poteri mogħtija mill-Artikolu 18 tal-Kummissjoni, ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-amministrazzjoni tajba, nuqqas tal-proċedura kontradittorja, bi ksur tal-Aħjar Prattiki (Best Practices) tal-Kummissjoni;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv jittratta dwar in-nuqqas jew insuffiċjenza tal-motivazzjoni, il-ksur tad-dritt tad-difiża, il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

ir-rikorrenti teċepixxi li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti motivazzjoni kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li ma tiffornixxix jew tforni informazzjoni mhux suffiċċjenti dwar is-suġġett u l-iskop tal-investigazzjoni.

It-tieni motiv jitratta dwar l-abbuż u l-użu ħażin tal-poter u l-qlib tal-oneru tal-prova

ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet abbuż u użu ħażin tal-poter minħabba l-fatt li t-talba għall-informazzjoni għandha sservi sabiex tivverifika evidenza li diġà kienet fil-pussess tagħha u mhux sabiex tikkostitwixxi database komplet dwar is-suq, fin-nuqqas ta' evidenza. Dan jikser ukoll il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li jwassal għall-qlib ċar tal-oneru tal-prova.

It-tielet motiv jitratta dwar l-abbuż tal-poter fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003

ir-rikorrenti ssostni li t-tip tat-talba tal-Kummissjoni tikkostitwixxi abbuż mill-poter mogħti skont l-Artikolu 18, li jgħid li l-Kummissjoni tista' titlob biss l-informazzjoni neċessarja fir-rigward tal-fatti li l-impriża tista' tkun taf bihom u li din tal-aħħar għandha tipprovdi d-dokumenti relatati li għandha fil-pussess tagħha.

Ir-raba' motiv jitratta dwar il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, abbuż tal-poter relatat mal-Artikolu 18

ir-rikorrenti tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata tabbuża mil-limiti neċessarji previsti fl-Artikolu 18 u tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità kemm fir-rigward tal-fatt li titlob informazzjoni li ma hijiex neċessarja, għall-fatt li hija ma għażlitx, minn fost miżuri li kienu iktar xierqa, dik li kienet toħloq l-inqas skariġġ għall-impriża, kif ukoll għall-fatt li t-talbiet huma wisq onerużi għar-rikorrenti.

Il-ħames motiv jitratta dwar ksur tal-Aħjar Prattiki tal-Kummissjoni u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Aħjar Prattiki tagħha peress li l-ewwel talbet lir-rikorrenti sabiex tikkummenta dwar l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata iżda wara din ma ħadet l-ebda kunsiderazzjoni ta' tali kummenti, anki meta wieħed iqis li d-deċiżjoni kkontestata hija differenti b'mod sinjifikanti mill-abbozz. Barra minn hekk, hija tikkonstata li l-bdil kontinwu fil-mistoqsijiet jikkostitwixxi evidenza ċara tan-nuqqas ta' diliġenza fir-rigward tal-azzjoni tal-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba.

____________