Language of document : ECLI:EU:T:2015:757

Kawża T‑299/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

European Dynamics Luxembourg SA et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-amministrazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti u ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika – Klassifikazzjoni ta’ offerenti fi proċedura ta’ kaskata – Kriterji ta’ għoti – Ugwaljanza tal-opportunitajiet – Trasparenza – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Telf ta’ opportunità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2015

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Neċessità li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u li wieħed ikun konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza – Portata – Twettiq ta’ apprezzament tas-sotto-kriterji fi ħdan kriterju tal-għoti mhux previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew ikkomunikat minn qabel lill-offerenti – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Kriterji ta’ għoti – Obbligu ta’ osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza – Portata – Assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296, TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Żball fattwali jew ta’ kalkolu li jinsab fil-motivazzjoni, barra minn hekk suffiċjenti, ta’ deċiżjoni – Assenza ta’ effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Att tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu li jiġu kkomunikati, wara talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul – Obbligu tal-awtorità kontraenti, li tipprovdi analiżi komparattiv metikoluż tal-offerta magħżula u tal-offerta tal-offerent eskluż – Assenza – Teħid inkunsiderazzjoni, abbażi tal-motivazzjoni, ta’ risposti ta’ istituzzjonijiet għat-talbiet ta’ offerent eskluż – Limiti

(Artikolu 296 TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2) ; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(3))

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Preġudizzju li jirriżulta, għal offerent, mit-telf tal-kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-għoti tal-kuntratt ivvizzjata bi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ trasparenza u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Eżistenza ta’ rabta kawżali

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340, TFUE)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Kunċett – Telf ta’ opportunità tal-għoti tal-kuntratt pubbliku – Inklużjoni – Evalwazzjoni – Kriterji

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340, TFUE ; il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Evalwazzjoni – Nuqqas ta’ elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Unjoni li tippronunzja ruħha fil-kuntest tas-sentenza li tikkonstata l-eżistenza ta’ illegalitajiet mwettqa mill-Unjoni – Rinviju għal fażi ulterjuri tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-kumpens

(Artikolu 340 TFUE)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Dannu li jirriżulta mill-ħsara għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà ta’ offerent eskluż matul proċedura għall-għoti ta’ kuntratti annullata mill-qorti tal-Unjoni – Annullament tal-att ikkontestat li jiżgura l-kumpens adegwat għall-ħsara subita

(Artikolu 340 TFUE)

1.      Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-awtorità kontraenti hija obbligata li tiżgura f’kull stadju ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rispett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u konsegwentement, ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-offerenti. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ifisser li l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm fil-mument meta dawn jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti. Dan jimplika, b’mod iktar partikolari, li l-kriterji tal-għoti għandhom jiġu fformulati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, b’mod li jkunu jippermettu lil kull offerent raġonevolment informat u normalment diliġenti li jinterpretahom bl-istess mod, waqt l-evalwazzjoni tal-offerti, peress li dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi fir-rigward tal-offerenti kollha. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ trasparenza, li essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti, jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura tal-għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha li jifhmu l-portata eżatta u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li tqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kontraenti ma tistax twettaq ippeżar tas-sotto-kriterji li ma tkunx ġabet preliminarjament għall-konjizzjoni tal-offerenti. B’hekk, billi wettqet ippeżar tas-sotto-kriterji differenti fi ħdan l-imsemmi kriterju tal-għoti li la kien previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u lanqas ikkomunikat minn qabel lill-offerenti, l-awtorità kontraenti kisret, b’detriment għall-offerenti esklużi, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza.

(ara l-punti 44, 48, 53)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

3.      Hemm lok li jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, f’każ li, minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tan-natura suċċinta u vaga tal-ġudizzju tal-kumitat tal-evalwazzjoni tal-offerti tal-offerenti, ikun impossibbli, kemm għall-offerent eskluż kif ukoll għall-qorti tal-Unjoni, li jivverifikaw il-plawżibbiltà ta’ kritika mressqa mill-awtorità kontraenti dwar l-inklużjoni ta’ amministratur prinċipali tal-proġett u ta’ amministratur tal-proġett u, għaldaqstant, li tagħti deċiżjoni dwar jekk din hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 85, 86)

4.      Żbalji fattwali u fil-kalkolu, peress li ma jistgħux jinċidu fuq ir-riżultat ta’ proċedura, ma jistgħux jiġġustifikaw l-annullament tal-att ikkontestat.

(ara l-punt 107)

5.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ma jistax jiġi rikjest mill-awtorità kontraenti li din tittrażmetti lill-offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra l-motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sinteżi ddettaljat tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, analiżi komparattiv fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent eskluż. Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tipprovdi lill-offerent eskluż, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Unjoni għandha tivverifika madankollu jekk il-metodu applikat mill-awtorità kontraenti għall-evalwazzjoni teknika tal-offerti huwiex iddikjarat b’mod ċar fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inklużi l-kriterji differenti tal-għoti, il-piż rispettiv tagħhom fl-evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu tal-marka totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull kriterju.

Barra minn hekk, meta l-awtorità kontraenti tibgħat ittra, wara talba għal spjegazzjonijiet supplimentari rigward deċiżjoni tal-għoti qabel ma jitressaq rikors, imma wara d-data stabbilita mill-Artikolu 149(3) tar-Regolament 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, din l-ittra tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni f’dan il-każ kinitx biżżejjed. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti kellha fil-mument ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, filwaqt li, madankollu, l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi b’motivazzjoni kompletament ġdida l-motivazzjoni tal-bidu.

(ara l-punti 129, 130)

6.      Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku vvizzjata minn diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, ma huwiex possibbli li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni u d-dannu allegatament subit mill-offerent eskluż, peress li nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax bħala tali jwassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni, b’mod partikolari peress li ma huwiex ta’ natura li juri li, fl-assenza tiegħu, il-kuntratt seta’, jew anki kellu, jingħata lir-rikorrenti.

Għall-kuntrarju, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-illegalitajiet sostanzjali kkonstatati, jiġifieri l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunità u ta’ trasparenza u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, min-naħa, u t-telf ta’ opportunità, min-naħa l-oħra, l-awtorità kontraenti ma tistax sempliċement tallega li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha bħala awtorità kontraenti, hija ma kinitx obbligata li tagħti l-kuntratt lir-rikorrenti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-illegalitajiet sostanzjali mwettqa mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet individwali u komparattivi tal-offerti tal-kontraenti, dawn l-illegalitajiet kienu ta’ natura li jinċidu fuq l-opportunità tar-rikorrenti li tiġi kklassifikata fl-ewwel jew fit-tieni post fil-mekkaniżmu ta’ kaskata. Dan jgħodd ukoll b’mod partikolari għal evalwazzjoni komparattiva tal-imsemmija offerti abbażi tal-kriterju tal-għoti li fil-kuntest tiegħu l-awtorità kontraenti kienet iggwidata minn qari manifestament żbaljat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

(ara l-punti 140-144)

7.      Fir-rigward tat-talba tal-offerent eskluż intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba t-telf ta’ opportunità li jingħata l-kuntratt, anki jekk jittieħed kont tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tal-awtorità kontraenti dwar l-għoti tal-kuntratt, it-telf ta’ opportunità subit mir-rikorrenti tikkostitwixxi preġudizzju reali u ċert.

F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni li fiha, fi tmiem il-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jeżisti riskju kbir li l-kuntratt inkwistjoni jkun diġà eżegwit, l-assenza stess ta’ rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni tat-telf ta’ tali opportunità u tan-neċessità li jingħata kumpens f’dan ir-rigward imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-annullament retroattiv ta’ deċiżjoni tal-għoti ma jipprovdi l-ebda vantaġġ lill-offerenti eskluż, b’tali mod li t-telf tal-opportunità jippreżenta ruħu bħala irrimedjabbli. Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li, minħabba kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali, l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet evalwata u eskluża illegalment rarament ikun fil-prattika, f’pożizzjoni li jikseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

Fir-rigward tal-portata tal-kumpens għad-danni marbuta mat-telf ta’ opportunità hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni, kif iddikjarat fl-avviż tal-kuntratt, ir-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess tal-offerta tar-rikorrenti, it-tul tal-kuntratt konkluż mal-awtorità kontraenti, tal-benefiċċju nett li seta’ jinkiseb mir-rikorrenti matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt u tal-benefiċċji miksuba b’mod ieħor mir-rikorrenti minħabba n-nuqqas tal-għoti tal-kuntratt bil-għan jiġi evitat kumpens żejjed. Barra minn hekk, li jiġi ddeterminat l-ammont totali li jista’ jiġi rriżarċit abbażi tat-telf tal-opportunità, hemm lok li jiġi mmultiplikat il-benefiċċju nett stabbilit mar-rata ta’ probabbiltà ta’ suċċess.

(ara l-punti 144, 145, 149-154)

8.      F’każ li l-qorti tal-Unjoni ma tkunx f’pożizzjoni, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, li tiddeċiedi definittivament fuq l-ammont tal-kumpens li l-Unjoni għandha tagħti lil rikorrent abbażi tat-telf ta’ opportunità, huwa adatt, għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju, li għandha tingħata deċiżjoni, inizjalment, permezz ta’ sentenza interlokutorja, dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-ammonti tal-kumpens li jirriżultaw mill-illegalitajiet mwettqa mill-Unjoni hija b’hekk irriżervata għal fażi ulterjuri, jew bi ftehim komuni tal-partijiet, jew inkella mill-Qorti Ġenerali f’każ ta’ nuqqas ta’ tali ftehim.

(ara l-punt 147)

9.      Fir-rigward tat-talba tal-offerent eskluż intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li jirriżulta minn allegata ħsara għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tiegħu, l-annullament eventwali mill-Qorti tal-Unjoni tad-deċiżjoni tal-għoti huwa, fil-prinċipju, suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat il-preġudizzju naxxenti mill-imsemmija danni, mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż jekk il-klassifikazzjoni, jekk applikabbli, mhux iġġustifikata, tal-offerta tiegħu mill-awtorità kontraenti skont il-mekkaniżmu f’kaskata tikkostitwixxix tali ħsara.

(ara l-punt 155)