Language of document : ECLI:EU:F:2013:157

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑124/12

Ulrik Solberg

vs

Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (OEDT)

“Servizz pubbliku — Ex membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata tas-setgħa diskrezzjonali”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu U. Solberg jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2012 tal-Awtorità bis-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg (iktar ’il quddiem l-“AHCC”) taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (OEDT jew iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru”) li ma ġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju.

Deċiżjoni:      Ir-rikors ta’ U. Solberg huwa miċħud. U. Solberg għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil aġent temporanju u li tfakkru d-data tat-tmiem tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 47)

1.      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju l-atti jew miżuri biss li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ uffiċjal, jew ta’ membru tal-persunal li jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, att li ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti jikkostitwixxi att purament konfermattiv ta’ dan tal-aħħar u għalhekk ma jistax ikollu l-effett li jiftaħ terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors.

B’mod partikolari, ittra li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu dwar id-data tal-iskadenza ta’ dan il-kuntratt u li għalhekk ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla mal-imsemmija stipulazzjonijiet, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-kuntratt jista’ jkun is-suġġett ta’ tiġdid, id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni li ma ġġeddidx il-kuntratt tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li huwa distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u ta’ rikors fit-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tali deċiżjoni, li tingħata wara eżami mill-ġdid tal-interess tas-servizz u tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tinkludi element ġdid meta mqabbla mal-kuntratt inizjali u ma tistax titqies li sempliċement tikkonferma dan il-kuntratt.

(ara l-punti 16 sa 18)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, punt 46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑26/96, punt 19; 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI, F‑102/09, punti 56, 57 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; 23 ta’ Ottubru 2012, Possanzini vs Frontex, F‑61/11, punt 41

2.      Fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn wieħed mill-komponenti tiegħu, provdut fl-imsemmi Artikolu 41(2)(ċ), huwa “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi.

(ara l-punti 29 u 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il-Kummissjoni, T‑218/02, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, punt 76

3.      Id-dmir ta’ premura jimplika, b’mod partikolari, li meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan, anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; hija u tagħmel dan hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjoni tal-interess personali ta’ membru tal-persunal, li l-prestazzjonijiet professjonali tiegħu ġew meqjusa mhux sodisfaċenti, ma jwassalx li jipprekludi lill-awtorità kompetenti milli ma ġġedded il-kuntratt tiegħu għal żmien determinat minkejja l-oppożizzjoni ta’ dan l-aġent, dment li l-interess tas-servizz jeħtieġ dan.

(ara l-punti 43 u 45)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, punt 79; 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il-Kummissjoni, F‑63/11, punt 50, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑368/12 P; 11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, punti 167 u 168