Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État, Franza) – GC, AF, BH, ED vs Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

(Kawża C-136/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data li tinsab fuq il-paġni tal-internet – Direttiva 95/46/KE – Regolament (UE) 2016/679 – Muturi ta’ tfittxija tal-internet – Ipproċessar ta’ data li tinsab f’siti tal-internet – Kategoriji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-regolament – Applikabbiltà ta’ dawn l-artikoli għall-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija – Portata tal-obbligi ta’ dan l-operatur fir-rigward tal-imsemmija artikoli – Pubblikazzjoni ta’ data fuq siti tal-internet sempliċement għal finijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja – Effett fuq l-ipproċessar ta’ talba għat-tneħħija ta’ referenza – Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GC, AF, BH, ED

Konvenuta: Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL)

fil-preżenza ta’: Premier ministre, Google LLC, aventi kawża ta’ Google Inc.

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni jew ir-restrizzjonijiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, japplikaw, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, ukoll għall-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu sa fejn huwa responsabbli għall-ipproċessar imwettaq matul l-attività ta’ dan il-mutur, meta ssir verifika minn dan l-operatur, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, wara talba mressqa mill-persuna kkonċernata.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) u (5) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bis-saħħa tagħhom, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa bħala prinċipju obbligat, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din id-direttiva, li jilqa’ t-talbiet għat-tneħħija tar-referenza tal-links li jwasslu għal paġni tal-internet li fuqhom tinsab data personali li taqa’ taħt il-kategoriji partikolari msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet.

L-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skontu, tali operatur jista’ jirrifjuta li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza meta huwa jikkonstata li l-links inkwistjoni jwasslu għal kontenut li jinkludi data personali li taqa’ taħt il-kategoriji partikolari msemmija f’dan l-Artikolu 8(1) iżda li l-ipproċessar tagħha jkun kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 8(2)(e), bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar jissodisfa l-kundizzjonijiet għal-legalità l-oħra kollha stipulati f’din id-direttiva u sakemm il-persuna kkonċernata ma jkollhiex, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(a) tal-imsemmija direttiva, id-dritt li toġġezzjona għall-imsemmi pproċessar għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħha.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jirċievi talba għat-tneħħija tar-referenza ta’ link lejn paġna tal-internet li fuqha tkun ġiet ippubblikata data personali li taqa’ taħt kategoriji partikolari msemmija fl-Artikolu 8(1) jew (5) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur għandu, abbażi tal-elementi rilevanti kollha tal-każ u fid-dawl tas-serjetà tal-interferenza fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jivverifika, abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza msemmija fl-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, jekk l-inklużjoni ta’ dan il-link fil-lista ta’ riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa abbażi ta’ isem din il-persuna, hijiex strettament neċessarja sabiex tiġi protetta l-libertà tal-informazzjoni tal-utenti tal-internet li jista’ jkollhom interess li jaċċedu għal din il-paġna tal-internet permezz ta’ tali tfittxija, stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li,

minn naħa, l-informazzjoni dwar proċedura ġudizzjarja li jkollha persuna fiżika bħala s-suġġett tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, dik dwar il-kundanna li rriżultat minnha, tikkostitwixxi data marbuta ma’ “reati” jew ma’ “kundanni kriminali” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46, u

min-naħa l-oħra, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat li jilqa’ talba għal tneħħija tar-referenza ta’ links li jwasslu għal paġni tal-internet, li fuqhom tinsab tali informazzjoni, meta din l-informazzjoni tkun marbuta ma’ stadju preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni u, fid-dawl tal-iżvolġiment ta’ din tal-aħħar, ma tkunx għadha tikkorrispondi għas-sitwazzjoni attwali, sa fejn ikun ikkonstatat, bħala parti mill-verifika tar-raġunijiet ta’ interess pubbliku ta’ importanza msemmija fl-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, żgurati mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jipprevalu fuq dawk tal-utenti tal-internet li jkunu potenzjalment interessati, protetti mill-Artikolu 11 tal-Karta.

____________

1     ĠU C 168, 29.5.2017.